Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1382

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” COM(2010) 636 finali

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/81


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli”

    COM(2010) 636 finali

    2011/C 376/15

    Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS

    Nhar it-13 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli

    COM (2010) 636 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 bħala strument politiku attiv biex tiġi implimentata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-impenji li nħolqu mill-konklużjoni tal-Konvenzjoni. Din hija konferma formali mill-UE tal-Konvenzjoni tan-NU u rikonoxximent tal-istatus legali vinkolanti tagħha. Il-KESE jappella lill-UE biex tieħu l-passi li jmiss, li huma importanti bl-istess mod, tar-ratifika tal-Protokoll Fakultattiv u biex jiġi żgurat li l-leġislazzjoni sekondarja eżistenti u futura tirrispetta din il-Konvenzjoni. Il-KESE jemmen li din il-Konvenzjoni tistabbilixxi qafas ċar li jippermetti lill-persuni b’diżabilitajiet jikkontribwixxu għat-twettiq tal-potenzjal tagħhom jekk il-parteċipazzjoni u l-involviment ikunu garantiti.

    1.2   Il-KESE jipproponi li tinħoloq rabta bejn l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità u l-Istrateġija Ewropa 2020. L-Istati Membri għandhom jinkludu miri speċifiċi għall-persuni b’diżabilità fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom sabiex ikejlu l-faqar, ir-rati ta’ impjieg u l-edukazzjoni.

    1.3   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal direttiva (1) kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 19 tat-TFUE (2). Huwa jappella lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex, sakemm l-artikoli dwar l-għoti ta’ status ta’ diżabilità jiġu emendati biex jikkonformaw mal-Konvenzjoni tan-NU, jadottaw leġislazzjoni b’saħħitha u adatta li testendi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet lil hinn mill-qasam tal-impjieg.

    1.4   Il-KESE jenfasizza l-valur miżjud tal-konsultazzjoni u l-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità meta jiġu żviluppati u implimentati l-liġijiet u l-politiki relatati mal-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU). Anke l-imsieħba soċjali jistgħu jaqdu rwol importanti u jintegraw iżjed il-kunsiderazzjonijiet tad-diżabilità fin-negozjati tagħhom. Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar is-Swieq tax-Xogħol Inklużivi, konkluż mill-Imsieħba Soċjali Ewropej fil-25 ta’ Marzu 2010, u jitlob li l-Istati Membri jadottaw miżuri finanzjarji speċifiċi biex jippromovu n-negozjar kollettiv fil-kwistjonijiet ta’ diżabilità. Huwa josserva li l-politiki tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità għandhom jiffokaw fuq l-integrazzjoni tal-ħajja (life streaming) kollha kemm hi, u b’mod partikolari fuq it-tagħlim tul il-ħajja, ir-reklutaġġ, il-kontinwità fl-impjieg u l-impjieg mill-ġdid, filwaqt li tinżamm applikazzjoni pożittiva tal-leġislazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Huwa jilqa’ wkoll u jħeġġeġ l-azzjonijiet konġunti tat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet, bħall-konferenza konġunta tal-KETU/EDF.

    1.5   Il-KESE huwa tal-fehma li Ewropa mingħajr ostakli trid tinkiseb bl-adozzjoni ta’ Att Ewropew għall-Aċċessibbiltà, jiġifieri leġislazzjoni vinkolanti b’saħħitha li tiżgura li l-persuni b’diżabilità jkollhom id-drittijiet tagħhom għall-moviment ħieles u l-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-ambjent mibni. Għandhom jiġu identifikati mekkaniżmi ta’ infurzar u monitoraġġ adatti u effettivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali.

    1.6   L-inklużjoni tal-aċċessibbiltà ser tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-irkupru ekonomiku tal-UE billi toħloq swieq ġodda għall-prodotti u s-servizzi assistivi u impjiegi ġodda. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Istrateġija li sal-2015 tiġi żgurata aċċessibbiltà sħiħa għas-siti tal-internet tas-settur pubbliku u s-siti tal-internet li jipprovdu servizzi fundamentali għall-pubbliku.

