Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0770

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN”

    ĠU C 21, 21.1.2011, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 21/21


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN”

    2011/C 21/04

    Relatur: is-Sur Claudio CAPPELLINI

    Nhar l-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2010. Ir-relaturi kien is-Sur Claudio Cappellini.

    Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’163 vot favur u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza ċentrali u l-bżonn ta’ relazzjonijiet imġedda u iktar inċisivi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ASEAN. Għalhekk, din l-opinjoni ssegwi fuq opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar l-istess kwistjoni (1), li sa minn għaxar snin ilu kienu diġà bdew jisħqu fuq kemm hu importanti għall-UE li tiffoka iktar fuq l-Asja tax-Xlokk. Huma ġibdu l-attenzjoni wkoll lejn il-kontribut fundamentali li setgħet tagħti l-UE għall-integrazzjoni reġjonali fl-Asja.

    1.2   Il-KESE jinnota madanakollu li l-progress mixtieq fid-djalogu bejn l-UE u l-ASEAN għadu ma nkisibx. Minkejja l-isforzi finanzjarji u oħra li saru għall-promozzjoni ta’ djalogu strutturat bejn l-UE u l-ASEAN u negozjati bilaterali f’bosta oqsma (ta’ politika, kooperazzjoni, kummerċ, eċċ), ir-riżultati konkreti huma fjakki u d-djalogu mas-soċjetà ċivili u bejnha qed jopera f’livell iktar baxx mill-potenzjal li għandu. Dawn l-aħħar għaxar snin ħadu x-xejra ta’ opportunità mitlufa iktar milli perijodu li fih żviluppat sħubija ma’ reġjun meqjus bħala wieħed strateġiku għall-interessi tal-UE fid-dinja (2). In-negozjati kummerċjali huma xempju ta’ din is-sitwazzjoni. Filwaqt li l-UE u l-ASEAN qablu li jissospendu n-negozjati, l-ASEAN ikkonkludiet ftehimiet kummerċjali ma’ entitajiet prinċipali ġeoekonomiċi oħra (iċ-Ċina, l-Indja, l-Awstralja u għaddejin negozjati mal-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun).

    1.3   Illum il-ġurnata f’ambjent internazzjonali tant differenti, fejn ir-regoli politiċi u ekonomiċi huma iktar b’saħħithom milli kienu għaxar snin ilu iżda fejn hemm ukoll opportunitajiet ġodda għall-integrazzjoni u d-djalogu, din l-opinjoni tar-REX għandha l-għan li tressaq numru ta’ proposti prattiċi għal tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN.

    1.4   Il-Kumitat jerġà jisħaq li garanziji ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jikkonformaw mat-tmien Konvenzjonijiet tal-ILO li jiġbru fihom l-istandards prinċipali tax-xogħol huma prerekwiżiti assoluti sabiex isir progress fis-sħubija reġjonali. Fil-każ tal-Mjanmar, il-kwistjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem hija ostaklu li ma jistax jingħeleb għall-bidu tan-negozjati mal-pajjiż hekk kif enfasizza l-Parlament Ewropew f’Jannar 2008. Il-KESE madanakollu jilqa’ l-fatt li n-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-ASEAN qed jistabbilixxu għanijiet iktar ambizzjużi minn dawk ta’ ftehimiet kummerċjali oħra mal-ASEAN, b’mod speċjali fejn jidħlu standards tax-xogħol, tal-ambjent u tad-djalogu soċjali (3). Minn dan il-lat, l-approċċ bilaterali (ara punt 4.2.2) għandu jitqies bħala l-ewwel pass lejn ftehimiet reġjonali u multilaterali kummerċjali u mhux opportunità sabiex dawn jitwarrbu. Fl-Opinjoni tiegħu dwar in-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ (CESE 773/2008) f’April 2008, il-Kumitat għamilha ċara li kemm f’dawn il-ftehimiet kif ukoll f’negozjati oħra previsti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Ewropa Globali”, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li s-27 konvenzjoni elenkati fis-sistema GSP Plus “għandhom jiffurmaw il-bażi minima tad-diskussjoni dwar il-kapitlu tal-iżvilupp sostenibbli, fin-negozjati attwali mal-pajjiżi Ażjatiċi”. Dan kien jinkludi l-pajjiżi tal-ASEAN. Madankollu, l-Opinjoni għarfet li din il-kundizzjoni “għandha tiġi evalwata każ b’każ”. Din l-opinjoni għamlitha ċar ukoll li l-ftehimiet bilaterali (ara l-punt 1.2) “għandhom jitqiesu bħala fatturi li huma kompatibbli mal-multilateraliżmu u li eventwalment ser issaħħuh”.

