EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE0599

Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista f'kuntest globali u Ewropew

ĠU C 168, 20.7.2007, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 168/1


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista f'kuntest globali u Ewropew

(2007/C 168/01)

Nhar is-6 ta' Lulju 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma' l-Artikolu 29 paragrafu 2 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq proprja dwar L-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista f'kuntest Ewropew u globali.

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fis-26 ta' Ottubru 2006

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Marzu 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel. Il-ko-rapporteur kien is-Sur Gibellieri

Matul l-435 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta' April 2007 (seduta tal-25 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 130 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

Parti I — Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

A.

Il-KESE jeħtieġ attenzjoni ffokata ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, flimkien ma' approċċi interattivi fil-livell ta' l-UE u dak nazzjonali, dwar il-kunċett ta' l-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista jew, aħjar, dik ta' l-industrija li taħdem f'netwerk u l-interazzjoni korporattiva.

B.

Dawn il-proċessi dinamiċi jsejħu għall-adattar u l-adattabilità fil-ġestjoni ta' l-aspetti kollha tal-kumpaniji inkluż id-definizzjoni u l-ħolqien tal-prodott, il-marketing u l-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani. Dawn il-kompiti sikwit jiġu esternalizzati (outsourced). In-netwerking ifisser li l-kumpaniji qegħdin isiru iktar u iktar imsensla madwar id-dinja u li l-manifattura u s-servizzi kull ma jmur qegħdin isiru iktar integrati.

Ċ.

Hemm differenzi sostanzjali bejn kif il-kumpaniji jintlaqtu minn din is-sitwazzjoni, skond il-qies tagħhom, il-pożizzjoni tagħhom fil-ktajjen/netwerks tal-provvista u s-setturi li fihom joperaw. Kumpaniji kbar multinazzjonali huma ġeneralment f'pożizzjoni tajba fl-istadji kollha ta' dan il-proċess tan-netwerking. Għall-kuntrarju, il-provvedituri ż-żgħar u ta' daqs medju, li jintervjenu fl-istadji inizjali jew intermedjarji (l-ewwel, it-tieni, it-tielet ... provveditur), ta' sikwit jiffaċċjaw ostakli, kif qegħdin ippreżentati f'Parti II. F'dan id-dokument, dawn jissejjħu bħala IICs (kumpaniji inizjali u intermedjari — terminu maħluq speċifikament għall-finijiet ta' din l-opinjoni) (1).

D.

Il-maġġoranza kbira ta' l-impjiegi fis-settur privat jinstabu fil-kumpaniji “inqas kbar” (ara punt Ċ). Minn fosthom, huma d-ditti l-iktar innovattivi u kreattivi li għandhom importanza deċiżiva fl-ekonomija f'netwerk. Il-volum ta' dan l-iżvilupp tant huwa sinifikattiv li ma kellux biss impatt konsiderevoli fil-livell mikroekonomiku, iżda wkoll f'termini makroekonomiċi.

E.

Il-KESE jħoss li huwa neċessarju li jitjieb l-ambjent li fih joperaw l-IICs. Din l-opinjoni (ara sezzjonijiet 3 u 4 f'Parti II) tidentifika l-isfidi ewlenin u tippreżenta numru ta' proposti ta' politika bħal:

it-tibdil fl-attitudnijiet lejn l-IICs;

it-titjib fil-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka fost dawn il-kumpaniji;

l-iffaċilitar ta' l-aċċess għall-finanzi;

it-tnaqqis ta' l-effetti lock-in/ lock-out;

l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

il-ġlieda kontra d-distorsjoni fil-kompetizzjoni billi jkun hemm użu iktar konsistenti, effiċjenti u f'waqtu ta' l-istrumenti ta' l-UE għad-difiża tal-kummerċ sabiex tiġi evitata l-importazzjoni inġusta;

it-trawwim tal-ħiliet u l-intraprenditorija;

il-ġibda taż-żgħażagħ ikkwalifikati, lejn l-IICs, speċjalment fl-oqsma ta' l-inġinerija;

l-implimentazzjoni ta' politika ġdida industrijali ta' l-UE, inkluż l-approċċ settorjali tagħha;

l-aħjar użu ta' l-FP7;

id-digriet ta' leġislazzjoni ffokata u t-tnaqqis fil-burokrazija.

F.

In-nuqqas ta' tifsira stabbilita ta' l-IICs jagħmilha diffiċli li tinftiehem l-importanza sħiħa tagħhom fil-bidliet industrijali u l-proċessi tal-globalizzazzjoni. Hemm ħafna iktar xi jsir sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar ir-rwol li jaqdu. Jekk il-proposti kollha jew xi wħud minnhom taħt il-punt E jridu jiġu implimentati, għandhom jintlaqgħu numru ta' prerekwiżiti mill-kumpaniji nfushom, oħrajn mil-leġislaturi u hemm iktar minn kumbinazzjoni tat-tnejn li huma. Fi kwalunkwe każ, implimentazzjoni ta' dan it-tip trid titwettaq b'kooperazzjoni stretta mal-partjiet kollha rilevanti. Bl-istess ħsieb, il-kumitati tad-djalogu settorjali li joperaw fil-livelli Ewropej u nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jipprovdu orjentazzjoni komuni kredibbli għal dawk responsabbli mill-politika.

Parti II — Raġunijiet

1.   Introduzzjoni

1.1

Il-konsiderazzjoni tal-bidu tal-ktajjen tal-provvista bħala fenomenu modern huwa żbaljat, għax dawn eżistew f'xi forma jew oħra, mill-bidu nett tal-produzzjoni organizzata.

1.2

Huwa xieraq li wieħed jinnota, madankollu, li f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin żviluppa interess qawwi fil-ktajjen tal-provvista bħala prodott ta' l-ambjent b'saħħtu li tnissel mill-progress teknoloġiku u l-globalizzazzjoni, u l-effetti kollha relatati tagħhom fuq is-swieq. Dan is-suġġett huwa diskuss b'mod estensiv f'pubblikazzjonijiet u konferenzi numerużi madwar id-dinja. Is-sekwenza lineari konvenzjonali ġiet sostitwita b'netwerks kumplessi u proċessi tal-manifattura integrati li ta' sikwit joperaw f'kumpaniji u pajjiżi multipli.

