Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE0764

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili favur l-iżvilupp sostenibbli” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 21, 21.1.2011, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 21/9


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili favur l-iżvilupp sostenibbli” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    2011/C 21/02

    Relatur: is-Sur HENCKS

    Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-

    Inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili favur l-iżvilupp sostenibbli.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Mejju 2010.

    Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 5 voti kontra u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    L-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, li saru iktar serji minħabba l-kriżi tal-finanzi pubbliċi, huma preokkupanti biżżejjed biex is-soċjetà ċivili tieħu azzjoni sabiex tappoġġja lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u takkumpanja l-bidliet ekonomiċi u soċjali meħtieġa kif ukoll l-irkupru ta’ finanzi pubbliċi bbilanċjati.

    1.2

    Minbarra l-konsiderazzjonijiet xjentifiċi, is-suċċess tad-deċiżjonijiet politiċi jiddependi ħafna minn kemm dawn jiġu aċċettati mis-soċjetà ċivili, li għandha tiġi involuta aktar mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli sabiex ikun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-għażliet finali u r-responsabbiltajiet li jittieħdu.

    1.3

    Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta’ politika ambizzjuża tal-iżvilupp sostenibbli għandha tkun strutturata tajjeb sabiex tkun effikaċi u tevita li tispiċċa strument populista.

    1.4

    Fid-dawl tar-riflessjonijiet u s-suġġerimenti mressqa hawn taħt, il-KESE jitlob li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-iskambju tal-għarfien jiġu integrati fir-reviżjoni tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli fl-2011 permezz ta’ pjan ta’ azzjoni, inċentivi finanzjarji u l-pubblikazzjoni tal-aħjar prattiki ta’ inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili, fost affarijiet oħra.

    1.5

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkollu sehem kbir fl-istrateġija tal-UE għall-2020.

    2.   Is-suġġett tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja

    2.1

    “Id-dinja ma writnihiex mingħand il-ġenituri tagħna, iżda qed nissellfuha mingħand uliedna”. Dan il-proverbju, li ġej mill-kultura indiġena Kanadiża tal-Haida, jirrifletti perfettament l-isfida li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni attwali, jiġifieri li nbiddlu l-istil ta’ ħajjitna u li jinsabu toroq ġodda għal żvilupp effikaċi mil-lat ekonomiku, ekwu mil-lat soċjali u sostenibbli mil-lat ekoloġiku, żvilupp li jassigura tqassim mill-ġdid ġust tar-rikkezzi u li jiggarantixxi lil kull ċittadin aċċess għal ħajja deċenti.

    2.2

    Uħud mill-bidliet jeħtieġu inizjattivi “minn fuq għal isfel”, bħal dispożizzjonijiet leġiżlattivi, programmi ta’ investiment pubbliċi u/jew privati, eċċ. Oħrajn, min-naħa l-oħra, jirrikjedu inizjattivi “minn isfel”, jiġifieri min-naħa ta’ ċittadini konxji li huwa importanti li jagħtu l-kontribut personali tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ bidla fl-imġiba tagħhom u fl-istil tal-konsum tagħhom, u billi jappoġġjaw jew jieħdu sehem fl-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet li qed jaħdmu bis-sħiħ għall-iżvilupp sostenibbli.

    2.3

    Il-gvernijiet u l-Unjoni jridu jagħrfu li dawn l-inizjattivi “minn isfel” huma meħtieġa biex mhux biss tinkiseb ekonomija aktar sostenibbli, iżda wkoll biex jintlaħqu l-objettivi li l-awtoritajiet politiċi stabbilixxew fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Inizjattiva fil-livell tal-UE tista’ ċertament iġġib valur miżjud kbir permezz, fost affarijiet oħra, tal-pubblikazzjoni tal-aħjar prattiki b’rabta mal-impenji u l-inizjattivi taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet favur l-iżvilupp sostenibbli.

    2.4

    Għalhekk, l-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar dak li tista’ tagħmel l-Ewropa sabiex iżżid l-effikaċja u n-numru tal-inizjattivi kollettivi mnedija minn korpi istituzzjonali, intrapriżi, trejdjunjins, NGOs u assoċjazzjonijiet jew membri oħra tas-soċjetà ċivili biex jiġi appoġġjat il-progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

    2.5

    F’din l-opinjoni, il-KESE jiżviluppa xi riflessjonijiet dwar kif jista’ jingħata kontribut aktar attiv mis-soċjetà ċivili kollha għall-iżvilupp sostenibbli u dwar it-tip ta’ strutturi qafas li għandha tistabbilixxi l-Ewropa sabiex takkumpanja u timmassimizza l-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi.