    1.7   Il-KESE jemmen li l-Karta Ewropea tal-Mobbiltà tkun għodda konkreta u effettiva għall-promozzjoni tal-moviment ħieles tal-persuni b’diżabilità billi tagħtihom l-aċċess għas-servizzi fl-UE. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha twassal għall-adozzjoni tal-Karta Ewropea tal-Mobbiltà li tista’ tintuża fl-Istati Membri kollha.

    1.8   Il-KESE jappella sabiex id-dinjità tal-bniedem u l-ugwaljanza jiġu rispettati fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Huwa jitlob li titqajjem kuxjenza fis-soċjetà, inkluż fost il-familji, dwar il-persuni b’diżabilità, ir-rispett għad-drittijiet tagħhom u li jiġu miġġielda l-istereotipi tal-persuni b’diżabilità fl-impjieg, l-edukazzjoni u oqsma oħra. Il-KESE jemmen fil-valur miżjud tal-miżuri tal-UE biex jingħelbu d-disparitajiet fis-sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilitajiet fl-Istati Membri, inkluż it-tħeġġiġ tal-korpi kollha tal-mezzi tax-xandir biex jippromovu l-għarfien dwar il-kapaċitajiet u l-kontributi tal-persuni b’diżabilità. Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu indikaturi tad-diżabilità biex tinġabar dejta konsistenti fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ persuna u għall-monitoraġġ tal-għadd ta’ ċittadini b’diżabilitajiet bil-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 għat-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskola, il-faqar u l-qgħad.

    1.9   Il-KESE jemmen li hemm bżonn Kumitat Ewropew għad-Diżabilità biex jipprovdi tmexxija strutturata għall-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità u biex jaġixxi bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ aktar b’saħħtu u effiċjenti tal-implimentazzjoni Ewropea u nazzjonali tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 33(1) tal-istess Konvenzjoni. Il-KESE ser jivvaluta u jevalwa l-implimentazzjoni b’mod kostanti.

    1.10   Il-KESE jiddispjaċih għall-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja fuq il-ħajja tal-persuni b’diżabilitajiet u l-kapaċità tagħhom li jaċċessaw id-drittijiet tagħhom. Huwa jħeġġeġ li jiġu appoġġjati l-persuni b’diżabilitajiet fi żminijiet ta’ kriżi u jwissi kontra kwalunkwe tnaqqis fl-infiq soċjali minħabba miżuri ta’ awsterità. Il-fondi strutturali Ewropej u strumenti finanzjarji oħra għandhom jintużaw għal dan il-għan u biex tiġi ffinanzjata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Konvenzjoni tan-NU. Hemm bżonn mekkaniżmi oħra, pereżempju dawk relatati mal-Fondi Strutturali bħall-allokazzjoni diretta tal-fondi (ringfencing) għal miżuri mmirati lejn il-persuni b’diżabilità u gruppi vulnerabbli oħra. Il-politika ta’ koeżjoni futura għandha tikkonforma mal-Konvenzjoni tan-NU. L-Artikolu 16 tar-regolament attwali għandu jiġi implimentat b’mod effettiv.

    1.11   Il-KESE jiddikjara li kulħadd, inkluż il-persuni b’diżabilitajiet psikosoċjali, persuni fi bżonn ta’ appoġġ iktar intensiv, it-tfal u n-nisa b’diżabilitajiet, għandu jgawdi d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fuq bażi ugwali mal-oħrajn. Huwa jagħraf u jippromovi d-dritt għal għajxien indipendenti u jħeġġeġ il-bżonn li tiġi appoġġjata t-transizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità.

    1.12   Il-KESE jirrakkomanda li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) futur tal-2014-2020 jagħraf l-istatus legali tal-Istrateġija u l-Konvenzjoni tan-NU fl-UE u jippermetti l-finanzjament tal-inkorporazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Il-QFM għandu jwettaq l-għanijiet ġenerali tal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilitajiet u għandu jinvesti fil-promozzjoni tal-antidiskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà.

