Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0316

    L-immunità parlamentari fil-Polonja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' April 2009 dwar l-immunità parlamentari fil-Polonja (2008/2232(INI))

    ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 72–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 184/72


    Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009
    L-immunità parlamentari fil-Polonja

    P6_TA(2009)0316

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 dwar l-immunità parlamentari fil-Polonja (2008/2232(INI))

    2010/C 184 E/15

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 12(3) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tat-2 ta' April 1997,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 7b tal-Liġi Pollakka tad-9 ta' Mejju 1996 dwar it-twettiq tal-mandat ta' deputat jew senatur,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 142 tal-Liġi Pollakka tat-23 ta' Jannar 2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar l-emenda ta' Deċiżjoni tal-4 ta' Ġunju 2003 dwar l-adozzjoni tal-Istatut għal Membri tal-Parlament Ewropew (1),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0205/2009),

    A.

    billi, waqt il-leġiżlatura attwali, il-Parlament u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu, bħala l-kumitat responsabbli, ikkunsidraw talbiet għat-tneħħija tal-immunità ta' Membri eletti fil-Polonja u sabu ruħhom affaċjati minn ċertu diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li jistgħu jkunu applikabbli fil-każ ta' dawk il-Membri,

    B.

    billi l-kumitat responsabbli ġie mistieden b'mod partikulari biex jiddeċiedi dwar l-ammissibilità ta' talbiet għat-tneħħija tal-immunità li jkunu saru direttament minn persuni privati lill-President tal-Parlament Ewropew; billi, skont il-liġi Pollakka, persuna privata għandha d-dritt li tagħmel talba diretta lill-Parlament Pollakk (is-Sejm jew is-Senat) biex titneħħa l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu fil-każ ta' reati li jistgħu jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni privata, u billi jidher li d-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Pollakka ma jqisux ix-xenarji kollha possibbli fil-każ ta' proċeduri kriminali li għandhom x'jaqsmu mar-reati suġġetti għall-prosekuzzjoni privata,

    C.

    billi dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu ġew eletti fil-Polonja, imma l-ammissibilità ta' talbiet ta' dan it-tip tqajjem mistoqsijiet diffiċili fil-kuntest tar-Regoli ta' Proċedura, u b'mod partikulari tal-Artikolu 6(2) li jirreferi għal “awtorità kompetenti”,

    D.

    billi, skont l-Artikolu 7(7) tar-Regoli ta' Proċedura, il-kumitat responsabbli hu kompetenti biex jivverifika l-ammissibilità ta' talba għat-tneħħija tal-immunità, inkluża l-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtorità nazzjonali biex tressaq talba ta' dan it-tip; billi, madankollu, skont id-dispożizzjonijiet eżistenti, il-kunflitt evidenti bejn id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi Pollakka u r-Regoli ta' Proċedura f'dan ir-rigward ikollu jiġi solvut billi t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità minn persuni privati jitqiesu bħala inammissibbli,

    E.

    billi l-iskop tal-Artikolu 6(2) hu biex jiġi ggarantit li l-Parlament jirċievi biss talbiet fi proċeduri li jkunu rċevew l-attenzjoni tal-awtoritajiet ta' Stat Membru; billi jiggarantixxi wkoll għall-Parlament li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li jirċievi jkunu konformi mal-liġi nazzjonali fir-rigward kemm tas-sustanza u l-proċedura, konformità li min-naħa tagħha sservi ta' garanzija ulterjuri li, meta jkunu qed jieħu d-deċiżjoni tiegħu fil-proċeduri tiegħu dwar l-immunitajiet, il-Parlament ikun qed josserva kemm il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru u kemm il-prerogattivi tiegħu; billi l-kunċett ta'“awtorità” hu msemmi b'mod ċar f'dispożizzjonijiet oħra tal-Artikoli 6 u 7 fil-kuntest tal-proċeduri dwar l-immunità,

    F.

    billi, jekk it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li jkunu saru minn persuni privati jitqiesu bħala inammissibbli, din ma tkunx xi ħaġa sodisfaċenti peress li tista' tinterferixxi mad-drittijiet tagħhom waqt proċeduri ġudizzjarji u tipprekludi lill-prosekuturi ta' xi reati milli jkunu jistgħu jitolbu t-tneħħija tal-immunità; billi dan jista' jitqies li qed jirriżulta fi trattament inġust u mhux ugwali tal-applikanti,

    G.

    billi, madankollu, għandha tkun ir-responsabilità tal-Istati Membri li jipprevedu l-eżerċitar tad-drittijiet ta' dan it-tip fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew fid-dawl tar-regoli u l-proċeduri li jirregolaw il-mod kif jaħdem,

    H.

    billi, permezz ta' ittri fid-29 ta' Settembru 2004 u d-9 ta' Marzu 2005, 25 Stati Membri ġew mistiedna, skont l-Artikolu 7(12), biex jindikaw liema awtoritajiet huma kompetenti biex jippreżentaw talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Membru; billi, s'issa, l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit biss wieġbu,

    I.

    billi, waqt id-dibattiti tiegħu, il-kumitat responsabbli indirizza wkoll il-kwistjoni dwar il-konsegwenzi possibbli tat-tneħħija tal-immunità fil-każ ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-Polonja,

    J.