    3.   L-isfida tas-soċjetà ċivili: li tixpruna l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli

    3.1

    Bħalissa qed jissemma ħafna t-tibdil fil-klima, li mingħajr dubju ta’ xejn huwa theddida b’konsegwenzi futuri li jistgħu jkunu diżastrużi. Però dan mhux l-uniku fenomenu li jxekkel l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetajiet tagħna: it-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-ħamrija, l-iskart tossiku, il-metalli tqal, is-sustanzi organiċi li jniġġsu, l-urbanizzazzjoni mingħajr kontroll, l-inugwaljanzi u l-inġustizzji soċjali, eċċ., huma lkoll problemi kbar għall-umanità.

    3.2

    Sabiex jinkiseb stil ta’ ħajja sostenibbli mil-lat ekoloġiku u soċjali, jeħtieġ li wieħed ma jibqax ifittex dejjem aktar tkabbir mhux sostenibbli, u jgħaddi mill-era tal-konsum żejjed u l-ħela għall-era tal-benesseri bbażat fuq l-iżvilupp uman u soċjali. Kif jgħid il-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali Franċiż, huwa importanti li l-bniedem jiġi kkunsidrat bħala ħlieqa bijoloġika u soċjali, naturali u kulturali, bħala persuna.

    3.3

    Madankollu, l-imġiba ftit li xejn sostenibbli mhix fenomenu esklużivament kontempranju. Il-bniedem dejjem tratta l-ambjent b’mod “ftit li xejn sostenibbli”. Inbidlu biss id-dimensjoni u l-ħeffa tad-degradazzjoni tal-ekosistemi minħabba l-metodi tal-produzzjoni u tal-konsum.

    3.4

    Inbidel ukoll il-fatt li llum il-ġurnata, bl-għarfien xjentifiku (f’termini relattivi) dwar kif jaħdmu l-ekosistemi, wieħed jista’ juri u jifhem kemm hi serja s-sitwazzjoni u jenfasizza d-diversi aspetti fl-imġiba tas-soċjetajiet tagħna li mhumiex sostenibbli. Madankollu, milli jidher, is-sinjali ċari ta’ allarm mhumiex biżżejjed biex is-soċjetà tibda tqis sew l-azzjonijiet tagħha u tadotta imġiba aktar sostenibbli u responsabbli mil-lat soċjali.

    3.5

    Fil-bidu l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli kien jindirizza biss ir-riżorsi naturali (l-eżawriment tar-riservi tal-idrokarburi fossili) u t-tniġġis (il-qerda tal-ożonu stratosferiku) permezz ta’ standards għall-emissjonijiet ta’ prodotti li jagħmlu l-ħsara jew limiti fuq l-ammont ta’ riżorsi li jistgħu jintużaw. Dan il-kunċett issa sar wieħed aktar ġenerali li jiġbor fih ukoll restrizzjonijiet relatati mat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. B’hekk, l-iżvilupp sostenibbli jgħaqqad il-kwistjoni tal-iżvilupp ekwu tas-soċjetajiet, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-faqar, mal-kwistjoni li ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri ambjent b’saħħtu, għani u diversifikat.

    3.6

    Għalhekk, matul is-snin il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli sar wieħed ġenerali. Fil-bidu kienu fuq kollox il-movimenti ekoloġiċi li bdew jinbtu madwar id-dinja kollha li kienu qed jinkwetaw fuq l-ekosistemi. Però, sadanittant dan is-suġġett, li żviluppa fil-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli, sar element komuni tal-partiti politiċi kollha.