    2.   Daħla

    2.1   Il-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2010, tirrappreżenta strument ta’ politika fundamentali għall-persuni b’diżabilitajiet. L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità tidentifika tmien oqsma prinċipali: l-aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, u l-azzjonijiet esterni. Għal kull qasam hemm azzjonijiet prinċipali ppjanati għall-perjodu 2010-2015, u wara hemm inizjattivi ġodda li ser jitfasslu u l-istrateġija tiġi riveduta. Din l-Istrateġija għandha l-għan li timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u li tiddetermina l-mekkaniżmu għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-politika tal-UE, inkluż fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Hija tidentifika wkoll l-appoġġ meħtieġ għall-finanzjament, ir-riċerka, is-sensibilizzazzjoni, l-istatistika u l-ġbir tad-dejta. Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn żewġ dokumenti importanti: il-lista ta’ azzjonijiet konkreti ppjanati għall-2010-2015 (3); u dokument ta’ ħidma (4) li jispjega l-istrateġija fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU.

    2.2   Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU permezz tar-reviżjoni u l-iżvilupp tal-leġislazzjoni Ewropea.

    2.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE għandhom jirriflettu l-bidla fl-approċċ introdotta mill-Konvenzjoni tan-NU minn perspettiva medika għal waħda tad-drittijiet tal-bniedem u jieħu l-impenn li japplika l-approċċ tal-mudell soċjali għad-diżabilità.

    2.4   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi adottata l-istqarrija tal-Konvenzjoni tan-NU li l-persuni b’diżabilità jinkludu dawk li, fuq perjodu twil, għandhom limitazzjonijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi li, flimkien ma’ diversi ostakli, jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor (5).

    2.5   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li kull bniedem għandu d-dritt għall-ħajja u jenfasizza li l-persuni b’diżabilità jaqsmu dan id-dritt fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

    2.6   Il-KESE jiddenunzja ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-persuni b’diżabilità, li huma soġġetti għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini etnika jew soċjali, tal-fattizzi ġenetiċi, tal-lingwa, tar-reliġjon jew twemmin, tal-opinjoni politika jew opinjoni oħra, tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali, tal-proprjetà, tat-twelid, tal-età, tal-orjentazzjoni sesswali jew ta’ kwalunkwe status ieħor.

    2.7   Il-KESE jirrikonoxxi li l-persuni b’diżabilità jirrappreżentaw madwar 16 % tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri 80 miljun persuna. Il-KESE jirrikonoxxi li l-persuni b’diżabilità jirrappreżentaw ukoll wieħed minn kull sitt persuni tal-popolazzjoni ħaddiema fl-UE u li 75 % minnhom, li jistgħu jeħtieġu appoġġ intensiv, m’għandhomx aċċess għall-impjieg. 38 % tal-persuni b’diżabilità bejn l-età ta’ 16 u 34 sena jaqilgħu 36 % inqas minn persuni li m’għandhomx diżabilità (6).

    2.8   Il-KESE jġedded l-impenn tiegħu li jippromovi l-ugwaljanza u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilitajiet kif wera f’opinjonijiet preċedenti (7), kemm fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tal-Konvenzjoni tan-NU kif ukoll fl-azzjonijiet esterni tal-UE.

    2.9   Il-KESE jappella għal miżuri effettivi biex jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola, meta jitqies il-fatt li l-persuni b’diżabilità għandhom darbtejn inqas ċans li jaslu sal-edukazzjoni terzjarja minn persuni oħra.

    2.10   Il-KESE jħeġġeġ ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament indaqs fl-impjieg u l-okkupazzjoni sabiex tikkonforma mal-Konvenzjoni tan-NU. Fil-fatt, skont il-Konvenzjoni, fl-applikazzjoni u t-transpożizzjoni tad-direttiva, iċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli għandha tiġi kkunsidrata bħala diskriminazzjoni. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-direttiva b’mod korrett u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja b’mod adegwat l-applikazzjoni tagħha.

