Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1390

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” COM(2010) 743 finali u l- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej” COM(2010) 744 finali

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/92


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv”

    COM(2010) 743 finali

    u l-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej”

    COM(2010) 744 finali

    2011/C 376/17

    Relatur: is-Sur HENCKS

    Nhar il-15 u s-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

     

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv

    COM(2010) 743 finali, u

     

    l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej

    COM(2010) 744 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Transport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Settembru 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'161 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-pjan ta’ azzjoni ikkonċernat irriżulta minn talba li saret matul il-Konferenza Ministerjali ta’ Malmö fl-2009 dwar il-gvern elettroniku fejn il-ministri tal-UE impenjaw ruħhom li jippromovu servizzi pubbliċi transkonfinali onlajn li jkunu iktar aċċessibbli, interattivi u personalizzati. Ittieħdu impenji oħra wkoll fil-qafas tal-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija Ewropa 2020.

    1.2   Peress li l-uniku kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam hi dik li tipproponi l-kundizzjonijiet u l-azzjonijiet għall-iżvilupp armonjuż tat-transazzjonijiet transkonfinali tal-gvern elettroniku fl-Ewropa, il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar ser tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw ir-rispett lejn l-impenji li ttieħdu f'Malmö.

    1.3   Biex tiġi evitata l-konfużjoni ma’ xi tip ta’ servizz ieħor, il-KESE jipproponi li f'dan il-każ jintuża t-terminu “servizzi pubbliċi transkonfinali tal-gvern elettroniku” Ewropej minflok “servizzi pubbliċi Ewropej”.

    1.4   Il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni għal gvern elettroniku sostenibbli u innovattiv, li jwitti t-triq għal servizzi iktar personalizzati u interattivi u li jqis iktar il-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-utenti li huma mħeġġa jkollhom rwol ikbar f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-servizzi pubbliċi onlajn.

    1.5   Il-promozzjoni tal-gvern elettroniku għandha ssir flimkien ma’ riforma fil-gvern u fir-relazzjonijiet tiegħu mal-utenti, b'mod partikolari permezz ta’ għajnuna lill-utenti biex ikunu jistgħu jwettqu l-proċeduri relatati mal-gvern elettroniku.

    1.6   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha għall-inklużjoni tal-pubbliku kollu, inklużi l-persuni żvantaġġati, fis-soċjetà diġitali, b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 u Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    1.7   F'dak li jirrigwarda l-interoperabbiltà, il-firma u l-identifikazzjoni elettroniċi, ħafna drabi l-ostakli jinħolqu minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali transkonfinali, minħabba differenzi fil-liġijiet nazzjonali u minħabba li jiġu adottati soluzzjonijiet mill-Istati Membri li ma jkunux kompatibbli ma’ xulxin. Hemm bżonn ta’ governanza multilaterali effettiva tas-sistemi li tkun ibbażata fuq in-nies u li jkollha r-riżorsi adegwati.

    1.8   Il-KESE jappoġġja, fil-kuntest Ewropew tal-interoperabbiltà, l-iżvilupp ta’ viżjoni li tinkludi interfaċċi komuni u jesprimi ruħu favur pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenzi, kodiċijiet ibbażati fuq softwer ta’ sors liberu u miftuħ li jippermetti korrezzjonijiet u modifikazzjonijiet u fuq kollox format tad-data miftuħ għall-interoperabbiltà. L-esperjenza li kisbu ċerti amministrazzjonijiet (pereżempju d-dwani) għandha tintuża sabiex tinħoloq l-interoperabbiltà teknika, semantika u organizzazzjonali tas-sistemi qabel ma’ dawn jingħaqqdu flimkien, għax dan jiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-istabbiltà funzjonali permezz tat-twaqqif ta’ regoli komuni u bażijiet legali sodi.

    1.9   Illum il-ġurnata l-interoperabbiltà hija meqjusa bħala essenzjali iżda għas-servizzi fejn hija utli biss. Ir-realizzazzjoni tal-interoperabbiltà hija kumplessa ħafna u titlob l-integrazzjoni ta’ bosta azzjonijiet u miżuri tekniċi biex tiġi garantita s-sigurtà tat-transazzjonijiet għaċ-ċittadini. Apparti minn hekk hija wkoll kunċett li qed jevolvi.

    1.10   Qabel ma jipproċedu bl-iskambju tad-data, jeħtieġ li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jitħeġġu jwettqu eżami analitiku sabiex tkun biss id-data utli għat-transizzjoni li titpoġġa onlajn u dan jiżgura rispett lejn it-testi eżistenti.