    3.7

    Is-soċjetà ma baqgħetx passiva. Diġà jeżistu bosta ċittadini li jaħdmu ħafna għal stil ta’ ħajja sostenibbli fuq bażi individwali jew fil-kuntest ta’ azzjonijiet kollettivi. Per eżempju:

    fuq il-post tax-xogħol, min iħaddem u l-impjegati qed jirsistu biex jikkonsmaw inqas enerġija, inaqqsu l-iskart u jiżviluppaw mezzi ta’ produzzjoni aktar sostenibbli;

    fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, in-negozjanti qed jingħaqdu mal-klijenti biex jiddeterminaw liema huma l-aħjar mezzi biex jiġu promossi prodotti aktar sostenibbli;

    fid-djar, iċ-ċittadini qed jieħdu miżuri biex iżidu l-prestazzjoni tal-enerġija fid-dar tagħhom, jevitaw il-ħela, inaqqsu l-konsum tal-ilma u jippromovu r-riċiklaġġ;

    fis-sistemi edukattivi nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri, l-istudenti jsiru konxji tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli minn meta jkunu għadhom żgħar.

    3.8

    Fl-istess ħin, fil-livell reġjonali nħolqu organizzazzjonijiet professjonali jew assoċjattivi jew panils tar-residenti sabiex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli, jikkomunikaw l-opinjoni tagħhom jew jieħdu azzjoni.

    3.9

    Madankollu, minkejja l-attenzjoni kbira li ngħata l-kunċett mill-mezzi tax-xandir matul il-konferenza reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen, qed jintilef ħafna mill-interess fl-iżvilupp sostenibbli. Ir-raġuni għal dan hija li t-tibdil fil-klima, li huwa parti importanti waħda biss mill-iżvilupp sostenibbli, kultant qed inissi l-oqsma essenzjali l-oħra. Minbarra d-diżappunt taċ-ċittadini li kienu qed jistennew impenn formali mill-awtoritajiet politiċi, hemm ukoll ċertu xettiċiżmu fir-rigward tar-riskji reali tat-tibdil fil-klima mħeġġin minn ċerti xjentisti jew korpi politiċi li qed iqajmu d-dubju fuq kemm hi serja s-sitwazzjoni. Minħabba dan, minn naħa, qed jonqos l-entużjażmu u, min-naħa l-oħra, qed jissaħħaħ il-moviment li jinnega t-tibdil fil-klima.

    3.10

    Ir-riżoluzzjoni tal-KESE “L-ebda triq lura” tat-23 ta’ Novembru 2009, ippreżentata fil-Konferenza ta’ Kopenħagen, qed tikseb importanza ġdida u hija indirizzata lis-soċjetà ċivili kollha: l-intrapriżi, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ilkoll għandna nagħmlu sforzi sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u nadattaw għalih.

    3.11

    Fil-fatt, fid-dawl tar-riżultat diżappuntanti tal-Konferenza ta’ Kopenħagen u tar-riskju tal-indifferenza li ġej minn dan, is-soċjetà ċivili hija mħeġġa aktar minn qatt qabel tieħu azzjoni. Kif qal il-KESE, is-soċjetà ċivili għandha tinsisti li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex taqa’ fit-tentazzjoni li tuża l-falliment ta’ Kopenħagen bħala skuża biex tnaqqas l-ambizzjonijiet jew l-impenn tagħha, iżda għandha tirdoppja l-isforzi tagħha sabiex tiżviluppa mudell ta’ żvilupp b’emissjonijet baxxi tal-karbonju li jħares ir-riżorsi naturali, filwaqt li tibbaża l-kompetittività tagħha fuq il-kapaċità tagħha li tapplika b’mod koerenti l-innovazzjoni, l-investimenti produttivi u l-kapital uman.

    3.12

    M’hemmx dubju li jeżistu relazzjonijiet bejn il-qasam ambjentali, ekonomiku, soċjali u kulturali. Dan jirrikjedi approċċ interdixxiplinari li jiġbor flimkien bosta atturi b’kompetenzi u interessi differenti ħafna li jkunu mħeġġa jegħlbu l-firda istituzzjonali u settorjali u jgħaqqdu l-għarfien espert u s-sens komun tagħhom. Fil-fatt, huwa importanti li nevitaw li komponenti differenti tas-soċjetà jiġu newtralizzati u li d-deċiżjoni titħalla f’idejn ir-rappreżentanti eletti jew il-gruppi ta’ interess li huma organizzati bl-aħjar mod.

    3.13

    L-inizjattivi tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam jistgħu jixprunaw id-deċiżjonijiet politiċi. Is-soċjetà ċivili għandha l-kapaċità li tiġbor lill-atturi u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi flimkien, tissensibilizza s-setturi kollha tas-soċjetà sabiex dawn jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħhom u l-mod kif jikkonsmaw u jipproduċu, u tibda inizjattivi u azzjonijiet ambizzjużi.