    2.11   Il-KESE jappoġġja l-użu tal-Fondi Strutturali għall-irkupru ekonomiku u l-bini tal-koeżjoni soċjali (8). Ir-regolamentazzjoni futura għandha żżomm in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà bħala prinċipji orizzontali u tirrikonoxxi l-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità f’kull stadju tal-proċess (it-tfassil, l-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ). Id-dispożizzjonijiet tan-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà għandhom jissaħħu bħala kriterji fir-regolament. L-Artikolu 16 tar-regolament attwali għandu jissaħħaħ u l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tiegħu għandhom jiġu ggarantiti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

    2.12   Għandhom jiġu eżaminati (9) wkoll mekkaniżmi adatti għall-għajnuna finanzjarja, bħall-allokazzjoni diretta tal-fondi (ringfencing) għall-miżuri mmirati lejn il-persuni b’diżabilità (10) u gruppi vulnerabbli oħra sabiex il-politika ta’ koeżjoni tiffoka fuq prijoritajiet rilevanti (11). Il-KESE diġà rrakkomanda li l-fondi jkunu mmirati lejn objettivi speċifi relatati mal-inklużjoni soċjali (12). Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-għajnuna meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU u l-Istrateġija, l-inklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilitajiet għandha tiġi inkorporata, kollha kemm hi, bħala kategorija ta’ nfiq.

    2.13   Il-KESE jistqarr li t-tfal b’diżabilitajiet għandhom igawdu d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fuq bażi ugwali mal-oħrajn u jfakkar fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u l-obbligi li din iġġib magħha.

    2.14   Il-KESE jħeġġeġ transizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet li jgħixu b’mod indipendenti. Il-fondi Ewropej m’għandhomx jintużaw biex jikkonvertu jew jirrinnovaw l-istituzzjonijiet, iżda minflok biex jiġi ffinanzjat il-proċess ta’ transizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità, inkluż il-konverżjoni tal-istituzzjonijiet f’servizzi bbażati fil-komunità. Huwa jisħaq fuq il-bżonn li jiġu promossi standards ta’ għajxien adegwati u t-tixjiħ attiv.

    3.   Valutazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010 - 2020

    3.1   Il-KESE jqis li l-Istrateġija tirrifletti parzjalment l-ambizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU u jemmen li l-oqmsa ta’ azzjoni tal-Istrateġija huma rilevanti u għandhom jissaħħu fid-dawl tal-Konvenzjoni.

    3.2   Il-KESE jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa mhijiex kwistjoni trasversali fl-Istrateġija. Huwa jappella għall-analiżi statistika tad-data relatata mad-diżabilità skont il-ġeneru u li l-istatistika tal-ġeneru tinkludi n-nisa b’diżabilità. Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu baġits tal-ġeneru fl-istrumenti finanzjarji tal-UE relatati mad-diżabilità. L-integrazzjoni tal-ġeneru għandha tiġi żgurata meta tiġi implimentata din l-Istrateġija.

    3.3   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija tindirizza n-nuqqas ta’ dejta relatata mad-diżabilità u jappella biex jiġu żviluppati indikaturi li jkejlu r-rati ta’ impjieg u faqar tal-persuni b’diżabilità u l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni.

    3.4   Filwaqt li jagħraf l-importanza tal-prevenzjoni, kif hija indirizzata fl-Istrateġija fit-taqsima dwar is-saħħa, il-KESE jinnota li l-Istrateġija aħjar tiffoka fuq l-affermazzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità milli li tħallathom mal-prevenzjoni.

