Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1378

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni” COM(2011) 289 finali – 2011/0136 (COD)

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 66–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/66


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni”

    COM(2011) 289 finali – 2011/0136 (COD)

    2011/C 376/12

    Relatur: is-Sur McDONOGH

    Nhar il-15 ta’ Ġunju 2011 u t-7 ta’ Ġunju 2011 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċiedew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użijiet permessi ta’ xogħlijiet orfni

    COM(2011) 289 finali – 2011/0136 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2011.

    Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'131 voti favur, u 3 astensjonijiet.

    1.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Kumitat jilqa' l-Proposta tal-Kummissjoni rigward id-Direttiva dwar l-użu tax-xogħlijiet orfni. It-tlestija b'suċċess tal-inizjattiva ser issaħħaħ l-iżvilupp tal-libreriji diġitali, bħall-Europeana (1), u l-istituzzjonijiet pubbliċi l-oħrajn b'missjoni ta’ interess pubbliku msemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva proposta, li permezz tagħhom iċ-ċittadini jkollhom aċċess għad-diversità u r-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew.

    1.2   Il-Kumitat qed iħejji opinjoni separata dwar il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni li tipproponi strateġija għall-ħolqien ta’ suq uniku għall-proprjetà intellettwali (2). Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) huma fattur ewlieni li jippermetti l-innovazzjoni teknoloġika u kummerċjali, li minnha ser tiddependi l-Ewropa għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fil-futur (3). In-natura tal-governanza tad-DPI hija wkoll kruċjali sabiex il-kultura Eworpea u l-kwalità tal-ħajja li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej jiffjorixxu.

    1.3   Il-Kumitat ma jemminx li l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tista' tinkiseb mingħajr ma jinħoloq suq uniku ġenwin għall-proprjetà intellettwali. Il-Kumitat ilu snin twal isejjaħ għall-armonizzazzjoni tar-regoli Ewropej u nazzjonali sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni, il-kreattività u l-benesseri taċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess ħin jiġu appoġġjati l-inizjattivi biex ix-xogħlijiet, il-prodotti u s-servizzi jintlaħqu mill-akbar numru possibbli ta’ nies (4).

    1.4   Il-Kumitat, b'mod ġenerali, jaqbel mad-Direttiva proposta għal qafas legali li jiżgura l-aċċess onlajn transkonfinali legali għal xogħlijiet orfni (5). Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (6), il-KESE approva bis-sħiħ l-azzjonijiet, bħall-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas, li jindirizzaw il-problemi tal-frammentazzjoni kulturali u ekonomika fis-Suq Uniku.

    1.5   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-diġitalizzazzjoni u t-tixrid wiesa' tal-wirt kulturali Ewropew (7). Jemmen li d-disponibbiltà ta’ dan il-materjal onlajn hija element importanti fl-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa u li hi essenzjali sabiex iċ-ċittadini jkollhom ħajja kulturali rikka u diversa. Għalhekk, il-Kumitat huwa kuntent li l-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva li ser tindirizza l-problema partikolari tax-xogħlijiet orfni.

    1.6   Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm bżonn Direttiva għaliex huma ftit ħafna l-Istati Membri li implimentaw leġislazzjoni dwar ix-xogħlijiet orfni, u kull leġislazzjoni nazzjonali li teżisti tillimita l-aċċess taċ-ċittadini li huma residenti fit-territorju nazzjonali tagħhom.

    1.7   Fil-prinċipju, il-Kumitat jaqbel mal-approċċ b'erba' pilastri propost fid-Direttiva:

    l-istabbiliment ta’ regoli biex jiġu identifikati x-xogħlijiet orfni permezz ta’ tiftix diliġenti tad-detentur tad-dritt tal-awtur;

    ir-rikonoxximent ta’ xogħol orfni jekk fit-tfittxija ma jiġix stabbilit detentur tad-dritt tal-awtur;

    l-istabbiliment tal-użijiet li jistgħu jsiru mix-xogħlijiet orfni, inkluż it-tixrid tagħhom fl-Istati Membri kollha;

    ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ xogħol orfni fl-Istati Membri kollha.

    1.8   Sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftix effiċjenti tas-sidien tad-dritt tal-awtur u t-tixrid wiesa' tax-xogħlijiet orfni, huwa essenzjali għal kull settur li jkun hemm bażijiet tad-data u reġistri onlajn tad-drittijiet, bħall-għodda li teżisti fis-settur tal-pubblikazzjoni tal-kotba (8). Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-ħidma tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-iżvilupp ta’ dawn l-għodod.

    1.9   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom iżommu reġistru tal-bażijiet tad-data f'pajjiżhom li huma approvati uffiċjalment sabiex jiġu rreġistrati r-riżultati tat-tiftix diliġenti mwettaq fit-territorju tagħhom, hekk kif mitlub fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva. Dawn ir-reġistri jgħinu lill-istituzzjonijiet f'pajjiżi oħra tal-UE jifhmu li s-sorsi huma fdati f'livell uffiċjali.