    1.11   Id-data personali taċ-ċittadini, tal-intrapriżi u tal-organizzazzjonijiet bi sħubija kif ukoll “id-dritt li din id-data tintesa” jeħtieġ li jiġu rispettati. Is-sigurtà tad-data għandha tiġi żgurata fil-livell Ewropew u min-naħa tat-transazzjonijiet fil-livell tas-servers, tas-softwer, il-ħżin, it-transazzjonijiet eċċ. L-ipoteżi tal-użu mill-ġdid tad-data minn parijiet terzi għandha tkun sottomessa għall-istess regoli u eżiġenzi.

    2.   Il-promozzjoni tal-gvern elettroniku

    2.1   Mill-1993 'l hawn, l-Unjoni impenjat ruħha li tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri bil-għan li tiffaċilita l-konverġenza diġitali u tindirizza l-isfidi relatati mas-soċjetà tal-informazzjoni (programmi IDA IDAI, IDAII, IDABC, ISA) (1), u b'hekk jinħoloq spazju uniku Ewropew li joffri komunikazzjoni ta’ veloċità għolja li tkun affordabbli u sigura, kif ukoll kontenut ta’ kwalità, diversifikat u li jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-utenti.

    2.2   Għalhekk, l-Unjoni adottat il-linji politiċi rilevanti f'diversi komunikazzjonijiet u pjani ta’ azzjoni li wħud minnhom għandhom l-għan li jaċċelleraw l-istabbiliment tal-gvern elettroniku filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq ħames prijoritajiet:

    aċċess għal kulħadd;

    iktar effiċjenza;

    servizzi onlajn li jkollhom impatt kbir;

    l-istabbiliment ta’ għodda ta’ attivazzjoni;

    iktar parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    2.3   Il-pjan ta’ azzjoni ġdid jagħmel parti integrali mill-aġenda diġitali. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha għall-inklużjoni tal-pubbliku kollu, inklużi l-persuni żvantaġġati, fis-soċjetà diġitali b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    3.   L-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni

    3.1   Fil-ħames Konferenza Ministerjali dwar il-gvern elettroniku ta’ Malmö fl-2009, il-ministri tal-UE impenjaw ruħhom li jistimulaw il-kompetittività tal-Ewropa permezz ta’ ffrankar ta’ ħin u flus li jista' jwassal għal servizzi pubbliċi onlajn iktar aċċessibbli, interattivi u personalizzati.

    3.2   Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni ġdid għall-gvern elettroniku li għandu l-għan li jirrispondi b'mod konkret għat-talba li saret fil-Konferenza ta’ Malmö u li jagħti kontribut biex jintlaħqu żewġ objettivi prinċipali tal-Istrateġija Diġitali tal-Ewropa u li skontha l-Istati Membri għandhom jallinjaw l-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà tagħhom mal-oqfsa Ewropej applikabbli sal-2013, u bl-istess mod l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom iħeġġu s-servizzi tal-gvern elettroniku sabiex minn issa sal-2015,50 % taċ-ċittadini u 80 % tal-intrapriżi jkunu qed jużaw is-servizzi tal-gvern elettroniku.

    3.3   L-40 miżura tal-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2015 jikkonċernaw erba' oqsma:

    A.

    servizzi mfassla skont il-bżonnijiet tal-utenti;

    produzzjoni kollaborattiva ta’ servizzi li jużaw, pereżempju, teknoloġiji tat-tip Web 2.0;

    l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

    titjib tat-trasparenza;

    l-involviment taċ-ċittadini u n-negozji fil-proċessi tat-tfassil tal-politika.

    B.

    servizzi bla intoppi għan-negozji;

    implimentazzjoni ta’ servizzi transkonfinali fl-UE.

    C.

    titjib tal-proċessi organizzazzjonali (akkwist elettroniku pubbliku, talbiet ipproċessati iktar rapidament, eċċ.);

    tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

    gvern ekoloġiku (arkivjar elettroniku, l-użu ta’ vidjokonferenzi biex jiġi limitat l-ivvjaġġar, eċċ.).

    D.

    speċifikazzjoniiet miftuħa u interoperabbiltà (implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà);

    ħolqien ta’ fatturi determinanti (reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firem elettroniċi, proposta għal deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika u tal-awtentifikazzjoni elettronika madwar l-UE kollha.

