EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0408

Politika Ewropea għall-Portijiet Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 4 ta' Settembru 2008 dwar Politika Ewropea għall-Portijiet (2008/2007(INI))

ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 74–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 295/74


Il-Ħamis, 4 ta' Settembru 2008
Politika Ewropea għall-Portijiet

P6_TA(2008)0408

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Settembru 2008 dwar Politika Ewropea għall-Portijiet (2008/2007(INI))

2009/C 295 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika Ewropea għall-portijiet (COM(2007)0616),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn politika marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra” (COM(2006)0275),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-politika marittima futura għall-Unjoni Ewropea: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2008 dwar il-politika Ewropea għat-traspost sostenibbli, billi jittieħed kont tal-politiki Ewropej tal-enerġija u tal-ambjent (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ambjent naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġi (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar il-landfill tal-iskart (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2000/60/KE u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0308/2008),

A.

billi s-suġġett tal-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-portijiet kien is-suġġett ta' dibattitu li sar fil-Parlament u li, b'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati,

B.

billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar politika Ewropea tal-portijiet ma tipproponi ebda miżura ġdida dwar l-aċċess tas-suq għas-servizzi tal-portijiet,

C.

billi d-dimensjoni internazzjonali ta' dan is-settur tagħti lok għal politika Ewropea għall-portijiet fil-livell Komunitarju, li tisfrutta l-vantaġġi komparattivi ġeopolitiċi tagħhom,

D.

billi l-importanza tal-portijiet ma hijiex biss għat-trasport bil-baħar, fuq ix-xmajjar u intermodali fl-Ewropa, iżda wkoll bħala assi ekonomiċi, sorsi ta' impjieg u mezz ta' integrazzjoni għall-popolazzjoni,

E.

billi, mill-perspettiva tal-objettivi tagħha li tagħti spinta lill-kompetittività tas-settur tat-trasport marittimu u tipprovdi servizzi moderni ta' kwalità għolja, il-politika Ewropea għall-portijiet għandha tippromwovi l-erba' prinċipji li ġejjin: sikurezza, servizz fil-pront, prezzijiet baxxi, rispett għall-ambjent,

F.

billi hemm numru ta' sfidi li l-portijiet Ewropej iridu jaffaċċjaw fil-ġejjieni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, tal-globalizzazzjoni, tal-iżvilupp sostenibbli, tal-impjieg u l-kundizzjonijiet soċjali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u t-tagħlim tul il-ħajja, tal-finanzjament, tal-aċċess għas-suq u tal-amministrazzjoni, kif ukoll miżuri kontra l-kompetizzjoni u diskriminatorji meħuda minn li mhumiex fl-UE fi swieq ġeografiċi rilevanti,

G.

billi n-nuqqas ta' territorji b'potenzjal għall-iżvilupp tal-portijiet fl-Ewropa, flimkien mar-rarità u l-fraġilità tal-ambjent naturali, jenfasizza kemm hu importanti għal-leġiżlatur li jiżgura bilanċ u ċarezza legali fir-rigward tal-obbligi ambjentali, ekonomiċi u soċjali,

H.

billi teżisti diversità kbira fis-settur tal-portijiet Ewropej u billi huwa previst tkabbir sostanzjali fis-snin li ġejjin,

I.

billi t-twessigħ tal-kanal ta' Panama se jkollu impatt, li x'aktarx se jwassal għal żieda fit-tendenza attwali għal tkabbir fid-daqs tal-bastimenti,

J.

billi l-infrastruttura moderna u l-kollegamenti effikaċi ma l-intern tal-pajjiżi u bejn il-gżejjer huma importanti għall-portijiet,

1.

Jilqa' l-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-Kummissjoni dwar politika Ewropea tal-portijiet;

2.

Ifaħħar l-istrateġija li ħadet il-Kummissjoni matul it-tassil tal-Komunikazzjoni, b'mod partikolari l-proċess estensiv ta' konsultazzjoni;

3.