1.3

Illum, il-ktajjen tal-valur u tal-provvista qegħdin, kull ma jmur, isiru iktar imsensla u issa jeżisti netwerk ġenwinament globali f'ħafna oqsma. Dan jiġġustifika l-użu tat-terminu “netwerks” minflok “ktajjen” fejn ta' l-ewwel huwa, bla dubju ta' xejn, iktar effimeru minn dak ta' warajh.

1.4

In-netwerks tal-ħolqien tal-valur (jew, sempliċiment, “netwerks tal-valur”) infushom qegħdin isiru iktar globali u estensivi. Parti minn dan il-proċess huwa netwerk ta' valur pan-Ewropew, imtejjeb bit-tkabbir reċenti ta' l-UE.

1.5

Issa huwa magħruf li t-titjib tagħhom stess m'għadux suffiċjenti sabiex jilqa' l-bżonnijiet tal-kumpaniji. Dak li jkun mirbuħ mill-programmi introspettivi fi ħdan il-kumpaniji, filwaqt li huma ta' għajnuna u mixtieqa, ma jagħtuhomx is-setgħa li jaħtfu l-opportunitàjiet imnissla minn sistema tal-kummerċ li hija ġenwinament globali. Il-kumpaniji għandhom iħarsu 'l barra minnhom infushom jekk iridu jkomplu jgħixu fid-dinja moderna.

1.6

B'hekk, il-ġestjoni tan-netwerks u l-loġistika sar ta' preġju, hekk kif il-kumpaniji qegħdin jonfqu ammonti li qegħdin jiżdiedu ta' ħin u flus sabiex jassiguraw dħul mis-simplifikazzjoni u mill-koordinazzjoni tax-xibka dejjem iktar ikkumplikata ta' attivitajiet u servizzi li huma kruċjali għall-operazzjonijiet industrijali u kummerċjali moderni.

1.7

In-natura tar-responsabilità maniġerjali u tal-ħiliet rekwiżiti tal-forza tax-xogħol fil-livelli kollha tbiddlet kompletament, għax issa hemm bżonn ta' deċiżjonijiet u attitudnijiet li jassiguraw l-aħjar livelli ta' kooperazzjoni bejn ix-xerrejja, il-provvedituri u l-kumpaniji.

1.8

Dan huwa l-iktar stat modern għall-kategoriji kollha tal-kumpaniji kbar, ta' daqs medju u żgħar, minkejja d-differenzi u l-interazzjoni ta' bejn is-setturi. Madankollu, jidher li kumpaniji kbar multinazzjonali huma f'qagħda aħjar minn ta' l-IICs fil-proċessi attwali (2).

1.9

Fil-fatt, żewġ terzi ta' l-impjegati fis-settur privat fl-Ewropa jaħdmu għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Ħafna minn dawn huma IICs. Għalhekk, il-benesseri ta' dan it-tip ta' kumpaniji m'għandux dimensjoni mikroekonomika biss, iżda impatt makroekonomiku wkoll.

1.10

Minkejja li s-suġġett ta' din l-opinjoni huwa l-iżvilupp tal-katina tal-valur u tal-provvista, l-enfasi qiegħda primarjament fuq l-IICs innovattivi (ta' livell tekniku u kwalità għoljin) bil-potenzjal li jikbru u joperaw fuq livell internazzjonali jew dawk li huma diġà preżenti fis-suq globali (3).

1.11

Konsegwentement, għandhom jiġu żviluppati u mtejjba modi u mezzi sabiex jinħoloq ambjent b'saħħtu u sostenibbli sabiex dawn it-tip ta' kumpaniji jkunu jistgħu jikbru u jisfruttaw l-potenzjal tagħhom.

1.12

Minkejja li l-ktajjen/netwerks tal-provvista jvarjaw minn settur għal ieħor, huwa meqjus bħala xieraq li tintwera l-analiżi mwettqa f'din il-karta b'enfasi fuq settur wieħed. L-Appendiċi 2 ta' din l-opinjoni hija għalhekk iddedikata għall-preżentazzjoni ta' każ fis-settur awtomotiv, li juri b'mod siewi xi wħud mill-kwistjonijiet fir-riskju. Dan is-settur intgħażel minħabba l-kumplessità eċċezzjonali tan-netwerks/ktajjen tal-provvista, kif muri fl-Appendiċi 1.

1.13

Kumpaniji Ewropej ta' sikwit qegħdin jagħżlu li jesternalizzaw wieħed jew bosta mill-ħolqiet fil-ktajjen tal-provvista. Sussegwentement huma jimportaw ir-riżultat ta' dan u jżidu l-valur fuqu qabel ma jgħadduh għan-netwerk tal-valur. Huwa importanti li jinħolqu kondizzjonijiet li jassiguraw, matul il-proċess, iż-żamma ta' l-ogħla livelli possibbli tal-qligħ, ta' l-impjieg u ta' l-għarfien fl-Ewropa. Dan huwa kruċjali għax l-għarfien kull ma jmur qiegħed isir fattur tal-produzzjoni bid-dritt tiegħu li huwa mmexxi fin-netwerks li joħolqu l-valur prinċipalment minn fondi mingħajr fruntiera iktar milli sempliċiment fondi transkonfinali (4).

1.14

Din il-karta tiddiskuti l-mod kif l-UE tista' tikkontribwixxi aħjar sabiex jinżammu l-partijiet importanti (dawk ta' valur miżjud) tal-katina tal-provvista fl-Ewropa (5).

2.   In-netwerks tal-valur u l-bidliet industrijali

2.1

Il-bidliet industrijali huma strettament relatati mal-ħolqien tal-valur fis-soċjetà tan-netwerk, li jinvolvi rwol sinifikanti għas-servizzi, bħall-konsulenza, l-inġinerija, il-loġistika u l-marketing. Jekk tiġi ridotta l-integrazzjoni vertikali, il-ħolqien tal-valur fl-ipproċessar ta' sikwit jaqleb għall-provveditur. Dan il-proċess isir iktar multidimensjonali għax ħafna minn dawn il-provvedituri jagħmlu parti wkoll min-netwerks globali, li joħloq interdependenzi ġodda bejn il-provvedituri.

