Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1383

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali” COM(2011) 126 finali – 2011/0059 (CNS) u il- “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati” COM(2011) 127 finali – 2011/0060 (CNS)

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 87–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/87


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali”

    COM(2011) 126 finali – 2011/0059 (CNS)

    u il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati”

    COM(2011) 127 finali – 2011/0060 (CNS)

    2011/C 376/16

    Relatur: is-Sur PEZZINI

    Nhar is-26 ta’ April 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

     

    il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali

    COM(2011) 126 finali – 2011/0059 (CNS)

    u

     

    il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tal-effetti patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati

    COM(2011) 127 finali – 2011/0060 (CNS).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'156 voti favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li hemm bżonn li jiġu eliminati n-nuqqas ta’ ċertezza legali u d-diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà tal-koppji internazzjonali. Huwa jqis adatt li jiġi adottat pakkett leġislattiv magħmul minn żewġ regoli separati dwar ir-reġimi matrimonjali tal-koppji miżżewġa u reġistrati.

    1.2   Il-KESE jemmen li kwalunkwe leġislazzjoni fil-qasam għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċertezza legali, il-previdibbiltà, is-semplifikazzjoni kif ukoll l-aċċess rapidu għall-ġustizzja, soluzzjonijiet ġusti, spejjeż affordabbli u perjodi ta’ żmien qosra, u tippermetti eċċezzjonijiet biss għal raġunijiet ta’ politika pubblika.

    1.3   Il-KESE jqis importanti li kwalunkwe leġislazzjoni proposta tistabbilixxi salvagwardji ċari u trasparenti mhux biss fejn jidħlu r-reġimi patrimonjali tal-koppji miżżewġa u reġistrati iżda anki l-interessi tat-terzi partijiet. B'riżultat ta’ dan, l-għażla tal-leġislazzjoni applikabbli u l-kompetenzi ġuridiċi għandha ssir bilfors fil-mument li l-unjoni ssir kuntrattwali.

    1.4   Il-KESE jistaqsi jekk hux possibbli f'dan ir-rigward li jiġi adottat reġim Ewropew addizzjonali u fakultattiv, ir-“reġim 28”, li jipprovdi salvagwardji ugwali għall-koppji internazzjonali fir-rigward tar-reġimi matrimonjali u l-effetti patrimonjali.

    1.4.1   Dan jiffaċilita wkoll l-użu tal-arbitraġġ li jivvalida l-ftehimiet bonarji.

    1.5   Il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq l-importanza li tiġi żgurata l-eżegwibbiltà immedjata tad-deċiżjonijiet mingħajr ma jinħolqu iktar proċeduri, anki proċeduri semplifikati, sabiex jinqatgħu l-ispejjeż u d-dewmien għaċ-ċittadini, u l-burokrazija eċċessiva għas-sistemi ġudizzjarji.

    1.6   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi introdotta sistema ta’ informazzjoni u taħriġ għall-persunal rilevanti tal-qrati, għall-avukati fil-prattika u l-pubbliku billi jitwaqqfu portal interattiv u fuq l-internet bil-lingwi uffiċjali kollha u sistema għall-iskambju tal-għarfien professjonali u l-kompetenzi.

    1.7   Il-KESE jsejjaħ għat-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ assistenza teknika u legali nazzjonali mingħajr ħlas, imwaqqaf taħt l-awtorità tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali sabiex jiżgura li l-koppji kollha jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod konxju u infurmat.

    1.8   Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-proċeduri differenti relatati mas-suċċessjoni, id-divorzju, is-separazzjoni legali u x-xoljiment tar-reġim matrimonjali jitressqu quddiem l-istess qorti.

    1.9   Fl-aħħarnett il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi żgurata konsistenza totali bejn il-leġislazzjoni fis-seħħ u l-leġislazzjoni li qed tiġi emendata jew preparata għal qafas omoġenju u semplifikat tar-reġimi matrimonjali li jista' jaċċessa kull ċittadin tal-UE.

    2.   Il-qafas legali attwali

    2.1   Il-Kumitat jemmen li huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiċċaqalqu bejn Stat Membru u ieħor b'mod ħieles sabiex ikunu jistgħu jgħixu, jibnu familji u jakkwistaw proprjetà fl-UE mingħajr ostaklu jew inċertezza.