    1.5   L-esperjenza wriet il-vantaġġi kemm tal-kooperazzjoni kif ukoll tad-djalogu mal-imsieħba internazzjonali f’bosta partijiet tad-dinja. Huma jippermettu fehim reċiproku u approċċ iktar effettiv huma u jiġu indirizzati l-isfidi u l-problemi li jridu jiġi solvuti. Għalhekk, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ iktar parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili (fil-livell tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi) fil-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibbiltà soċjoekonomika tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles mal-pajjiżi tal-ASEAN. Hemm bżonn tal-involviment tagħhom ukoll sabiex tiġi eżaminata l-vulnerabbiltà tal-gruppi soċjali l-iktar esposti għall-kompetizzjoni, il-bżonn tal-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta’ żvilupp sostennibbli fid-djalogu strutturat UE-ASEAN. Importanti li nisħqu fuq il-fatt li r-relazzjonijiet mal-UE kienu iktar effettivi fil-pajjiżi tal-ASEAN fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma iktar b’saħħithom (bħall-Indonesja, it-Tajlandja u l-Filippini). L-isfida issa hija li jinstabu mezzi iktar effettivi ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma l-iktar dgħajfa f’pajjiżi oħra tar-reġjun.

    1.6   Il-KESE jispera u lest li jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE f’dan il-qasam sabiex iħeġġeġ u jiffaċilità djalogu msaħħaħ mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-ASEAN u jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għal dan il-għan, b’mod partikolari fejn jidħlu l-iktar gruppi vulnerabbli. Din il-ħidma tista’ tiġi faċilitata u msaħħa jekk titwettaq f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mas-servizz diplomatiku l-ġdid għar-relazzjonijiet esterni tal-UE.

    1.7   Il-Kumitat isejjaħ għat-tnedija ta’ pjattaforma integrata u inklużiva tal-organizzazzjonijiet soċjali UE-ASEAN għall-appoġġ ta’ temi prinċipali fil-proċess ta’ integrazzjoni interreġjonali kif ukoll għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili lokali b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn organizzazzjonijiet bħal dawn huma l-iktar dgħajfa. Dan l-istrument ġdid għall-kooperazzjoni bejn l-atturi tas-soċjetà ċivili UE-ASEAN jippromovi strateġija integrata għall-bini tal-kapaċità permezz tal-iskambju tal-esperjenza dwar studji ta’ każijiet speċifiċi u bosta aspetti tal-proċess ta’ integrazzjoni bħad-djalogu soċjokulturali, il-kooperazzjoni fix-xjenza u l-produzzjoni, is-servizzi ta’ interess ġenerali u l-ġestjoni tal-kriżi.

    1.8   Għal dan il-għan il-Kumitat jirrakkomanda valutazzjoni tal-vijabbiltà li titwaqqaf Fondazzjoni Ewropea, possibbilment bl-involviment tal-Fondazzjoni ASEAN (4) u/jew il-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF) (5), bil-għan speċifiku ta’ djalogu soċjali, ċivili, professjonali u interkulturali UE-ASEAN. Programm realistiku annwali tal-attivitajiet jista’ imbagħad jippermetti monitoraġġ utli fl-istituzzjonijiet Komunitarji interessati.

    1.9   Fil-perijodu qasir, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll l-introduzzjoni ta’ “rapport annwali” dwar l-istat attwali għall-mudelli u s-sistemi parteċipatorji fl-ASEAN sabiex jiġi evalwat il-progress li sar, b’oqsma ta’ enfasi speċifiċi bħas-sigurtà tal-ikel, l-ilma u s-saħħa. Ir-rapport jippermetti screening u monitoraġġ regolari tal-attivitajiet implimentati fil-livell lokali u b’hekk tiġi promossa d-dimensjoni soċjokulturali. Dan jista’ jiffaċilita wkoll tqabbil bejn mudelli u azzjonijiet simili implimentanti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali prinċipali bħall-FAO u atturi internazzjonali oħra (eż. l-Istati Uniti u l-Ġappun).