2.2

Iżda t-terminu “globali” xi jrid ifisser eżatt? Flimkien mar-rwol ovvju li jaqdu l-Istati Uniti u l-Ġappun, reġjuni oħra dinjija waslu b'leħħa ta' berqa fix-xena tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, fosthom in-nazzjonijiet BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina). Madankollu għandu jkun innutat li jeżistu żewġ tipi ta' sħubija ta' dan il-grupp, fejn l-influwenza, b'mod partikulari dik ta' l-Indja u taċ-Ċina “qiegħda iġġib tibdil radikali fil-katina sħiħa tal-provvista u l-oqsma ta' l-ekonomija li joħolqu l-valur” (6).

2.3

Fid-dawl ta' dan, l-UE għandha ssaħħaħ il-ħila tagħha li tikkompeti billi żżid il-valur, għax il-kompetizzjoni bbażata biss fuq il-kalkoli ta' l-ispejjeż m'hijiex realistika u ma tilqax il-valuri soċjali u tas-sostenibilità ta' l-Unjoni.

2.4

Il-ktajjen u n-netwerks tal-provvista qegħdin jespandu, u l-proċessi industrijali qegħdin jiġu kkaratterizzati iżjed u iżjed mill-frammentazzjoni tal-linji tal-produzzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tal-prodotti permezz tat-teknoloġiji u l-ispeċificità (customisation). Il-produtturi jistgħu jistandardizzaw il-parti tal-qalba tal-prodotti u, fl-istess ħin iħallu post għall-ispeċifiċità. Dan huwa magħruf bħala “speċifiċità tal-massa”(mass customisation).

2.5

Dawn il-fatturi huma stimolati mill-interazzjoni ta' bejn l-industrija tal-manifattura u s-servizzi (7), li twassal sabiex jiċċajpru l-linji ta' distinzjoni ta' bejn is-setturi. It-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni billi jżidu l-interoperabilità u s-servizzi pprovduti elettronikament.

2.6

Il-kumpaniji Ewropej għandhom jimmiraw lejn il-ħolqien ta' netwerks tal-provvista li jipproċessaw “prodotti estiżi” (sistema ta' prodotti u servizzi) li jidentifikaw niche markets (swieq li jipprovdu għal domanda speċifika) ta' valur miżjud. Saħansitra l-fabbriki stess issa saru prodotti kumplessi li jistgħu jkunu negozjati.

2.7

Iċ-ċikli ġodda teknoloġiċi qegħdin jitfgħu dejjem aktar enfasi fuq il-ġestjonar tar-riżorsi umani f'kull livell u jenfasizzaw l-urġenza tat-tagħlim tul il-ħajja bħala komponent essenzjali tal-kompetittività u l-possibiltà ta' l-impjieg.

2.8

Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti qiegħed jiqsar u jinbidel minħabba l-interazzjoni li qiegħda tiżdied bejn is-servizzi u l-manifattura u peress li l-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni (ta' qabel il-kompettitiva) f'ħafna oqsma qegħdin isiru globali.

2.9

L-istruttura tal-kumpaniji u r-relazzjoni dinamika ta' bejn il-kumpaniji huma influwenzati bil-kbir minn dawn il-bidliet li għadhom qegħdin iseħħu. Kostantament dawn jeħtieġu li jiġu adattati u riorganizzati. L-ispeċjalizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, l-ispeċifiċità u l-iżvilupp tas-servizzi relatati mal-manifattura kull ma jmur qegħdin iwasslu għall-esternalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-esternalizzazzjoni tista' tirriżulta fi speċjalizzazzjoni u deċentralizzazzjoni addizzjonali.

2.10

Il-konċentrazzjoni permezz ta' l-għaqdiet u ta' l-akkwisti qiegħda sseħħ b'mod parallel ma' dawn il-proċessi; iktar ma wieħed jitbiegħed mill-konsumatur, iktar tinstab il-konċentrazzjoni u l-konsolidazzjoni.

2.11

L-outsourcing u l-offshoring qegħdin jitwettqu fuq skala globali (8). Ekonomiji li għadhom qegħdin jiżviluppaw fl-Istati Membri l-ġodda kif ukoll fl-Ażja huma involuti ħafna f'dan il-proċess, kull waħda toffri l-vantaġġi finanzjari tagħha u l-potenzjal tagħha tas-suq. L-Ażja qiegħda ssir iċ-ċentru aċċettat minn kulħadd tal-produzzjoni u tal-provvista tas-servizzi bi prezz baxx. Fiċ-Ċina u l-Indja qiegħda tiġi żviluppata teknoloġija indipendenti. Proċessi bħal dawn jistgħu jinvolvu r-rilokazzjoni ta' l-attivitajiet, b'telf reali ta' impjiegi. Dan jista' joħloq sens ta' ambjent prekarju fost l-impjegati. Min-naħa l-oħra, ir-rilokazzjoni tista' wkoll iżżid l-impjieg f'kumpaniji fl-Ewropa (9).

2.12

Żviluppi komplikati li jinħolqu minn transazzjonijiet bla għadd, għaqdiet u akkwisti li qegħdin jitwettqu madwar id-dinja juru li r-rilokazzjoni, bħala riżultat tal-bidliet fil-produzzjoni u fil-linji tas-servizzi, m'hijiex proċess lineari jew b'direzzjoni waħda biss. L-ispiża tal-produzzjoni tirrappreżenta parti waħda biss mit-totalità tal-konsiderazzjonijiet. Qegħdin jiġu kkunsidrati numru ta' fatturi oħra, li ma jiffurmawx is-suġġett ta' din l-opinjoni. Dawn jinkludu loġistika kumplessa, spejjeż għoljin għat-trasport, tħassib ambjentali, oqsfa regolatorji, il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali u d-disponibilità ta' materji primi kif ukoll it-teknoloġija u l-kompetenza speċifika. Meta jitqiesu dawn il-konsiderazzjonijiet kollha, xi drabi jista' jkun ta' benefiċċju għall-manifattura u s-servizzi li jirritornaw fl-Ewropa.

2.13

Mill-banda l-oħra, ir-rilokazzjoni tista' tikkonċerna wkoll attivitajiet innovattivi, li jistgħu jfissru telf ta' għarfien għall-Ewropa. Fil-verità, ir-rilokazzjoni tista' tgħawwar il-ħila għall-innovazzjoni ta' l-industriji Ewropej fuq perijodu fit-tul jekk ma jissaħħux l-għarfien u r-riċerka fl-UE. F'din il-perspettiva n-numru dejjem jiżdied ta' l-inġiniera fl-Indja u ċ-Ċina (45 % ta' l-inġiniera fid-dinja) huwa punt li jirrivela ħafna.

