Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0986

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 44, 11.2.2011, p. 118–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 44/118


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2011/C 44/19

    Relatur: is-Sur DAVOUST

    Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.

    Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’157 vot favur u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Fil-livell tal-Unjoni Ewropea:

    l-adozzjoni ta’ aproċċ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-politika tal-enerġija, li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi fil-proċess leġislattiv u ta’ analiżi tal-impatt sal-aktar intrapriżi żgħar u li jiffavorixxi aproċċ settorjali;

    it-twaqqif, mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs, ta’ forum permanenti dwar l-impatt tal-politika tal-enerġija tal-UE fuq l-intrapriżi, speċjalment dawk l-aktar żgħar;

    id-definizzjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi konċernati, tal-miżuri li l-programmi Ewropej iridu jikkunsidraw biex jippermettu lil dawn l-intrapriżi li jadattaw bl-aħjar mod għall-objettivi tal-Unjoni Ewropea;

    l-analiżi tal-impatt fuq il-kategoriji differenti tal-SMEs, tal-programmi għall-effiċjenza ekoloġika u d-diffużjoni ta’ gwida tal-aħjar prattiki;

    is-semplifikazzjoni tal-aċċess u l-użu tal-programmi tal-Unjoni Ewropea eżistenti fis-settur tal-effiċjenza fl-enerġija għall-SMEs;

    l-adozzjoni ta’ pjan ta’ appoġġ għall-innovazzjonijiet fl-enerġija ekoloġika u l-ħolqien ta’ strument finanzjarju ta’ appoġġ għall-innovazzjoni adattat għall-bżonnijiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi;

    il-ħolqien ta’ qafas għat-tisħiħ tal-preżenza u l-attività tal-ESCOs (Energy Service companies – Kumpaniji li jfornu servizzi tal-enerġija) fil-livell nazzjonali b’appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar;

    is-semplifikazzjoni tal-aċċess għall-fondi strutturali għall-intrapriżi ż-żgħar, partikolarment permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom;

    il-ħolqien ta’ qafas li jiffavorixxi t-tixrid tal-mikorġenerazzjoni fl-Istati Membri.

    1.2   fil-livell tal-Istati Membri:

    it-twaqqif ta’ forum nazzjonali għad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs;

    l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni permezz ta’ kampanji settorjali u ta’ punti uniċi (one stop shop) li qabel xejn ikunu fl-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi kkonċernati;

    l-għajnuna għall-iffinanzjar tal-investimenti, tnaqqis fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni u l-ħolqien ta’ inċentivi fiskali;

    il-ħolqien ta’ sinerġiji finanzjarji bejn l-UE, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi li jippromovu t-twaqqif ta’ forom differenti ta’ għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar;

    it-tpoġġija ta’ konsulenti dwar l-ambjent u l-enerġija, kif ukoll ta’ servizzi indipendenti ta’ dijanjożi u pariri dwar l-enerġija fl-organizzazzjonijiet intermedjarji.

    1.3   fil-livell tar-reġjuni:

    l-inklużjoni ta’ appoġġ u pariri dwar l-enerġija, kif ukoll taħriġ;

    l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-finanzjament għall-investimenti fil-prijoritajiet tal-programmi reġjonali;

    l-appoġġ tal-mikroġenerazzjoni permezz tal-fondi strutturali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-kuntest tal-opinjoni

    2.1.1   L-Unjoni Ewropea implimentat politika ta’ tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija li fl-istess waqt hija waħda mill-punti tal-Istrateġija UE 2020. L-effett ewlieni fuq l-SMEs huwa l-bidla kbira fl-aċċess tagħhom għall-enerġija u l-użu razzjonali tagħha fl-intrapriża. S’issa, il-ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar l-effiċjenza fl-enerġija għadha ma trattatx b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi u l-impatt tagħha fuq dawn l-intrapriżi mhuwiex magħruf.

