See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.
Dokument 52008AE1197
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Communication from the Commission — Communication on a European Ports Policy COM(2007) 616 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet COM(2007) 616 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet COM(2007) 616 finali
ĠU C 27, 3.2.2009, lk 45—48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
3.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 27/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet
COM(2007) 616 finali
(2009/C 27/11)
Nhar it-18 ta' Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.
Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b122 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika ġdida għall-portijiet li fil-biċċa l-kbira tipproponi miżuri ta' natura ta' liġi flessibbli (soft law). Barra minn hekk il-KESE jappoġġja l-enfasi ġenerali fuq l-istabbiliment ta' klima ta' investiment stabbli, l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet, klima soċjali tajba fil-portijiet u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tat-Trattat. |
1.2 |
Il-qasam tal-portijiet fl-Ewropa qed isir iktar varjat fir-rigward in-numru ta' portijiet involuti u l-ambitu tal-funzjonijiet u s-servizzi tal-portijiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-politika Ewropea għall-portijiet għandha tappoġġja l-proċess immexxi mis-suq billi tiżgura li l-portijiet Ewropej kollha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tagħhom b'mod sostenibbli. |
1.3 |
Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, mingħajr ma jxekklu t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, lill-implimentazzjoni ta' proġetti ewlenin ta' infrastruttura tal-ferrovija transkonfinali b'konnessjonijiet mal-portijiet. |
1.4 |
Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida sabiex jiġu solvuti l-ambigwitajiet relatati ma' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja għall-iżvilupp tal-portijiet u jirrakkomanda li dawn jiġu ppubblikati qabel tmiem l-2008. |
1.5 |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid il-miżuri sabiex tiġi żgurata l-faċilitazzjoni amministrattiva fil-portijiet. Il-KESE għalhekk jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli fl-2008. Il-Kummissjoni, u b'mod partikulari, l-Istati Membri, għandhom jagħmlu iktar progress fil-modernizzazzjoni tad-dwana u jagħtu dan il-proċess prijorità politika iktar għolja. |
1.6 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs fost il-portijiet tista' tissaħħaħ permezz ta' l-iżvilupp ta' linji gwida dwar l-għajnuna ta' l-Istat u t-trasparenza tal-kontijiet finanzjarji. Bl-istess mod, il-gwida inkluża fil-Komunikazzjoni dwar l-użu ta' konċessjonijiet, servizzi tekniċi-nawtiċi u provvisti ta' ħaddiema tinħass li ġeneralment kienet ta' għajnuna u ċara. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tieħu iktar inizjattivi sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn portijiet fl-UE u dawk fil-viċinat li ma humiex fl-UE. |
1.7 |
Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni sabiex tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-portijiet tagħhom. B'mod partikulari, jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza studju tajjeb ta' l-impatt soċjo-ekonomiku tal-portijiet. |
1.8 |
Il-KESE jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali Ewropej joħolqu kumitat ta' djalogu soċjali settorjali Ewropew fil-portijiet. |
2. Daħla
2.1 |
Matul l-aħħar għaxar snin il-KESE pparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu dwar politika għall-portijiet komuni ta' l-UE. Meta wieħed iqis ir-rwol ewlieni li jaqdu l-portijiet tal-baħar fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku, fil-benessri u fil-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea, politika komuni bħal din għandha valur miżjud sinifikanti. |
2.2 |