    1.10   Fl-aħħar, għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-imsieħba soċjali, il-Kumitat jissuġġerixxi li jitwaqqaf djalogu permanenti bejn l-uffiċċjali u d-delegati tal-ASEAN għall-KESE sabiex jinħolqu opportunitajiet regolari ta’ diskussjonijiet u kooperazzjoni istituzzjonali inkluż b’rabta mal-avvenimenti prinċipali tal-organizzazzjoni u l-mumenti prinċipali fid-djalogu strutturali UE-ASEAN u ASEM. Pereżempju l-Kummissjoni għandha tippromovi djalogu permanenti bejn ir-rappreżentanti tal-ASEAN, fil-livelli kollha, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea (u dawk nazzjonali li huma kkonċernati) abbażi ta’ programm ta’ azzjoni komuni u realistiku (eż. dibattitu dwar l-opinjonijiet tal-KESE dwar l-Istati Membri tal-ASEAN). Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet għandhom joħolqu bażi għal forom ta’ valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva faċli jiftiehmu fil-lingwi tal-UE u l-ASEAN kollha. Forum UE-ASEAN f’dan il-qasam, promoss mill-KESE jista’ jkun ta’ interess għal bosta istituzzjonijiet u entitajiet pubbliċi u privati.

    2.   ASEAN: karatteristiċi u storja

    2.1   Sa mit-twaqqif tagħha l-ASEAN żviluppat gradwalment u fi stadji biex biż-żmien assumiet forma differenti u iktar kumplessa. Minkejja li twaqqfet matul il-ġeopolitika tal-Gwerra l-Bierda għal raġunijiet ta’ stabbiltà reġjonali sabiex in-nazzjonijiet indipendenti l-ġodda jingħataw il-leġittimità u jiġi promoss il-multilateraliżmu, l-ASEAN gradwalment estendiet il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, li inizjalment kienet ekonomika u kummerċjali, għal forma iktar avvanzata ta’ integrazzjoni istituzzjonali, politika u ekonomika u soċjokulturali, parzjalment b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika tal-1997.

    2.2   Wara li ġew konklużi t-Trattati ta’ Ruma iżda wisq iktar reċentement wara l-introduzzjoni tal-munita unika u t-tkabbir fl-Ewropa tal-Lvant, l-UE saret “sors naturali ta’ ispirazzjoni” għall-ASEAN, u d-djalogu strutturat UE-ASEAN influwenza l-iżviluppi iktar reċenti fl-integrazzjoni tal-Asja tax-Xlokk. Il-Karta tal-ASEAN tal-15 ta’ Diċembru 2008 (6) tat personalità ġuridika lill-assoċjazzjoni. Fl-14-il summit tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-ASEAN fl-2009, l-ASEAN fasslet pjan ta’ rotta għat-twaqqif ta’ suq komuni sal-2015. Il-Komunità ASEAN għalhekk ħolqot għaliha struttura mibnija fuq tliet pilastri, il-Komunità Ekonomika (AEC), il-Komunità tas-Sigurtà Politika (APSC) u l-Komunità Soċjokulturali (ASCC) (7).

    2.3   L-implimentazzjoni tal-Komunità Ekonomika seħħet wara l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ taħt l-AFTA (il-Ftehim tal-ASEAN dwar il-Kummerċ Ħieles) u tal-investiment fiż-żona tal-ASEAN fil-qafas tal-ftehim AIA (Żona tal-Investiment tal-ASEAN) b’deroga ta’ ħames snin għall-Kambodja, il-Laos, il-Mjanmar u l-Vjetnam (KLMV) (8). Il-Komunità tas-Siġurtà Politika hija essenzjalment kwistjoni ta’ djalogu intergovernattiv. Il-kooperazzjoni soċjokulturali tikkonċerna prinċipalment kooperazzjoni fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-ICT, l-impjieg pubbliku, il-benesseri, it-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà tal-ikel, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ mard jittieħed, il-ġestjoni ttad-diżastri naturali, il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, tan-nisa u dawk li għandhom bżonnijiet partikolari, u l-ħarsien tal-ambjent.

    2.4   It-tisħiħ istituzzjonali tal-ASEAN ġie akkumpanjat minn rwol internazzjonali ikbar. Fl-1 ta’ Jannar 2010, daħlu fis-seħħ il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Awstralja, in-New Zealand, iċ-Ċina u l-Indja. Iż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-ASEAN, l-Awstralja u New Zealand (AANZFTA) tipprovdi għal kummerċ ħieles tal-oġġetti (99 % tal-prodotti prinċipali mill-Indonesja, il-Malasja, il-Filippini u l-Vjetnam), is-servizzi u l-investiment.