    2.1.2   F’dan il-kuntest, wieħed irid ifakkar li fl-opinjoni tiegħu dwar “Nippromovu l-politiki u l-programmi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-utenti finali” tal-1 ta’ Ottubru 2009 (1), il-KESE rrakkomanda li jiżdiedu l-isforzi bil-għan li jiġu involuti b’mod sistematiku l-utenti finali, l-aktar l-intrapriżi ż-żgħar; billi: 1) jissaħħu l-aspetti settorjali fil-politiki tal-Unjoni Ewropea , 2) jiġu ssemplifikati l-programmi Ewropej tal-enerġija, 3) jiġi analizzat l-effet tal-politiki tal-effiċjenza fl-enerġija fuq l-utenti finali, speċjalment l-SMEs u jitkejlu r-riżultati tagħhom, 4) fil-livell Ewropew, jitwaqqaf grupp ta’ esperti u netwerk ta’ korpi indipendenti li jippromovu l-effiċjenza fl-enerġija għall-utenti finali, partikolarment l-SMEs u l-intrapriżi artiġjanali.

    2.2   Suġġett tal-opinjoni

    2.2.1   Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li s-suġġett jiġi indirizzat fid-dawl tal-Ismall Business Act u l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, li huma l-bażi tad-diskussjoni u t-tfassil tal-politiki u l-programmi tal-Unjoni Ewropea. L-opinjoni tiffoka fuq l-effetti tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi li jiffurmaw 92 % tal-intrapriżi tal-Unjoni Ewropea (2)

    2.3   Il-qafas u l-iskop tal-opinjoni

    2.3.1   L-opinjoni tal-KESE għandha l-għan li toffri bażi biex tinċentiva lill-awtoritajiet Ewropej ħalli jqisu l-SMEs, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi fil-politiki tal-Unjoni Ewropea tal-futur. Mhix ser tiddiskuti l-kwistjoni tal-impjiegi “ekoloġiċi” iżda tqis il-miżuri ta’ appoġġ għall-impjegati fil-kuntest li fih l-intrapriżi jridu jadattaw għall-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   L-impatt ġenerali tal-politika tal-enerġija fuq l-intrapriżi ż-żgħar

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE jistgħu joffru opportunitajiet importanti ta’ żvilupp lil ċerti tipi ta’ SMEs u għalhekk ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda. F’dan il-kuntest, l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiltaqgħu ma’ erba’ sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-politika tal-enerġija:

    3.1.1    L-utenti tal-enerġija: il-parti l-kbira tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, jiltaqgħu ma’ erba’ problemi: 1) ma jkunux konxji mill-vantaġġi ta’ użu aktar razzjonali tal-enerġija, 2) ma jkejlux l-impatt tal-miżuri tal-ekonomija fl-enerġija fuq l-attività tagħhom u fuq il-ħaddiema tagħhom, 3) ma jafux liema għażliet għandhom jagħmlu u ma’ min għandhom iwettquhom, 3) m’għandhomx ir-riżorsi finanzjarji biex jinvestu fl-enerġija ekoloġika li, wara kollox, tirrendi biss wara żmien twil.

    3.1.1.1   Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa dovut b’mod partikolari għad-daqs tagħhom peress li ma jkollhomx impjegati speċjalizzati fil-kwistjonijiet tal-enerġija u dawk ambjentali.

    3.1.1.2   Il-problema tar-ritorn fuq l-investiment: l-investiment għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jista’ jkun kbir ħafna filwaqt li r-rata tar-ritorn tista’ tkun baxxa ħafna fi żmien qasir. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ispiża ma tkunx tista’ tiġi trasferita fuq l-attività tal-produzzjoni jew tas-servizz u l-iffrankar tal-enerġija li jinkiseb ma jikkumpensax l-investiment ħlief fuq tul ta’ żmien twil ħafna.

