EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1393

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp rurali u l-impjieg fil-Balkani tal-Punent” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 376, 22.12.2011, p. 25–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp rurali u l-impjieg fil-Balkani tal-Punent” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 376/05

Relatur: is-Sur STANTIČ

Waqt is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-izvilupp rurali u l-impjieg fil-Balkani tal-Punent

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2011.

Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret 21-22 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 166 vot favur, vot 1 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Id-data dwar il-karatteristiċi soċjoekonomiċi taż-żoni rurali tal-pajjiżi tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (1) hija inkonsistenti u mhux paragunabbli, u dan huwa sa ċertu punt dovut għan-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi ta’ x'inhuma żoni rurali. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu armonizzati l-kriterji għad-definizzjoni ta’ żoni rurali fil-livell tal-UE li tippermetti paragun aħjar taż-żoni rurali, kif ukoll tal-politiki u l-miżuri applikati.

1.2   Iż-żoni rurali fil-Balkani tal-Punent qed jiffaċċjaw għadd kbir ta’ problemi strutturali u soċjoekonomiċi, li għalihom jistgħu jinstabu soluzzjonijiet fil-qafas tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp rurali u tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-KESE jirrakkomanda b'mod qawwi li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jintegraw l-għarfien espert Ewropew fit-tfassil tal-politiki dwar l-iżvilupp rurali, filwaqt li jikkunsidraw il-problemi u l-prijoritajiet nazzjonali speċifiċi.

1.3   Hemm żoni rurali vasti tal-Balkani tal-Punent li għadhom neqsin mill-popolazzjoni u li r-riżorsi tagħhom mhumiex qed jiġu utilizzati, filwaqt li ċ-ċentri urbani jirreġistraw konċentrazzjoni sproporzjonata ta’ popolazzjoni u ta’ attività ekonomika. Din ix-xejra qed ikollha impatt negattiv f'termini ekonomiċi, soċjali, spazjali u ekoloġiċi. Għaldaqstant, għandhom jitfasslu u jiġu applikati miżuri speċifiċi bbażati fuq dawn iż-żoni sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

1.4   L-ekonomiji rurali tal-Balkani tal-Punent huma kkaratterizzati minn prevalenza ta’ agrikoltura ta’ sussistenza jew ta’ sussistenza parzjali, rata għolja tal-qgħad, qgħad moħbi u mobilità baxxa tal-ħaddiema. L-uniċi vantaġġi kompetittivi taż-żoni rurali huma l-ispejjeż baxxi tal-impjegar tal-ħaddiema u r-riżorsi naturali ta’ kwalità għolja. L-iżvilupp tal-intraprenditorja huwa limitat minn fatturi bħall-infrastruttura li mhux żviluppata biżżejjed, in-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati, l-aċċess limitat għas-swieq u għall-fondi, in-nuqqas ta’ appoġġ lill-investimenti, u l-potenzjal intraprenditorjali żgħir.

1.5   L-agrikoltura estensiva għadha mutur essenzjali tal-ekonomija rurali u sors ewlieni ta’ impjiegi fiż-żoni rurali tal-Balkani tal-Punent. Madankollu, għandha bżonn tiġi mmodernizzata u żżid il-produttività tagħha, u dan iwassal għal numru eċċessiv ta’ ħaddiema fil-qasam agrikolu. Is-soluzzjoni tinsab fid-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali bil-għan li jitnaqqsu r-riskji għad-dħul tal-familji fiż-żoni rurali.

1.6   Il-politiki tal-iżvilupp rurali, li għandhom jgħinu fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji rurali, għadhom mhumiex adegwati u konformi mal-politika tal-UE relatata mal-iżvilupp rurali. Anke meta ċerti politiki nazzjonali jkunu fis-seħħ, in-nuqqas ta’ stabilità politika u l-bidliet frekwenti tal-gvern iwaqqfu milli jkun hemm kontinwità u jxekklu l-implimentazzjoni. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi fil-fatt jeżistu fondi għall-iżvilupp rurali, iżda meta mqabbla mal-UE għadhom ftit.

1.7   L-Istrument għal Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali (IPARD) għadu s-sors ewlieni ta’ għajnuna finanzjarja fiż-żoni rurali. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi jsibu diffikultà biex jadottaw il-mudell attwali tal-iżvilupp rurali tal-UE, minħabba l-kumplessità u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni esiġenti tiegħu. Għaldaqstant, l-UE għandha tikkunsidra l-possibilità li tissemplifika l-prinċipji u l-proċeduri ta’ ġestjoni u kontroll tal-IPARD sabiex jiġi faċilitat l-użu tal-fondi u l-miżuri disponibbli.

1.8   Jidher li diffikultà ewlenija fl-aċċess għall-istrumenti tal-IPARD hija l-kapaċità amminsitrattiva u istituzzjonali inadegwata fil-livelli nazzjonali u lokali, u l-kapaċità baxxa ta’ benefiċjarji potenzjali. Il-gvernijiet nazzjonali huma mħeġġa li jagħmlu aktar sforzi għall-bini tal-istituzzjonijiet u l-bini tal-kapaċità tal-benefiċjarji potenzjali.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda wkoll aktar flessibilità fl-użu tal-għajnuna ta’ qabel is-sħubija għall-iżvilupp rurali, b'mod partikolari billi titneħħa d-distinzjoni bejn il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li potenzjalment huma kandidati fl-aċċess għal għajnuna għall-iżvilupp agrikolu u rurali. Billi s-sitwazzjoni hija differenti minn pajjiż għal ieħor, l-evalwazzjoni individwali tal-amministrazzjoni u tal-kapaċità ta’ assorbiment għandha tingħata iktar piż.