    2.5   Iż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn iċ-Ċina u l-ASEAN (CAFTA) abolixxiet id-dwana fuq 7000 grupp ta’ prodotti (madwar 90 % tat-tariffi doganali) u ħolqot suq integrat għal popolazzjoni ta’ madwar 1.9 biljun b’volum ta’ kummerċ ta’ madwar 4.5 biljun dollaru. Perijodu ta’ transizzjoni li jispiċċa fl-2015 ingħata wkoll għall-pajjiżi tal-KLMV.

    2.6   Il-Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Oġġetti bejn l-ASEAN u l-Indja (TIG) jipprovdi għal liberalizzazzjoni gradwali tat-tariffi għal iktar minn 90 % tal-oġġetti inklużi “prodotti speċjali” bħaż-żejt tal-palm, il-kafé, it-té u l-bżar. L-istess f’dan il-każ, il-ftehim jistabbilixxi suq integrat kbir għal popolazzjoni ta’ iktar minn 1.8 biljun.

    2.7   L-ASEAN għandha wkoll relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni politika u ekonomika privileġġjata mal-Korea t’Isfel, il-Ġappun, iċ-Ċina (ASEAN+3) u l-Istati Uniti li, kif nafu, għandha interessi strateġiċi fil-Paċifiku tax-Xlokk u diġà kkonkludiet ftehim ta’ kummerċ ħieles mas-Singapor. Il-proposta tal-President Obama (in-negozjati ilhom għaddejjin minn Marzu li għadda) għall-espansjoni tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) (li attwalment tiġbor fiha l-Brunej, iċ-Ċili, in-New Zealand u s-Singapor) għall-Istati Uniti kif ukoll l-Awstralja, il-Peru u l-Vjetnam għandha interess strateġiku partikolari.

    3.   Ir-relazzjonijiet UE-ASEAN: is-sitwazzjoni attwali

    3.1   Ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji bejn iż-żewġ entitajiet ġeoekonomiċi jirriflettu l-importanza tar-relazzjonijiet UE-ASEAN. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija” (2006) tidentifika l-ASEAN bħala suq prijoritarju minħabba l-potenzjal sinifikanti tat-tkabbir tiegħu. Bejn l-2004 u l-2008, in-negozju bejn l-UE u l-ASEA fl-oġġetti u s-servizzi kiber b’iktar minn 25 % u laħaq EUR 175 biljun fl-2008 (data tad-DĠ Kummerċ).

    3.2   L-ASEAN hija t-tielet imsieħeb kummerċjali tal-UE wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina minn fejn ġejjin 7 % tal-importazzjoni totali. Il-bilanċ kummerċjali tal-UE mal-ASEAN juri defiċit ta’ madwar EUR 25 biljun fl-2008 (data tal-Eurostat). L-UE timporta l-iktar makkinarju (EUR 29.2 biljun fl-2008) u prodotti agrikoli (EUR 12.4 biljun fl-2008). Is-settur tas-servizzi madanakollu juri bilanċ pożittiv fil-kummerċ (+EUR 2.6 biljun fl-2007, data tal-Eurostat).

    3.3   Fir-rigward tal-investiment, matul il-perijodu 2005-2007, il-flussi kapitali bejn l-UE u l-ASEAN żdiedu b’200 % (valur totali ta’ EUR 105.4 biljun, data tal-Eurostat). L-investituri Ewropej jikkontribwixxu madwar 27 % tal-IBD fl-ASEAN, il-maġġoranaza ta’ liema tmur lejn is-Singapor (65 %), segwita mill-Malasja (9 %), it-Tajlandja, l-Indonesja, il-Brunej u l-Vjetnam (5-7 % kull wieħed) u 1 % biss imur lejn pajjiżi oħra. Madanakollu fl-istess perijodu kien hemm żieda sinifikanti fil-flussi bejn l-ASEAN u l-UE minn EUR 29.7 għal EUR 43.6 biljun fl-2007 (data tal-Eurostat). Madanakollu 85 % tal-flussi esterni mill-ASEAN ġejjin minn żewġ pajjiżi biss, is-Singapor u l-Malasja (9).

    3.4   Minkejja li żdiedu r-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, is-swieq tal-ASEAN għadhom jimponu ostakli tariffarji u nontariffarji sinifikanti. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakli permezz ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-ASEAN ikun ifisser benefiċċji ċari għall-UE b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi. Dan ikun ta’ vantaġġ anki għall-ASEAN fejn minkejja li l-impatt ivarja minn pajjiż għal ieħor, it-tendenza ġenerali hija li livell ogħla ta’ integrazzjoni jġib miegħu iktar benefiċċji (ara TSIA, DĠ Kummerċ) (10).