Jilqa' l-punt fokali tal-Kummissjoni fuq miżuri ta' liġi flessibbli (soft law) bħall-pubblikazzjoni ta' linji gwida u t-tneħħija ta' ostakli amministrattivi;

4.

Jisħaq dwar l-importanza fundamentali tas-settur tal-portijiet għall-UE, mil-lati ekonomiċi, kummerċjali, soċjali, ambjentali u strateġiċi;

5.

Jemmen li l-irwol tal-Kummissjoni huwa importanti biex jassigura li l-portijiet Ewropej kollha jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom;

6.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-ambjent għall-iżvilupp u l-infrastruttura tal-portijiet tagħhom, bl-għan ewlieni jkun il-ħarsien tal-ambjent marittimu u taz-zoni madwar il-portijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika dawn il-linji gwida qabel it-tmiem tal-2008;

7.

Iqis li l-portijiet u n-natura jistgħu jgħixu flimkien b'mod sostenibbli, minħabba li l-qerda tan-natura sikwit tikkawża ħsara ekonomika f'oqsma oħra, bħat-turiżmu, l-agrikoltura u s-sajd, u għalhekk jistieden lill-Kummissarju għat-Trasport biex jaħdem mill-qrib mal-Kummissarju għall-Ambjent fit-tfassil u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni u linji gwida tal-EU dwar il-portijiet u dwar kwistjonijiet ambjentali;

8.

Jemmen li l-għan ta' dawn il-linji gwida għandu jkun li tiġi trattata l-inċertezza legali li hija dovuta għal ċerti direttivi fil-qasam tal-ambjent u b'hekk tiġi indirizzata ġenwinament il-politika ambjentali, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-portijiet fl-Unjoni;

9.

Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet tal-portijiet u dawk lokali jieħdu sehem fit-tfassil ta' pjanijiet għall-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma tal-baċini tax-xmajjar u tal-portijiet marittimi skond id-Direttiva 2000/60/KE;

10.

Jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn għall-awtoritajiet reġjonali biex jappoġġjaw l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti kif ukoll mit-trasport tal-art u tal-ajru billi jistabbilixxu pjanijiet ta' ġestjoni tal-kwalità tal-arja u skond il-Konvenzjoni ta' Marpol u d-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali (7);

11.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika Ewropea integrali li tagħti spinta lill-kompetittività reġjonali u l-koeżjoni territorjali, waqt li tqis l-aspetti soċjali, ambjentali, ekonomiċi u tas-sigurtà fil-livelli kollha territorjali, permezz ta' organizzazzjoni ta' sħubijiet interistituzzjonali, intersettorjali u multiterritorjali;

12.

Jinnota li l-Kummissjoni tinsab imħassba dwar id-distribuzzjoni tal-flussi tat-traffiku fl-Ewropa, u tirreferi għad-diversità tas-settur tal-portijiet u għaż-żieda ta' portijiet ta' daqs żgħir u medju fl-Ewropa; iqis ukoll li l-Kummissjoni għandha tqis it-tibdil importanti mistenni fit-traffiku marittimu internazzjonali bħala riżultat tal-progress teknoloġiku u ekonomiku, it-twessigħ tal-kanal ta' Panama u ż-żieda fid-daqs u fil-kapaċità tal-bastimenti, li bla ebda dubju se jkollhom impatt sostanzjali fuq is-settur;

13.

Jenfasizza d-dimensjoni territorjali tal-iżvilupp ta' portijiet Ewropej, b'mod partikulari l-ħtieġa ta' koperazzjoni u koordinazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ta' portijiet ġirien; jenfasizza l-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-istrateġija reġjonali għall-Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jitfassal inventarju tal-konġestjonijiet bejn portijiet tal-UE u tal-portijiet ta' Stati ġirien tal-UE;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni b'mod sistematiku biex tissorvelja l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-metodi tal-gestjoni ġodda użati internazzjonalment għas-portijiet u għall-servizzi ta' bastimenti, għall-merkanzija, għall-passiġġieri u għat-trasport fuq l-art bl-għan li tippromwovi politiki u inizjattivi biex tiżviluppa portijiet tal-Komunità u tgħolli l-livell tal-effiċjenza u l-produttività tagħhom għall-benefiċċju tagħhom infushom u tal-utenti;

15.