1.10   Sabiex il-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni tkun aktar effikaċi, tinħtieġ koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki differenti u d-diversi fondi disponibbli. Il-politika reġjonali tista' tipprovdi appoġġ importanti li jikkomplementa l-politika dwar l-iżvilupp rurali jekk dawn it-tnejn jiġu kkombinati b'mod adegwat u applikati b'mod koerenti.

1.11   Il-politiki u l-miżuri nazzjonali li għandhom jissaħħu u jiġu kkoordinati aħjar jinkludu:

—   il-politiki għal inklużjoni attiva: aċċess aħjar għal informazzjoni u pariri dwar benefiċċji pubbliċi;

—   il-politiki tas-suq tax-xogħol: rata ogħla tal-impjieg u inqas disparitajiet reġjonali jistgħu jintlaħqu permezz ta’ għadd ikbar ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol;

—   l-edukazzjoni u t-taħriġ: edukazzjoni fil-livelli kollha, trattar tal-problema tat-tluq kmieni mill-iskola, u tisħiħ tal-ħiliet u l-kwalifiki taż-żgħażagħ, provvediment ta’ taħriġ adatt għall-ħtiġijiet individwali sabiex jitnaqqsu l-każijiet fejn il-ħiliet ma jikkorrispondux għall-impjiegi;

—   il-politika tal-iżvilupp rurali: għandha tingħata aktar attenzjoni lill-Assi II u l-Assi III filwaqt li l-miżuri tal-Assi I diġà jeżistu fil-parti l-kbira tal-pajjiżi (2).

1.12   Is-soċjetà ċivili m'għandhiex rwol importanti fiż-żoni rurali minħabba nuqqas ta’ ħiliet intraprenditorjali u organizzattivi, problemi demografiċi u kwalità baxxa tal-infrastruttura soċjali meta mqabbla mal-bliet. Soluzzjoni possibbli tista' tkun li jinħolqu netwerks ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali sabiex tintlaħaq massa kritika tal-popolazzjoni u tal-pajjiż. F'dan ir-rigward l-approċċ tal-LEADER (3) jista' jkun għodda utli biex tiżdied il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

1.13   Sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u sabiex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġuti jibqgħu jgħixu fiż-żoni rurali, tinħtieġ ekonomija rurali aktar iddiversifikata. Fost l-isfidi ewlenin biex jintlaħaq dan l-għan jibqgħu l-investimenti fl-infrastrutturi rurali, l-agrikoltura msejsa fuq l-għarfien integrata mal-industrija tal-ikel, kapital uman aqwa, ambjent tajjeb għall-intraprendituri u servizzi soċjali mtejba. Jidher li l-agroturiżmu u l-ekoturiżmu, fuq il-bażi ta’ patrimonju kulturali, storiku u naturali rikk, huma wkoll opportunità tajba.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1   Definizzjoni taż-żoni rurali

2.1.1   Waħda mid-diffikultajiet biex jiġi ttrattat dan is-suġġett hija li ma teżistix definizzjoni uniformi fil-livell tal-UE ta’ x'inhuma żoni rurali. Il-pajjiżi individwali għandhom definizzjonijiet uffiċjali differenti li jużaw diversi kriterji bħad-densità tal-popolazzjoni, ekonomija li tkun ibbażata fuq l-agrikoltura, il-pożizzjoni remota, in-nuqqas ta’ aċċess għas-servizzi ewlenin, eċċ. Għal skopijiet ta’ tqabbil internazzjonali ta’ spiss tintuża d-definizzjoni tar-ruralità tal-OECD. Dan l-aħħar, anke l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bdew jadattaw l-istatistika tagħhom għal din il-metodoloġija.

2.1.2   Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-idea li l-kriterji għad-definizzjoni taż-żoni rurali jiġu armonizzati fil-livell tal-UE. Dan jippermetti tqabbil u monitoraġġ aħjar tal-effikaċja tad-diversi miżuri u politiki applikati.

2.2   L-iżvilupp rurali fl-UE bħala parti importanti mill-Politika Agrikola Komuni (PAK) u r-riforma futura tal-PAK

2.2.1   Billi kważi 60 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni rurali, li jikkorrispondu għal 90 % tal-UE, l-iżvilupp rurali huwa qasam politiku ta’ importanza kruċjali għall-UE. Il-finanzjament tal-iżvilupp rurali jipprovdi għal firxa wiesgħa ta’ miżuri. Il-mudell attwali tal-UE huwa msejjes fuq erba' assijiet ta’ politika li jippermettu lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali biżżejjed flessibilità biex jadattaw il-politiki għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

2.2.2   L-iżvilupp territorjali bbilanċjat jirrappreżenta wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma futura tal-PAK. F'dan ir-rigward, il-KESE huwa konvint li, jekk il-politiki Ewropej tal-ġejjieni dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jkunu mmirati lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività, jistgħu joħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, aktar impjiegi u diversifikazzjoni fl-opportunitajiet tad-dħul fiż-żoni rurali (4).

