Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0398

    Ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea f'ilment 3453/2005/GG Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 3 ta' Settembru 2008 dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea f'ilment 3453/2005/GG (2007/2264(INI))

    ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 295/33


    L-Erbgħa, 3 ta' Settembru 2008
    Ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea f'ilment 3453/2005/GG

    P6_TA(2008)0398

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2008 dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea f'ilment 3453/2005/GG (2007/2264(INI))

    2009/C 295 E/10

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rapport speċjali indirizzat mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 195(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 211 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994, dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1), b'mod partikolari l-Artikolu 3(7),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward ksur tal-liġi Komunitarja (COM(2002)0141) (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0289/2008),

    A.

    billi l-Artikolu 195 tat-Trattat KE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti minn kull ċittadin tal-Unjoni rigward sitwazzjonijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi Komunitarji,

    B.

    billi l-ilmenti li jitressqu miċ-ċittadini jikkostitwixxu sors importanti ta' informazzjoni dwar il-possibilità ta' ksur tal-liġi Komunitarja,

    C.

    billi skont l-Artikolu 211 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni fl-irwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattati hija responsabbli milli tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet skont it-Trattat jiġu applikati,

    D.

    billi, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 tat-Trattat KE, jekk il-Kummissjoni tqis li Stat Membru naqas milli jissodisfa obbligu skont it-Trattat, din “għandha” tressaq opinjoni mmotivata dwar il-kwistjoni wara li tagħti lill-Istat ikkonċernat l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu u billi, skont it-tieni paragrafu ta' dak l-Artikolu, jekk l-Istat ikkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fil-limitu ta' żmien stipulat mill-Kummissjoni, din “tista'” tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja,

    E.

    billi l-Ombudsman, fid-Deċiżjoni tiegħu dwar l-ilment 995/98/OV, kien diġà enfasizza li, avolja l-Kummissjoni għandha s-setgħat ta' diskrezzjoni rigward il-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur, dawn madankollu huma suġġetti għal limiti legali “stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li titlob li, pereżempju, l-awtoritajiet amministrattivi jaġixxu b'mod konsistenti u f'bonafidi, jevitaw id-diskriminazzjoni, jikkonformaw mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-ugwaljanza u tal-aspettattivi leġittimi u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”,

    F.

    billi l-Kummissjoni enfasizzat li dan l-irwol huwa essenzjali għall-interessi taċ-ċittadini Ewropej, u rrikonoxxiet l-importanza tal-istat tad-dritt f'dan il-kuntest (3),

    G.

    billi l-Kummissjoni tikkonferma li l-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tal-20 ta' Marzu 2002 tistabbilixxi l-miżuri amministrattivi għall-benefiċċju tal-kwerelant li l-Kummissjoni timpenja ruħa li tkun konformi magħhom meta tittratta l-ilment tiegħu jew tagħha u tevalwa l-ksur ikkonċernat,

    H.

    billi l-Ombudsman jikkunsidra li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni dwar pożizzjoni definittiva fir-rigward tal-ilment ta' ksur tal-kwerelant, jikkostitwixxi sitwazzjoni ta' amministrazzjoni ħażina,

    I.

    billi r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman lill-Kummissjoni hi li din għandha tindirizza l-ilment tal-kwerelant kemm jista' jkun malajr u b'diliġenza,

    1.

    Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew lill-Kummissjoni;

    2.

    Jenfasizza li l-mod kif il-Kummissjoni tittratta lmenti mressqa minn ċittadini li fihom ikun sar allegat ksur tal-liġi Komunitarja minn Stat Membru, għandu dejjem ikun konformi mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba;

    3.

    Jiġbed l-attenzjoni li, fil-Komunikazzjoni tal-20 ta' Marzu 2002 tagħha msemmija hawn fuq il-Kummissjoni daħlet għal ċertu impenji fir-rigward ta' kif hi tittratta lmenti ta' ksur;

    4.

    Jiġbed l-attenzjoni li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha, indikat li bħala regola ġenerali se tiddeċiedi jekk tiftaħx proċeduri ta' ksur jew jekk tagħlaqx fajl fi żmien sena mid-data ta' reġistrazzjoni tal-ilment u li se tinforma lill-kwerelant bil-miktub meta dan il-limitu ta' żmien jinqabeż;

    5.

    Jaċċetta l-fatt li f'każijiet diffiċli u kkumplikati, l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu aktar minn sena; madankollu meta jinqabeż il-limitu ta' sena, iqis li dan għandu jkun iġġustifikat biss jekk l-investigazzjonijiet ikunu għadhom verament għaddejjin;

    6.

    Jinnota li fil-każ attwali rigward in-nuqqas min-naħa tal-Gvern Ġermaniż sabiex jimplimenta kif xieraq id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol (4), il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tittratta mal-kwerelant fid-dawl tal-proposta tagħha għal emenda tad-Direttiva u ddeċidiet li tistenna r-riżultat tad-diskussjonijiet dwar il-proposta mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità;

    7.