    Ħafna drabi, dan ir-ritorn fuq l-investiment jieħu aktar minn 5 snin, u dan jiskoraġġixxi lill-intrapriżi ż-żgħar.

    3.1.2    L-intrapriżi li jinstallaw prodotti u sistemi jew li jipprovdu l-manutenzjoni biex itejbu l-użu tal-enerġija jikkontribwixxu lejn it-tixrid tat-tekniki tal-ekoenerġija fost il-konsumaturi. Huma partikolarment ikkonċernati:

    3.1.2.1

    Il-kostruzzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kostruzzjoni ekoloġika u l-użu ta’ prodotti tal-ekoenerġija, jew l-installazzjoni ta’ sistemi tal-enerġija rinnovabbli: l-intrapriżi ż-żgħar li jinstallaw prodotti innovattivi jinnutaw l-eżitazzjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex joffrulhom il-garanziji meħtieġa, bħal garanziji ta’ għaxar snin, bl-iskuża li l-istabbiltà u l-effikaċja tal-prodott tul iż-żmien għadha mhix pruvata. Dan in-nuqqas ta’ rieda jxekkel l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi fost il-konsumaturi.

    Il-KESE jirrakkomanda 1) l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-kostruzzjoni fit-tekniki l-ġodda tal-ekokostruzzjoni, il-materjali ekoloġiċi kif ukoll fl-aproċċi l-ġodda biex tiġi valutata l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, 2) li jonqsu l-ispejjeż tal-assigurazzjoni bl-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju fil-livell tal-Unjoni Ewropea jew strument ieħor li jippermetti li jonqsu l-ispejjeż tar-riskju li jieħdu l-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

    3.1.2.2

    L-attivitajiet ta’ installazzjoni u manutenzjoni tal-apparat tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija għall-individwi u l-intrapriżi.

    L-SMEs f’dan is-settur għandhom kompetizzjoni diretta mill-produtturi l-kbar tal-enerġija li joperaw fuq it-territorju nazzjonali kollu permezz ta’ strutturi li jkunu ħolqu u jikkontrollaw huma stess; minħabba d-dipendenza tagħhom mill-gruppi l-kbar li jikkontrollawhom, huma aktar interessati fil-bejgħ tal-enerġija tradizzjonali milli fit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-klijenti tagħhom.

    Il-KESE 1) iqis li l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jissorveljaw dan is-suq biex jiggarantixxu trasparenza sħiħa u jevitaw sitwazzjonijiet ta’ abbuż tal-pożizzjoni dominanti, 2) jitlob li jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ għall-SMEs biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom ta’ inkoraġġiment u ta’ għoti ta’ pariri lill-individwi u l-intrapriżi.

    3.1.3    L-intrapriżi ż-żgħar li joħolqu u jipproduċu prodotti li jiffrankaw l-enerġija huma partikolarment innovattivi fis-settur tal-materjali u t-tagħmir sostenibbli.

    3.1.3.1   Fil-prattika, l-intrapriżi ż-żgħar innovattivi jridu jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex joħolqu l-prodott tagħhom, jagħmlu l-privattiva (privattiva Ewropea?) u jpoġġuh fis-suq. Ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet ta’ kważi monopolju tal-gruppi l-kbar jew tal-laboratorji l-kbar kif ukoll ta’ sistemi dejjem aktar kumplessi ta’ ċertifikazzjoni li jwasslu biex joħonqu l-innovazzjoni u effettivament jagħlqu l-aċċess għas-suq tal-innovazzjonijiet għall-intrapriżi ż-żgħar.