2.3   Ir-rilevanza tal-politiki tal-iżvilupp rurali għall-ekonomiji nazzjonali tal-Balkani tal-Punent

2.3.1   Meta wieħed jikkunsidra d-daqs taż-żoni rurali, il-persentaġġ tal-popolazzjoni li tgħix fihom (5) u r-rilevanza kbira tal-agrikoltura għall-ekonomiji nazzjonali, huwa ċar li anke l-iżvilupp rurali għandu jsir qasam ta’ politika ta’ importanza kruċjali fil-Balkani tal-Punent.

2.3.2   Iż-żoni rurali tal-Balkani tal-Punent jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi strutturali u soċjoekonomiċi speċifiċi, bħalma huma l-livelli baxxi ta’ dħul, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, id-deterjorament tal-kwalità tal-ħajja, il-proċessi ta’ tnaqqis fil-popolazzjoni eċċ., li jistgħu jingħelbu bis-saħħa ta’ politika adegwata dwar l-iżvilupp rurali msejsa fuq qafas kumpless tal-iżvilupp rurali tal-UE.

3.   Xi karatteristiċi komuni taż-żoni rurali tal-Balkani tal-Punent – punti ewlenin li jiddeterminaw il-potenzjal ekonomiku tagħhom

3.1   Il-Balkani tal-Punent, bl-abbundanza ta’ pjanti u annimali li hemm fihom, huma fost l-aktar partijiet rikki tal-Ewropa fir-rigward tal-bijodiversità. Il-Balkani tal-Punent iħaddnu fihom varjetà kbira ta’ ħabitats naturali, minn laguni kostali u artijiet mistagħdra sa foresti Mediterranji, mergħat tal-muntanji, artijiet mistagħdra tal-ilma ħelu, u terren karstiku.

3.2   Kemm it-tnaqqis fil-popolazzjoni, primarjament fiż-żoni mbiegħda u inqas fertili, kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni (bl-eċċezzjoni tal-Albanija u l-Kosovo) iħallu impatt negattiv qawwi fuq is-suq tax-xogħol fiż-żoni rurali. Xejra komuni fil-pajjiżi kollha tar-reġjun hija l-migrazzjoni miż-żoni rurali għal dawk urbani u kostali kif ukoll barra mill-pajjiż. Il-persuni li jmorru joqogħdu fiż-żoni rurali huma prinċipalment pensjonanti jew refuġjati.

3.3   L-istruttura edukattiva żvantaġġuża, il-livell inadegwat ta’ kwalifiki u n-nuqqas ta’ għarfien u ta’ ħiliet fost il-popolazzjoni ekonomikament attiva jirrappreżentaw l-ikbar xkiel għall-ekonomija rurali tal-ġejjieni. Is-suq tax-xogħol huwa karatterizzat minn mobilità insuffiċjenti tal-ħaddiema u dan jirriżulta f'nuqqas ta’ opportunitajiet alternattivi ta’ impjieg u dħul.

3.4   L-agrikoltura bbażata fuq ir-ragħa u l-biedja ta’ intensità baxxa għadha l-attività predominanti fil-parti l-kbira taż-żoni rurali. Il-proporzjon tal-impjiegi agrikoli huwa fost l-ikbar meta mqabbel mal-pajjiżi tal-UE.

3.5   Il-familji rurali, b'mod partikolari dawk b'riżorsi limitati, għandhom aċċess limitat għas-swieq agrikoli, is-swieq tax-xogħol u s-swieq finanzjarji kif ukoll aċċess limitat għall-informazzjoni u l-għarfien. Għalhekk il-possibilità tagħhom li jegħlbu r-riskju tal-faqar jonqos b'mod sinifikanti.

3.6   Id-diversifikazzjoni fqira tal-attivitajiet ekonomiċi u tad-dħul u l-proporzjon żgħir tal-impjiegi fis-settur privat huma problemi kbar għaż-żoni rurali. Is-servizzi ekonomiċi u l-infrastruttura soċjali mhumiex tajbin u żviluppati biżżejjed. Dan jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tan-nies fiż-żoni rurali kif ukoll il-kompetittività u n-nisġa soċjali tal-istess żoni rurali.

4.   L-agrikoltura għadha mutur essenzjali tal-ekonomija rurali fil-Balkani tal-Punent

4.1   Minkejja li mis-sena 2000 'l hawn is-sehem tal-agrikoltura fl-ekonomija qiegħed dejjem jonqos, għadu ħafna akbar fil-Balkani tal-Punent milli huwa tipikament fl-UE, kemm rigward il-valur miżjud kif ukoll l-impjieg.

4.2   Iċ-ċokon u n-natura frammentata tal-biedja privata għadhom b'mod ġenerali jikkaratterizzaw l-agrikoltura fil-parti l-kbira tal-istati tal-Balkani tal-Punent, speċjalment fin-Nofsinhar. Id-daqs medju tal-irziezet ivarja bejn 1,2 ettaru fl-Albanija sa inqas minn 4 ettari fis-Serbja. Nuqqasijiet oħra li jxekklu l-iżvilupp tal-agrikoltura huma: l-istrutturi tas-swieq li mhumiex żviluppati biżżejjed (inkluż is-suq finanzjarju), l-inadegwatezza tal-infrastruttura, il-proporzjon żgħir ta’ produzzjoni għas-suq, in-nuqqas ta’ għarfien u ħiliet u n-nuqqas li jintlaħqu l-istandards tas-sikurezza tal-ikel.