2.14

Barra minn dan, il-fatt li żgħażagħ bi kwalifiki tajbin qegħdin iħallu lill-Ewropa jew juru preferenza li jaħdmu f'kumpaniji kbar (10) jista' jirriżulta f'nuqqas ta' nies ikkwalifikati fl-IICs Ewropej.

2.15

Kumpaniji kbar huma ta' sikwit f'qagħda aħjar li jiffaċċjaw l-isfidi msemmija hawn fuq. Ġeneralment, għandhom aċċess relattivament faċli għall-banek u s-swieq kapitali, huma involuti f'kull tip ta' interazzjoni u interoperabilità ma' kumpaniji oħra, għandhom aċċess għal medda wiesa' ta' swieq u huma fuq quddiem fil-proċess ta' l-outsourcing. Madankollu, huma inqas flessibbli minn kumpaniji iżgħar.

3.   L-isfidi għall-IICs

3.1

L-indikaturi kollha juru li l-proċess tal-frammentazzjoni tal-produzzjoni, ta' l-ispeċifikazzjoni (customisation) u tan-netwerks globali ser ikompli. Fil-biċċa l-kbira ta' l-oqsma, kumpaniji kbar multinazzjonali jaġixxu bħala mexxejja strateġiċi, iżda ħafna mix-xogħol huwa magħmul minn numru jiżdied ta' IICs.

3.2

Xi drabi, l-IICs, minkejja l-potenzjal għoli, minħabba n-neċessità li jadottaw approċċi fil-perijodu l-qasir, ikollhom jaħdmu ħafna sabiex jaċċessaw swieq ġodda, huma ta' spiss dipendenti fuq ordnijiet regolari minn ċerta klijenti kbar u ta' sikwit m'għandhomx aċċess daqshekk tajjeb għas-swieq kapitali. Barra minn hekk, huma esposti ħafna għar-riskju ta' diżordni fil-katina tal-provvista, relatati mat-tnaqqis fl-ispejjeż li huma mitluba kostantament mill-klijenti l-kbar. Fil-punti segwenti, l-enfasi qiegħda fuq l-ikbar sfidi li jiffaċċjaw dawn l-intrapriżi.

L-identifikazzjoni ta' l-attitudni adattata

3.3

Ħafna mit-titjib fil-kondizzjonijiet tal-qafas ta' kumpaniji relattivament żgħar u ta' daqs medju sempliċiment jiddependi fuq attitudnijiet fis-soċjetà u fi ħdan il-kumpaniji nfushom. F'xi Stati Membri u xi reġjuni l-attitudnijiet lejn dan it-tip ta' kumpaniji huma iktar pożittivi milli f'oħrajn. L-iskambju ta' l-aħjar prassi għalhekk għandha tkun imħeġġa.

Il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni fost l-IICs

3.4

L-IICs għandhom jitħeġġu sabiex ikunu miftuħin għall-kooperazzjoni u sabiex jiżviluppaw proġetti konġunti. Dawn it-tipi ta' kooperazzjoni u proġetti jistgħu jsaħħu l-pożizzjonijiet tas-suq u jappoġġjaw in-negozji tal-provvedituri mal-klijenti l-kbar. Jistgħu jgħinu wkoll sabiex jitpattew l-effetti ta' ħsara tal-lock-in/lock-out.

3.5

Għandu jitħeġġeġ l-użu tas-software open source (sors miftuħ) (11) u l-aċċess liberu għat-tekonoloġiji ta' l-inġinerija u l-istandards. L-interfacing effettiv ta' l-IICs ma' l-istituti tar-riċerka huwa importanti ferm.

3.6

Il-clustering u n-netwerks madwar il-kumpaniji u ż-żoni industrijali ewlenin u f'ambjenti industrijalizzati ħafna u ta' livell għoli tat-teknoloġija jistgħu jkunu ta' appoġġ qawwi għal dak il-għan, (12) għax iħeġġu l-iskemi kollaborattivi bejn il-kumpaniji. Attitudnijiet miftuħa lejn universitajiet u istituti teknoloġiċi ġara, flimkien ma' approċċ adattat minn awtoritajiet lokali u reġjonali, huma kruċjali. ‛Żoni industrijali' madwar ċentri teknoloġiċi, parks tax-xjenza u universitajiet jistgħu jkunu ta' benefiċċju kbir għall-kumpaniji żgħar.

L-Ambjent Finanzjarju

3.7

Il-banek u l-partijiet finanzjari ġenerali għandhom jitħeġġu sabiex jadottaw attitudni iktar pożittiva lejn it-teħid tar-riskju. L-evidenza statistika turi li fid-dinja finanzjarja Amerikana hemm attitudni iktar pożittiva lejn ir-riskju u din tipproduċi riżultati sinifikanti. Aċċess miftuħ għas-swieq kapitali fl-Ewropa huwa, f'kwalunkwe każ neċessarju — iktar u iktar billi f'ħafna każijiet il-piż finanzjarju fil-proċessi tal-produzzjoni għandhom tendenza jiċċaqalqu mill-kumpaniji l-kbar għall-provvedituri iżgħar.

3.8

Fl-industrija awtomotiva, per eżempju, l-outsourcing ħoloq problema finanzjarja għal ħafna kumpaniji, għax kemm il-proċess ta' l-iżvilupp kif ukoll il-perijodu tal-ħlas tal-qligħ huma twal — dawn sikwit jieħdu minn 3 sa 5 snin għall-perijodu ta' l-iżvilupp u minn 5 sa 7 snin għall-perijodu għall-ħlas tal-qligħ. Fl-Istati Uniti, din il-problema hija parzjalment solvuta permezz ta' aċċess aktar faċli għall-kapital privat u, f'ħafna pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, permezz ta' regoli ġenerużi tat-taxxa u ta' l-għajnuna Statali. F'dan il-qasam, il-kondizzjonijiet fl-Ewropa għandhom bżonn jitjiebu mingħajr dewmien, partikularment fir-rigward ta' l-IICs u l-bżonnijiet tagħhom sabiex jiffinanzjaw ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) għall-innovazzjoni teknoloġika. Apparti l-miżuri mill-gvernijiet, il-banek — inkluż l-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB) li jaħdem b'kooperazzjoni stretta ma' l-imsieħba bankarji madwar l-Ewropa — u l-ekwità privata għandhom jaqdu r-rwol tagħhom ukoll.