    3.4   Konkretament, dan il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi dawn il-miżuri li ġejjin:

    isir sforz biex ċerta informazzjoni pprovduta lill-gvern tkun tista' tiġi rreġistrata darba biss u b'mod sigur (u ma jkunx hemm bżonn li l-istess informazzjoni tingħata ripetutament lil entitajiet governattivi differenti);

    jitwessa' l-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika (“eID”) għall-UE kollha biex jiġu ffaċilitati ċerti formalitajiet ta’ natura transkonfinali, bħall-ftuħ ta’ negozju barra mill-pajjiż, iċ-ċaqliq f'pajjiż ieħor għal skopijiet ta’ residenza jew ta’ xogħol, it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni f'pajjiż ieħor jew l-iskrizzjoni fi skola jew università barra mill-pajjiż;

    il-possibbiltà li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jsegwu f'ħin reali l-ipproċessar tal-fajl tagħhom mill-gvern, filwaqt li jissaħħu t-trasparenza u l-ftuħ;

    personalizzazzjoni tas-servizzi bil-għan li jkunu jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti, pereżempju billi tiġi żgurata t-trażmissjoni sigura u rapida tal-informazzjoni b'mod elettroniku;

    il-possibilità li d-data tkun tista' terġa' tintuża minn partijiet terzi, biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi ġodda.

    4.   Kummenti ġenerali

    Il-KESE japprova l-ħtieġa assoluta li jiġu promossi gvern elettroniku sostenibbli u innovattiv kif ukoll interoperabbiltà transkonfinali mingħajr ostakli.

    4.1   F'dan il-kuntest huwa jfakkar li l-kompitu ewlieni tal-Kummissjoni huwa li toħloq kundizzjonijiet iktar adegwati għall-iżvilupp tat-tranżazzjonijiet relatati mas-servizzi tal-gvern elettroniku u b'mod partikolari prekundizzjonijiet bħalma huma l-interoperabbiltà, il-firma u l-identifikazzjoni elettroniċi, u li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri, peress li l-gvernijiet tal-Istati Membri li ħadu impenn politiku permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ Malmö jaqdu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-miżuri adottati.

    4.2   Il-KESE l-ewwel nett jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta’ “servizzi pubbliċi Ewropej” użat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-interoperabbiltà mhuwiex adegwat u jagħti lok għal diżgwid. Fl-opinjoni tiegħu “Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri?” (2), il-KESE irrefera għas-servizzi pubbliċi li ma jistgħux jingħataw fil-livelli nazzjonali jew lokali u li jistgħu jitqiesu bħala servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali. Is-servizzi transkonfinali tal-gvern elettroniku, anki jekk għandhom dimensjoni Ewropea peress li huma servizzi transkonfinali, huma xorta għandhom natura totalment differenti mis-servizzi li jistgħu jiġu kwalifikati bħala servizzi pubbliċi Ewropej.

    4.3   Il-KESE jappoġġja l-istrateġija l-ġdida li tikkonsisti f'bidla minn approċċ iktar ġenerali, ta’ natura pjuttost universali, għal approċċ iktar personalizzat li jwitti t-triq għal servizzi pubbliċi iktar interattivi u li jqis iktar il-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-utenti. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq ġenerazzjoni ġdida ta’ servizzi elettroniċi pubbliċi miftuħa, flessibbli u kontinwi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

    4.4   Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha biex tippermetti li eventwalment l-utenti (ċittadini, negozji, NGOs kif ukoll strutturi formali ta’ djalogu rikonoxxuti mill-Kummissjoni) ikollhom rwol iktar attiv f'dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ servizzi pubbliċi onlajn li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tagħhom.

    4.5   Il-KESE għalhekk jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni li joffri lill-partijiet kollha interessati l-possibilità li jieħdu vantaġġ minn dawn is-servizzi pubbliċi iktar rapidi u ta’ kwalità aħjar u ser jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jirrevedu l-approċċ tagħhom lejn is-servizz pprovdut u l-proċeduri interni tagħhom bil-għan li huma jkunu jistgħu jirrispondu aħjar għall-eżiġenzi l-ġodda ta’ rapidità, disponibbiltà u sempliċità.

    4.6   Madankollu, għad hemm l-impressjoni li ħafna drabi l-utenti mhumiex verament fiċ-ċentru tal-preokkupazzjonijiet tal-gvern, iżda li għall-kuntrarju l-gvern elettroniku huwa organizzat skont l-istruttura interna tal-gvern, u mhux abbażi tal-ħtiġijiet tal-persuni li jagħmlu użu mis-servizz, u dan jissarraf fi problemi ta’ aċċessibilità għall-utenti, nuqqas ta’ viżibilità u nuqqas ta’ omoġeneità fit-tfassil.