    3.5   In-negozjati kummerċjali li bdew f’Lulju 2007 bejn l-UE u seba’ pajjiżi tal-ASEAN li ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-iktar pajjiżi foqra (11) twaqqfu wara ftehim reċiproku f’Marzu 2009. Id-diversità sinifikanti bejn l-imsieħba fl-ASEAN mil-lat ekonomiku (huma jvarjaw fejn jidħol żvilupp uman, l-għomor tal-ħajja, il-livelli ta’ faqar u l-prijoritajiet fil-qasam tal-infiq pubbliku) u l-firxa ta’ politiki kummerċjali iżda wkoll differenzi politiċi kbar (anki jekk titqies biss id-dittatorjat militari u l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar) kienu ostakli għan-negozjati kummerċjali li ma setgħux jingħelbu. Dwar dan, il-KESE jżomm mal-istess pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li f’Jannar 2008 qal li mhux tal-fehma li jiġi konkluż ftehim kummerċjali mal-Mjanmar taħt ir-reġim militari attwali.

    3.6   Hekk kif l-isforzi sabiex jinħolqu rabtiet ekonomiċi u kummerċjali eqreb bdew jogħsfru fix-xejn, ir-relazzjonijiet politiċi u istituzzjonali bejn l-UE u l-ASEAN – għalkemm fuq livell intergovernattiv – reġgħu bdew jitjiebu. Fost l-eżempji nsibu l-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (fażi I u fażi II) (12), l-Inizjattiva Kummerċjali Transreġjonali UE-ASEAN (TREATI) (13) u l-Istrument ta’ Djalogu Reġjonali UE-ASEAN (READI) (14).

    3.7   Barra minn dawn il-ftehimiet, iż-żewġ organizzazzjonijiet ikkonkludew ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (l-14-il Laqgħa Ministerjali ASEAN-UE fl-2003) (15) u matul is-16-il Laqgħa Ministerjali ASEAN-UE f’Nuremburg fil-15 ta’ Marzu 2007 adottaw pjan konġunt ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sħubija mtejba (Pjan ta’ Azzjoni ta’ Nuremberg 2007–2012).

    3.8   L-UE u l-ASEAN iżommu kooperazzjoni politika bejniethom fil-forma ta’ laqgħat konġunti bejn il-ministri barranin u l-uffiċjali għolja tagħhom. Is-17-il Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin UE-ASEAN li saret f’Phnom Penh, il-Kambodja bejn is-27 u t-28 ta’ Mejju 2009 u serviet ta’ opportunità biex jiġu evalwati l-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Nuremburg u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet emerġenti (bħar-reċessjoni globali u r-riskji relatati mal-pandemika A/H1N1). Dan wassal għall-“Aġenda Phnom Penh” li stabbilixxiet prijoritajiet u għanijiet għall-2009–2010.

    3.9   Minkejja li ma jagħmlux parti mid-djalogu UE-ASEAN, ta’ min jissemmew l-esperjenzi pożittivi tal-ASEM (il-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa) li attwalment hija l-kanal prinċipali għar-relazzjonijiet multilaterali bejn l-Ewropa u l-Asja (16). Barra s-summits bijennali intergovernattivi (17), l-ASEM tospita il-Forum taċ-Ċittadini Asja-Ewropa, is-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa u l-Forum tan-Negozju Asja-Ewropa, kif ukoll netwerk online ta’ kooperazzjoni xjentifika għall-edukazzjoni u l-komunitajiet ta’ riċerka, in-Netwerk ta’ Informazzjoni Trans-Eurasia (18).

    4.   Temi ewlenin tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN

    4.1   Mingħajr l-ebda pretensjonijiet li qed ikopri kollox, il-KESE jemmen li jkun utli li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq għadd ta’ oqsma prijoritarji u kwistjonijiet kruċjali u li huma meqjusa strateġiċi għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN fil-ġejjieni bil-għan li jiġu provduti linji gwida u possibbiltajiet għal azzjoni konkreta.

    4.2   Kif diġà ġie nnotat, in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-ASEAN bħalissa huma sospiżi. Sabiex iżżomm l-impenn tagħha fir-rigward tar-reġjun, l-UE nediet ftehimiet kummerċjali bilaterali ma’ xi stati membri tal-ASEAN (bdiet mis-Singapor u l-Vjetnam).