Iqis li t-tibdiliet teknoloġiċi meħtieġa biex jippermettu lill-portijiet intermedjarji jilqgħu l-isfidi ta' żieda fil-volum tat-traffiku se jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji kbar għar-reġjuni kkonċernati; iqis li dawn ir-reġjuni għandhom ikunu intitolati jużaw il-fondi strutturali għal dan il-għan, b'mod partikolari biex jiffinanzjaw l-akkwist ta' installazzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, biex jinħolqu impjiegi f'oqsma innovattivi u biex jiġu riabilitati zoni urbani li jinkisbu meta l-attivitajiet tal-portijiet jitmexxew 'il barra mill-ibliet;

16.

Iqis li ċ-ċertezza legali tal-qafas legali Komunitarju fil-qasam marittimu, li ġejja mill-qafas legali internazzjonali, tiddependi mill-approvazzjoni rapida tal-pakkett marittimu Erika III,

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-koperazzjoni bejn il-portijiet Ewropej; jenfasizza f'dan ir-rigward l-irwol li għandhom il-portijiet fil-livell ekonomiku reġjonali tal-intern tal-pajjiż; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-iżvilupp armonjuż tal-portijiet huwa element ewlieni tal-politika marittima integrata tal-Unjoni;

18.

Jenfasizza l-irwol soċjali u kulturali tal-portijiet għall-popolazzjoni tal-intern tal-pajjiż u jqis li huwa essenzjali li tiġi mtejba l-kuxjenza pubblika dwar l-importanza tal-portijiet bħala mezz ta' żvilupp;

19.

Iqis li t-trasport bil-baħar u fuq ix-xmajjar ma jistax jitqies b'mod separat mit-trasport fuq l-art u bl-ajru u li l-konnessjonijiet tal-port mal-intern tal-pajjiż huma ta' importanza kbira għas-suċċess kummerċjali tiegħu, u li għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti interkonnessjonijiet bejn il-portijiet u pjattaformi loġistiċi fl-intern u “portijiet niexfa”; u dan iġiegħlu jemmen ukoll li l-parteċipazzjoni komodali tal-portijiet hija meħtieġa kemm fir-rigward tal-portijiet man-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-Ts) kif ukoll fil-kurituri ekoloġiċi Komunitarji tal-ġejjieni biex ikun żgurat sfruttament aħjar tal-kapaċità ta' trasport fl-oqsma tal-kabotaġġ u tat-trasport bix-xmajjar, kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam ma' konnessjonijiet ta' trasport fuq l-art u bl-ajru, biex niżguraw politika tat-trasport koerenti u ġenwina;

20.

Jappoġġa għalhekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tevalwa l-istatus u l-bżonnijiet tal-konnessjonijiet tal-portijiet mal-intern tal-pajjiż u l-impatt tagħhom fuq netwerk ibbilanċjat ta' flussi tat-traffiku fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tat-TEN-T fl-2010 (8);

21.

Iqis li wieħed mill-objettivi tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tat-TEN-T fl-2010 għandu jkun l-integrazzjoni tat-trasport bil-baħar u fuq ix-xmajjar mat-trasport fuq l-art permezz ta' portijiet Ewropej;

22.

Jistieden lill-awtoritajiet reġjonali kkonċernati biex jimplimentaw politika għat-trasport aktar multimodali li tassigura li, minbarra l-awtostradi, aktar traffiku juża l-ferroviji u l-kanali interni navigabbli, biex jikkonnettja z-zoni tal-portijiet b'mod effiċjenti mat-TEN-Ts u biex jagħti konnessjonijiet interni aktar effettivi lill-portijiet, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-użu tal-ferroviji u tal-kanali interni navigabbli;

23.