    2.2   It-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni u tar-residenza, l-aċċess għall-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali prinċipalment id-dritt għall-proprjetà, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-prinċipju ta’ kontra d-diskriminazzjoni, id-dritt għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għaż-żwieġ u t-twaqqif ta’ familja skont il-liġijiet nazzjonali u d-dritt għal proċess imparzjali.

    2.3   Iż-żieda fil-mobbiltà taċ-ċittadini fl-UE ġabet magħha iktar żwiġijiet u sħubijiet “internazzjonali” u bejn ċittadini ta’ Stati Membri differenti jew li jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu.

    2.4   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-kapaċità li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b'mod sħiħ f'żona mingħajr fruntieri interni fil-każ ta’ koppji miżżewġa jew reġistrati magħmula minn ċittadini ta’ Stati Membri differenti li jistgħu wkoll jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu. Is-sitwazzjoni ħafna drabi tista' tirriżulta fl-akkwist ta’ proprjetà mobbli jew immobbli f'iktar minn pajjiż wieħed fl-UE.

    2.5   Attwalment fl-Ewropa jeżistu madwar 16-il miljun koppja internazzjonali. Fl-2007, 13 % (310 000) mill-2,4 miljun żwieġ ġdid kellhom dimensjoni internazzjonali. B'mod simili 41 000 mill-211 000 sħubijiet reġistrati fl-UE kienu koppji internazzjonali.

    2.6   Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa permess f'ħames pajjiżi (il-Pajjiżi l-Baxxi sa mill-2001, il-Belġju sa mill-2003, Spanja sa mill-2005, l-Isvezja sa mill-2009 u l-Portugall sa mill-2010) filwaqt li s-“sħubija reġistrata” hija istituzzjoni legali iktar reċenti rikonoxxuta f'14-il Stat Membru (1). Dawn l-14-il pajjiż jippermettu sħubijiet reġistrati bejn persuni tal-istess sess iżda l-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi biss jippermettu kemm sħubijiet reġistrati bejn persuni tal-istess sess kif ukoll bejn persuni tas-sess oppost.

    2.7   Meta fl-2006, il-Kummissjoni kkonsultat lill-KESE dwar il-Green Paper dwar ir-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet fil-qasam tar-reġim matrimonjali, il-KESE appoġġja bis-sħiħ (2) l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, li estenda l-ġuriżdizzjoni u r-regoli dwar il-liġi applikabbli fi kwistonijiet matrimonjali u ssuġġerixxa li l-emendi għandhom jissupplimentaw, fuq dawn il-punti, regolament dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet legali dwar kwistjonijiet matrimonjali u l-kustodja tat-tfal. Il-KESE diġà fassal opinjoni dettaljata dwar il-kompetenza u l-liġi applikabbli fil-kwistjonijiet matrimonjali, meta ġiet ippubblikata l-Green Paper dwar id-Divorzju (3).

    2.8   Il-Kumitat ikkunsidra wkoll ikunx rakkomandabbli li l-kwistjoni tad-distribuzzjoni tal-assi komuni (bini, għamara u drittijiet ta’ proprjetà oħra) tiġi indirizzata separatament billi l-iskop tar-rationae personaea ta’ din id-distribuzzjoni jiġi estiż għall-koppji mhux miżżewwġa (li jista' wkoll ikollhom it-tfal bejniethom).

    2.9   Kien ikun iktar loġiku li l-konsegwenzi tax-xoljiment ta’ żwieġ u l-konsegwenzi tas-separazzjoni ta’ koppja mhux miżżewwġa u fi sħubija reġistrata jiġu indirizzati fl-istess qafas regolatorju.

    2.10   Dan żgur kien iġib miegħu iktar ċarezza u fehim tal-liġi applikabbli u kien jiffaċilita wkoll ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet legali li ħafna drabi jirregolaw il-kundizzjonijiet kollha u l-konsegwenzi ta’ divorzju f'ġudizzju wieħed u finali.

    2.11   Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi taż-żwieġ u tas-sħubija reġistrata, u minħabba l-konsegwenzi ġuridiċi differenti li jirriżultaw minn dawn il-forom ta’ unjoni, il-KESE jabel li hemm bżonn ta’ żewġ strumenti legali separati, wieħed relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali u l-ieħor relatat mal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti tas-sħubijiet reġistrati fuq il-proprjetà.