    4.   L-istorja tad-dibattitu pubbliku dwar l-iżvilupp sostenibbli

    4.1

    Huwa wara l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili organizzata li d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED), li saret f’Rio fl-1992, introduċiet għall-ewwel darba b’mod uffiċjali lis-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli. Fost is-27 prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli stabbiliti f’din l-okkażjoni, ġie deċiż, fost affarijiet oħra, li l-pubbliku għandu jkun involut fid-deċiżjonijiet u li n-nisa, iż-żgħażagħ, il-komunitajiet lokali u l-minoranzi għandhom jaqdu rwol akbar milli qed jaqdu bħalissa.

    4.2

    Kapitolu 28 tal-Aġenda 21 (programm ta’ żvilupp sostenibbli li tfassal matul is-Summit ta’ Rio) jistieden lill-awtoritajiet lokali jintegraw l-iżvilupp sostenibbli fil-programmi ta’ azzjoni tagħhom permezz ta’ “mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-popolazzjoni”.

    4.3

    B’hekk ingħaraf il-fatt li huwa importanti li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-analiżi tal-konsegwenzi tal-azzjoni pubblika, l-għażliet finali u r-responsabbiltajiet fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. B’riżultat ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati kollha (u fosthom il-ġenerazzjoni futura li hija assenti), b’xi mod jew ieħor, iridu jiġi involuti mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti.

    4.4

    Minn dak iż-żmien l-organizzazzjonijiet non-governattivi, segwiti mill-intrapriżi, it-trejdjunjins, l-awtoritajiet lokali u reġonali u assoċjazzjonijiet oħra qed jitolbu posthom fid-dibattitu, ħdejn l-atturi istituzzjonali u politiċi. Huma taw bidu għal bosta azzjonijiet u inizjattivi u ressqu xi rakkomandazzjonijiet sabiex jippromovu imġiba sostenibbli.

    5.   L-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili

    5.1

    Il-KESE, bħala rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ilu snin imħasseb dwar l-iżvilupp sostenibbli u fl-2006 ħoloq l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli. L-għan ta’ dan l-Osservatorju huwa li jappoġġja l-kontribut tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-politika tal-iżvilupp sostenibbli li tiġbor fiha l-interessi ambjentali, ekonomiċi u soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE fassal diversi opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet essenzjali fil-qasam tas-sostenibbiltà u ser ikompli jipproponi soluzzjonijiet prattiċi hekk kif għamel fl-opinjoni dwar Il-bini ta’ ekonomija sostenibbli permezz ta’ bidla fil-mudell ta’ konsum (INT/497).

    5.2

    Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-atturi istituzzjonali u politiċi għandhom aktar influwenza mis-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ċerti azzjonijiet, li minn barra jkunu jidhru li huma maħsuba biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli, ikunu influwenzati minn interessi politiċi, finanzjarji jew ideoloġiċi aktar minn ambjentali, u jkunu sottomessi għar-rieda ta’ xi wħud. B’hekk jeżisti r-riskju li l-iżvilupp sostenibbli jispiċċa strument f’idejn gruppi ta’ pressjoni li jservi għanijiet li kultant ma jkollhomx x’jaqsmu mas-suġġetti inizjali.

    5.3

    Però huwa diffiċli li jiġu assoċjati l-partijiet kollha. Ħafna drabi, parti mis-soċjetà ċivili ma ssemmax leħinha qabel ma jkun hemm bżonn urġenti li tinsab soluzzjoni għall-problemi, filwaqt li f’sitwazzjonijiet mhux urġenti l-ħidma titħalla iktar f’idejn il-gruppi ta’ pressjoni u protesta.

    5.4

    Għalhekk jeħtieġ li mmorru lil hinn mis-sempliċi kampanji ta’ informazzjoni u nsibu l-mezzi ta’ kif niksbu demokrazija parteċipattiva bi strutturi ta’ konsultazzjoni li jolqtu lis-soċjetà ċivili kollha u li jibqgħu rappreżentattivi u attivi fit-tul filwaqt li jgħaqqdu l-problemi ambjentali, soċjali u ekonomiċi fl-attivitajiet lokali u globali. F’dan il-kuntest huwa importanti li flimkien mal-azzjonijiet globali jiġu promossi l-inizjattivi lokali, u li s-soċjetà ċivili tiġi involuta mill-qrib għax dan huwa l-aħjar mod biex dawk kollha li lejhom huma mmirati l-azzjonijiet jidentifikaw ruħhom mal-approċċi adottati.