    4.7   Il-KESE jiddispjaċih li l-kwistjonijiet tal-ħarsien tad-data u l-ipproċessar tad-data ma ġewx indirizzati mill-Kummissjoni. Ir-regolament rilevanti tal-2001 għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u m'għandux ikun hemm skambju tal-ebda data privata taċ-ċittadini mingħajr il-garanzija assoluta tal-kunfidenzjalità, tad-dritt li din id-data tintesa u li jiġu imposti l-eżiġenzi bil-garanzija sabiex tiġi żgurata l-konformità. Il-KESE jesprimi r-riservi tiegħu dwar l-użu mill-ġdid tad-data minn terzi partijiet.

    4.8   L-importanza tal-kwistjonijiet tekniċi u tal-IT m'għandhiex tiġi minimalizzata għax dawn il-kwistjonijiet jagħmlu parti minn kemm tirnexxi l-interoperabbiltà u s-sigurtà tad-data: l-interoperabbiltà tal-organizzazzjonijiet fil-livell tekniku, semantiku u organizattiv. Il-gvern elettroniku għandu jwettaq ristrutturar tal-amministrazzjoni u r-relazzjonijiet tiegħu mal-utenti; dan jista' biss jagħti riżultati sodisfaċenti lill-partijiet kollha jekk dawn jarawh bħala għodda ta’ bidla, li tinkludi fiha taħriġ, monitoraġġ individwali u kollettiv u komunikazzjoni, u mhux bħala skop fih innifsu. Għalhekk dan m'għandux iwassal għas-sostituzzjoni tar-riżorsi umani b'għodda tal-informatika, iżda għandu jagħti iktar ċans lill-bnedmin biex jiddedikaw ruħhom għal kompiti ta’ iktar valur miżjud, inkluż għajnuna liċ-ċittadini sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-gvern elettroniku u jitgħallmu jużawh (3), b'mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-użu tas-servizzi transkonfinali tal-gvern elettroniku huwa rari u li anki fejn jiġi propost, il-maġġoranza tal-Ewropej iżommu lura milli jużawhom.

    4.9   It-tħeġġiġ tal-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku ma jistax jinfired mill-problemi ta’ konnessjoni, ħiliet elettroniċi u inklużjoni elettronika. (3)

    4.10   Għalkemm huwa minnu li jeżisti għadd kbir ta’ servizzi tal-gvern elettroniku ta’ kwalità għolja u li dejjem titjieb maż-żmien, madankollu l-KESE jesprimi r-riservi tiegħu fir-rigward tal-valutazzjoni komparattiva tal-gvern elettroniku mressqa mill-Kummissjoni li hija bbażata fuq l-analiżi ta’ numru wisq limitat ta’ servizzi u għalhekk ma tistax tkun rappreżentattiva. Għalhekk, ir-rata ta’ disponibbiltà ta’ 100 % ta’ servizzi onlajn li ġiet irreġistrata fil-Portugall tibqa' 'l bogħod mir-realtà. Importanti li ninnutaw ukoll li mhux is-servizzi amministrattivi kollha jirrikjedu l-interoperabbiltà transkonfinali.

    4.11   Huwa importanti li jiġi evitat madanakollu li l-qasma diġitali ssir qasma amministrattiva. Waħda mir-raġunijiet għalfejn iċ-ċittadini jżommu lura milli jużaw is-servizzi tal-gvern elettroniku hija ċertament in-nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data. Il-KESE jqis għalhekk li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit monitoraġġ demokratiku reali tal-metodi u tal-użu tad-data u li jiġi involut il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Mingħajr dan, l-użu mill-ġdid tad-data minn terzi partijiet ma tkunx favorevoli hekk kif saħqet il-Kummissjoni, bil-għan li jinħolqu servizzi ġodda tal-gvern elettroniku. Il-KESE jqis li l-ħolqien ta’ kumitat konsultattiv dwar il-gvern elettroniku, li jiġbor fih ir-rappreżentanti tal-Unjoni, tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u l-utenti huwa indispensabbli.