    3.5   Il-KESE jilqa’ l-impenn qawwi tal-Istrateġija għall-aċċessibbiltà u l-impatt pożittiv tagħha fuq is-soċjetà (pereżempju l-persuni mdaħħla fl-età u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa). Negozji aċċessibbli jattiraw aktar klijenti (15 % tal-konsumaturi). Prodotti ġodda joħolqu aktar swieq u huma sors ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli (13). Il-KESE jfakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-UE, “l-aċċessibbiltà tirrappreżenta xejn inqas mis-sisien ta’ soċjetà inklużiva bbażata fuq in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni” (14).

    3.6   Il-KESE jappoġġja l-użu tal-Fondi Strutturali biex tiġi pprovduta għajnuna finanzjarja adegwata għall-Istrateġija. B’mod partikolari, huwa jissuġġerixxi li jsir użu iktar effettiv tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fil-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-ksib ta’ livell għoli ta’ aċċessibbiltà fl-Ewropa.

    3.7   Il-KESE jemmen li din l-Istrateġija għandha tħeġġeġ iktar stil ta’ ħajja indipendenti għall-persuni b’diżabilità permezz tal-kura bbażata fil-komunità u d-deistituzzjonalizzazzjoni. Il-fondi Ewropej għandhom jiġu investiti fil-promozzjoni tal-kura bbażata fil-komunità u biex jiġi żgurat li tali kura tkun ta’ standard adatt.

    3.8   Il-KESE josserva (13) li l-inklużjoni attiva għandha tkun marbuta mas-suq tax-xogħol u tipprovdi livell adegwat ta’ dħul u aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità għolja, riflessi f’titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien anke għal dawk li jinsabu ’l bogħod mis-suq tax-xogħol (15).

    3.9   Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE, bħala l-ikbar donatur tal-għajnuna esterna fid-dinja, għandha tmexxi billi tagħti l-eżempju u tippromovi l-integrazzjoni tad-diżabilità fil-ħidma ta’ kooperazzjoni tagħha.

    3.10   Il-KESE jippromovi suq uniku inklużiv u jappella biex ikun hemm kunsiderazzjonijiet soċjali obbligatorji fl-akkwist pubbliku, b’mod speċjali fil-promozzjoni tal-aċċessibbiltà, permezz tal-adozzjoni ta’ Att Ewropew ta’ Aċċessibbiltà ambizzjuż, u l-promozzjoni tal-impjieg, in-non-diskriminazzjoni u l-kwalità tas-servizzi soċjali. Huwa jilqa’ l-mandat ta’ standardizzazzjoni 473 (16) Ewropew u jappella għal standards ta’ aċċessibbiltà obbligatorji bħala appoġġ għal-leġislazzjoni fl-akkwist pubbliku, billi bħala eżempju tittieħed il-leġislazzjoni (17) tal-aċċessibbiltà Amerikana. Il-KESE jagħraf l-importanza tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet, l-industrija u s-soċjetà ċivili fid-definizzjoni ta’ dawn l-istandards (18). Madankollu, minħabba s-suċċess limitat fil-prattika, hemm bżonn ta’ mekkaniżmu legalment vinkolanti u iktar strutturat fil-futur.

    3.11   Il-KESE jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni biex ikunu ambizzjużi fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet u biex jiżguraw l-implimentazzjoni adatta tal-Konvenzjoni tan-NU fl-Unjoni Ewropea.

    4.   Implimentazzjoni u governanza

    4.1   Il-KESE jappella għat-tmexxija strutturata tal-Istrateġija permezz ta’ Kumitat Ewropew għad-Diżabilità, bħala mod konkret biex jissaħħaħ il-Grupp ta’ Livell Għoli għad-Diżabilità eżistenti u biex jaġixxi bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni tan-NU.

    4.2   Il-KESE jemmen li hemm bżonn kumitati tad-diżabilità biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-Istrateġija u l-Konvenzjoni tan-NU fil-livell nazzjonali. Il-kumitat nazzjonali għandu jiżgura l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilitajiet fil-proċess ta’ koordinazzjoni u jagħmel kuntatt mal-punti fokali nazzjonali u l-atturi Ewropej relatati.