4.3   Minħabba t-tranżizzjoni jew, f'xi pajjiżi, saħansitra minħabba l-gwerra, il-produzzjoni agrikola kienet qiegħda tonqos iżda mis-sena 2000 'il quddiem reġgħet bdiet tiżdied, primarjament bis-saħħa ta’ investimenti fit-teknoloġija tal-produzzjoni. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-produzzjoni għadha aktar baxxa milli fil-perjodu ta’ qabel it-tranżizzjoni. Minkejja ċerti nuqqasijiet, il-maġġor parti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom potenzjal naturali pjuttost għoli għall-agrikoltura (spejjeż tal-impjegar tal-ħaddiema relattivament baxxi, riżorsi tal-art u tal-ilma u kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija tajbin għal ċerti prodotti bħat-tabakk, ċertu frott u ħaxix, inbid, ċereali u laħam).

4.4   Hemm ukoll reġjuni agrikoli bi produttività għolja u b'ekonomija integrata tajjeb fil-parti tat-Tramuntana tal-Peniżula Balkanika (il-baċin tas-Sava, il-baċin tad-Danubju, il-pjanura Pannonika). Din iż-żona għandha kundizzjonijiet favorevoli f'dak li jirrigwarda l-ħamrija u l-klima li jippermettu produzzjoni agrikola b'kapital intensiv. Barra minn hekk, għandha kapital uman adegwat, intraprenditorja żviluppata, settur industrijali suffiċjentement iddiversifikat u infrastruttura żviluppata tajjeb.

5.   L-isfida tal-iżvilupp rurali lil hinn mill-agrikoltura

5.1   Il-proporzjon kbir ta’ ħaddiema fl-agrikoltura mhuwiex rifless b'mod dirett fil-kontribut li għandha l-agrikoltura fil-PDG. Għaldaqstant, l-ekonomija rurali futura għandha tkun f'pożizzjoni li tassorbi ħaddiema agrikoli żejda billi toffrilhom opportunitajiet alternattivi ta’ impjieg.

5.2   Ħafna drabi, l-istabbiliment ta’ industriji fuq bażi rurali kien effikaċi ħafna biex joħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi u jipprovdi dħul addizzjonali. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-passat turina li l-investiment fl-irziezet, il-modernizzazzjoni, it-taħriġ u miżuri ambjentali jħallu effett pożittiv fuq żjieda fl-impjiegi u tnaqqis fil-qgħad moħbi fl-irziezet. Fost is-setturi b'potenzjal kbir ta’ tkabbir hemm: l-industriji tal-ipproċessar, il-prodotti b'indikazzjoni ġeografika protetta u prodotti tal-ikel organiku, it-turiżmu rurali, is-snajja', il-prodotti tal-injam u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali.

5.3   Sabiex is-settur rurali jiżviluppa aktar malajr, hemm bżonn aktar infiq u infiq aħjar fuq beni u servizzi pubbliċi: infrastruttura aħjar tat-toroq u għat-tisqija, ambjent kummerċjali mtejjeb u trasferiment effiċjenti tal-informazzjoni, l-għarfien u t-teknoloġiji.

6.   Il-politiki dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fid-dawl tal-adeżjoni mal-UE

6.1   Il-pajjiżi kollha fir-reġjun għandhom aspirazzjonijiet għoljin biex jissieħbu fl-UE. F'dan ir-rigward, kollha kemm huma qed jiffaċċjaw sfidi simili fejn jidħlu t-trasformazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-setturi agroalimentari frammentati ħafna tagħhom sabiex jiżguraw li jkunu jistgħu jkunu kompetittivi fis-suq tal-UE.

6.2   Skont l-aħħar rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea (6) dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw allinjament aħjar mal-acquis agrikolu tal-UE u mal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp rurali.

6.3   Meta mqabbla mal-UE, il-fondi nazzjonali għall-appoġġ tal-agrikoltura fil-Balkani tal-Punent għadhom relattivament ftit. Madwar il-Balkani tal-Punent qed tiġi applikata firxa wiesgħa ta’ miżuri u mekkaniżmi ta’ appoġġ. F'dawn l-aħħar snin, l-appoġġ dirett lill-produtturi kien l-element ewlieni tat-trasferimenti baġitarji għall-qasam agrikolu.

6.4   L-għajnuna finanzjarja tal-UE

6.4.1   L-Istrument għal Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali – IPARD (7) huwa l-ħames komponent tal-IPA – l-istrument usa' tal-UE għat-tħejjija tat-tkabbir u l-għajnuna relatata. Huma biss il-pajjiżi bi status ta’ kandidat li huma eleġibbli għall-fondi tal-IPARD (il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija).

6.4.2   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ostakli partikolari li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jimplimentaw l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali. Il-miżuri ta’ investiment fil-qafas tal-IPARD huma diffiċli li jiġu applikati billi jirrikjedu li jkunu stabbiliti strutturi lokali kompleti għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ (il-ġestjoni u l-appartenenza tal-IPARD huma għalkollox deċentralizzati; l-istituzzjonijiet tal-UE qed iwettqu biss kontroll ex-post). Dan jirriżulta f'rata għolja ta’ proġetti rrifjutati u bżonn għal investiment sinifikanti fil-fażi preparatorja, kemm mill-pajjiż kif ukoll il-benefiċjarji potenzjali.