    1.10   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-importanza tal-mużika tradizzjonali, l-istorja orali, ir-ritratti u x-xogħlijiet ċinematografiċi għall-wirt kulturali tal-UE, u jitlob li r-reġistrazzjonijiet u l-immaġnijiet ta’ dan it-tip li jinsabu fl-arkivji tal-istituzzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 1(1) jiġu ttrattati bl-istess mod fl-identifikazzjoni u l-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet orfni. Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġi inkluż materjal protett li bħalissa mhux inkluż, b'mod partikolari l-fonogrammi u r-ritratti waħedhom, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludihom mill-aktar fis possibbli.

    1.11   Il-Kumitat jilqa' wkoll l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi Memorandum ta’ Qbil bejn il-libreriji, il-pubblikaturi, l-awturi u s-soċjetajiet kollettriċi għall-iffaċilitar tas-soluzzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji sabiex il-kotba li m'għadhomx kummerċjalment disponibbli jiġu diġitalizzati u jkunu disponibbli (9).

    2.   Kuntest

    2.1   Il-Kummissjoni pproponiet strateġija għad-DPI (10) bħala parti minn aġenda globali biex jitħeġġu t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fis-Suq Uniku u biex tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa f'livell dinji. Din l-istrateġija hija element komplementari u importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-Att dwar is-Suq Uniku (11) u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

    2.2   F'Komunikazzjoni reċenti, li dwarha bħalissa qed titħejja opinjoni separata tal-Kumitat, il-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta’ suq uniku għall-proprjetà intellettwali (12). Fost l-ewwel riżultati ta’ din l-istrateġija għad-DPI nsibu d-Direttiva proposta li tiffaċilita l-permessi għall-użu tax-xogħlijiet orfni, li ser tippermetti li ħafna xogħlijiet kulturali jkunu aċċessibbli onlajn f'kull Stat Membru. B'hekk jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-libreriji diġitali Ewropej li jippreservaw u jxerrdu l-wirt kulturali u intellettwali għani tal-Ewropa.

    2.3   Id-diġitalizzazzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet orfni joħolqu sfida kulturali u ekonomika partikolari. Il-fatt li d-detentur tad-dritt ma jkunx magħruf ifisser li l-utenti ma jkunux jistgħu jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa, pereżempju ktieb ma jkunx jista' jiġi diġitalizzat. Ix-xogħlijiet orfni jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-kollezzjonijiet tal-istituzzjonijiet kulturali Ewropej; pereżempju l-British Library tistma li 40 % tal-kollezzjonijiet tagħha koperti mid-drittijiet tal-awtur – b'total ta’ 150 miljun – huma xogħlijiet orfni.

    2.4   Il-Kummissjoni issa qed tipproponi Direttiva li tipprovdi regoli komuni fl-Istati Membri kollha dwar kif jiġu ttrattati dawn ix-xogħlijiet, sabiex tiġi ffaċilitata d-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira tal-proġetti meħtieġa mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

    2.5   Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt u kkunsidrat sitt possibbiltajiet differenti biex tiġi indirizzata l-inizjattiva tax-xogħlijiet orfni (13). Hi kkonkludiet li l-aħjar approċċ għandu jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus tax-xogħlijiet orfni mill-Istati Membri. B'hekk il-libreriji u l-benefiċjarji l-oħra msemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva proposta jkollhom iċ-ċertezza legali li xogħol partikolari għandu “l-istatus ta’ orfni”. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku jiżgura li x-xogħlijiet orfni miġbura f'librerija diġitali jkunu disponibbli għaċ-ċittadini fl-Ewropa kollha.

    2.6   Id-Direttiva tissejjes fuq erba' pilastri:

    i.

    L-ewwel nett, sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ “xogħol orfni”, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet jew l-arkivji, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku u l-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku jridu jwettqu tiftix diliġenti minn qabel fl-Istat Membru fejn ix-xogħol ikun ġie ppubblikat għall-ewwel darba, skont l-esiġenzi speċifikati fid-Direttiva proposta.

    ii.

    Meta t-tiftix diliġenti jistabbilixxi “l-istatus ta’ orfni” ta’ xogħol, ix-xogħol involut jitqies bħala xogħol orfni fl-UE kollha, u b'hekk tiġi evitata l-ħtieġa ta’ aktar minn tfittxija diliġenti waħda.

    iii.

    Abbażi ta’ dan, ikun possibbli li x-xogħlijiet orfni jkunu disponibbli onlajn għal għanijiet kulturali u edukattivi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm is-sid tax-xogħol ma jtemmx l-istatus ta’ orfni. Meta jiġri dan, id-detenturi tad-drittijiet li jippreżentaw ruħhom biex jikklejmjaw xogħlijiethom għandhom jiġu remunerati u din ir-remunerazzjoni għandha tikkunsidra t-tip ta’ xogħol u l-użu kkonċernat.

    iv.

    Ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus ta’ xogħol orfni fl-Istati Membri kollha.