    6.   Soċjetà ċivili rappreżentattiva u attiva fit-tul

    6.1

    F’sistema b’governanza f’diversi livelli bħal dik tal-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattiti u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma tistax tiġi żgurata biss permezz tal-istitutzzjonijiet rappreżentattivi eletti demokratikament.

    6.2

    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, negozjata fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), tippreżenta l-prinċipji tal-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent. Hi tikkonċerna d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja – dan kollu fil-qasam tal-ambjent.

    6.3

    Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tistabbilixxi li kull awtorità għandha tagħti l-informazzjoni kollha li jkollha dwar l-ambjent lil kull persuna li titlobha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li din il-persuna jkollha tiġġustifika l-identità tagħha jew ir-raġuni tat-talba tagħha. Fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2003/4/KE, il-KESE kien ikkritika li f’ċerti punti t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fil-liġi Komunitarja ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni msemmija, fosthom fir-rigward tal-kunċett ta’ “entità kwalifikata” li għandha s-setgħa jkollha aċċess għall-informazzjoni. Il-KESE jemmen li għandha ssir reviżjoni tad-direttiva msemmija. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li m’hemmx bilanċ fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li l-Istati li rratifikaw il-Konvenzjoni huma obbligati jħejju rapport dwar l-applikazzjoni tagħha.

    6.4

    L-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ li tiġi definita l-popolazzjoni mmirata li ser tkun imħeġġa tipparteċipa fit-tħejjija u t-tfassil tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli. F’dan il-kuntest, huwa tajjeb ukoll li tittieħed deċiżjoni dwar il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-volontarji u li jiġu stabbiliti objettivi konkreti kif ukoll il-metodoloġija u l-proċeduri tal-evalwazzjoni u tal-pubblikazzjoni tar-riżultati.

    6.5

    Billi l-iżvilupp sostenibbli jikkonċerna b’mod dirett liċ-ċittadini kollha, mingħajr eċċezzjoni, il-popolazzjoni li tesprimi ruħha tkun rappreżentattiva biss jekk tkun tkopri firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi soċjodemokratiċi u ta’ varjetà kbira ta’ għarfien espert u opinjonijiet.

    6.6

    Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu identifikati b’mod ċar il-problemi u li jiġu definiti l-objettivi prijoritarji konkreti li għandhom jinkisbu f’perijodu qasir u medju ta’ żmien, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet soċjali u kulturali tal-problemi li għandhom ikunu qrib l-interessi reali taċ-ċittadini. Dan jimplika li l-problemi għandhom jiġu kklassifikati f’ġerarkija, u jiġu indirizzati skont il-prijorità tagħhom, skont kemm huma serji l-effetti u l-ħsarat inerenti tagħhom u skont l-ispejjeż biex jiġu solvuti.

    6.7

    Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jaraw il-parteċipazzjoni tagħhom bħala l-għoti ta’ responsabbiltà, jiġifieri ċ-ċittadini għandhom jiġu involuti fl-inizjattivi fi stadju bikri, sa mit-tfassil tal-istrateġija u tal-proġetti, u għandhom jaqdu rwol attiv f’kull fażi tal-proċess.

    6.8

    F’kull stadju tad-dibattitu u t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, għandha tinħatar persuna fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, “medjatur tal-iżvilupp sostenibbli”, li jkollha l-esperjenza fit-tmexxija tad-dibattiti u li tkun indipendenti minn kull grupp ta’ interess. Din il-persuna għandha tkun inkarigata mill-informazzjoni, il-motivazzjoni u r-reklutaġġ ta’ dawk iċ-ċittadini li jkunu interessati u li jkunu jixtiequ jieħdu sehem. Din il-persuna għandha tieħu ħsieb il-koordinazzjoni ċentrali tal-azzjonijiet filwaqt li tara li l-fehmiet kollha jinstemgħu u li l-parteċipanti kollha jkollhom il-possibbiltà li jieħdu sehem fid-dibattitu, u tevita li jkun hemm min joħroġ barra mis-suġġett.