6.4.3   Il-prinċipji u l-proċeduri ta’ ġestjoni u monitoraġġ tal-IPARD jistgħu jkunu ssemplifikati bil-għan li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiġu inkoraġġuti jagħmlu użu aħjar mill-miżuri li jista' jkollhom impatt dirett fuq l-iżvilupp rurali, bħalma huma t-titjib tal-infrastruttura rurali kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u t-taħriġ (l-Assi 3 tal-IPARD).

6.4.4   Raġuni ewlenija għall-għoti mdewwem tal-fondi tal-UE hija wkoll il-kapaċità amministrattiva fqira u n-nuqqas ta’ istituzzjonijiet adegwati fil-livell nazzjonali u partikolarment f'dak lokali, li qed ixxekkel il-kapaċità ta’ assorbiment ġenerali tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni. In-nuqqas ta’ servizzi ġenerali adegwati (ksib ta’ permessi tal-bini, reġistru tal-art, servizzi veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti inadegwati, eċċ.) ikkontribwixxa wkoll għar-rata baxxa ta’ suċċess li kellhom l-aħħar sejħiet għal proġetti ta’ żvilupp rurali.

6.4.5   Ostaklu ieħor għal użu aħjar tal-fondi tal-UE jidher li huwa l-kapaċità baxxa tal-benefiċjarji potenzjali. Din il-problema tista' tingħeleb billi jiġu żviluppati servizzi ta’ estensjoni u ta’ konsultazzjoni effiċjenti.

6.4.6   Is-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor, u mhux dejjem hija marbuta mal-progress fl-adeżjoni jew l-istatus ta’ kandidat. Għaldaqstant, il-KESE jixtieq jirrakkomanda flessibilità ikbar fl-użu tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali, b'mod partikolari billi titneħħa d-distinzjoni bejn il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati fl-aċċess għall-għajnuna, u billi l-evalwazzjoni individwali tal-amministrazzjoni u tal-kapaċità ta’ assorbiment tingħata iktar piż.

7.   Is-swieq tax-xogħol fiż-żoni rurali tal-Balkani tal-Punent

7.1   Is-swieq tax-xogħol fiż-żoni rurali tal-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom il-karatteristiċi komuni li ġejjin:

fl-impjiegi jiddominaw il-ħaddiema agrikoli filwaqt li l-proporzjon tal-impjegati fis-settur tas-servizzi u tal-persuni li jaħdmu għal rashom (ħlief fl-agrikoltura) huwa ħafna inqas mill-medja;

l-uniku sors ta’ dħul għall-parti l-kbira tal-popolazzjoni rurali ħafna drabi jkun ix-xogħol part-time u dak staġjonali;

struttura edukattiva żvantaġġuża u n-nuqqas ta’ ħiliet u għarfien jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u miż-żieda fl-għadd ta’ nies li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;

nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg mhux fis-setttur agrikolu jwassal għal dipendenza għolja mill-impjiegi staġjonali u l-qgħad moħbi;

l-aktar gruppi vulnerabbli, bir-riskju li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, huma ż-żgħażagħ, in-nisa, l-anzjani, il-minoranzi etniċi (Roma) u r-refuġjati tal-gwerra. Uħud minn dawn il-kategoriji mhux dejjem jiġu reġistrati bħala persuni qiegħda (“il-qgħad moħbi”);

ħaddiema rurali rarament huma involuti fi programmi varji ta’ impjieg li jiġu pprovduti mill-gvernijiet. Jeħtieġ li jkun hemm promozzjoni aħjar u servizzi konsultattivi adegwati għal dawn il-programmi.

8.   Strateġiji u politiki relatati mal-iżvilupp rurali u l-impjieg

8.1   Il-karatteristiċi ewlenin tal-politiki rurali nazzjonali attwali huma: livell baxx ta’ għarfien politiku, nuqqas ta’ fehim tal-kunċett ta’ żvilupp rurali tal-UE – ebda approċċ integrali u strutturi ta’ pprogrammar, nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki vertikali u dawk orizzontali, u kooperazzjoni insuffiċjenti bejn il-ministeri fil-qasam tal-iżvilupp rurali.

8.2   Ċerti problemi prinċipali, kif ukoll opportunitajiet ta’ żvilupp, mhumiex ikkunsidrati b'mod adatt fil-politiki nazzjonali tal-iżvilupp: m'hemmx biżżejjed inċentivi għall-irziezet organiċi, ir-riżorsi ġenetiċi, il-forestrija, it-turiżmu, eċċ. Żoni żvantaġġati u l-biedja ta’ sussistenza parzjali mhumiex indirizzati lanqas.

8.3   Il-politiki tal-iżvilupp rurali, flimkien mal-politiki reġjonali u ma’ programmi operattivi settorjali adegwati, jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għal impjieg aħjar u inklużjoni soċjali aħjar fiż-żoni rurali. Politika reġjonali tajba tista' tipprovdi appoġġ importanti u komplementari, immirata lejn it-tisħiħ ta’ reġjuni rurali foqra.

8.4   Meta mqabbla mal-UE, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-politika reġjonali nazzjonali hija saħansitra inqas żviluppata mill-politika dwar l-iżvilupp rurali. Għaldaqstant, jinħtieġu approċċ aktar koerenti u koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki u l-fondi disponibbli, billi jingħaqdu flimkien sorsi differenti (fondi nazzjonali, fondi tal-UE, fondi mid-donaturi).