    2.12   Il-KESE jikkunisdra jkunx adegwat ukoll li jiġi introdott strument uniku u integrat fil-forma ta’ reġim Ewropew addizzjonali u fakultattiv (ir-“reġim 28”) (4) li l-koppji miżżewwġa jew fi sħubija reġistrata jkunu jistgħu jagħżlu b'mod ħieles u mingħajr diskriminazzjoni. Il-ftehim bejn Franza u l-Ġermanja li jwaqqaf reġim matrimonjali komuni (5) jista' jservi ta’ bażi għal reflessjoni f'dan ir-rigward.

    2.12.1   L-aspetti patrimonjali taż-żwiġijiet u s-sħubijiet reġistrati ħafna drabi jiġu trattati b'“mod mhux kontenzjuż”. F'każ bħal dan, fil-fehma tal-KESE, ikun opportun li r-reġim 28 jinkludi klawżoli li jirrikonoxxu l-validità tal-ftehimiet bonarji ta’ arbitraġġ (6) li għandhom vantaġġi sinifikanti għaċ-ċittadini tal-UE.

    2.13   Il-KESE jemmen li dawn iż-żewġ strumenti għandhom jiżguraw:

    il-previdibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-liġi applikabbli permezz ta’ regoli ċari u uniformi;

    il-konsistenza tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ċivili b'mod partikolari l-liġi tal-familja;

    ir-rikonoxximent awtomatiku tad-deċiżjonijiet u l-eżekuzzjoni permezz ta’ proċedura uniformi semplifikata li tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ta’ ġudizzji mingħajr exequatur b'rabta mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet;

    l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbi permezz ta’ awtorità ġudizzjarja unika għall-aspetti kollha tas-sitwazzjoni tal-koppja li għandha tintalab tagħmel l-għażla tagħha;

    id-definizzjoni ta’ qafas legali konsistenti, strutturat u faċli jiġi aċċessat, li jgħaqqad u jarmonizza t-terminoloġija użata għat-temi u l-kunċetti kollha u r-rekwiżiti rigward regoli simili għat-temi kollha (eż, lis pendens [proċeduri paralleli], klawżola ta’ ġuriżdizzjoni eċċ.).

    3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

    3.1   Fir-“Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: It-tneħħija tal-ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni” (7), il-Kummissjoni identifikat l-inċertezza fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà tal-koppji internazzjonali bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin li ċ-ċittadini tal-UE jsibu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum huma u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

    3.2   Il-proposti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.3   Il-Kummissjoni preżentat żewġ inizjattivi lill-Kunsill dwar il-liġi applikabbi għad-drittijiet tal-proprjetà tal-koppji internazzjonali. L-ewwel waħda tikkonċerna l-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet tar-reġimi matrimonjali u t-tieni waħda tkopri l-istess kwistjonijiet relatati mal-effetti patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

    3.4   Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tirrikonċilja d-differenzi bejn is-sistemi legali differenti tal-UE sabiex tiffaċilita l-ħajja tal-koppji internazzjonali mingħajr ma tarmonizza jew tbiddel id-dritt sostantiv tal-Istati Membri dwar kwistonijiet matrimonjali jew sħubijiet reġistrati. L-għan huwa li:

    l-koppji internazzjonali miżżewġa jkunu jistgħu jagħżlu l-liġi li għandha tapplika għall-proprjetà komuni tagħhom wara l-mewt ta’ persuna mill-koppja, jew divorzju;

    tiżdied iċ-ċertezza legali għas-sħubijiet reġistrati b'dimensjoni internazzjonali billi tiġi applikata – bħala regola ġenerali – il-liġi tal-Istat tar-reġistrazzjoni għall-proprjetà tal-koppji reġistrati;

    tiżdied iċ-ċertezza legali għall-koppji internazzjonali (miżżewġin jew reġistrati) billi jiġi stabbilit sett ta’ regoli konsistenti sabiex tintgħażel il-ġuriżdizzjoni legali u l-liġi applikabbli abbażi ta’ kriterji oġġettivi skont l-ordni ta’ preċedenza;

    tiżdied il-previdibbiltà għall-koppji internazzjoni billi jiġu semplifikati l-proċeduri ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet u strumenti fl-UE kollha billi ċ-ċittadini jkun jista' jkollhom bosta proċeduri trattati mill-istess qorti.