    6.9

    Dan il-medjatur għandu jaqdi wkoll ir-rwol ta’ interfaċċja u ta’ kelliem fix-xena pubblika u fi ħdan il-mezzi tax-xandir sabiex isemma’ leħen dawk li jiddefendu l-iżvilupp sostenibbli, jara li l-informazzjoni tkun korretta u jevita li l-istampa jkollha l-monopolju fl-attenzjoni tal-pubbliku b’mod żbilanċjat. Barra minn dan, din il-gwida għandha tikkollabora mill-qrib ma’ min hu responsabbli għall-edukazzjoni fl-iskola sabiex sa minn età żgħira tinħoloq sensibilizzazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.

    6.10

    Sabiex l-akbar numru ta’ ċittadini possibbli jiġu mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp sostenibbli, hemm bżonn li jiġu analizzati u miġġielda dawk l-aspetti li qed joħolqu approċċ inċert u kontemplattiv min-naħa ta’ parti kbira tas-soċjetà, li qed tkun biss spettatur.

    7.   Il-ġlieda kontra l-ostakli tal-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili

    7.1

    Il-miżuri kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi u favur it-tibdil fl-istil ta’ ħajja llum saru s-suġġett ta’ pjan fit-tul minflok realtà operattiva f’qasir żmien. Ħafna drabi l-isfidi għadhom qed jitqiesu bħallikieku huma problemi ambjentali li jsiru diżastrużi bil-mod il-mod, u għalissa huma negliġibbli iżda fl-aħħar mill-aħħar ser isiru drammatiċi. Din hija viżjoni “utilitarja” b’sensittività ambjentali limitata għall-ħajja ta’ kuljum u għall-effetti u l-ħsarat viżibbli, u ma tikkunsidrax ir-riskji potenzjali li ma jidhrux jew li għalissa għadhom ma seħħewx.

    7.2

    Sabiex iċ-ċittadini kollha jifhmu għaliex huwa importanti li jibdlu l-imġiba tagħhom, jeħtieġ jiġu infurmati u tingħatalhom spjega b’lingwaġġ ċar li jevita t-terminoloġija speċjalizzata u sofistikata. Madankollu, m’għandhomx jintużaw slogans jew lingwaġġ emozzjonali li jieħu post ix-xjenza.

    7.3

    Bis-saħħa ta’ komunikazzjoni aħjar bl-użu ta’ diversi tipi ta’ mezzi tax-xandir u b’messaġġi ċari u li jinftiehmu, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom aħjar mal-problemi li jiffaċċjaw u mal-approċċi li jridu jadottaw.

    7.4

    Barra minn hekk, il-messaġġi għandhom ikunu oġġettivi. Il-bumbardament taċ-ċittadini b’ċifri mhux korretti li jiġu ppreżentanti bħala fatti li ma jistgħux jinċaħdu meta fil-verità ftit li xejn ikunu kredibbli, bħad-dikjarazzjoni ta’ eks Viċi President tal-Istati Uniti li qal li f’ħames snin l-Artiku ser ikun mingħajr silġ fis-sajf, huwa kontroproduttiv. Dikjarazzjonijiet bħal dawn jispiċċaw biex joħolqu nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jikkawżaw ċerta indifferenza lejn il-problemi reali.

    7.5

    Il-profetiżmu esaġerat li jħabbar b’mod ċert diżastri drammtiċi imminenti joħloq klima ta’ biża’ kroniku li jwassal għall-egoċentriżmu u jiġġustifika l-imġiba NIMBY (not in my backyard – mhux id-dar tiegħi), li hija ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. L-inizjattivi lokali kontra l-installazzjoni tat-turbini tar-riħ għaliex iħassru l-pajsaġġ jew il-ħruq bl-addoċċ tal-iskart biex jiġi evitat il-ħlas għall-ġbir kollettiv huma eżempji ċari ta’ din it-tendenza li wieħed jaħseb fl-interessi tiegħu biss.

    7.6

    Din l-indifferenza hija gravi għax għalkemm il-konsegwenzi aktarx mhumiex drammatiċi daqskemm xi wħud qed jgħidu li huma, xorta waħda jeżistu problemi li jirrikjedu soluzzjoni minnufih. B’konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ikun aħjar li nirreaġixxu għal sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi mingħajr ma nistennew li dan il-periklu jiġi stabbilit xjentifikament.