    billi, fil-każ li l-Membru jinstab ħati mill-qorti u jiġi sanzjonat għal reat internazzjonali mħarrek mill-prosekutur pubbliku, tneħħija tal-immunità ta' dan it-tip tista' tirriżulta fit-telf awtomatiku tal-eliġibilità tiegħu/tagħha, u minħabba f'hekk il-Membru jitlef/titlef is-siġġu tiegħu/tagħha,

    K.

    billi dan l-awtomatizzar, de facto, jirriżulta fl-aġġudikazzjoni ta' sanzjoni penali addizzjonali flimkien mal-kundanna,

    L.

    billi, fil-prattika, anke r-reati minuri jistgħu jirriżultaw f'telf ta' eliġibilità, minkejja r-rekwiżit li, biex reat iwassal għal ineġibilità, irid ikun ġie kemm imħarrek pubblikament u kemm imwettaq intenzjonalment,

    M.

    billi m'hemm l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti applikabbli għall-Membri tas-Sejm jew is-Senat Pollakki, li ma jieqfux ikunu eliġibbli għal elezzjoni f'każi ta' dan it-tip,

    N.

    billi l-Istati Membri huma ħielsa li jipprevedu l-irtirar tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew fejn, bħala riżultat, is-siġġu tal-Membri jitbattal; billi, madankollu, il-prinċipju ta' trattament ugwali, bħala wieħed mill-prinċipju bażiċi tal-liġi tal-UE, jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati f'modi simili u jidher li hemm differenzjazzjoni fit-trattament tal-Membri tas-Sejm u tas-Senat Pollakki, minn naħa, u l-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu ġew eletti fil-Polonja, min-naħa l-oħra, f'dak li għandu x'jaqsam mat-telf tal-eliġibilità; billi dak it-telf ta' eliġibilità jirriżulta direttament u awtomatikament fit-telf tas-siġġu mill-Membru kkonċernat/a u fil-prevenzjoni tal-elezzjoni mill-ġdid tiegħu/tagħha,

    O.

    billi inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar din l-inugwaljanza fit-trattament permezz ta' mistoqsija orali ppreżentata f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali miċ-Chairperson tiegħu u ġiet dibattuta fil-Parlament Ewropew; billi, minkejja dan, is-sitwazzjoni legali għadha kif kienet,

    P.

    billi t-trattament ugwali tal-Membri tal-parlament nazzjonali u l-Membri tal-Parlament Ewropew għandu jiġi zgurat malajr kemm jista' jkun, b'mod partikulari minħabba l-elezzjonijiet li ġejjin fl-2009,

    1.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti ħarsa lejn id-diskrepanzi bejn is-sitwazzjoni legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-Polonja u dik tal-Membri tas-Sejm u s-Senat Pollakki, u biex, b'urġenza, tiftaħ kuntatti mal-awtoritajiet kompetenti fil-Polonja bl-intenzjoni li jiġi identifikat kif għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni evidenti bejn il-Membri taż-żewġ Parlamenti fir-rigward tal-eliġibilità tagħhom;

    2.

    Separatament jitlob lir-Repubblika tal-Polonja biex tirrevedi s-sitwazzjoni attwali li fiha huwa ċar li l-kundizzjonijiet għall-eliġibilità u t-telf tal-mandat tal-Membri taż-żewġ assemblej parlamentari mhumiex ugwali, u biex tieħu l-passi meħtieġa biex dan it-trattament diskriminatorju jintemm;

    3.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju kumparattiv imfassal biex jaċċerta jekk jeżistux diskrepanzi fit-trattament tal-Membri tal-parlamenti nazzjonali u l-Membri tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 jew wara, u biex tikkomunika r-riżultati ta' dak l-istudju lill-Parlament;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw id-drittijiet li jinsiltu miċ-ċittadinza tal-UE, inkluż id-dritt li wieħed jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li hu ta' importanza partikulari fil-perjodu ta' żmien li jwassal għall-elezzjonijiet tal-2009, inkluż il-prinċipju ta' trattament ugwali ta' persuni fl-istess sitwazzjoni;

    5.

    Jitlob lill-Istati Membri, u b'mod partikulari lir-Repubblika tal-Polonja, biex jiżguraw li jiġu implimentati l-miżuri proċedurali biex jiġi żgurat li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu dejjem trażmessi mill-“awtorità kompetenti” bi qbil mal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi garantit li jitħarsu d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali sustantiva u proċedurali, inklużi d-drittijiet proċedurali ta' persuni privati, kif ukoll il-prerogattivi tal-Parlament;

    6.

    Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, jistieden lill-Istati Membri biex jindikaw lill-Parlament l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jippreżentaw talbiet għat-tneħħija tal-immunità ta' Membru;

    7.

    Itenni l-bżonn għal Statut uniformi għall-Membri tal-Parlament Ewropew u jfakkar, f'dan il-kuntest, l-impenn li ttieħed fit-3 ta' Ġunju 2005 mir-rappreżentanti tal-Istati Membri waqt laqgħa fi ħdan il-Kunsill biex tiġi eżaminata talba mill-Parlament għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Protokoll tal-1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-parti tiegħu li għandha x'taqsam mal-Membri tal-Parlament Ewropew, sabiex, kemm jista' jkun malajr, tintlaħaq konklużjoni;

    8.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 48.


    Top