    3.5   Dawn il-proposti jipprevedu wkoll l-iżvilupp ta’ sit tal-internet dwar ir-reġistri eżistenti dwar kwistjonijiet ta’ reġimi matrimonjali u regoli nazzjonali fil-qafas tan-netwerk ġudizzajrju Ewropew dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

    3.6   Il-proposti għandhom jiġu approvati unanimament mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1   Il-KESE jemmen li l-għażla tar-regoli applikabbli għall-koppji miżżewġa għandha ssir malli jiżżewġu sabiex tiġi evitata l-għażla ta’ liġi li m'għandha l-ebda rabta legali maż-żwieġ. Minflok, fejn jidħlu żwiġijiet eżistenti, fl-assenza ta’ għażla, tista' titfassal lista ta’ kriterji oġġettivi sabiex tiġi determinata l-liġi applikabbli b'konformità mas-sistema adottata fir-Regolament reċenti Ruma III (8).

    4.1.1   Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ regoli li jagħtu lill-koppji miżżewġa għażla limitata tal-liġi applikabbli ser iżżid iċ-ċertezza legali filwaqt li lill-partijiet interessati tagħtihom ftit libertà fl-għażla tal-liġi li tapplika għall-proprjetà tagħhom u fl-istess ħin tħares l-interess tal-partijiet terzi.

    4.1.2   Fil-każ ta’ sħubijiet reġistrati, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Istat tar-reġistrazzjoni.

    4.1.3   Il-KESE jenfasizza l-bżonn ta’ sistema ċara u adegwata ta’ informazzjoni dwar l-għażla tal-liġi applikabbli b'konformità mar-Regolament tal-UE Nru 1259/2010 u mal-proposta mfassla fil-COM(2011) 126 sabiex il-koppji jifhmu sew il-liġijiet tad-divorzju u r-regoli dwar ir-relazzjonijiet patrimonjali.

    4.1.4   Il-KESE jqis li ċ-ċertezza legali għandha tkun prijorità. Għalhekk huwa jqajjem tħassib dwar jekk hux ser ikun possibbli li l-għażla tal-liġi li tagħmel il-koppja tiġi rispettata wkoll għall-proprjeta, jekk jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx il-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà tagħhom.

    4.1.4.1   Il-KESE jemmen li sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u fl-istess waqt id-dritt tal-koppja li jissalvagwardjaw il-valur tal-proprjetà mobbli u immobbli tagħhom, ikun utli li ssir evalwazzjoni ġusta tal-patrimonju hekk kif iseħħ iż-żwieġ u matul is-separazzjoni jew id-divorzju.

    4.1.4.2   Il-KESE jitlob li l-atti dwar il-beni patrimonjali jindikaw ir-reġim li japplika għall-koppja. Dan importanti li jsir b'mod partikolari jekk fost il-beni jkun hemm titoli u ishma, assigurazzjonijiet tal-ħajja, fondi tal-pensjonijiet u oħrajn.

    4.1.5   Il-KESE jikkunsidra x'jistgħu jkunu l-konsegwenzi għall-partijiet terzi meta l-għażla tal-liġi applikabbli għar-reġimi patrimonjali ma tikkorrispondix ma’ dik tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà u anki meta din tkun barra mill-UE.

    4.2   Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu eliminati l-problemi assoċjati mar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti billi jsir progress fejn jidħlu tnaqqis ta’ spejjeż u żmien biex jiġu rikonoxxuti d-deċiżjonijiet u li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ applikazzjonijiet fi qrati fi Stati Membri differenti.

    4.3   Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fir-rigward tax-xoljiment tar-reġimi patrimonjali jestendu l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li titratta d-divorzju u suċċessjoni għal kwistjonijiet relatati max-xoljiment tar-reġim patrimonjali. Dan joffri iktar ċertezza legali għax il-ġuriżdizzjoni li titratta d-divorzji jew is-suċċessjoni tittratta wkoll il-likwidazzjoni tar-reġim patrimonjali.

    4.3.1   Il-KESE jinsab imħasseb dwar iż-żmien li ser ikollhom bżonn l-Istati Membri sabiex jadattaw il-liġi domestika tagħhom u d-data li fiha ser jidħlu fis-seħħ ir-regoli dwar ir-reġimi patrimonjali.