    Ifakkar li din il-proposta tressqet f'Settembru 2004 u li m'hemm l-ebda evidenza li l-Kummissjoni ħadet aktar passi minn dakinhar sabiex tipproċedi bl-investigazzjoni tagħha;

    8.

    Jinnota li minflok ma ħadet waħda minn żewġ deċiżjonijiet possibbli — jew li tagħti bidu għal proċeduri formali ta' ksur jew li tagħlaq il-każ — il-Kummissjoni astjeniet milli tieħu kwalunkwe azzjoni oħra fir-rigward tal-investigazzjoni tagħha;

    9.

    Huwa tal-opinjoni li l-liġi Komunitarja ma tipprevedix il-possibilità li jiġu injorati liġijiet u sentenzi eżistenti fuq il-bażi li qed jiġu kkunsidrati regoli ġodda; jiġbed l-attenzjoni li l-Kummissjoni naqset ukoll li titratta kwistjonijiet fl-ilment li m'humiex relatati mal-bidliet proposti għad-Direttiva applikabbli;

    10.

    Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha ċerti poteri ta' diskrezzjoni rigward l-immaniġġjar tal-ilmenti u l-proċeduri ta' ksur, b'mod partikulari rigward it-tressiq ta' kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jirrimarka li l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tibda l-fażi ta' qabel il-litigazzjoni jekk tqis li Stat Membru naqas milli jissodisfa obbligu skont it-Trattat;

    11.

    Huwa tal-fehma li dawk is-setgħat ta' diskrezzjoni huma wkoll suġġetti għal limiti legali stipulati mill-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva, kif stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, u m'għandhomx imorru lil hinn mil-limiti indikati mill-Kummisjoni nnifisha fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tal-20 ta' Marzu 2002;

    12.

    Jerġa' jtenni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont ta' żmien mhux iġġustifikat u eċċessiv — li ħafna drabi jestendi għal diversi snin — li l-Kummissjoni tieħu biex issegwi u tikkonkludi proċeduri ta' ksur u n-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħu għall-eżempji spissi ta' nuqqas ta' konformità ta' Stati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja; iqis li dan idgħajjef il-kredibilità tat-tfassil u l-applikazzjoni koerenti tal-liġi tal-Komunità u li jservi sabiex jiskredita l-għanijiet tal-UE;

    13.

    Għal darb'oħra jenfasizza l-irwol importanti tal-Istati Membri li jimplimentaw b'mod korrett il-leġiżlazzjoni Komunitarja, u jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni prattika tagħha hija deċiżiva għall-għanijiet taż-żieda tar-relevanza tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha;

    14.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lista bl-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom għadha mhix fuq l-istess linja mad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u sabiex tispeċifika l-azzjoni li qed tieħu f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni immedjata, skont il-prerogattivi tagħha, f'kull każ u f'kull Stat Membru fejn it-traspożizzjoni jew l-implimentazzjoni tad-direttiva ma jikkonformawx mal-liġi stipulata mil-leġiżlatura u mill-Qorti tal-Ġustizzja;

    15.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza minnufih il-liġi l-ġdida Ġermaniża adottata fl-1 ta' Jannar 2004, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007, sabiex tistabbilixxi jekk din il-liġi hix konformi mad-dispożizzjoniet kollha tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u mas-sentenzi applikabbli kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja; jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni teżamina d-dettalji tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

    16.

    Jinnota li l-Kummissjoni għadha kemm irrevediet il-linjigwida tagħha dwar il-proċeduri ta' ksur; minn dan id-dokument, jifhem li lista ta' deċiżjonijiet se tiġi pprovduta minn qabel lir-Rappreżentanti Permanenti u lill-Istati Membri u li l-istqarrijiet lill-istampa dwar deċiżjonijiet ta' ksur adottati jistgħu joħorġu dakinhar tal-adozzjoni formali; mandankollu jinnota li ma saret l-ebda dispożizzjoni sabiex jiġi infurmat il-Parlament jew il-kumitati responsabbli tiegħu;

    17.

    Jerġa' jtenni t-talba urġenti tiegħu lill-Kummissjoni sabiex iżżomm lill-Parlament, u b'mod partikolari lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, infurmat b'mod sħiħ f'kull stadju tal-proċedura dwar deċiżjonijiet fil-fajls ta' ksur;

    18.

    Jenfasizza li skont l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, il-Parlament għandu d-dritt li jressaq azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess kundizzjonijiet bħall-Kunsill u l-Kummissjoni u li l-Parlament, skont l-Artikolu 201 tat-Trattat, għandu s-setgħa li jeżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

    19.

    Iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri kollha, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, biex japplikaw bis-sħiħ in-normi kollha dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol skont il-prinċipju li, f'każ ta' dubju, l-interpretazzjoni prevalenti għandha tkun dik li tiffavorixxi l-aktar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema (in dubio pro operario).

    20.

    Jitlob lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew.


    (1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

    (2)  ĠU C 244, 10.10.2002, p. 5.

    (3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2002 bit-titolu “Better monitoring of the application of Community law” (COM(2002)0725).

    (4)  Direttiva 2003/88/EC, li ħadet post u rrevokat id-Direttiva 93/104/KE (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).


    Top