    4.2.1   Huwa ċar li l-pajjiżi tal-ASEAN għadhom differenti ħafna mil-lat politiku u istituzzjonali (l-ASEAN tinkludi stati demokratiċi, demokratiċi moderati, stati awtoritarji kif ukoll dittaturi militari bħal tal-Mjanmar), kif ukoll mil-lat ekonomiku (pereżempju: hemm differenza ċara fl-indikaturi kollha tal-iżvilupp soċjoekonomiku bejn l-ekonomiji tal-ASEAN-6 u l-erba’ pajjiżi ġodda tal-KLMV). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-ASEAN (is-segretarjat u l-presidenza) m’għandhomx mandat ta’ negozjar. L-ispiża soċjali tal-integrazzjoni ekonomika qawwija għall-pajjiżi tal-KLMV hija kkunsidrata b’kawzjoni (19).

    4.2.2   Madanakolli l-għażla tan-negozjati bilaterali tibqa’ t-tieni l-aħjar għażla disponibbli u l-pajiiżi tal-ASEAN innifishom ikkritikaw bl-aħrax l-esklużjoni ta’ ċerti pajjiżi (il-Mjanmar, il-Kambodja u l-Laos) min-negozjati. Barra minn hekk, il-bżonn li nippromovu negozjati verament reġjonali huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-preżenza tal-Ewropa fir-reġjun u biex jiġi faċilitat djalogu ikbar maċ-Ċina fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tar-reġjun. Minn dan il-lat, it-tnedija ta’ negozjati bilaterali mal-pajjiżi tal-ASEAN għandha titqies biss bħala l-ewwel pass lejn sħubija reġjonali usa’ kemm fid-dawl tal-importanza li għandha l-Asja fil-bilanċi politiċi u ekonomiċi internazzjonali u indirettament fir-relazzjonijiet UE-Ċina, u kemm fid-dawl tal-għan li n-nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk iwaqqfu suq komuni sal-2015, għan li l-UE tappoġġja kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament.

    4.3   L-UE bħalissa qed tinnegozja ftehimiet speċifiċi għal kooperazzjoni usa’ mal-pajjiżi tal-ASEAN (Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni) u tappoġġja l-Inizjattiva għall-Integrazzjoni tal-ASEAN (IAI) u l-inizjattivi għal żoni ta’ tkabbir sottoreġjonali (20). Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ssaħħet ukoll fl-oqsma tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali bil-għan ewlieni li jogħlew l-istandards tat-tagħlim u jiġu promossi t-tagħlim tal-lingwi u l-użu tat-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (21).

    4.3.1   Peress li s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni sensittiva, l-UE beħsiebha wkoll issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-FAO fil-qasam. Il-FAO diġà kkooperat mal-ASEAN fit-tfassil ta’ Qafas Integrat tas-Sigurtà tal-Ikel (AIFS) tal-ASEAN u l-Pjan Strateġiku għas-Sigurtà tal-Ikel (SPA-FS) korrispondenti u attwalment qed twettaq studji f’għaxar pajjiżi dwar l-impatt tal-kriżi fuq is-sigurtà tal-ikel fir-reġjun. Il-FAO qed taħdem ukoll fuq Memorandum ta’ Ftehim mal-ASEAN sabiex tifformalizza r-relazzjonijiet reċiproċi u tiffaċilita l-assistenza teknika fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel fir-reġjun.

    4.3.2   Fid-dawl tal-vulnerabbiltà soċjoekonomika tar-reġjun għal xokkijiet esterni u effetti addizzjonali li l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ser ikollhom fuq il-vulnerabbiltà ta’ ċerti stati membri u gruppi soċjali li huma l-iktar esposti għall-kompetizzjoni, għandha tingħata iktar attenzjoni mill-qrib lil ċerti aspetti tal-kooperazzjoni ekonomika inkluż fejn jidħol skambju ta’ għarfien ma’ istituzzjonijiet u ċentri ta’ riċerka internazzjonali.

    4.4   Il-kooperazzjoni politika bejn l-UE u l-ASEAN għadha ferm intergovernattiva u qed tiżviluppa permezz ta’ laqgħat regolari (bijennali) bejn il-ministri tal-affarijiet barranin u l-uffiċċjali għolja. Dawn il-laqgħat ministerjali madanakollu għenu lill-partiti jsibu punti komuni fil-politika barranija. L-UE pereżempju talbet aċċess għat-Trattat tal-ASEAN ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u, f’dan ir-rigward, l-ASEAN qablet li testendi t-Trattat għall-entitajiet sovranazzjonali.