    4.4   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi garantit il-moviment ħieles tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti permezz tar-rikonoxximent awtomatiku tagħhom fl-UE kollha u li jiġu infurzati permezz ta’ proċeduri semplifikati uniformi billi dan jiżgura l-konsistenza li hemm bżonn fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ċivili.

    4.5   Il-KESE jemmen li l-għan ġenerali għandu jkun li jitwaqqaf qafas legali konsistenti, strutturat u faċli jiġi aċċessat. Huwa jqis li sabiex dan ikun jista' jseħħ, hemm bżonn li t-terminoloġija tiġi armonizzata u użata għat-temi u l-kunċetti kollha u r-rekwiżiti rigward regoli simili għat-temi kollha (eż, lis pendens [proċeduri paralleli], klawżola ta’ ġuriżdizzjoni, ir-residenza abitwali eċċ.)

    4.6   Il-KESE jqis li huwa importanti wkoll li jiġi permess ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kif ukoll taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tad-deċiżjonijiet mingħajr exequatur fis-suq intern, b'konformità mal-emendi proposti (9) għar-regoli dwar il-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 mingħajr eċċezzjonijiet ħlief għal raġunijiet ta politika pubblika u b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    4.7   Il-KESE jaqbel li l-proċeduri differenti, jiġifieri d-divorzju, is-separazzjoni legali u x-xoljiment tar-reġim matrimonjali għandhom jitressqu quddiem l-istess qorti. Il-qrati kompetenti huma dawk identifikati fir-Regolament Brussell IIa.

    4.7.1   Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu evitati l-proċeduri paralleli u l-applikazzjoni ta’ drittijiet sostantivi differenti għall-proprjetà ta’ koppji miżżewġa jew reġistrati.

    4.8   Il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li l-azzjoni tal-UE tipprovdi taħriġ lill-qrati kompetenti u lill-avukati fil-prattika li jkollhom japplikaw il-qafas regolatorju ġdid għar-reġimi patrimonjali tal-koppji miżżewġa u reġistrati.

    4.9   Il-koppji miżżewġa u reġistrati għandhom jingħataw l-informazzjoni adegwata dwar il-konsegwenzi tal-għażla tal-liġi li tapplika għall-proprjetà tagħhom f'każijiet fejn tiġi trasferita, speċjalment jekk il-liġi magħżula hija differenti minn dik tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà.

    4.10   B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-24 u l-25 ta’ Frar 2011, “ir-rispett għad-drittijiet fundamentali għandu jitqies ukoll meta jiġu abbozzati atti legali li mhumiex soġġetti għal proċedura leġiżlattiva” (10). Il-Kumitat iqis li l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tista' u għandha taqdi rwol attiv fejn tidħol l-assistenza teknika u ġuridika li tingħata lill-koppji sabiex tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effikaċi.

    5.   Kummenti partikolari

    5.1   Regoli proposti dwar ir-reġimi matrimonjali

    5.1.1   Il-KESE jaqbel li l-kunċett ta’ reġim matrimonjali għandu jiġbor fih kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-proprjetà u x-xoljiment tal-proprjetà u li m'għandux jolqot in-natura tad-drittijiet in rem fuq il-beni, il-kwalifika tal-proprjetà u tad-drittijiet u d-determinazzjoni tal-prerogattivi tad-detentur ta’ dawn id-drittijiet, bl-eċċezzjonijiet biss għal raġunijiet ta’ politika pubblika prevista fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri.

    5.1.2   Il-KESE huwa serjament imħasseb dwar il-bżonn li tiġi żgurata konsistenza fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni bejn ir-regoli applikabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 1259/2010 (divorzju u separazzjoni legali) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 (kwistjonijiet matrimonjali) u r-regoli stabbiliti fil-proposta għal regolament dwar ir-reġimi matrimonjali (ara Kapitolu II, Artikli 4 u 5 u Kapitolu III, Artikoli 15-18).

    5.1.2.1   Il-KESE jemmen li differenza bejn ir-regoli f'diversi każijiet, meta tkun għad-diskrezzjoni tal-partijiet, tista' tirriżulta f'kumplessitajiet mhux xierqa u twassal għal kunflitti ta’ ġuriżdizzjoni u l-konsegwenzi tagħhom, b'żieda sinifikanti fl-ispejjeż u d-dewmien. Il-Kumitat jemmen li huwa adegwat li l-kompetenza ġudizzjarja tiġi determinata hekk kif iseħħ iż-żwieġ.