    4.12   Il-KESE jfakkar f'dan il-kuntest li huwa fundamentali li jkun hemm kodiċi (fis-sens ta’ għadd ta’ regoli vinkolanti) ta’ liġijiet għall-utenti tas-servizzi elettroniċi, liema kodiċi għandu jiġi nnegozjat mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

    4.13   F'dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku (li jirrappreżenta madwar 18 % tal-PDG tal-UE f'oġġetti, servizzi u xogħlijiet u li jikkostitwixxi wieħed mit-12-il punti ewlenin tal-Att dwar is-Suq Uniku), id-disponibbiltà tal-akkwist elettroniku pubbliku laħqet madwar 60 % fl-Unjoni, u b'hekk għadha lura milli tilħaq l-għan ta’ 100 % li ġie stabbilit għall-2010 fl-ewwel pjan ta’ azzjoni i2010.

    4.14   Fl-opinjoni tiegħu (4) dwar il-Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE, il-KESE rrakkomanda li jiġi introdott mekkaniżmu tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni bil-għan li jeżamina l-progress li jkun sar, l-ostakli li jinqalgħu, il-miżuri korrettivi adottati matul l-introduzzjoni tal-proċedura tal-akkwist elettroniku tas-swieq pubbliċi fl-Istati Membri.

    4.15   Fl-istess opinjoni, il-KESE żied jgħid li fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jfittxu soluzzjonijiet innovattivi sabiex isolvu l-problemi relatati mal-proċeduri kummerċjali u l-kwistjonijiet lingwistiċi filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea, billi tassumi rwol ta’ mexxej, għandha tkun ta’ eżempju billi tadotta l-akkwist elettroniku fl-istituzzjonijiet kollha tagħha.

    4.16   Għalkemm l-interoperabbiltà, il-firma u l-identifikazzjoni elettroniċi huma mezz effikaċi biex jippromovu l-iżvilupp tas-servizzi transkonfinali tal-gvern elettroniku, ħafna drabi dawn jiġu ostakolati min-nuqqas ta’ bażi legali transkonfinali u intersettorjali li tkun tista' tiġi applikata għall-interoperabbiltà, kif ukoll minn differenzi fil-liġijiet nazzjonali u minn soluzzjonijiet magħżula mill-Istati Membri li jkunu inkompatibbli ma’ xulxin.

    4.17   Biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ infrastrutturi, arkitetturi u linji gwida komuni li jistgħu jimmultiplikaw in-numru ta’ soluzzjonijiet li mhumiex interoperabbli, għandhom jiġu żviluppati viżjoni u standards komuni.

    4.18   Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-attivitajiet tagħha tal-interoperabbiltà fl-oqsma tal-iskambju fiduċjuż ta’ informazzjoni, tal-arkitettura tal-interoperabbiltà u tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT tal-istrumenti leġislattivi ġodda tal-UE, dan kollu fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea tal-Interoperabbiltà (EIS - European Interoperability Strategy).

    4.19   Bl-istess mod, il-KESE japprova l-idea li l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà (EIF - European Interoperabilty Framework) jieħu ħsieb jispeċifika, flimkien mal-organizzazzjonijiet li jixtiequ jikkollaboraw biex jipprovdu b'mod konġunt is-servizzi pubbliċi onlajn, l-elementi komuni bħall-vokabolarju, il-kunċetti, il-prinċipji, il-linji gwida, l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-prassi, billi jiġi promoss il-multilingwiżmu u billi dawn l-elementi jiġu aġġornati kuljum.

    4.20   Fl-istabbiliment tas-servizzi onlajn transkonfinali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jibbażaw il-ftheimiet tal-interoperabbiltà fuq speċifikazzjonijiet formalizzati eżistenti, jew, jekk dawn ma jeżistux, jikkooperaw ma’ komunitajiet li jaħdmu fl-istess oqsma. L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jużaw approċċ strutturat, trasparenti u oġġettiv għall-valutazzjoni u l-għażla ta’ speċifikazzjonijiet formalizzati.

    4.21   Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li fi ftit żmien ieħor tippubblika komunikazzjoni bħala gwida għar-rabta bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-akkwist pubbliku, li tkun indirizzata lill-awtoritajiet pubbliċi, billi jidher li dan huwa metodu tajjeb għat-twessigħ tal-aċċess għall-kuntratti pubbliċi u l-iffaċilitar tal-formalitajiet amministrattivi li jirriżultaw miż-żewġ naħat.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 249, 13.9.1993, p. 6; ĠU C 214, 10.7.1998, p. 33; ĠU C 80. 03.4.2002, p. 21; ĠU C 80, 30.3.2004, p. 83; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36.

    (2)  ĠU C 128,18.5.2010, p. 65.

    (3)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

    (4)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 99.


    Top