    4.3   Il-KESE jemmen li l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ewropew tad-Diżabilità għandha tiżgura l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-persuni b’diżabilità u l-konsultazzjoni mal-KESE, partijiet interessati oħra u organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilitajiet.

    4.4   Il-KESE jieħu l-impenn li jaqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU bħala l-ewwel trattat internazzjonali ta’ dritt tal-bniedem ratifikat mill-UE. Huwa jippromovi l-implimentazzjoni interna tal-Istrateġija u l-Konvenzjoni tan-NU. Barra minn hekk, huwa ser iqajjem kuxjenza billi jorganizza avvenimenti bħal konferenza ta’ livell għoli dwar il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilitajiet.

    4.5   Il-KESE jappella biex jiġu kkunsidrati l-Artikoli 33(1) u 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU, li għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien mhux meħtieġ u f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-punt fokali jitqiegħed taħt ir-responsabbiltà diretta tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u li jiġu żgurati l-indipendenza sħiħa u l-pluraliżmu tal-mekkaniżmu tal-monitoraġġ.

    4.6   Il-KESE jfakkar fl-obbligu li jiġu involuti l-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Konvenzjoni, inkluża l-Istrateġija, skont l-Artikolu 33(3) tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 11 tat-TUE.

    4.7   Il-KESE jikkunsidra li huwa importanti li tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali taħt l-Istrateġija li għandhom jinkisbu sal-2015 billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jressqu rapporti ta’ progress. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta wkoll dwar il-kisbiet fil-livell Ewropew. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha tiġi abbinata ma’ dik tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-Istati Membri għandhom jinkludu miri speċifiċi għall-persuni b’diżabilità fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom sabiex ikejlu l-faqar, ir-rati ta’ impjieg u l-edukazzjoni.

    4.8   Il-programmi ta’ finanzjament futuri tal-Kummissjoni Ewropea li ser jissostitwixxu l-programm PROGRESS għandhom jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità li jirrappreżentaw kemm diżabilità multipla kif ukoll limitazzjonijiet speċifiċi. Dan jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

    4.9   Il-KESE jappella lill-partijiet interessati rilevanti, pereżempju t-trejdjunjins, min iħaddem, il-provvedituri tas-servizzi, l-atturi tal-ekonomija soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità biex jieħdu sehem attiv fl-applikazzjoni tal-Istrateġija, fl-ambitu tar-responsabbiltajiet u r-rwoli tagħhom.

    4.10   Il-KESE jemmen li l-atturi tal-ekonomija soċjali għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħajja u l-opportunitajiet tal-persuni żvantaġġjati biex ikollhom aċċess għall-impjieg u l-prodotti u s-servizzi.

    4.11   Il-KESE jistieden lit-trejdjunjins u lil min iħaddem biex jinkludu klawsoli relatati speċifikament mad-diżabilità fin-negozjati kollettivi għall-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol inklużivi u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri finanzjarji speċifiċi biex jappoġġjaw in-negozjati.

    4.12   Il-KESE jemmen li din l-Istrateġija għandha tħeġġeġ iktar kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-persuni b’diżabilità u l-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali biex l-Istrateġija tinxtered iktar fil-livell nazzjonali.

    4.13   Il-KESE jappella biex il-bżonnijiet tal-persuni li jeħtieġu appoġġ intensiv u l-persuni b’diżabilità psikosoċjali jiġu integrati fl-oqsma kollha tal-Istrateġija.

    5.   Reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità fl-2015 u l-qafas il-ġdid wara l-2020

    5.1   Il-KESE jirrakkomanda valutazzjoni bir-reqqa tal-Istrateġija u lista ambizzjuża ta’ miżuri wara l-2015 biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tiġi żgurata l-ugwaljanza fl-UE.

    5.2   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi valutata l-leġislazzjoni attwali tal-UE u li b’mod sistematiku jiddaħħlu l-prinċipji tal-Konvenzjoni fil-leġislazzjoni u l-politiki ġodda tal-UE.