8.5   Minħabba l-instabilità politika u l-gvernijiet li jinbidlu ta’ spiss, il-parti l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ kontinwità fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri differenti għall-iżvilupp rurali.

9.   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) fl-iżvilupp rurali

9.1   L-opinjoni tal-KESE dwar “Is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali” (8) enfasizzat diversi problemi u sfidi relatati mal-żvilupp tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali, b'mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda. Dawn l-isfidi jinkludu ostakli fl-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, nuqqas ta’ ħiliet intraprenditorjali, problemi demografiċi u kwalità inferjuri tal-infrastruttura soċjali meta mqabbla mal-bliet.

9.2   L-istatus u r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent, flimkien mal-isfidi li qed taffaċċja s-soċjetà ċivili, huma kwistjonijiet li ġew ittrattati f'għadd ta’ opinjonijiet tal-KESE (9). Minkejja li xi kwistjonijiet huma speċifiċi għal pajjiżi individwali fejn jidħlu l-leġislazzjoni, l-iffinanzjar pubbliku u l-istatus fiskali tas-CSOs, u l-livell tad-djalogu ċivili u soċjali, hemm xi kwistjonijiet komuni li jirrigwardaw ir-reġjun kollu, u b'mod partikolari ż-żoni rurali:

b'mod ġenerali, m'hemmx tradizzjoni b'saħħitha ta’ soċjetà ċivili;

fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-iffinanzjar tas-CSOs huwa insuffiċjenti u mhux trasparenti biżżejjed;

ġiet stabbilita għajnuna teknika ġdida għas-CSOs mill-Balkani tal-Punent, u ffinanzjata mill-UE (10), iżda għadha mhix qed tagħti r-riżultati mixtieqa;

b'mod ġenerali, hemm ħtieġa ta’ bini ta’ kapaċità u ta’ żvilupp ta’ għarfien u ħiliet speċifiċi f'diversi oqsma;

fil-livell lokali u reġjonali, hemm nuqqas ta’ apprezzament ġenerali fost l-awtoritajiet lokali rigward il-vantaġġi li jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili;

il-divarju li hemm bejn il-bliet u ż-żoni rurali: il-parti l-kbira tas-CSOs huma kkonċentrati fil-belt kapitali jew fi tnejn jew tliet bliet, u b'hekk il-kampanja tibqa' nieqsa mill-għarfien dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħha;

il-parti l-kbira tas-CSOs, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, huma fframmentati u jbatu minn kompetizzjoni kontraproduttiva flok kooperazzjoni bejniethom. Dan iżommhom lura milli jistabbilixxu gruppi ta’ pressjoni b'saħħithom.

9.3   Il-forom tradizzjonali ta’ CSOs fiż-żoni rurali tal-Balkani tal-Punent huma gruppi reliġjużi u assoċjazzjonijiet tal-minoranzi nazzjonali, assoċjazzjonijiet tat-tifi tan-nar, tal-kaċċaturi u tas-sajjieda, organizzazzjonijiet kulturali jew artistiċi, klabbs sportivi, assoċjazzjonijiet tan-nisa u affarijiet simili. Id-distribuzzjoni ġeografika mhix omoġenja, iżda l-gruppi reliġjużi u etniċi huma organizzati l-aħjar u qed iħarsu tajjeb l-interessi tagħhom.

9.4   Il-possibilità li dawn l-organizzazzjonijiet jiġu involuti b'mod aktar attiv fi programmi għall-protezzjoni tal-patrimonju kulturali intanġibbli u l-ambjent mhux dejjem qed jiġu rrikonoxxuti b'mod adegwat minn min jieħu d-deċiżjonijiet. L-influwenza tagħhom fuq l-inizjattivi għall-iżvilupp hija żgħira u ma taqbiżx il-konfini limitati tal-komunità lokali (ir-raħal). Ma jeżistux netwerks f'livell ogħla.

9.5   Il-proġetti tad-donaturi ħolqu forom ġodda ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li huma ffukati prinċipalment fuq it-trasferiment tal-informazzjoni u l-għarfien fl-oqsma tal-politika ta’ adeżjoni, l-agrikoltura, l-ambjent, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn simili. It-tnaqqis fil-fondi mid-donaturi wassal biex ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet jogħsfru.

9.6   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa: matul it-tranżizzjoni, is-sistema antika tal-kooperattivi ta’ żmien is-Soċjaliżmu xi ftit jew wisq ikkrollat. Aktar tard, il-proġetti ta’ ħafna donaturi, immirati primarjament lejn il-modernizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola, iffavorixxew il-proċessi ta’ assoċjazzjoni bejn il-bdiewa jew saħansitra ikkundizzjonawhom. Bħalissa, l-impatt reali tad-diversi assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u l-produtturi fuq il-politiki agrikoli u dawk dwar l-iżvilupp rurali huwa relattivament limitat. Il-parti l-kbira minnhom madankollu għandhom rwol sinifikanti fit-trasferiment tal-għarfien, f'diversi servizzi ta’ konsulenza u fil-promozzjoni tal-prodotti agrikoli.