    7.7

    Għandu jiġi żgurat li r-riżultati u s-suċċessi tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jiġu dokumentati u mxerrda barra mill-komunità tal-ispeċjalisti, għax l-eżempji tal-aħjar prattiki huma mezz eċċellenti ta’ skambju tal-progress.

    7.8

    Sabiex jiġi żgurat l-impenn fit-tul tas-soċjetà ċivili, jeħtieġ li jiġu enfasizzati u pubblikati l-proposti mressqa miċ-ċittadini li ġew implimentati fil-prattika, anke jekk ma ġewx implimentati b’mod sħiħ.

    7.9

    Għandhom isiru aktar sforzi fit-tiftix ta’ metodi biex tinbidel l-imġiba tal-persuni. Mezz utli ħafna huwa ċertament l-integrazzjoni tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli fis-sistemi tat-tagħlim nazzjonali bil-għan li t-tfal jiġu sensibilizzati dwar dawn il-kwistjonijiet sa minn meta jkun żgħar. Barra minn hekk, huwa b’dan l-ispirtu li l-KESE nieda d-dibattitu dwar jekk hux possibbli li jinħoloq netwerk Ewropew tal-forums nazzjonali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-enerġija nadifa.

    8.   L-evalwazzjoni tal-azzjonijiet

    8.1

    Billi n-numru kbir ta’ atturi joħloq eteroġeneità kbira fil-forma u l-kontenut tal-azzjonijiet, dawn ftit li xejn ikunu jistgħu jitqabblu bejniethom u diffiċli li jinħoloq qafas ta’ referenza komuni għalihom. B’hekk huwa indispensabbli li l-azzjonijiet jiġu evalwati b’mod regolari fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli.

    8.2

    Barra minn hekk, l-istrumentalizzazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli minn naħa, u r-regolamentazzjoni li kultant tkun eċċessiva żżejjed min-naħa l-oħra, jirrikjedu evalwazzjoni permanenti bbażata fuq l-indikaturi tal-progress tal-proġetti.

    9.   L-indikaturi tal-evalwazzjoni

    9.1

    Skont il-programm ta’ azzjoni adottat f’Rio fl-1992, l-Istati jridu jadottaw sistema komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress li jsir fl-iżvilupp sostenibbli b’mod ġenerali, u fl-aġendi lokali b’mod partikolari. Iridu wkoll jiżviluppaw indikaturi aċċettati minn kulħadd fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali, li jsawru bażi siewja għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu konsenswali u għandhom jagħtu stampa rappreżentattiva tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

    9.2

    L-evalwazzjoni hija bbażata fuq dijanjosi, analiżi u rakkomandazzjonijiet, u l-għan tagħha huwa li tiġġudika l-valur ta’ politika, programm jew azzjoni. Madankollu, jeħtieġ jiġi rikonoxxut li ħafna drabi huwa diffiċli li jiġu evalwati d-dimensjonijiet ambjentali, umani u soċjali. Iżda dan l-isforz għandu jsir għaliex id-dominanza tal-PDG, li s’issa ntuża bħala referenza prinċipali tal-benesseri u l-kwalità tal-ħajja, tista’ twassal biex il-politikanti jieħdu deċiżjonijiet li jkunu ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u għall-ambjent, u jittraskuraw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri (1).

    9.3

    Il-valutazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli għandha ssir billi jitqiesu żewġ tendenzi fundamentali: minn naħa, il-kapaċità għall-assorbiment u min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-amministrazzjoni tal-organizzazzjonijiet soċjali.

    9.4

    F’opinjoni reċenti (CESE 647/2010: Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel; relatur: is-Sur Josef Zbořil), il-KESE jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu tal-kontijiet nazzjonali biex iħaddnu temi ambjentali u soċjali. Il-qafas legali tal-kontabbiltà ambjentali għandu jitressaq fil-bidu tas-sena 2010. Bħalissa, l-indikaturi soċjali disponibbli fil-kontijiet nazzjonali mhumiex qed jintużaw b’tali mod li jilħqu l-potenzjali tagħhom. Wieħed jistenna li l-bżonn li jintużaw dawn l-indikaturi jibda jinħass iktar u iktar, b’tali mod li jsir progress fit-tħejjija ta’ approċċ kumpless u integrat sabiex jitkejjel u jiġi evalwat il-progress f’dinja li dejjem tinbidel.