    5.3   Il-KESE qed jippromovi valutazzjoni komprensiva tal-Istrateġija sal-2013 biex tiġi żgurata konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u biex jiġu koperti, fost affarijiet oħra, oqsma bħad-dritt għall-ħajja u r-rikonoxximent quddiem il-liġi.

    5.4   Il-KESE jqis li l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija huma l-ugwaljanza fl-impjieg, l-edukazzjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema u oqsma rilevanti oħra tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

    5.5   Il-KESE jtenni li hemm bżonn li jiġi kkonsultat qabel ma jitressaq ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-UE quddiem il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

    5.6   Il-KESE jfakkar fl-importanza ta’ dejta konsistenti għall-iżviluppi ta’ politika u għal valutazzjoni adegwata tal-Istrateġija u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ indikaturi speċifikament għad-diżabilità fil-livell tal-UE.

    L-ewwel Proposti għal lista ġdida ta’ azzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2015

    5.7   Il-KESE beħsiebu jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Att Ewropew tal-Aċċessibbiltà fl-Istati Membri wara l-adozzjoni tal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni Ewropea mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala leġislazzjoni vinkolanti. Il-KESE jappella għal pjan konkret biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE (l-infrastrutturi, il-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-laqgħat, is-siti elettroniċi u l-informazzjoni) ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

    5.8   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu emendati l-artikoli relatati mad-diżabilità fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal direttiva kontra d-diskriminazzjoni sabiex ikunu konformi mal-Konvenzjoni tan-NU u jappella lill-Istati Membri biex b’mod konsistenti jadottaw leġislazzjoni Ewropea b’saħħitha li testendi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet lil hinn mill-qasam tal-impjieg.

    5.9   Il-KESE jemmen li l-lista l-ġdida ta’ miżuri wara l-2015 għandha tinkludi miżuri li jindirizzaw is-sitwazzjoni partikolari tal-persuni b’diżabilitajiet psikosoċjali, in-nisa u l-bniet, it-tfal u l-persuni mdaħħla fiż-żmien b’diżabilitajiet kif ukoll il-persuni li jeħtieġu appoġġ intensiv.

    5.10   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilitajiet ikunu jistgħu jibbenefikaw għalkollox mill-moviment ħieles. Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni tal-Karta Ewropea tal-Mobbiltà bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-benefiċċji mhux finanzjarji tad-diżabilità fil-pajjiżi tal-UE bħala għodda għall-promozzjoni tal-moviment ħieles tal-persuni b’diżabilità billi tippermettilhom jivvjaġġjaw fl-UE l-istess bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE. Ibbażat fuq l-eżempju tal-Karta tal-Ipparkjar, l-għan tal-Karta tal-Mobbiltà għandu jkun li tiżgura l-aċċess għad-diversi benefiċċji offruti mill-ħafna istituzzjonijiet pubbliċi u privati, pereżempju, l-aċċess għat-trasport pubbliku, għall-mużewijiet, eċċ. Il-KESE jistenna proposti konkreti għat-tneħħija tal-ostakli għall-portabbiltà tal-benefiċċji tad-diżabilità u s-servizzi speċifiċi tal-appoġġ, pereżempju l-għajnuna pubblika u t-teknoloġija assistiva.

    5.11   Il-KESE jipproponi li jinħoloq Osservatorju tad-Diżabilità biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fl-UE, biex isir skambju tal-aħjar prattika u biex jiġu appoġġjati l-iżviluppi ta’ politika.

    5.12   Il-KESE jappella biex fl-Istati Membri jiġi żviluppat u implimentat qafas ta’ kwalità Ewropew li jkun legalment vinkolanti għas-servizzi bbażati fil-komunità.