9.7   L-approċċ tal-LEADER lejn l-iżvilupp rurali juri kif it-tħaddim ta’ netwerks u l-promozzjoni tad-djalogu fil-livell lokali jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sehem tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali. L-approċċ tiegħu ta’ sħubija minn isfel għal fuq, bis-sehem ta’ diversi partijiet interessati lokali, wassal għal riżultati inkoraġġanti f'ħafna pajjiżi tal-UE u jitqies għodda utli għall-promozzjoni tal-impjieg fiż-żoni rurali.

10.   Kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati għall-kisba ta’ ekonomija rurali iżjed diversifikata

10.1   Agrikoltura diversifikata u bbażata fuq l-għarfien

10.1.1   L-intensifikazzjoni u t-titjib teknoloġiku fl-agrikoltura qed jiftħu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg f'diversi attivitajiet relatati, bħalma huma t-trasport, l-ippakkettar, il-faċilitajiet tal-ħżin, il-bejgħ ta’ tagħmir mekkaniku u s-servizzi ta’ manutenzjoni u l-kontroll tal-kwalità, eċċ.

10.1.2   Id-diversifikazzjoni fi ħdan is-settur agrikolu nnifsu bil-għan li jinkiseb valur miżjud tal-prodotti tal-irziezet (biedja organika, produzzjoni ta’ ikel ta’ kwalità, prodotti bl-istatus ta’ IĠP (Indikazzjoni Ġeografika Protetta), ikel tradizzjonali pproċessat id-dar, eċċ.) tista' wkoll iġġib magħha opportunitajiet ġodda għal żvilupp futur u tnaqqis tal-qgħad moħbi.

10.2   Investimenti fl-infrastruttura rurali

L-infrastrutturi ta’ kwalità bħat-toroq u s-servizzi tal-ilma, l-elettriku, l-informazzjoni u t-telekomunikazzjoni jistgħu jħeġġu l-iżvilupp kemm tan-negozji tal-irziezet u kemm ta’ dawk li mhumiex irziezet. Fl-istess ħin, l-infrastrutturi ta’ kwalità jtejbu l-istandards tal-għajxien tal-familji fiż-żoni rurali billi jżidu l-mobilità u l-aċċess għas-servizzi soċjali, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni.

10.3   Il-bini tal-kapital uman

Ħaddiema rurali b'livell ogħla ta’ edukazzjoni u li huma aktar kapaċi jadattaw ruħhom għandhom aktar opportunitajiet biex isibu impjieg barra s-settur agrikolu. Huwa ta’ importanza partikolari li jkun żgurat li l-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-programmi ta’ diversifikazzjoni rurali. Importanti ħafna huma wkoll il-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, ta’ prekwalifikazzjoni, u ta’ tisħiħ tal-għarfien u l-ħiliet maniġerjali.

10.4   Il-ħolqien ta’ ambjent tajjeb għall-intrapriżi

10.4.1   It-tħeġġiġ tal-ispirtu intraprenditorjali u l-ħolqien aktar rapidu tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fiż-żoni rurali jgħinu wkoll biex jiddiversifikaw l-attivitajiet ekonomiċi u biex jiġi evitat li ż-żgħażagħ jitilqu minn dawn iż-żoni. Sistemi tal-intaxxar mhux attraenti, il-proċessi ineffiċjenti ta’ reġistrazzjoni tal-intrapriżi, flimkien ma’ infrastruttura insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ żgħażagħ edukati huma kollha fatturi li joħolqu ostakli għal investimenti u intrapriżi ġodda.

10.4.2   L-aċċess għal faċilitajiet ta’ kreditu mfassla speċifikament għall-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet rurali jibqa' problema partikolari. Huwa neċessarju li l-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn jiġu inkoraġġuti jiffaċilitaw is-self lejn l-agrikoltura. Dan huwa importanti wkoll f'relazzjoni mar-regoli ta’ kofinanzjar għall-fondi tal-IPARD.

10.5   Il-bini ta’ servizzi effiċjenti ta’ estensjoni u ta’ konsulenza

Is-servizzi ta’ estensjoni u ta’ konsulenza għandhom jieqfu jipprovdu pariri tekniċi lill-bdiewa u minflok jiffukaw fuq it-trasferiment iktar innovattiv tal-għarfien u tal-informazzjoni li huwa mmexxi mid-domanda. Servizzi moderni ta’ estensjoni għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni rurali usa' (konsumaturi, intraprendituri, bdiewa, il-fqar, eċċ.) kif ukoll jgħinu lill-popolazzjonijiet rurali jadottaw prinċipji u regoli ġodda ta’ politika.

10.6   L-għoti ta’ ħajja ġdida lill-kooperattivi billi jittejjeb il-qafas istituzzjonali u jissaħħu r-riżorsi umani u l-programmi ta’ appoġġ tagħhom

Il-kooperattivi huma organizzazzjonijiet tradizzjonali tas-soċjetà rurali li għandhom il-potenzjal li jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-kapital soċjali fiż-żoni rurali. Dawn jistgħu joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda, jiġġeneraw dħul addizzjonali u jippermettu lin-nies jipparteċipaw b'mod attiv fl-iżvilupp tal-komunitajiet tagħhom.

L-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali jista' jġib ukoll opportunitajiet għal impjiegi ġodda, partikolarment għan-nisa u ż-żgħażagħ, billi huma l-gruppi l-iżjed vulnerabbli.