Jinnota li l-portijiet Ewropej qegħdin f'kompetizzjoni mal-portijiet tal-pajjiżi terzi li sikwit ma jkunux suġġetti għall-istess regoli, u jiffaċċjaw ukoll politiki ekonomiċi diskriminatorji implimentati minn pajjiżi ġirien tal-UE, pereżempju permezz ta' politiki diskriminatorji dwar it-tariffi;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja mill-ġdid kwistjonijiet ta' sigurtà fil-portijiet u biex tqis iż-żieda fl-ispejjeż fir-rigward tal-kompetittività tal-portijiet Ewropej;

25.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel stħarriġ tal-problemi li jiltaqgħu magħhom il-portijiet Ewropej f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-elaborazzjoni ta' reġistru ta' dawn il-problemi, speċifikament biex jiġu ffaċċjati l-problemi kkawżati mill-kompetizzjoni mal-portijiet li ma humiex tal-UE u miżuri kontra l-kompetizzjoni u diskriminatorji meħuda minn pajjiżi ġirien tal-UE;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata koperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex ikunu ppreparati u mressqa programmi għall-iżvilupp, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta' tagħrif bejn portijiet ġirien;

27.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tistudja l-possibilità li tintroduċi programm Komunitarju dwar it-tiġdid tal-bastimenti tal-merkanzija, u b'mod partikolari dawk maħsuba għall-kabotaġġ u għat-trasport fuq ix-xmajjar;

28.

Iqis li t-teknoloġiji l-ġodda, b'mod partikolari l-informatika, huma elementi ewlenin li jippermettu lill-portijiet Ewropej, li diġà qed jaffaċċjaw pressjonijiet dovuti għall-kompetizzjoni mal-portijiet ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll, f'ċerti każijiet qed ibatu minn nuqqas ta' spazju għall-iżvilupp, u miż-żieda tal-effiċjenza u l-profitabilità tagħhom;

29.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħaffu, permezz tal-korpi kompetenti, l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' pilotaġġ remoti biex tiżdied l-effiċjenza u s-sigurtà fil-ġestjoni tat-traffiku fil-portijiet kif ukoll fiz-zona tal-ankraġġ;

30.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli r-riċerka u l-innovazzjoni f'dan is-settur taħt il-pogrammi ta' qafas tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw ir-riċerka fl-oqsma tas-sigurtà, biex in-numru ta' inċidenti jibqa' minimu, fil-loġistika, biex itejbu l-użu tal-ispazju fil-portijiet, u f'mistoqsijiet ambjentali, biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis ikkawżat mill-iskart;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġaw il-proposti quddiem l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex tissostitwixxi l-fjuwil attwali bid-diżil sa l-2020, u l-possibilità tal-inklużjoni tal-qasam marittimu fl-iskema ta' skambju tal-emissjonijiet;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw b'mod attiv it-titjib kontinwu tal-flotta ta' “Tfittxija u Salvataġġ” (SAR) u funzjonalitajiet oħra tas-SAR fil-portijiet, skond il-konvenzjonijiet SOLAS (is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar) u SAR u biex itejbu iktar il-koperazzjoni bejn iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni ta' Salvataġġ Marittimu;

33.

Iqis li hemm ħtieġa għal iktar żvilupp tal-programmi “Clean ship” u “Clean port”;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni u s-settur biex jinkoraġġixxu kumpaniji tat-trasport bil-baħar biex inaqqsu n-numru ta' kontejners vojta trasportati u biex jagħmlu użu sħiħ minn din il-kapaċità u biex jinkoraġġixxu inizjattivi b'dan il-għan (e.ż. permezz ta' programmi ta' riċerka) waqt li jqisu l-bżonnijiet reali u speċifiċi tal-klijenti kif ukoll inaqqsu l-impatt ambjentali;

35.

Jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta' spazju Ewropew tat-trasport bil-baħar mingħajr fruntieri u jqis li l-għan ta' din il-proposta għandu jkun li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn it-trasport bil-baħar u t-trasport fuq l-art fl-Unjoni;

36.

Jirrakkomanda li l-prodotti kklirjati mill-Komunità għandhom ikunu eżentati minn kontrolli doganali fit-trasport bil-baħar għal distanza qasira fi ħdan il-Komunità u wkoll jitkellem favur, sa fejn hu possibbli, il-ħolqien ta' zoni tal-portijiet separati għat-traffiku intrakomunitarju u għat-traffiku internazzjonali, flimkien mas-simplifikazzjoni tat-trasport intern, l-istandardizzazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontejners speċjali;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi u ttejjeb il-politiki għall-iżvilupp u l-appoġġ għal trasport għal distanza qasira bil-baħar;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta' dokument ta' trasport uniku għall-kontejners fil-Komunità biex il-proċeduri amministrattivi jsiru aktar effiċjenti;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju tal-fondi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi lill-portijiet kummerċjali Ewropej biex jiġi identifikat it-tagħwiġ possibbli tal-kompetizzjoni u biex jiġi ċċarat fil-linji gwida tal-għajnuna tal-Istat liema tipi ta' għajnuna mogħtija lill-awtoritajiet tal-portijiet għandhom jitqiesu bħala għajnuna tal-Istat; jemmen li investimenti possibbli mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu żviluppati portijiet ma għandhomx jiġu meqjusa bħala għajnuna tal-Istat meta jkunu intenzjonati biex imorru direttament għat-titjib ambjentali jew għat-tnaqqis tal-konġestjoni u għalinqas użu tat-toroq għat-trasport ta' merkanzija, b'mod partikolari meta huwa kkonsidrat li huwa essenzjali li tiġi żgurata koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (eż. fir-rigward ta' gżejjer) sakemm din ma tibbenefikax lill-utent jew operatur wieħed;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika linji gwida għall-għajnuna tal-Istat għall-portijiet fl-2008, u temmen li dawn il-linji gwida għandhom ikopru z-zona tal-port bħala tali, b'distinzjoni bejn l-infrastruttura tal-aċċess u tad-difiża, l-infrastuttura marbuta mal-proġett u s-sovrastruttura u mingħajr ebda distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' portijiet;

41.

Japprova l-estensjoni tal-bżonnijiet ta' trasparenza stabbiliti mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll it-trasparenza finanzjarja f'ċerti impriżi (9), iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsidra tnaqqis fil-limitu minimu tad-dħul annwali, minflok obbligu assolut;

42.

Jinnota, b'mod partikolari, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni f'dak li jikkonċerna l-konċessjonijiet portwarji u jistedinha biex iżżomm f'moħħha l-importanza tal-flessibilità għall-awtoritajiet portwarji f'dan il-qasam, b'mod partikolari fir-rigward tat-tiġdid tal-konċessjonijiet marbuta ma' investimenti kbar, iżda jemmen li din il-flessibilità ma għandhiex tintuża biex timpedixxi l-kompetizzjoni fi ħdan il-portijiet;

43.

Jemmen li ż-żamma tal-bilanċ bejn il-libertà li jingħataw is-servizzi u t-talbiet speċifiċi tal-portijiet hija ta' importanza kbira, waqt li jenfasizza l-ħtieġa għall-koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat biex il-portijiet ikunu mmodernizzati;

44.

Iħeġġeġ l-użu ta' programmi ta' koperazzjoni territorjali Ewropej skond il-politika ta' koeżjoni u programmi ta' koperazzjoni skond il-politika tal-viċinat u tat-tkabbir tal-UE, iżda wkoll tħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali kkonċernati biex iħaddnu kemm jista' ikun strateġija transkonfinali għall-użu tal-kapaċità eżistenti meta tiġi kofinanzjata l-infrastruttura tal-portijiet;

45.