Il-KESE adotta opinjonijiet dwar “Il-Green Paper dwar il-Portijiet tal-Baħar u l-Infrastruttura Marittima” COM(1997) 678 (1) kif ukoll dwar żewġ proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tiftaħ is-swieq għas-servizzi portwarji fil-portijiet tal-baħar Ewropej (2). Fis-26 ta' April 2007 il-KESE adotta wkoll opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar politika tal-portijiet komuni ta' l-UE (3). Meta wieħed iqis il-klima ta' konfrontazzjoni li kkaratterizzat id-dibattitu dwar id-Direttiva tas-servizzi portwarji, din l-opinjoni ffukat fuq dawk l-aspetti ta' politika Ewropea għall-portijiet tal-baħar li fuqhom il-partijiet interessati setgħu jsibu kunsens reċiproku. |
3. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika Ewropea għall-Portijiet
3.1 |
Fit-18 ta' Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar Politika Ewropea għall-Portijiet. Din il-komunikazzjoni hija r-riżultat ta' proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati li dam sena sħiħa, u li kkonsista minn żewġ konferenzi u sitt workshops tematiċi. Il-komunikazzjoni taqa' taħt l-istrateġija ta' politika marittima ġenerali tal-Kummissjoni u hija parti mill-aġenda l-ġdida tagħha dwar it-trasport tal-merkanzija. |
3.2 |
L-objettiv tal-politika Ewropea tal-portijiet il-ġdida huwa li tippromovi sistema portwarja ta' l-UE li taħdem u li hija kapaċi tlaħħaq ma' l-isfidi futuri tal-ħtiġijiet ta' trasport ta' l-UE. Skond il-Kummissjoni dawn l-isfidi jinkludu d-domanda għal trasport internazzjonali, tibdil teknoloġiku, emissjonijiet u l-bidla fil-klima, id-djalogu bejn il-portijiet, il-bliet u l-partijiet interessati, u fl-aħħar nett, ir-rikonċiljazzjoni mat-trasparenza, il-kompetizzjoni u b'mod ġenerali, il-lista ta' regoli tal-Komunità. |
3.3 |
Il-proposti ta' politika reali tal-komunikazzjoni b'mod ġenerali jikkonsistu f'taħlita ta' interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat u pjan ta' azzjoni b'miżuri ulterjuri, li mill-biċċa l-kbira huma ta' natura ta' liġi flessibbli. |
3.4 |
Dawn huma:
|
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni peress li din tirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-portijiet tal-baħar għall-kummerċ estern u intern Ewropew kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg. |
4.2 |
Il-KESE jilqa' b'mod partikulari l-fatt li l-Kummissjoni ma tipproponix miżuri intervenzjonisti iżda tiffoka — fl-ambitu tar-regoli tat-Trattat ta' l-UE — fuq l-istabbiliment ta' klima ta' investiment stabbli, l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet, u klima soċjali tajba fil-portijiet. |
4.3 |
Il-KESE huwa kuntent ukoll li jara li l-Kummissjoni qed tuża l-liġi flessibbli bħala alternattiva għal-leġislazzjoni min-naħa u approċċ każ b'każ min-naħa l-oħra. |
4.4 |
Minkejja dan, il-KESE għandu għadd ta' kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi x'jagħmel dwar il-kapitoli differenti tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-kuntest ekonomiku u l-isfidi li tiffaċċja s-sistema Ewropea tal-portijiet
5.1.1 |
Il-KESE jieħu nota tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-moviment ta' merkanzija fil-kontejners attwalment huwa kkonċentrat f'numru żgħir ta' portjiet fil-majjistral ta' l-Ewropa. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li hemm tendenza lejn il-parteċipazzjoni ta' numru li qed jiżdied ta' portjiet fis-suq tal-kontejners fl-Ewropa, minflok il-konċentrazzjoni tat-traffiku fi ftit portijiet biss. Dawk il-portjiet li jieħdu ħsieb kontejners li raw l-ikbar tkabbir fl-2006 kienu l-iktar portijiet żgħar u ta' daqs medju li jinstabu f'“port ranges” fl-Ewropa. “Port ranges” li jinsabu fuq distanza sostanzjali b'hekk qed jikkompetu dejjem iktar ma' xulxin (4). Il-politika għall-portijiet ta' l-UE tista' tappoġġja dan il-proċess billi tiżgura li l-portijiet Ewropej kollha jkunu kapaċi jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom b'mod sostenibbli. |
5.1.2 |