    5.13   Il-KESE jħeġġeġ li l-edukazzjoni regolari tkun inklużiva. Huwa jissuġġerixxi t-tagħlim tal-lingwa tas-sinjali fl-iskejjel primarji, ir-reklutaġġ ta’ għalliema kwalifikati fl-użu tal-Braille u modi oħra adatti għall-appoġġ ta’ studenti b’diżabilità.

    5.14   Il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ sistema komuni Ewropea ta’ valutazzjoni tad-diżabilità bbażata fuq approċċ tad-drittijiet tal-bniedem (19).

    5.15   Il-KESE jissuġġerixxi l-promozzjoni ta’ rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi għall-persuni b’diżabilità. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u l-qrati nazzjonali jridu jkunu aċċessibbli u jieħdu l-miżuri kollha adatti biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

    5.16   Il-KESE jfakkar li d-dritt tal-vot huwa dritt tal-bniedem inaljenabbli, rikonoxxut mill-Konvenzjoni tan-NU għall-persuni kollha b’diżabilità. Huwa jfakkar lil kull istituzzjoni kkonċernata li r-rekwiżiti tal-età u ċ-ċittadinanza waħedhom jistgħu jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ persuna biex tivvota u toħroġ għall-elezzjoni. Il-KESE, bil-qawwa u biċ-ċar jirrifjuta l-idea tar-restrizzjoni tad-dritt tal-vot jew li wieħed joħroġ għall-elezzjoni fuq il-bażi ta’ diżabilità, kemm jekk b’ordni tal-qorti jew b’mezzi oħra. Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex ineħħu l-liġijiet diskriminatorji tal-kurazija biex il-persuni kollha li għandhom diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom fuq l-istess livell bħaċ-ċittadini l-oħra. Huwa jinnota li akkomodazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-proċeduri, faċilitajiet u materjali ta’ votazzjoni hija indispensabbli biex jiġi ggarantit id-dritt tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali u tal-Parlament Ewropew.

    5.17   Il-KESE jappella biex tingħata prova ta’ kemm l-istrumenti ta’ politika eżistenti qed ikunu effettivi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Huwa jissuġġerixxi li dan isir billi jiġu ffinanzjati proġetti, studji u riċerka tal-UE.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  COM(2008) 426 finali.

    (2)  TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea Artikolu 19(1) “Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u blapprovazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.”

    (3)  SEC(2010) 1324 finali.

    (4)  SEC(2010) 1323 finali.

    (5)  Art. 1 CRPD: http://www.un.org/disabilities/default.asp?id=261.

    (6)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/themes.

    (7)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8–15.

    (8)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 8–14.

    (9)  Idem.

    (10)  COM (2010) 636 finali.

    (11)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 27-31; ĠU C 162, 25.6.2008, p. 92–95; ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8–15; COM(2010) 636 finali.

    (12)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73–81; punt 4.5.2.

    (13)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8–15.

    (14)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill (2008/C 75/01).

    (15)  EUROFOUND.

    (16)  M/473 – Mandat ta’ standardizzazzjoni għal CEN, CENELEC u ETSI biex jinkludu “Disinn għal Kulħadd” fl-inizjattivi ta’ standardizzazzjoni rilevanti.

    (17)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8-15. L-Att tal-Persuni b’Diżabilità tal-Amerka huwa qafas leġislattiv li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabilitajiet fl-impjieg, fit-trasportazzjoni, fid-djar tal-gvern, fil-komunikazzjonijiet u fl-attivitajiet tal-gvern. Dan l-Att jistabbilixxi wkoll il-ħtiġijiet għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni.

    (18)  Ara l-istandards li diġà qed jiġu implimentati taħt il-mandati 376 u 420 kif ukoll is-sit elettroniku:

    http://cms.horus.be/files/99909/MediaArchive/M420%20Mandate%20Access%20Built%20Environment.pdf.

    (19)  Sistema komuni ta’ valutazzjoni tad-diżabilità bbażata fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni permezz tar-reviżjoni tal-Klassifika Internazzjonali għall-Iffunzjonar, id-Diżabilità u s-Saħħa.


    Top