3.9

Il-KESE jinnota b'interess kbir li l-orjentazzjonijiet fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Lisbona: l-iffinanzjar tat-tkabbir ta' l-SME — Inżidu l-Valur Ewropew” (13). Pont iktar konvenjenti huwa meħtieġ bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-ekwità privata, fuq naħa, u l-SMEs fuq naħa oħra.

L-effetti lock-in/ lock-out

3.10

Id-dipendenza fuq il-klijenti l-kbar hija problematika, partikularment fir-reġjuni mono-industrijali, meta l-IICs huma imsakkrin 'il ġewwa jew 'il barra (locked in jew locked out) mill-ktajjen tal-provvista. Meta jikkoopera ma' kumpaniji kbar, il-provveditur ta' sikwit ikollu jagħmel użu mit-teknoloġija meħtieġa. Il-provvista lil klijent wieħed kbir biss tista' ġġiegħel lil provveditur li juża teknoloġija speċifika waħda.

3.11

L-istess jista' jiġri lill-provvedituri li huma msakkrin barra mill-katina (locked out) minħabba li m'għandhomx l-għodda meħtieġa sabiex jaċċessaw is-swieq addizzjonali u jipparteċipaw fi ktajjen jew netwerks tal-provvista oħra.

3.12

Il-kumpaniji l-kbar, madankollu, ma jridux ikunu dipendenti kompletament fuq provveditur wieħed, minkejja li dan kultant jiġri. F'numru ta' każijiet, il-produtturi l-kbar tal-karozzi jippreferu provvedituri uniċi, partikularment fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' komponenti ġodda u sistema għall-prodott finali. Is-sitwazzjoni normali, madankollu, hija li l-kompetizzjoni ta' bejn il-provvedituri hija qawwija.

3.13

F'ċertu każijiet, l-iktar fl-industrija awtomotiva, ġiet innotata li l-ispejjeż għall-iżvilupp teknologiku ġew mgħoddija lill-provveditur, li kien ukoll mitlub jaqsam l-għarfien mal-kompetituri. Din tista' tkun ta' problema, speċjalment għal provvedituri li m'humiex monopolistiċi.

3.14

L-effetti lock-in u lock-out għandhom tendenza li jikbru skond kif jikber in-numru ta' applikazzjonijiet ta' l-ICT, minkejja li l-effett lock-in/lock-out ċertament m'hijiex kwistjoni biss ta' l-IT. Il-liċenzji huma ta' sikwit diffiċli sabiex jinkisbu. In-nuqqas ta' standardizzazzjoni u ta' interoperabilità, fuq naħa, u l-użu rari tat-teknoloġija ta' l-open source, mill-banda l-oħra, jimpedixxu l-investiment.

3.15

Hawnhekk ukoll (ara punt 3.6), il-kooperazzjoni u l-clustering jistgħu jgħinu jegħlbu n-nuqqasijiet li jinħolqu mill-proċessi hawn fuq imsemmija, notevolment fir-reġjuni mono-industrijali.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

3.16

Il-proprjetà intellettwali hija kruċjali (14). Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali tinvolvi sfidi partikulari għall-IICs, li ħafna minnhom huma kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Diġà ssemmew il-problemi li jiffaċċjaw dawn il-kumpaniji fl-iffinanzjar għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-affarijiet m'għandhomx għalfejn jiġu agħar permezz tal-ħolqien ta' sitwazzjoni li tirriżulta fil-kompetituri tagħhom jaħsdu l-qligħ.

3.17

Il-brevetti għandhom rwol essenzjali x'jaqdu. Il-KESE esprima t-tħassib tiegħu f'ħafna opinjonijiet dwar “it-tfixkil ripetut fir-rigward ta' l-introduzzjoni tal-brevetta komunitarja”, li għamlet xi ftit ħsara lill-kredibilità tal-politika ta' l-UE dwar ir-riċerka u ma rnexxilhiex tħeġġeġ “lir-riċerka innovattiva maħluqa sabiex ittejjeb l-kompetittività”. (15) Minħabba li din il-kwistjoni daqshekk importanti ma ġietx indirizzata, dan wassal sabiex il-protezzjoni ta' l-innovazzjoni tkun tiswa ħafna flus (notevolment meta mqabbla ma' l-Istati Uniti u l-Ġappun), saħansitra xi kultant bi prezz għoli wisq għall-IICs.

3.18

Il-problema tal-prezz għoli tal-proċeduri tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa iżjed aggravat b'nuqqas ta' effikaċja li ta' sikwit tinħoloq minn nuqqas ta' infurzar. Fir-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina, l-iffalsifikar għandu jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta' prijorità. Bħala riżultat ta' din il-problema ta' ffalsifikar, bosta kumpaniji ta' livell teknoloġiku għoli ma jridux iżidu l-investimenti tagħhom fiċ-Cina jew saħansitra li jneħħuhom (16).

3.19

Appendiċi 2 juri l-gravità ta' l-abbuż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-iffalsifikar fil-komponenti awtomotivi.

Naħtfu l-opportunitajiet ġodda — l-importanza tal-ħiliet u ta' l-intraprenditorija

3.20

L-IICs speċjalizzati għandhom l-assi tagħhom stess. Opportunitajiet ġodda jinħolqu mill-qabża minn operazzjonijiet fuq skala kbira għad-deċentralizzazzjoni u l-approċċi magħmulin apposta, sakemm il-ħiliet korrespondenti huma żviluppati wkoll.

3.21

Il-fatt li madwar l-Ewropa l-maġġoranza ta' gradwati żgħażagħ jippreferu jaħdmu għal kumpaniji kbar huwa punt ta' tħassib. Hemm ħtieġa ċara sabiex jitħeġġu n-nies ħalli jaħdmu fl-IICs billi jtejjbu l-prospetti tal-karriera. Il-problema għall-IICs hija speċjalment qawwija meta n-numru globali ta' gradwati m'huwiex suffiċjenti, eż. fid-dixxiplini ta' l-inġinerija.