Flimkien mal-lista ta' sfidi identifikati mill-Kummissjoni, il-KESE jenfasizza l-globalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni li jikkaratterizzaw is-settur Ewropew tal-portijiet u tat-trasport bil-baħar. Dan il-fenomenu huwa viżibbli b'mod speċjali fis-suq tal-kontejners iżda jiġri wkoll fi swieq oħrajn bħal ro-ro, merkanzija ġenerali u ta' kwantità. Il-portijiet tal-baħar Ewropej jittrattaw ma' gruppi internazzjonali tat-trasport bil-baħar u tfaċċaw gruppi ta' operaturi ta' terminals kbar li issa jipprovdu servizzi f'bosta portijiet Ewropej. L-isfida għal awtorità tal-port hija li tiżgura impenn minn dawn l-operaturi globali kif ukoll konformità ma' l-iżvilupp ta' l-objettivi tal-port fir-rigward tal-politiki Ewropej rilevanti. |
5.2 Il-prestazzjoni tal-portijiet u l-konnessjonijiet mat-territorju intern
5.2.1 |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-ewwel għażla sabiex ilaħqu mad-domanda żejda għal kapaċità portwarja u relatata mal-portijiet għandha tkun ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-faċilitajiet tal-port u r-rotot ta' aċċess li diġà jeżistu. Il-KESE jaqbel ukoll li analiżi soċjetali sħiħa ta' l-ispiża meta mqabbla mal-benefiċċju għandha ssir qabel ma jiġu ppjanati żviluppi infrastrutturali ġodda. Dawn għandhom iqisu konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali peress li dawn jiffurmaw il-pilastri ta' l-aġenda ta' Lisbona ta' l-UE. |
5.2.2 |
Kif ġie spjegat hawn fuq, il-proċessi tas-suq diġà qed jimxu lejn settur portwarju Ewropew iktar varjat. Għandu jitrawwem il-prinċipju minn isfel għal fuq fejn proposti għal proġetti jintgħażlu mill-korp ġestjonali tal-port flimkien ma' l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali fejn il-każ japplika. Naturalment, dan ma jbiddilx il-fatt li l-UE ser tkompli tifformula objettivi u tipprovdi linji gwida. |
5.2.3 |
Madankollu, l-Kummissjoni tista' tuża r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' l-2010 tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport sabiex tgħin biex issolvi konġestjoni fir-rigward ta' konnessjonijiet mat-territorju intern u l-portijiet. Iżda dan għandu jsir fuq il-baż ta' kriterji oġġettivi. |
5.2.4 |
Barra minn hekk, il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi biex issolvi l-konġestjoni li għad fadal fit-territorju intern permezz ta' l-istrumenti ġenerali tal-politika tat-trasport tagħha, b'mod partikulari fir-rigward tan-navigazzjoni fit-territorju intern u t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. B'mod speċjali l-ferrovija tibqa' toħloq ħafna konġestjoni u xxekkel il-prestazzjoni ottimali tal-portijiet u l-integrazzjoni tagħhom fil-katini tal-loġistika. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, mingħajr ma jxekklu t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, lill-implimentazzjoni ta' proġetti ewlenin ta' infrastruttura tal-ferrovija transkonfinali b'konnessjonijiet mal-portijiet. |
5.3 L-espansjoni tal-kapaċità waqt li jiġi rispettat l-ambjent
5.3.1 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja għall-iżvilupp tal-portijiet. Dan għadu jfisser pass importanti 'l quddiem lejn soluzzjoni ta' wħud mill-ambigwitajiet maħluqa mil-leġislazzjoni ta' l-UE bħad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ambjenti Naturali u d-Direttiva Qafas ta' l-Ilma. Meta wieħed iqis kemm hi urġenti l-kwistjoni, il-KESE jirrakkomanda li dawn il-linji gwida jiġu ppubblikati qabel tmiem l-2008. |
5.3.2 |
Il-KESE jistieden il-Kummissjoni wkoll sabiex tikkunsidra miżuri addizzjonali sabiex issaħħaħ l-istatus legali tal-proġetti ta' żvilupp tal-portijiet u tissemplifika l-leġiżlazzjoni attwali, kif inhu mfisser f'iktar dettall fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE (5). |
5.3.3 |
Waqt li jiddikjara b'mod ċar li s-sediment ikkontaminat għandu jkun suġġett għal trattament xieraq, il-KESE jirrakkomanda wkoll li sakemm jitressqu proposti li jaffettwaw il-ġestjoni ta' korpi ta' l-ilma u sedimenti, bħad-Direttiva ta' l-Iskart u d-direttiva kumplimentari għad-Direttiva Qafas ta' l-Ilma (6), għandu jiġi rikonoxxut li sediment mhux ikkontaminat m'għandux jitqies bħala skart u m'għandhux għalfejn isegwi t-trattament ta' sediment ikkontaminat għaliex operazzjonijiet ta' tħammil ta' sediment mhux ikkontaminat ma jintroduċux u lanqas iżidu sustanzi li jniġġsu f'korp ta' l-ilma. |