Jappoġġa bis-sħiħ l-irwol ta' portijiet trust li jkunu proprjetà lokali, mingħajr l-għan tal-profitt u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej biex jieħdu passi biex iħarsuhom min-nuqqas ta' manutenzjoni, ladarba l-benefiċċju soċjali, rikreazzjonali u turistiku tagħhom għall-komunitajiet ta' madwarhom imur lil hinn mill-funzjoni ekonomika oriġinali tagħhom;

46.

Jinsisti li kwalunkwe dibattitu dwar l-Ewropa u l-politika marittima tagħha, jekk irid ikollu suċċess, irid jinkludi l-irwol ewlieni tas-settur Ewropew tas-sengħa rikreattiva f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp ekonomiku lokali, ladarba l-portijiet għar-rikreazzjoni ma humiex biss vetrina għall-intern tal-pajjiż, u għodda turistika qawwija għall-promozzjoni tal-utilizzazzjoni tal-port u tal-inħawi tiegħu, imma huma wkoll servizz ta' għoti ta' provvisti essenzjali għall-kummerċ lokali;

47.

Jilqa' l-enfasi li tqiegħdet fuq id-djalogu fis-settur portwarju; isejjaħ għall-ħolqien ta' kumitat ta' djalogu soċjali Ewropew u jqis li dan għandu jittratta suġġetti marbuta mal-portijiet, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema, il-konċessjonijiet u l-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-1979 Nru. 152 dwar is-sigurtà u s-saħħa (manutenzjonijiet portwarji);

48.

Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u tal-ogħla livell ta' taħriġ għall-ħaddiema tal-portijiet; jappoġġa x-xewqa tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-ħaddiema tal-portijiet bi kwalifika bażika rikonoxxuta reċiprokament biex tiġi appoġġata l-flessibilità f'dan is-settur; għal dan il-għan u bħala l-ewwel pass, iqis li għandhom jitqabblu s-sistemi differenti ta' kwalifiki professjoni eżistenti għall-ħaddiema tal-portijiet; iqis, madankollu, li din il-kwalifika bażika ma jridx ikollha l-effett li tbaxxi l-livell medju ta' kwalifiki tal-ħaddiema tal-portijiet fi Stat Membru;

49.

Jipproponi li s-suġġet ta' kwalifiki professjonali u t-taħriġ tul il-ħajja jkun indirizzat flimkien mas-sieħba soċjali fil-kumitat Ewropew għad-djalogu soċjali tal-ġejjieni;

50.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod ġenerali tippromwovi l-iskambju ta' prattika tajba fis-settur tal-portijiet, u f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema b'mod partikolari, sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi, il-kompetittività u l-livell ta' investiment miġbud;

51.

Jilqa' l-introduzzjoni tal-Jum Marittimu Ewropew, fl-20 ta' Mejju, u b'mod partikolari jappoġġa l-introduzzjoni ta' ”jum miftuħ għal kulħadd” li jista' jinkoraġġixxi lill-pubbliku biex jifhem aħjar ix-xogħol u l-importanza tas-settur tal-portijiet;

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, skond ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (10), tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-regolamenti tal-Istati Uniti, li jiflu bir-reqqa 100 % tal-merkanzija lejn l-Istati Uniti, jinbidel biex tkun żgurata l-koperazzjoni bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' “operaturi ekonomiċi awtorizzati” u tal-istandards ta' sigurtà miftiehma fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (C-TPAT, SAFE); jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ispejjeż potenzjali għan-negozji u għall-ekonomija tal-UE tal-eżami ta' 100 % tal-kontenituri tal-merkanzija destinata għall-Istati Uniti, kif ukoll l-impatt potenzjali tagħha fuq l-operazzjonijiet tad-dwana;

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 531.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0087.

(3)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

(4)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(5)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 296, 21.11.1996, p. 55.

(8)  Cf. Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru. 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-permess ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija trans-Ewropea (ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1).

(9)  ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

(10)  Testi Adottati P6_TA(2008)0192.


Top