3.22

Dawk hekk imsejjħin “sistemi ta' formazzjoni doppja” — tagħlim u xogħol — li jitwettqu attwalment f'xi Stati Membri bħall-Ġermanja, l-Awstrija u l-Lussemburgu (“duale Ausbildung”) jistgħu jkunu ta' valur kbir għall-IICs.

3.23

It-titjieb tal-kwalifiki u l-ħiliet ta' l-impjegati huwa essenzjali. In-nies infushom kif ukoll l-intrapriża jistgħu jikkontribwixxu għall-istandards li qegħdin jogħlew (17). F'dan ir-rigward, it-titjib ta' l-ambjent tal-post tax-xogħol jista' jkun ta' benefiċċju. Kunċetti moderni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, inkluż ir-reviżjoni sistematika ta' l-iskemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, jistgħu jgħinu sabiex jinħolqu l-impjiegi. Dawn il-punti jridu jiġu indirizzati fil-qafas ta' l-approċċi settorjali, inkluż id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali.

3.24

B'żieda mal-korrelazzjoni diretta bejn is-sistemi effiċjenti ta' l-edukazzjoni u l-kwalità tal-ħiliet ta' l-impjegati, l-importanza tat-trijanglu ta' l-edukazzjoni/l-innovazzjoni/ir-riċerka ma tistax tiġi stmata żżejjed. B'konnessjoni ma' dan, l-inizjattiva l-ġdida ta' l-UE “Ir-reġjuni għall-bidla ekonomika” tista' tkun ta' l-ikbar għajnuna għax tenfasizza d-dimensjoni reġjonali u l-impatt tar-riċerka, l-ħiliet teknoloġiċi u l-clusters ekonomiċi (18).

3.25

Sabiex jiġi sfruttat kompletament il-vantaġġ ta' l-opportunitajiet offruti lill-IICs permezz tat-titjib fil-ħiliet u l-intraprenditorija, l-importanza tad-dimensjoni territorjali ma tistax tiġi injorata. Il-globalizzazzjoni, li tfisser internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber, iġġib magħha l-ħtieġa għar-rinfurzar korrespondenti tal-qrubija reġjonali. Dan jista' jitwettaq permezz ta':

programmi strateġiċi reġjonali;

djalogu soċjali territorjali;

inizjattivi li jibdew mill-aktar livell baxx u sħubija reġjonali mmexxija minn speċjalitajiet reġjonali;

mobilità ta' riċerkaturi bejn kumpaniji u universitajiet.

3.26

Kemm l-intraprenditorija kif ukoll l-kreattività u l-flessibilità huma importanti ferm, fi kliem ieħor il-ħila ta' l-adattar rapidu għal ċirkostanzi li jinbidlu. Il-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju ta' sikwit għandhom iktar kapaċità li jirrispondu għall-isfidi mill-kumpaniji l-kbar. Dawn il-fatturi jistgħu tabilħaqq jgħinu lil ta' l-ewwel jipprofittaw mill-frammentazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tan-netwerks (19).

4.   Proposti għall-politika

4.1

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-katina tal-valur u tal-provvista huwa essenzjali li jinħoloq ambjent kummerċjali f'saħħtu għall-IICs. Il-KESE huwa tal-fehma li hemm żewġ strumenti ewlenin li ser jappoġġjaw il-preżenza ta' l-IICs Ewropej fin-netwerks madwar id-dinja: il-politika industrijali l-ġdida (inkluż l-approċċ settorjali tagħha) u l-FP7 (is-Seba' Programm ta' Qafas).

Politika Industrijali

4.2

L-IICs għandhom ikunu involuti b'mod iktar sistematiku fil-qafas tal-politika industrijali. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jagħmlu stħarriġ minn qabel u bi preċiżjoni ikbar dwar l-impatt fuq kumpaniji ta' livell tekniku għoli tal-leġislazzjoni mistennija f'oqsma bħall-iżvilupp tekniku u t-twaqqif ta' l-istandards. L-“industrija” hija wisq drabi llimitata għall-kumpaniji l-kbar. L-IICs — ta' sikwit maqbużin — għandhom jiġu kkonsultati separatament.

4.3

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-ICT għall-IICs. Jaqbel kompletament ma' l-għanijiet li identifikat il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, bit-titolu “Intejjbu l-Fiduċja u l-Kunfidenza fis-Swieq Elettroniċi ta' bejn l-Intrapriżi” (20).

4.4

Il-Kummissjoni waqqfet ukoll e-Business Support Network (eBSN — netwerk Ewropew ta' appoġġ għall-kummerċ online) għall-SMEs. Il-KESE jaqbel ma' l-għan ewlieni ta' l-eBSN, li huwa li jgħaqqad flimkien l-esperti tal-kummerċ online fl-Ewropa sabiex jaqsmu l-esperjenza u l-prassi tajba.

4.5

Aspett essenzjali tal-politika industrijali ta' l-UE huwa d-djalogu miftuħ dwar id-direzzjonijiet tal-ġejjieni minn perspettiva settorjali, kif inhu prevvist fil-pjattaformi attwali tat-teknoloġija Ewropea. Minkejja li l-fruntieri bejn is-setturi qegħdin jisparixxu, approċċ speċifiku għas-settur għadu adattat f'dan il-qasam u joffri opportunitajiet milqugħa għall-IICs.

4.6

Ma tistax tkun enfasizzata żżejjed, l-importanza ta' l-innovazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa swieq favur l-innovazzjoni billi tniedi inizjattiva ġdida li tmexxi s-suq immirata lejn l-iffaċilitar tal-ħolqien u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u servizzi ġodda innovattivi f'oqsma promettenti (21).

4.7

Huwa importanti li l-IICs jipparteċipaw fil-pjattaformi teknoloġiċi. Wieħed jispera li jinstabu modi u mezzi oħra sabiex jitneħħa t-tfixkil f'dan il-qasam. Għandha titwaqqaf Aġenda ta' Riċerka Strateġika li tinkludi l-IICs. Madankollu, id-dgħjufiji tradizzjonali ta' ħafna minn dawn id-ditti, bħan-nuqqas ta' fiduċja reċiproka, ħin, rappreżentanti disponibbli u, ta' sikwit, ta' enfasi strateġika huma wkoll viżibli fl-esperjenza ta' kuljum ta' dawk il-pjattaformi.