5.3.4 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward il-forniment ta' faċilitajiet ta' riċeviment ta' l-iskart tal-bastimenti fil-portijiet u t-titjib ta' l-emissjonijiet fl-ajru. Il-KESE jirrakkomanda li inċentivi ekonomiċi permezz ta' pagamenti lill-portijiet l-aħjar li jibqgħu għad-diskrezjoni ta' kull korp ġestjonali individwali tal-port peress li miżuri bħal dawn jistgħu jaffettwaw l-istruttura finanzjarja tal-portijiet li tvarja ħafna madwar l-Ewropa. |
5.4 Il-Modernizzazzjoni
5.4.1 |
Il-KESE jilqa' l-intenzjoni li tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta' Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli fl-2008 u jirriferi għall-kummenti speċifiċi li diġà esprima qabel f'diversi opinjonijiet (7). |
5.4.2 |
Il-KESE itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-UE għandha tagħmel iktar progress fil-modernizzazzjoni tad-dwana u għandha tassigura li l-politiki tagħha dwar id-dwana, is-sigurtà marittima, is-sikurezza, is-saħħa pubblika u l-kwalità ambjentali jkunu koordinati u armonizzati kif suppost u li ma jkunx hemm trasferiment bla raġuni ta' responsabbiltajiet governattivi lejn il-portijiet. |
5.4.3 |
Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' twieqi uniċi u t-twettiq ta' inizjattivi bħal “programm marittimu elettroniku”, “programm doganali elettroniku” u “programm elettroniku tat-trasport tal-merkanzija”. Fl-istess waqt, jemmen li soluzzjonijiet imsejsa fuq l-ITC għandhom ikunu effettivi f'termini ta' spiża, anke bħal portijiet iżgħar u ta' daqs medju. |
5.4.4 |
Fl-aħħar nett, dwar it-titjib ta' l-effiċjenza, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa grupp ta' indikaturi ġeneriċi Ewropej sa tmiem l-2009, sakemm dawn jirrispettaw data kummerċjali sensittiva. Dawn l-indikaturi, ibbażati fuq dawk li jeżistu fil-qasam tat-trasport bl-ajru, kostali u bil-ferrovija kkombinati, ser jiġu żviluppati kif jixraq għal elementi rilevanti għall-portijiet, bħall-prestazzjoni ta' installazzjonijiet tal-portijiet, kollaborazzjoni bejn il-portijiet u l-ġbir flimkien ta' attivitajiet fl-intern. |
5.5 Kundizzjonijiet indaqs — ċarezza għall-investituri, l-operaturi u l-utenti
5.5.1 |
Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta' l-awtoritajiet tal-portijiet u d-diversità tas-sistemi ġestjonali tal-portijiet fl-Ewropa. B'mod partikulari jaqbel mar-rikonoxximent li l-ħidmiet importanti ta' l-awtoritajiet tal-portijiet jistgħu jitwettqu aħjar jekk ikunu jgawdu minn livell suffiċjenti ta' awtonomija u, b'mod speċjali, minn awtonomija finanzjarja sħiħa. |
5.5.2 |
Bl-istess mod il-KESE jilqa' l-aħbar tal-Kummissjoni li tadotta linji gwida dwar l-għajnuna ta' l-Istat fl-2008. F'dan ir-rigward, il-KESE jirriferi għall-prinċipji bażiċi dwar l-użu ta' finanzjament pubbliku fil-portijiet li huwa ppreżenta fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu tas-26 ta' April 2007. |
5.5.3 |
Il-KESE huwa kuntent ukoll li qed jara li l-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjoni tiegħu li testendi d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tad-Direttiva 2006/111/KE għall-portijiet tal-merkanzija kollha, irrispettivament mid-dħul annwali tagħhom. |
5.5.4 |
Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu stess, il-KESE irrakkomanda li tingħata gwida fuq l-użu tal-proċeduri ta' selezzjoni, bħal sejħiet għal offerti u strumenti oħrajn aċċettabbli, il-kondizzjonijiet għal konċessjonijiet u ftehimiet għal kiri ta' art kif ukoll l-għoti ta' gwida dwar l-istatus legali ta' dawk is-servizzi portwarji li jservu bħala servizz pubbliku, per eżempju s-sikurezza globali fil-portijiet. |
5.5.5 |
Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba billi pprovdiet gwida fil-komunikazzjoni tagħha dwar politika għall-portijiet dwar l-użu ta' konċessjonijiet u servizzi tekniċi-nawtiċi. Il-KESE jsib li l-interpretazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli tat-Trattat u tal-każistika ġeneralment kienet ta' għajnuna u ċara. Madankollu, il-KESE jenfasizza li s-servizzi tekniċi-nawtiċi għandhom il-karatteristiċi komuni li jkunu relatati mas-sigurtà tan-navigazzjoni, li għandha tiġġustifika l-kwalifika tagħhom bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. |
5.5.6 |
Politika tal-konċessjonijiet intelliġenti tista' tiżgura kompetizzjoni bejn il-poritijiet kif ukoll prestazzjoni ottimali u impenn mill-operaturi tat-terminals. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi b'mod regolari l-gwida li hija pprovdiet rigward il-konċessjonijiet sabiex tiżgura li taqbel b'mod effettiv ma' l-objettivi msemmija aktar 'il fuq u li jkun fiha elementi komuni suffiċjenti sabiex ikunu garantiti kundizzjonijiet indaqs bejn l-awtoritajiet portwarji. It-tieni punt huwa partikularment rilevanti meta wieħed iqis il-proċess ta' konsolidazzjoni fis-suq tal-ġestjoni tal-merkanzija kif imsemmi hawn fuq. |
5.5.7 |
Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiki dwar it-trasparenza fit-tibdil fil-portijiet. Il-KESE jemmen b'mod qawwi li t-tibdil fil-portijiet għandu jsir fil-livell lokali tal-port sabiex ikunu jistgħu jitqabblu b'mod ottimali l-ħtiġijiet ta' l-utenti tal-port ma' l-interess globali tal-port. |
5.5.8 |
Fl-aħħar nett, il-KESE huwa kuntent li jara li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tindirizza każijiet ta' kompetizzjoni mhux ġusta minn portijiet fil-viċinat li m'humiex fl-UE. Bis-saħħa tal-politiki ta' adeżjoni u ta' relazzjonijiet esterni tagħha, il-Kummissjoni għandha wkoll issaħħaħ azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati distorsjonijiet mnebbħa mill-politika, bħall-embargo Tork fuq bastimenti b'bandiera Ċiprijotta u bastimenti ġejjin minn portijiet Ċiprijotti, il-problemi bejn it-Turkija u l-Greċja fil-Baħar Eġew kif ukoll problemi fil-qsim tal-fruntiera bejn ir-reġjun Baltiku u r-Russja. |
5.6 It-twaqqif ta' djalogu strutturat bejn il-portijiet u l-bliet
5.6.1 |
Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni sabiex tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-portijiet tagħhom. L-integrazzjoni tal-portijiet fil-bliet u fil-ħajja tal-belt flimkien ma' għarfien qawwi, interess u anke kburija taċ-ċittadini fl-attivitajiet tal-port huma kollha vitali għall-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet. F'dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja b'mod partikulari sinerġiji mat-turiżmu, ir-rekreazzjoni, il-wirt u l-kultura in ġenerali. |
5.6.2 |
Il-KESE jenfasizza wkoll in-nuqqas ta' data li wieħed jista' joqgħod fuqha dwar impjieg dirett u mhux dirett u l-valur miżjud maħluq mill-portijiet Ewropej. Per eżempju, għandu l-impressjoni li d-data dwar l-impjieg li tuża l-Kummissjoni tissottovaluta l-qagħda reali. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza studju xieraq dwar dan is-suġġett. |
5.6.3 |
Fl-aħħar nett il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt ta' miżuri ta' sigurtà fuq l-aċċessibilità tal-portijiet u sabiex tingħata gwida dwar kif jistgħu jiġu rekonċiljati ż-żewġ aspetti. |
5.7 Ix-xogħol fil-portijiet
5.7.1 |
Il-KESE enfasizza l-ħtieġa sabiex jiġu promossi kundizzjonijiet tajbin u sikuri fil-post tax-xogħol u fil-madwar kif ukoll relazzjonijiet tax-xogħol kostruttivi fil-portijiet. Il-KESE jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni konsiderevoli lil dan is-suġġett fil-komunikazzjoni tagħha dwar politika tal-portijiet. |
5.7.2 |
Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-efficjenza ta' l-operazzjonijiet fil-portijiet tiddependi kemm fuq komponent ta' kredibilità, kif ukoll ta' sigurtà li huma, minkejja l-progress teknologiku, sa certu punt determinati mill-fattur uman. Dan jispjega l-ħtieġa għal forza tax-xogħol fil-portijietli hija kkwalifikata u mħarrġa tajjeb, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-bastimenti. Il-KESE irrakkomanda li l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu rwol importanti fil-ħolqien u ż-żamma ta' dawn il-kundizzjonijiet u li, fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni għandha tappoġġja xogħolhom billi tiffaċilita d-djalogu soċjali. |
5.7.3 |
Għaldaqstant il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali li joħolqu kumitat Ewropew għad-jalogu soċjali settorjali fil-portijiet fil-kuntest tat-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE. |
5.7.4 |
Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex twaqqaf qafas rikonoxxut b'mod reċiproku ta' taħriġ tal-ħaddiema tal-portijiet iżda jipproponi li l-ewwel jiġi mqabbel ma' sistemi differenti li jeżistu ta' kwalifiki professjonali għall-ħaddiema tal-portijiet. Dan jista' jsir b'mod utli fil-kuntest tad-djalogu soċjali Ewropew. |
5.7.5 |
Fl-aħħar nett il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni ta' regoli dwar is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fil-portijiet, kemm jekk ikunu regoli Komunitarji kif ukoll regoli stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, għandhom jiġu segwiti mill-qrib u l-istatistika dwar l-inċidenti għandha titjieb. Madankollu, il-KESE iħeġġeġ ukoll li jittieħdu inizjattivi fil-livelli kollha f'forums xierqa sabiex jiġi żgurat titjib ulterjuri fis-sikurezza u s-saħħa. |
Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(2) Opinjonijiet tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji COM(2001) 35 finali ĠU C 48 tal-21.2.2002, p. 122 u COM(2004) 654 finali ĠU C 294 tal-25.11.2005, p. 25.
(3) ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57.
(4) Fuq perijodu fit-tul, is-sehem medju tas-suq tal-kontejners Ewropew fiż-żona Hamburg — Le Havre niżel minn 64 % fl-1975 għal 48 % fl-2003, waqt li s-sehem tas-suq tal-portijiet fiż-żona tal-Mediterran irdoppja minn 18 % fl-1975 għal 36 % fl-2003. Barra minn hekk, il-livell ta' konċentrazzjoni ta' portijiet fl-Ewropa għal traffiku tal-kontejners (imkejjel skond il-koeffiċjent Gini) naqas b'mod kostanti mill-1990 'il hawn, fatt li juri żjieda fil-punti ta' dħul għas-suq Ewropew. Il-portijiet li jieħdu ħsieb kontejners li kibru l-iktar malajr fl-2006 (f'termini relattivi) kienu mill-biċċa l-kbira portijiet żgħar u ta' daqs medju li jinstabu f'reġjuni Ewropej differenti (Amsterdam, Sines, Rauma, Constanța, Kotka, Tallinn, Bremerhaven, Zeebrugge and Gdynia) — Sors: Istitut tat-Trasport u l-Ġestjoni Marittima Antwerp (ITMMA)/Università ta' Antwerp. Dan jikkuntrasta ħafna mas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti fejn il-livell ta' konċentrazzjoni ta' portijiet żdied b'mod drammatiku tul l-istess perijodu. Sors: Notteboom, T. (2007), Market report on the European seaport industry, li juża data provduta mill-Eurostat u portijiet individwali)
(5) Ara t-taqsima 4 ta' l-opinjoni ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57 dwar Opinjoni komuni dwar il-portijiet ta' l-UE
(6) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Iskart (COM(2005) 667) u l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika ta' l-ilma u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE (COM(2006) 397).
(7) ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 50, opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra COM(2006) 275 finali.
ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57, opinjoni komuni dwar il-portijiet ta' l-UE (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).
ĠU C 151 ta' l-17.6.2008, p. 20, opinjoni dwar ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika (Opinjoni esploratorja).
ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 68, opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Reviżjoni ta' Nofs it-Term tal-Programm għall-Promozzjoni tat-Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira [COM(2003) 155 finali] COM(2006) 380 finali.