    3.1.3.2   Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu diversi miżuri:

    jitwaqqaf pjan tal-Unjoni Ewropea simili għall-programm Amerikan SBIRE biex jgħin lill-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi ż-żgħar (3) ħalli jinnutaw l-innovazzjonijiet tal-ekoenerġija, jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni u l-privattiva tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-suq;

    il-ħolqien ta’ strument finanzjarju flessibbli li jkun faċilment aċċessibbli u li jappoġġja l-innovazzjoni fil-materjali u t-tagħmir sostenibbli b’rata tal-imaxx żero jew baxxa ħafna;

    it-twaqqif ta’ proċeduri tekniċi sempliċi, newtrali u aċċessibbli tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-innovazzjonijiet tal-ekoenerġija tal-intrapriżi ż-żgħar u l-monitoraġġ biex din l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ma jservux ta’ ostaklu għad-dħul fis-swieq tal-effiċjenza fl-enerġija. Dan jista’ jiġi evitat bir-rekwiżit ta’ analiżi tal-impatt għall-istandards tekniċi Ewropej ta’ armonizzazzjoni kollha qabel ma jiġu adottati b’mod definittiv.

    3.1.4   Intrapriżi żgħar li jipproduċu l-enerġija: il-każ tal-mikroġenerazzjoni

    3.1.4.1   Din hija possibbiltà li mhijiex stmata biżżejjed iżda li qed tiżviluppa f’bosta Stati Membri. Il-mikroġenerazzjoni, li permezz tagħha l-kumpaniji jipproduċu l-enerġija, hija metodu alternattiv. L-impjanti elettriċi jistgħu jużaw sorsi rinnovabbli fil-livell lokali. Din it-teknika hija adattata b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar peress li tuża l-enerġija b’mod aktar razzjonali u 1) twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż globali, 2) tiggarantixxi l-provvista tal-enerġija anke fil-każ li jinqata’ d-dawl, 3) issaħħaħ il-livell ta’ produzzjoni tal-enerġija interna fl-Unjoni Ewropea, 4) tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali, 5) tippromovi l-ħolqien ta’ impjiegi fil-livell lokali.

    3.1.4.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas leġislattiv u operattiv li jippromovi t-tixrid ta’ din is-sistema billi jħeġġeġ lill-Istati Membri jeliminaw it-tipi differenti ta’ ostakli li jrażżnu l-iżvilupp. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari 1) tanalizza l-prattiki eżistenti u tippromovi l-aħjar prattiki, 2) tinkludi l-mikroġenerazzjoni u l-iżvilupp tagħha mal-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fondi strutturali u l-fondi differenti għall-iżvilupp rurali.

    4.   Kummenti partikolari

    4.1   In-nuqqas ta’ forum permanenti għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-kategoriji differenti tal-SMEs

    4.1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea daħlet fi djalogu mar-rappreżentanti tal-SMEs. Madankollu, għalissa għad m’hemmx approċċ strateġiku strutturat li jindirizza b’mod speċifiku l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi (4). Dan in-nuqqas għandu tliet effetti negattivi:

    m’hemmx mod kif wieħed ikun jaf jekk l-inizjattivi eżistenti u dawk futuri humiex adatti għall-intrapriżi ż-żgħar;

    m’hemmx informazzjoni dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom u dan ser ikun diffiċli biex jiġi stabbilit jekk jinżamm l-approċċ globali politiku attwali li mhux familjari mas-sitwazzjonijiet prattiċi;

    filwaqt li ħafna Stati Membri ħadu azzjonijiet bi ftehim mal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, il-miżuri li ttieħdu mhumiex magħrufa u dan ma jippermettix li jinsiltu tagħlimiet mill-prattiki t-tajba, mis-suċċessi jew mill-fallimenti.

    4.1.2   Il-KESE ma jiddubitax mill-utilità tal-panels tal-intrapriżi imma dawn fl-ebda każ ma jistgħu jieħdu post l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet intermedjarji ġenerali, bħall-Kmamar tal-Kummerċ u dawk tas-Snajja’ u l-organizzazzjonijiet settorjali li jkellmu lill-intrapriżi u jtuhom pariri individwali speċifiċi għas-sitwazzjoni tagħhom. Huwa essenzjalment ma’ dawn l-organizzazzjonijiet intermedjarji li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prijoritajiet.