    10.   Il-metodu tal-evalwazzjoni

    10.1

    Il-varjetà ta’ programmi u azzjonijiet li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw biex jippromovu mġiba u stil ta’ ħajja sostenibbli titlob evalwazzjoni multidimensjonali, għaliex l-aċċettazzjoni ta’ evalwazzjoni tvarja ħafna skont iż-żoni, il-metodi u l-kriterji użati.

    10.2

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni fil-livell tal-Istati Membri għandha tkun pluralista, bil-parteċipazzjoni tal-atturi u l-persuni kkonċernati kollha: l-awtoritajiet responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, ir-regolaturi, il-provvedituri tas-servizzi, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi, tat-trejdjunjins u tas-soċjetà ċivili, eċċ. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, minkejja li kultant ikun diffiċli li jiġi interpretat, jagħmel parti mill-politika ta’ informazzjoni, sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-intrapriżi, u jippermettilhom li jikkomunikaw mal-istuzzjonijiet tal-evalwazzjoni u jgħaddulhom l-ilmenti tagħhom.

    10.3

    Minbarra n-natura pluralista tagħha, din l-evalwazzjoni għandha tkun ukoll indipendenti u kontradittorja għaliex mhux l-atturi kollha għandhom l-istess interessi, u saħansitra f’xi każijiet ikunu f’kunflitt, u l-informazzjoni u l-għarfien espert tagħhom ma jkunx ekwivalenti.

    10.4

    L-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-prestazzjoni ambjentali, ekonomika u soċjali tal-azzjonijiet differenti favur l-iżvilupp sostenibbli ma tistax tiġi bbażata fuq kriterju wieħed, iżda għandha tintuża medda sħiħa ta’ kriterji.

    10.5

    L-evalwazzjoni tkun siewja biss jekk titqies b’rabta mal-objettivi u l-missjonijiet speċifikati li jagħmlu parti mit-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Lisbona (tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u protezzjoni tal-ambjent), u għalhekk għandha tkun ibbażata fuq diversi kriterji.

    10.6

    Bħalma kien ippropona l-KESE għas-servizzi ta’ interess ġenerali (2), is-sistema ta’ evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rapporti perjodiċi mfassla fil-livell nazzjonali jew lokali minn korpi ta’ evalwazzjoni mwaqqfa mill-Istati Membri skont il-prinċipji msemmija hawn fuq.

    10.7

    Fil-livell tal-UE għandhom jiġu definiti l-proċeduri għall-iskambju, il-konfrontazzjoni, it-tqabbil u l-koordinazzjoni. Għalhekk, huwa f’idejn l-Unjoni li tħeġġeġ id-dinamika tal-evalwazzjoni indipendenti billi flimkien mar-rappreżentanti tal-atturi kkonċernati tfassal metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew fuq il-bażi ta’ indikaturi komuni. Trid tipprevedi wkoll il-mezzi għall-funzjonament tagħha.

    10.8

    Sabiex l-evalwazzjoni tkun rilevanti u utli, għandu jitwaqqaf kumitat ta’ tmexxija pluralista li jirrappreżenta lill-partijiet ikkonċernati kollha. Rigward il-kumitat ta’ tmexxija, f’dan il-każ il-kompitu jidħol perfettament fil-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’kollaborazzjoni mal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-KESE.

    10.9

    Dan il-kumitat ta’ tmexxija għandu jkun responsabbli:

    għad-definizzjoni tal-indikaturi rilevanti;

    għall-metodoloġija tal-evalwazzjoni;

    għall-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tal-istudji meħtieġa;

    għat-talba ta’ dawn l-istudji, li jkunu bbażati fuq għarfien espert differenti u fuq il-paragun tar-riżultati miksuba fi studji oħra;

    għall-analiżi kritika tar-rapporti;

    għall-estrapolazzjoni tal-prattiki t-tajba u l-approċċi innovattivi;

    għar-rakkomandazzjonijiet;

    għat-tixrid tar-riżultati.

    10.10

    Id-dibattiti mal-partijiet ikkonċernati kollha rigward ir-rapport ta’ evalwazzjoni jistgħu jsiru f’forma ta’ konferenza annwali dwar il-prestazzjoni tal-azzjonijiet favur l-iżvilupp sostenibbli fejn jingħataw eżempji ta’ prattiki tajba.

    Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU C 100, 30.4.2009.

    (2)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 42.


    Top