    3.   Kummenti

    3.1   Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li l-inizjattivi ta’ politika kollha dwar id-DPI jibbilanċjaw id-drittijiet tal-kreaturi u tas-sidien mal-interessi tal-utenti u l-konsumaturi finali sabiex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jintlaħqu mill-akbar numru ta’ nies u f'kull Stat Membru.

    3.2   Sabiex jiġi ffaċilitat it-tiftix tad-DPI, il-Kummissjoni tista' tippubblika u taġġorna regolarment il-lista tal-istituzzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva li huma responsabbli għall-ġestjoni tax-xogħlijiet orfni.

    3.3   Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet għandhom bżonn ikunu jafu li s-sorsi tar-reġistrazzjonijiet tat-tiftix diliġenti f'pajjiż ieħor tal-UE huma fdati f'livell uffiċjali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iżommu reġistru tal-bażijiet tad-data f'pajjiżhom li huma approvati uffiċjalment sabiex jiġu rreġistrati r-riżultati tat-tiftix diliġenti mwettaq fit-territorju tagħhom, hekk kif mitlub fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva.

    3.4   Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġi inkluż materjal protett li bħalissa mhux inkluż, b'mod partikolari l-fongrammi u r-ritratti waħedhom. Minkejja din id-dispożizzjoni ta’ reviżjoni, issa għandha tingħata prova tal-ħtieġa li dawn l-artefatti kulturali jiġu ppubblikati kmieni.

    3.4.1   Il-mużika tradizzjonali u l-istorja orali huma importanti ħafna għall-wirt kulturali tal-Ewropa u madwar l-UE jeżisti arkivju għani ta’ materjal reġistrat, mhux biss fl-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku iżda wkoll fl-istituzzjonijiet l-oħra msemmijin fl-Artikolu 1(1). Dan il-materjal awdjo u awdjoviżiv kollu għandu jkun soġġett għall-istess regoli ta’ tiftix, klassifikazzjoni u użu bħax-xogħlijiet l-oħra mniżżlin fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

    3.4.2   B'mod simili, il-materjal fotografiku u ċinematografiku huwa sors ta’ informazzjoni partikolarment għani għall-għarfien u l-fehim taċ-ċivilizzazzjoni Ewropea; u fejn ix-xogħlijiet ta’ dan it-tip jistgħu jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet orfni, għandu jsir kull sforz sabiex dan il-materjal jinħeles mill-arkivji mistura tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

    Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  L-Europeana tippermetti lin-nies jesploraw ir-riżorsi diġitali tal-mużewijiet, il-libreriji, l-arkivji u l-kollezzjonijiet awdjoviżivi tal-Ewropa. Il-proġett huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u tnieda fl-2008 bil-għan li l-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew isir aċċessibbli għall-pubbliku. Ara: www.europeana.eu.

    (2)  COM(2011) 287 finali, Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali;

    (3)  Ara: l-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010) 2020 finali), l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (COM(2011) 11 finali), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010) 245 finali), l-Att dwar is-Suq Uniku (COM(2011) 206 finali) u l-Unjoni tal-Innovazzjoni (COM(2010) 546 finali).

    (4)  ĠU C 116, 28.4.1999, p. 35 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 155, 29.5.2001, p. 80 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 221, 7.8.2001, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 32, 2.2.2004, p. 15 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 108, 30.4.2004, p. 23 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 324, 30.12.2006, p. 7 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 256, 27.10.2007, p. 3; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 36; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 52; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 7; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105; ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

    (5)  Ix-xogħlijiet orfni huma xogħlijiet bħal kotba jew artikli ta’ gazzetti jew rivisti li huma protetti bid-dritt tal-awtur iżda li d-detenturi tad-dritt tal-awtur tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu lokalizzati sabiex jinkisbu l-permessi tad-dritt tal-awtur. Dawn jinkludu x-xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi. Ix-xogħlijiet orfni jinsabu fil-kollezzjonijiet miżmuma fil-libreriji Ewropej.

    (6)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

    (7)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 7 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 182, 4.8.2009, p. 36; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 52; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 105; ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

    (8)  ARROW, Accessible Registries of Rights Information and Orphan Works towards Europeana (Reġistri Aċċessibbli ta’ Informazzjoni dwar id-Drittijiet u x-Xogħlijiet Orfni lejn l-Europeana), huwa proġett ta’ konsorzju ta’ libreriji nazzjonali Ewropej, pubblikaturi u organizzazzjonijiet amministrattivi kollettivi, li jirrappreżenta wkoll lill-kittieba permezz tal-assoċjazzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet nazzjonali ewlenin tagħhom, ara: www.arrow-net.eu.

    (9)  Ara IP/11/630, Brussell, 24 ta’ Mejju 2011.

    (10)  COM(2011) 287 finali, Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali.

    (11)  COM(2011) 206 finali, L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – “Flimkien għal tkabbir ġdid”.

    (12)  COM(2011) 287 finali.

    (13)  SEC(2011) 615 finali, “Impact assessment on the cross-border online access to orphan works” (Valutazzjoni tal-impatt dwar l-aċċess onlajn transkonfinali għal xogħlijiet orfni).


    Top