10.7   It-tħeġġiġ ta’ approċċi minn isfel għal fuq (bħall-programm Leader)

Huma meħtieġa konnessjonijiet u koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi atturi rurali, kemm f'termini vertikali (korpi governattivi f'livelli differenti – nazzjonali, reġjonali u lokali) kif ukoll f'termini orizzontali (intraprendituri, assoċjazzjonijiet professjonali, bdiewa, eċċ.). Il-politiki ta’ żvilupp lokali għandhom jiġu implimentati b'iktar koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet rilevanti u permezz ta’ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet minn isfel għal fuq.

10.8   It-turiżmu u l-agroturiżmu

10.8.1   It-turiżmu rurali jista' jkun sfida sinifikanti f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp fiż-żoni rurali. Ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent joffri patrimonju naturali, kulturali u storiku li huwa mħares tajjeb, flimkien ma’ ikel ta’ kwalità għolja u viċinanza relattiva għas-swieq tat-turiżmu tal-UE. L-ekoturiżmu u x-xejriet il-ġodda relatati mal-iżvilupp sostenibbli, il-promozzjoni ta’ ambjent u stil ta’ ħajja sani (inklużi “prodotti ekoloġiċi” u ikel organiku bħal-laħam taċ-ċanga, pjanti mediċinali, frott tal-foresti, faqqiegħ, eċċ.) jaqblu perfettament mal-wirt kulturali u naturali tar-reġjun.

10.8.2   Madankollu, it-turisti moderni u attivi taż-żoni rurali jesiġu servizzi ta’ kwalità għolja, akkomodazzjoni komda u varjetà ta’ attivitajiet rekreattivi u kulturali. Għad hemm għadd ta’ ostakli li qed ixekklu l-iżvilupp tat-turiżmu rurali: infrastruttura insuffiċjenti, nuqqas ta’ żvilupp tal-marki ta’ prodotti reġjonali (souvenirs), kapaċità baxxa ta’ akkomodazzjoni u ta’ kwalità baxxa, nuqqas ta’ sinjali tat-toroq li jindikaw l-attrazzjonijiet turistiċi, nuqqasijiet rigward il-ġestjoni tad-destinazzjonijiet turistiċi, eċċ.

10.9   Proġetti transkonfinali jistgħu jkunu wkoll mezz tajjeb għal użu aħjar tal-potenzjal lokali ta’ żvilupp fil-ġejjieni (infrastruttura komuni tat-toroq, netwerks tal-enerġija, faċilitajiet turistiċi, marki lokali, eċċ.).

10.10   L-enerġija rinnovabbli – sors potenzjali ta’ impjieg u dħul

Il-parti l-kbira tal-impjanti l-ġodda tal-enerġija rinnovabbli se jkunu f'żoni rurali: pereżempju għelejjel tal-enerġija, impjanti tal-bijogass, produzzjoni ta’ bijokarburanti, produzzjoni ta’ pellets/briquettes, impjanti għall-enerġija mir-riħ, eċċ. Dawn l-impjanti mhux biss se jinbnew iżda wkoll se jkollhom jiġu mantnuti sew matul il-perjodu kollu tal-tħaddim tagħhom, u dan jassigura aktar impjieg u dħul.

Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99, il-Montenegro u s-Serbja.

(2)  Assi 1 – titjib fil-kompetittività tal-agrikoltura, Assi 2 – appoġġ għall-ġestjoni tal-ambjent u tal-art, Assi 3 – inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, u Assi 4 – l-approċċ LEADER.

(3)  Programm tal-UE li juża akronimu Franċiż li jgħid Liaison Entre Actions de Développement de l'Economie Rurale – jiġifieri Rabtiet bejn azzjonijiet għall-iżvilupp tal-ekonomija rurali.

(4)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63., “Il-futur tal-PAK”, ara l-punt 3.3.4.

(5)  L-erja totali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija 264 462 km2 (ekwivalenti għal 6 % tat-territorju tal-UE). Il-popolazzjoni tammonta għal 26,3 miljuni, li 50 % minnha tgħix f'żoni rurali. Id-densità medja tal-popolazzjoni ta’ 89,2 persuna f'kull km2 hija ħafna aktarx baxx minn dik tal-UE (114,4).

(6)  Rapporti ta’ Progress tal-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2010: http://ec.europa.eu/enlargement/press_corner/key-documents/reports_nov_2010_en.htm

(7)  L-IPARD, l-Istrument għal Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali, jinkludi 9 miżuri maqsuma fi 3 assijiet ta’ prijorità. 1 – Titjib tal-effiċjenza tas-suq u implimentazzjoni tal-istandards tal-UE, 2 – Azzjonijiet preparatorji għall-implimentazzjoni ta’ miżuri agroambjentali u LEADER, 3 – Żvilupp tal-ekonomija rurali bil-fondi allokati għall-perjodu 2007–13 ta’ madwar EUR 1 biljun; il-fondi totali tal-IPA jaqbżu l-ammont ta’ EUR 10 biljun għall-perjodu 2007–2013.

(8)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 175, 28.7.2009 p. 37, “Is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali”.

(9)  Opinjonijiet ĠU C 18, 19.1.2011, p. 11, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 15, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 130, ĠU C 204, 9.8.2008, p. 120, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 140, ĠU C 44, 16.2.2008, p. 121.

(10)  Faċilità tas-soċjetà ċivili.


Top