    4.1.3   L-approċċ minn fuq għal isfel, li huwa wisq globali fil-livell tal-Unjoni Ewropea , ser iwassal għal deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu implimentati. Il-KESE jirrakkomanda kultura ġdida ta’ kooperazzjoni bbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, b’konformità mal-Ismall Business Act għall-Ewropa. Waħda mill-miżuri li għandhom jitnedew mill-aktar fis hija l-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri, ta’ forum bħal dan bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, b’mod partikolari tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi.

    4.2   Nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-effett tal-programmi Ewropej fuq l-iżgħar intrapriżi

    4.2.1   Jeżistu bosta programmi tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-SMEs b’mod ġenerali. Il-KESE jinnota li l-impatt ta’ dawn il-programmi fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi mhuwiex magħruf u li l-ebda studju Ewropew ma jispeċifika l-benefiċċji tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa ta’ dispjaċir: minn naħa minħabba l-fatt li l-aħjar prattiki mhumiex magħrufin u ma jistgħux jitfasslu gwidi ta’ prattiki tajbin, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tipproponi programmi u azzjonijiet adatti għar-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar.

    4.2.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li 1) twettaq mill-aktar fis possibbli analiżi indipendenti tal-impatt tal-programmi fuq l-SMEs, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, flimkien ma’ analiżi tal-problemi li jiltaqgħu magħhom, 2) tfassal gwida dwar l-aħjar prattiki.

    4.3   Ir-rwol ewlieni tar-reġjuni u tal-bliet

    4.3.1   Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tal-użu tal-enerġija għandhom isiru prijoritajiet ewlenin tal-politika futura tal-koeżjoni territorjali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali fil-pjani territorjali dwar il-klima u huma attivi fil-qasam tal-appoġġ għall-innovazzjoni, inkluż l-iffrankar tal-enerġija, f’forma ta’ clusters reġjonali, ċentri ta’ innovazzjoni u ċentri ta’ riżorsi li jindirizzaw b’mod partikolari l-iżgħar intrapriżi.

    4.3.2   Madankollu, l-awtoritajiet amministrattivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sikwit ma jkunux jafu l-limiti u l-bżonnijiet tal-kategoriji differenti ta’ SMEs.

    Il-KESE jistieden lil dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u reġjonali biex jimplimentaw jew isaħħu l-konsultazzjoni mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell territorjali dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex jimmiraw il-prijoritajiet tal-fondi strutturali lejn miżuri maħsuba għall-ġestjoni tal-enerġija b’mod partikolari fl-iżgħar intrapriżi. Fost il-prijoritajiet tal-FEŻR għandu jkun hemm il-provvista ta’ informazzjoni u taħriġ lill-intraprendituri ż-żgħar u l-impjegati tagħhom, l-implimentazzjoni jew it-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ u ta’ pariri pprovduti mill-organizzazzjonijiet intermedjarji u settorjali tal-intrapriżi, l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament faċilment aċċessibbli kif ukoll l-appoġġ individwali jew kollettiv għal kull forma ta’ innovazzjoni.

    4.3.3   Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impatt dgħajjef ħafna tal-fondi strutturali fuq l-intrapriżi ż-żgħar, bilkemm 1-2 % f’xi reġjuni, b’mod partikolari minħabba l-eżiġenzi amministrattivi u finanzjarji mhux adatti. Jidher li l-ġestjoni attwali tal-fondi strutturali tagħmilha impossibbli biex dawn l-intrapriżi jibbenefikaw kif suppost. Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-semplifikazzjonijiet meħtieġa mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs, b’mod partikolari mal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi.