    5.1.3   Il-prinċipju tar-rikonoxximent mutwu b'rispett lejn iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ deċiżjonijiet, ta’ atti awtentiċi u ta’ tranżazzjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tar-reġimi matrimonjali għandha teskludi l-possibbiltà ta’ iktar proċeduri bħal dawk proposti. Kwalunkwe tip ta’ proċeduri exequator (ara r-Regolamenti Brussell I u Brussell II) ser iżidu l-ispejjeż u d-dewmien.

    5.1.4   Il-KESE jemmen li f'Artikolu 4 taż-żewġ regolamenti għandu jiġi eskluż il-bżonn ta’ ftehim min-naħa tal-partijiet sabiex il-kompetenza tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun qed tittratta x-xoljiment jew l-annullament tkun tista' tiġi estiża għall-effetti patrimonjali ta’ dawn l-atti.

    5.2   Regoli proposti dwar ir-reġimi patrimonjali ta’ msieħba reġistrati

    5.2.1   Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jitqiesu l-karatteristiċi differenti li jiddistingwu s-sħubijiet reġistrati sabiex jiġu determinati l-konsegwenzi legali għall-imsieħba reġistrati b'kunsiderazzjoni speċifika tal-aspetti relatati mal-beni għall-imsieħba u l-partijiet terzi.

    5.2.2   Il-KESE huwa mħasseb fir-rigward tal-fatt li l-proposti stabbiliti fil-COM(2011) 127 (sħubijiet reġistrati) jistgħu ma jkunux kompatibbli mal-liġijiet tal-pajjiż fejn jinsabu l-beni.

    5.2.3   Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sistemi fil-pajjiżi li jippermettu s-sħubijiet reġistrati, bil-għan li jiżdiedu l-garananziji tad-drittijiet tal-persuni fi sħubija reġistrata u dawk tal-partijiet terżi, ikun adegwat li jiġu armonizzati s-sistemi ta’ informazzjoni, il-proċeduri ta’ pubblikazzjoni u l-eżegwibbiltà ta’ drittijiet relatati mal-proprjetà tal-koppji nfushom b'mod speċjali jekk il-proprjetà tinsab f'pajjiżi li ma jirrikonoxxux sħubijiet bħal dawn.

    5.3   Aċċess għal informazzjoni dwar reġimi patrimonjali fl-Istati Membri

    5.3.1   Il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat aċċess adegwat għall-informazzjoni primarjament għall-koppji miżżewġa u l-koppji reġistrati iżda anki għall-qrati b'ġuriżdizzjoni u l-avukati fil-prattika billi jiġu provduti linji gwida prattiċi fil-lingwi tal-UE u billi jiġi żviluppat portal tal-internet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

    5.3.2   Il-KESE jqis li huwa assolutament neċessarju li jiġi żviluppat programm ta’ taħriġ għall-uffiċjali tal-qorti, l-avukati fil-prattika u l-utenti tal-liġi u skambji tal-esperjenza sabiex jiġi żgurat li l-professjonjalità u l-għarfien fir-rigward tas-sistemi legali nazzjonali rilevanti, ikunu mifruxa sew.

    5.3.3   Il-KESE jsejjaħ għat-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ punti nazzjonali ta’ assistenza teknika u legali li taqa' taħt l-awtorità tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali sabiex tiżgura li l-koppji kollha miżżewġa jew fi sħubija reġistrata jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr ħlas u b'mod infurmat fir-rigward tad-drittijiet tagħhom fejn jidħlu reġimi matrimonjali.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

    (2)  ĠU C 325, 4.5.2010, p. 71.

    (3)  ĠU C 24, 4.5.2010, p. 20.

    (4)  ĠU C 21, 21.01.2011, p. 26.

    (5)  Ara Franza – il-Kunsill tal-Ministri tat-23 ta’ Marzu 2011.

    (6)  Proposta tal-Ministeru Taljan tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza West Tankers, Każ C-185/07, punt 26, dwar il-validità tal-klawżoli ta’ arbitraġġ.

    (7)  Adottat fis-27 ta’ Ottubru 2010.

    (8)  Ara r-Regolament tal-UE Nru 1259/2010, 20.12.2010, ĠU L 343/10, 29.12.2010 p. 10.

    (9)  Ara COM(2010) 748 finali.

    (10)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, 24-25 ta’ Frar 2011.


    Top