    4.4.1   Il-kooperazzjoni soċjokulturali għall-perijodu 2009-2013 hija rregolata mill-Aġenda ta’ Phnom Penh, li tistabbilixxi objettivi komuni li għandhom jinkisbu fl-oqsma tas-sigurtà tas-saħħa, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-taħriġ professjonali u l-ħarsien tal-wirt artistiku u kulturali. Madanakollu, anke fil-qasam tal-kooperazzjoni soċjali, l-involviment tas-soċjetà ċivili paradossalment għadu modest. Fil-fatt, attwalment m’hemmx biżżejjed korpi biex jesprimu bis-sħiħ il-bżonnijiet tal-imsieħba soċjali u l-istennijiet tagħhom u taċ-ċittadini l-oħra fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN (22).

    4.4.2   Fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, għandna nilqgħu t-twaqqif reċenti (permezz tad-dħul fis-seħħ tal-Karta tal-ASEAN) tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Għalkemm dan il-korp m’għandux setgħat ta’ infurzar jew ta’ sanzjoni (tal-inqas għalissa) u għaldaqstant huwa inkarigat mill-promozzjoni, aktar milli mis-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, dan huwa, bla dubju, l-ewwel pass lejn ħarsien aktar komprensiv tad-drittijiet tal-bniedem, kompitu li l-organizzazzjoni ser tintalab tiggarantixxi fis-snin li ġejjin. Il-Kumitat madanakollu jenfasizza li minħabba s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar mhuwiex possibbli li n-negozjati jittieħdu l-quddiem mad-dittatorjat militari attwali fil-pajjiż.

    Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  EXT/132 tal-1996; EXT/153 tal-1997.

    (2)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija” COM567 (2006) finali.

    (3)  Minkejja li huwa impossibbli li jitqabblu ż-żewġ sitwazzjonijiet, Kapitolu 13 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u t’Isfel jista’ jservi ta’ mudell utli ta’ referenza.

    (4)  Il-Fondazzjoni ASEAN twaqqfet fil-15 ta’ Novembru 1997 f’Kuala Lumpur matul is-Summit Kommemorattiv f’għeluq it-30 Anniversarju tal-Assoċjazzjoni. Hija timmira li tippromovi l-għajxien u l-benesseri tal-popli tal-Asja tax-Xlokk kif ukoll fehim aħjar tal-vantaġġi tal-integrazzjoni reġjonali permezz ta’ kuntatt bejn in-nies u kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet soċjali u akkademiċi.

    (5)  Il-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF) twaqqfet fi Frar 1997 mill-pajjiżi tal-ASEM.Hija tippromovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet Asjatiċi u Ewropej permezz ta’ skambji intellettwali, kulturali u bejn il-persuni bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet.

    (6)  Ara l-Karta tal-ASEAN, is-Singapor, 20 ta’ Novembru 2007. Dan it-Trattat kostituzzjonali li jikkonsisti fi preambolu, 13-il kapitlu u 55 artikolu huwa l-qafas bażiku tal-assoċjazzjoni.

    (7)  Ara l-ASEAN Economic Community (AEC) Blueprint, (is-Singapor, 20 ta’ Novembru 2007), l-ASEAN Political-Security Community Blueprint (Cha-Am, 1 ta’ Marzu 2009) u l- Blueprint for the ASEAN Socio-Cultural Community (Cha-Am, 1 ta’ Marzu 2009).

    (8)  KLMV huwa l-akronomu għall-membri l-iktar reċenti tal-organizzazzjoni (il-Kambodja, il-Laos, il-Mjanmar u l-Vjetnam).

    (9)  Ħdax mit-tmintax-il kumpanija multinazzjonali fl-ASEAN fost l-ewwel 100 fil-livell internazzjonali jinsabu fis-Singapor u l-Malasja (data tal-UNCTAD).

    (10)  DĠ Kummerċ, Trade Sustainability Impact Assessment (TSIA) of the FTA between the EU and ASEAN, Ġunju 2009, TRADE07/C1/C01 – Lot 2.

    (11)  L-Indonesja, il-Malasja, is-Singapor, il-Brunej, it-Tajlandja, il-Filippini u l-Vjetnam.