    4.4   Il-mobilizzazzjoni diffiċli tal-finanzjament għall-investiment

    4.4.1   Il-biċċa l-kbira tal-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jiffinanzjaw l-investiment tagħhom f’użu aktar razzjonali tal-enerġija u produzzjoni ekoloġika. Bħalissa, il-banek mhux dejjem ikunu lesti jiffinanzjaw proġetti bħal dawn minħabba fl-ammonti baxxi involuti (EUR 20 sa 25 000) u n-nuqqas ta’ persunal speċjalizzat fil-valutazzjoni ta’ dawn il-proġetti li huma kkunsidrati bħala riskjużi.

    4.4.2   L-ostakli għall-appoġġ tal-programmi tal-Unjoni Ewropea: għalkemm bosta programmi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinteressaw l-SMEs, fir-realtà jista’ jkun li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi ma jkollhomx aċċess dirett għalihom. Għandhom bżonn jipparteċipaw f’azzjonijiet fi gruppi maħluqa mill-organizzazzjonijiet intermedjarji. Iżda hawnhekk ukoll, l-eżiġenzi amministrattivi u finanzjarji u l-fatt li sikwit is-servizzi li jibdew il-proċess fil-Kummissjoni ma jkunux midħla tar-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar u tal-mikrointrapriżi jwasslu biex il-proposti jiġu rifjutati ta’ spiss.

    4.4.2.1   Dwar dan il-punt, il-KESE jenfasizza li l-ħarsien meħtieġ tal-baġits pubbliċi Ewropej jippenalizza l-attività ekonomika u soċjali taċ-ċittadini u tal-intrapriżi ż-żgħar kif ukoll il-livell tal-impjiegi fit-territorju. Huwa jittama li fir-reviżjoni tar-regoli finanzjarji, il-Kummissjoni tiddiskuti din il-kwistjoni b’mod ġenerali.

    4.4.3   Il-KESE jitlob li jiġi ssemplifikat il-finanzjament tal-investiment u li jiġu razzjonalizzati s-sistemi fil-livelli kollha ta’ għajnuna għall-investiment. Għandhom jitniedu bosta inizjattivi:

    għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-banek mutwalistiċi (mutual banks) u l-banek lokali (neighbourhood banks) u ta’ diversi istituzzjonijiet finanzjarji għall-fondi tal-BEI u tal-FEI għall-finanzjament tal-investiment ta’ proġetti ta’ razzjonalizzazzjoni tal-enerġija;

    għandhom jiżdiedu s-sistemi ta’ garanzija għall-SMEs sabiex dawn l-investimenti jiġu promossi u għandha titwaqqaf sistema ta’ garanziji tar-riskji sabiex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu jkopru l-investimenti fil-qasam tal-enerġija ekoloġika.

    għandu jiġi stimolat l-użu tal-mikrokreditu għall-investimenti ta’ ammonti baxxi u l-impjegati tal-banek lokali għandhom jitħarrġu biex ikunu jistgħu jivvalutaw b’mod objettiv il-proġetti ppreżentati mill-SMEs;

    għandhom jiġu riveduti r-regoli finanzjarja tal-Unjoni Ewropea biex ir-rekwiżiti jsiru aktar flessibbli jew jiġu adattati u jiġu rilanċjati l-bonuses esploratorji u ta’ fattibbiltà;

    għandha tissaħħaħ l-introduzzjoni tal-kuntratti tal-effiċjenzja fl-użu tal-enerġija mill-ESCOs speċjalment għall-mikrointrapriżi.

    5.   Politika li tippromovi l-appoġġ u l-pariri

    5.1   Informazzjoni u taħriġ

    5.1.1   Il-provvista ta’ informazzjoni għall-intrapriżi kollha għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-programm ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea , iżda din l-informazzjoni trid tkun immirata, adatta għas-settur tal-attivitajiet ikkonċernati u għandha tuża l-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi. F’bosta Stati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet intermedjarji u dawk professjonali settorjali diġà organizzaw kampanji ta’ informazzjoni. Dan l-objettiv jista’ jinkiseb permezz ta’:

    kampanja Ewropea ta’ informazzjoni organizzata mill-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, bit-tfassil ta’ gwida dwar l-aħjar prattiki;

    appoġġ għall-kampanji ta’ informazzjoni settorjali tal-organizzazzjonijiet professjonali;

    l-implimentazzjoni jew it-tisħiħ ta’ punti uniċi għas-servizzi marbutin mal-ambjent u l-enerġija fil-livell lokali u reġjonali l-eqreb tal-intrapriżi;

    l-appoġġ għar-reklutaġġ, fil-livell reġjonali, ta’ konsulenti fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija fi ħdan l-organizzazzjonijiet intermedjarji reġjonali.

    5.1.2   It-taħriġ tal-intraprendituri u impjiegi aktar ekoloġiċi huma fost il-prijoritajiet tal-adattament għall-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jitlob li parti mill-Fond Soċjali Ewropew tiġi allokata speċifikament għat-taħriġ tal-kapijiet ta’ intrapriżi żgħar u ta’ mikrointrapriżi u tal-impjegati tagħhom fil-qasam tal-użu effiċjenti tal-enerġija.

    5.2   Appoġġ u parir lill-intrapriżi

    5.2.1   Fil-każ tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, il-politiki tal-użu effiċjenti tal-enerġija jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv permezz tal-appoġġ individwali. F’bosta reġjuni, l-awtoritajiet jappoġġjaw is-servizzi indipendenti tal-verifika jew tal-għoti ta’ pariri dwar l-enerġija lill-intrapriżi, direttament jew permezz tal-fondi strutturali.

    Għall-KESE, il-prijorità f’dan il-qasam għandha tkun it-twaqqif ta’, jew l-appoġġ għall-ħolqien ta’ servizzi indipendenti ta’ dijanjosi, ta’ pariri dwar l-enerġija u ta’ verifika, b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet professjonali settorjali.

    5.3   L-introduzzjoni ta’ politika fiskali ta’ inċentivi

    5.3.1   Bil-għan li l-intrapriżi ż-żgħar jitħeġġu jinvestu biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija tal-attività tagħhom, il-KESE jistieden lill-Istati Membri 1) jinċentivaw l-investimenti materjali u l-investimenti fil-konsulenza, il-verifika u t-taħriġ, 2) jippermettu li l-intrapriżi ż-żgħar li jinvestu fl-iffrankar tal-enerġija jkunu wkoll eliġibbli għall-inċentivi finanzjarja nazzjonali li diġà jingħataw lill-individwi.

    Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39.

    (2)  Fl-2007, minn 20104 miljun intrapriża fl-UE 27: kien hemm 18,16 miljun mikrointrapriżi (b’inqas minn 10 impjegati), 1,49 miljun kienu intrapriżi żgħar (minn 10 sa 25 impjegat), 303 400 intrapriża ta’ daqs medju (minn 26 sa 250 impjegat), u 159 000 intrapriżi kbar b’aktar minn 250 impjegat. Il-mikrointrapriżi jirrappreżentaw 30 % tal-impjiegi kollha, 21 % għall-intrapriżi żgħar, 17 % għall-intrapriżi ta’daqs medju u 33 % għal dawk kbar. Sors EIM Buisness & Policy Research EWROSTAT

    (3)  Skont l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw l-intrapriżi ż-żgħar huma l-Kmamar tas-Snajja’ u tal-Artiġjanat, il-Kmamar tal-Kummerċ, l-organizzazzjonijiet settorjali u l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi. Rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi bħala rappreżentanti, huma jaħdmu favur l-intrapriżi kollha fit-territorju tagħhom u jwettqu azzjonijiet fi grupp u kollettivi fl-interess tagħhom.

    (4)  Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 talab li jiġu kkunsidrati t-tipi differenti ta’ SMEs u li l-prijorità tingħata lill-intrapriżi ż-żgħar permezz tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” bħala prinċipju gwida tal-leġislazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali.


    Top