4.8

Sabiex jiddefinixxi Aġenda ta' Riċerka Strateġika, il-Grupp ta' Livell Għoli għall-Manifattura (22) għamel analiżi li fiha ideat simili dwar il-bidliet fir-rigward tal-prodotti ġodda ta' valur miżjud u t-taħlita tal-manifattura u s-servizzi, fuq naħa, u fir-rigward ta' forom innovattivi tal-produzzjoni fuq in-naħa l-oħra (23).

4.9

B'żieda ma' dan, l-effetti lock-in u lock-out fir-rigward tal-ktajjen tal-provvista, ta' sikwit ifixklu l-parteċipazzjoni effettiva fil-pjattaformi meta l-IICs — anke dawk b'potenzjal konsiderevoli — ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f'sistemi interoperabbli.

4.10

Il-KESE huwa tal-fehma li viżjoni strateġika għandha tiġi żviluppata għall-IICs, li tista' tgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet li jirriżultaw minn lock-in jew lock-out. L-għan għandu jkun l-interoperabilità. Dan jista' jitwettaq permezz ta':

a)

inizjattiva ad hoc immirata lejn kollaborazzjoni bejn provvedituri tas-software sabiex jistgħu jinqdew iżjed klijenti;

b)

it-tnaqqis fil-prezz, jew anke saħansitra l-provvista b'xejn, ta' l-għodda meħtieġa minn dawk il-kumpaniji (24), bl-għan li l-IICs jissupplixxu iktar klijenti (25).

4.11

Skond il-KESE, l-istess għan jista' jiġi promoss permezz tal-ħolqien ta' fora Ewropej għall-kooperazzjoni bejn l-IICs sabiex tinġabar il-kreattività u l-innovazzjoni ma' l-Ewropa kollha.

4.12

Kwistjoni ewlenija hija l-iffaċilitar ta' l-aċċess għas-swieq finanzjarji.

4.12.1

Il-KESE jikkunsidra li l-banek u l-partijiet finanzjarji oħra kkonċernati, bħall-fondi għall-kapital riskjuż, għandhom jitħeġġu sabiex jadottaw attitudni iktar pożittiva lejn it-teħid tar-riskju, billi per eżempju jinvestu f'IICs b'livell għoli ta' teknoloġija.

4.12.2

Eżempju speċifiku jkun li l-IICs jingħataw aċċess iktar faċli u indaqs għas-swieq kemm kapitali kif ukoll dawk ta' l-ekwità privata fl-adattar tad-dewmien li jista' jirriżulta minn perijodi twal ta' żvilupp u ħlas lura, li jistgħu jikkawżaw il-problemi. F'dan il-kuntest, ir-rwol tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB) u l-Fond Ewropew ta' l-Investment (EIF) għandhom jiġu rinfurzati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal strumenti ta' self ta' riskju, kapital riskjuż u skemi ta' garanzija (26).

4.12.3

Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-EIB jistgħu jaqdu rwol ta' appoġġ usa', speċjalment f'konsorzja li jinkludu banek lokali, li għandhom għarfien tajjeb tal-kumpaniji fil-qasam tagħhom.

4.12.4

Fid-dawl tal-politika industrijali ġdida u tas-sħubiji ta' riċerka industrijali l-EIB bħalissa qiegħed jaħdem fuq strument ġdid konġunt ma' DG RTD, imsejjaħ l-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (Risk Sharing Finance Facility — RSFF). L-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-aċċess għall-iffinanzjar tad-dejn, notevolment għar-riċerka fis-settur privat u attivitajiet relatati ma' profil b'riskju ogħla mill-medja, li m'huwiex kopert mis-suq.

4.13

Il-politika tat-taxxa hija r-responsabilità ta' l-Istati Membri. Madankollu, ikun opportun li kieku jiġu diskussi miżuri tat-taxxa mixtieqa fil-livell Ewropew immirati li jirrinfurzaw il-pożizzjoni ta' l-intrapriża Ewropea fin-netwerks għall-valur u għall-provvista madwar id-dinja kollha.

4.14

L-UE għandha tintegra fl-għanijiet tal-politika kummerċjali tagħha l-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali ta' kumpaniji żgħar u ta'daqs medju, fid-dawl ta' l-attitudnijiet, ta' sikwit inġusti u mhux ta' min jorbot fuqhom, tas-swieq (kbar), li għadhom qegħdin jiżviluppaw fir-rigward tal-kumpaniji Ewropej.

4.15

Ir-riżorsi umani huma kruċjali. Iżjed minn qatt qabel, is-sistemi edukattivi huma pilastru indispensabbli tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja huma responsabilità konġunta ta' individwi, kumpaniji, imsieħba soċjali u awtoritajiet pubbliċi (27).

4.16

Diskussjonijiet settorjali bejn l-imsieħba soċjali għandhom jinkludu approċċi speċifikati għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, inkluż l-iżvilupp ta' skemi għat-taħriġ iddisinnati sabiex jagħtu l-kwalifiki professjonali meħtieġa. Għandhom iqisu wkoll id-dimensjoni reġjonali tal-bidliet industrijali u l-inizjattiva ta' l-UE “Ir-reġjuni għall-bidla ekonomika” (28).

FP7

4.17

Fil-qafas ta' l-FP7, li huwa relatat ma' l-għanijiet tal-politika ġdida industrijali, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-konnessjonijiet mal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, inkluż l-użu adattat ta' l-istrument ġdid RSFF li ġie żviluppat b'mod konġunt ma' l-EIB (29). F'proġetti avvanzati ta' l-ICT sponsorjati mill-FP7, il-parteċipazzjoni ta' l-IICs hija kritika sabiex ittihom il-faċilità li jingħaqdu ma' netwerks avvanzati u li jidħlu f'kooperazzjoni.

4.18

Fil-fehma tal-KESE, l-FP7 jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' politika permanenti għall-innovazzjoni li tinvolvi konnessjoni mill-qrib bejn iċ-ċentri ta' l-għarfien (unversitajiet, istituti tat-teknoloġija, skejjel għat-taħriġ vokazzjonali) u attività industrijali. Il-ktajjen jew in-netwerks tal-valur u tal-provvista huma essenzjali għal politika bħal din, billi l-programm huwa mmirat li jgħin l-iżvilupp ta' “prodotti estiżi” ġodda (magħrufa wkoll bħala “prodotti/servizzi” jew “servizzi integrati mal-prodott”) u proċessi ġodda. L-għan ta' dan kollu huwa li jinħoloq ambjent ta' netwerk uniku vijabbli fl-Ewropa, li huwa ta' benefiċċju għall-IICs ukoll.