    (12)  Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS I) li ġie ffirmat f’Jakarta f’Settembru 2003 b’kontribut ta’ EUR 4.5 miljun sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Programm ta’ Azzjoni ta’ Vientiane, l-implimentazzjoni tal-ASEAN Single Window għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri tad-dwana, it-tnaqqis tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, l-allinjament ta’ standards ta’ kwalità fir-reġjun u l-assistenza teknika lis-segretarjat tal-ASEAN. L-għanijiet prinċipali tal-APRIS II (ara Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS) – Fażi II, Jakarta, Novembru 2006) madanakollu huma: fir-rigward tal-kummerċ, il-promozzjoni tal-allinjament tal-istandards tal-ASEAN mal-istandards internazzjonali; fir-rigward tal-investiment, il-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni sabiex titħaffef it-tneħħija tal-ostakli għad-dħul u l-moviment ħieles tal-kapital fir-reġjun; u fil-livell istituzzjonali, il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-ASEAN u li s-segretarjat tal-ASEAN jingħata għajnuna sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tiegħu. APRIS II jirregola l-perijodu 2006-2009 u l-kopertura finanzjarja tiegħu hija garantita minn impenn inizjali tal-UE ta’ EUR 8.4 miljun.Fl-2007 ittieħed impenn addizzjonali ta’ EUR 7.2 miljun bħala appoġġ għall-inizjattivi fil-qafas ta’ APRIS II b’enfasi speċjali fuq il-ksib ta’ standards komuni għal pajjiżi fir-reġjun fis-setturi tal-agroalimentazzjoni, l-elettronika, il-kosmetika u l-prodotti tal-injam.

    (13)  Programm ta’ assistenza teknika li l-UE impjenat ruħha li tipprovdi lin-nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja sabiex tiffaċilita l-ksib tal-miri ta’ integrazzjoni tal-ASEAN tal-istandards agroalimentazzjoni u l-prodotti industrijali u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ. Ara l-Inizjattiva Kummerċjali Transreġjonali UE-READI jkopri l-oqsma non-kummerċjali kollha tal-kooperazzjoni u jippromovi d-djalogu politiku fis-settur ta’ interess komuni bħas-soċjetà tal-informazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, l-impjieg, l-affarijiet soċjali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija.ASEAN, Luang Prabang, 4 ta’ April 2003.

    (14)  READI jkopri l-oqsma non-kummerċjali kollha tal-kooperazzjoni u jippromovi d-djalogu politiku fis-settur ta’ interess komuni bħas-soċjetà tal-informazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, l-impjieg, l-affarijiet soċjali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija.

    (15)  Ara l-Joint Declaration on Cooperation to Combat Terrorism, Brussell, 27-28 ta’ Jannar 2003.

    (16)  L-45 imsieħba attwali tal-ASEM jirrappreżentaw nofs il-PDG dinji, kważi 60 % tal-popolazzjoni globali u 60 % tal-kummerċ globali (data tal-Kummissjoni Ewropea).

    (17)  It-8 summit ser isir fi Brussell f’Ottubru u ser jiffoka fuq it-“Titjib tal-Kwalità tal-Ħajja”.

    (18)  Il-proġett TEIN3 (http://www.tein3.net/) jippromovi l-kooperazzjoni xjentifika bejn 8 000 ċentri ta’ riċerka u istituzzjonijiet akkademiċi fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku u l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti mal-kontropartijiet tagħhom fl-Ewropa. Il-kooperazzjoni telematika bejn ir-riċerka Ewropea u Asjatika hija żgurata permezz tal-konnettività man-netwerk GÉANT.

    (19)  B’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament speċjali u differenzjali adottat mid-WTO, l-UE hija preparata tqis id-diversi livelli ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-esportazzjonijiet minn Laos u l-Kambodja diġà jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE taħt l-inizjattiva “Everything but Arms”.

    (20)  Bħalissa għaddejin ħames proġetti konġunti fuq baġit totali ta’ EUR 55.5 miljun.

    (21)  Għandha tingħata prijorità lil proġetti ta’ taħriġ professjonali, trasport, enerġija u żvilupp sostenibbli. Ara l-Istrument Reġjonali ta’ Djalogu bejn l-UE u l-ASEAN, Kuala Lampur, 2005.

    (22)  L-unika eċċezzjoni (parzjali) huwa n-Netwerk tan-Negozju tal-UE u l-ASEAN ibbażat fi Brussell, stabbilit fl-2001 biex jippromovi r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-partijiet ikkonċernati.


    Top