4.19

Il-KESE jinnota li minħabba l-burokrazija huwa diffiċli li kumpaniji żgħar u ta' daqs medju jiddaħħlu fil-programmi tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D). Il-proċeduri ta' l-għażla li jieħdu minn ta' l-inqas sena huma twal wisq għal dawn il-kumpaniji.

4.20

Huwa ferm mixtieq li jinħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp ta' netwerk b'saħħtu ta' l-intrapriżi bi strutturi trasparenti relatati flimkien. Il-KESE jisħaq li l-FP7 għandu jgħin sabiex jiġu żviluppati disinni u operazzjonijiet ta' netwerks ottimizzati b'mod sistematiku f'ambjent industrijali dinamiku u kumpless.

4.21

B'mod simili, għandu jitħeġġeġ il-ħolqien ta' strutturi tal-loġistika u tal-ġestjoni tal-katina tal-provvista fil-livelli kemm strateġiċi kif ukoll operazzjonali.

4.22

Fil-każ ta' industriji inqas teknoloġiċi li huma marbutin fiżikament ma' l-Ewropa, il-programmi ta' riċerka jistgħu jappoġġjaw qligħ kontinwu fil-produttività u l-effiċjenza sabiex iżommu l-vantaġġ kompettitiv.

4.23

Fost il-ħafna aspetti li l-intrapriżi jridu jqisu sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-programmi ta' riċerka ta' l-UE, hemm l-importanza tat-twaqqif ta' netwerks adegwati. Minkejja li attwalment ma jagħmlux parti mill-kuntest ta' l-IICs fl-Ewropa, il-kooperazzjoni ta' qabel il-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tista' tkun utli, u l-istess għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet kooperattivi.

4.24

Għalhekk, l-FP7 jimmira li jikkontribwixxi għal industrija ta' netwerk orjentata lejn l-għarfien, ibbażata fuq standards Ewropej, li huma elementi importanti għall-kooperazzjoni, il-konnessjoni u l-interoperabilità.

4.25

Il-KESE huwa tal-fehma li l-FP7 joffri opportunità kbira sabiex titjieb l-effiċjenza tan-netwerks tal-valur u tal-provvista u jsejjaħ lill-partijiet ikkonċernati sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu. Dan ma japplikax biss għat-teknoloġiji li jtejbu l-interkonnettività (l-iktar ICT) iżda wkoll għal tekonoloġiji oħra li jiffaċilitaw — bħan-nanoteknoloġija.

4.26

B'mod parallel għall-iżviluppi fil-politika industrijali, il-kuntesti u l-azzjonijiet reġjonali u lokali huma importanti wkoll fl-FP7, b'mod partikulari fir-rigward tal-kooperazzjoni ta' l-IICs ma' kumpaniji kbar, universitajiet ġara, istituti teknoloġiċi u ċentri vokazzjonali tat-taħriġ (30).

Brussel, il-25 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Għalhekk, din l-opinjoni ma tirreferix għall-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju skond it-tifsira tal-Kummissjoni Ewropea u l-maġġoranza ta' l-Istati Membri (“SMEs”). L-iżgħar kumpaniji huma referiti bħala provvedituri li jista' jkollhom mijiet ta' impjegati, filwaqt li l-provvedituri ta' daqs medju jista' jkollhom sa eluf ta' impjegati. It-tnejn li huma jokkupaw pożizzjoni inizjali u intermedjarja fil-ktajjen tal-valur; fi kliem ieħor, m'humiex il-provvedituri — normalment ikbar — finali. Dawn il-kumpaniji m'humiex imfissra f'termini ta' data korporattiva li tista' titkejjel (bejgħ, impjieg) iżda f'termini tal-pożizzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur u l-provvista. Il-provvedituri tal-materji primi, li għandhom tendenza jkunu kumpaniji kbar, ma jaqgħux taħt l-iskop ta' din l-opinjoni minkejja li jokkupaw l-istadju tal-ftuħ fil-proċessi tal-produzzjoni.

(2)  Ara Nota Ċ u Nota 1.

(3)  Ara Nota 1.

(4)  Ara, fuq dawn il-linji, The Three Rounds of Globalisation Ashutosh Sheshabalaya (awtur), The Globalis, ed. il-Ħamis 19 ta' Ottubru 2006

(http://www.theglobalist.com/DBWeb/printStoryId.aspx?StoryId=5687).

(5)  L-iskop ta' din l-opinjoni jibni fuq opinjonijiet preċedenti u attwali: “Is-servizzi u l-industrija tal-manifattura Ewropea: Interazzjonijiet u impatti fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-produttività” (CCMI/035 — CESE 1146/2006 — ĠU C 318, 23.12.2006); “L-Innovazzjoni, l-impatt fuq il-bidliet industrijali u r-rwol ta' l-EIB” CCMI/038, xogħol li għadu għaddej) “Il-gvernanza territorjali tal-bidliet industrijali: ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali u l-kontribut tal-Programm ta' Kompetittività u l-Innovazzjoni” (CCMI/031 — CESE 1144/2006 — ĠU C 318, 23.12.2006); “Il-politika Ewropea dwar il-loġistika” (TEN/240, CESE 210/2007 għadu mhux ippubblikat fil-ĠU); “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fis-sigurtà tal-katina tal-provvista — it-trasport tal-merkanzija” (TEN/249 — CESE 1580/2006; ĠU C 325, 30.12.2006); “Is-settur kbir tal-bejgħ — tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi” (NAT/262 — CESE 381/2005 — ĠU C 255, 14.10.2005).

(6)  Ibid.

(7)  Dan is-suġġett ġie trattat b'mod estensiv fl-opinjoni tal-KESE dwar “Is-servizzi u l-industrija tal-manifattura Ewropea: Interazzjonijiet u impatti fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-produttività” (CCMI/035 — CESE 1146/2006 — ĠU C 318, 23.12.2006).

(8)  Is-CCMI eżaminat fid-dettall ir-rilokazzjoni tal-kumpaniji, l-iskop u l-effetti tagħha, l-isfidi u l-opportunitajiet. Ir-riżultat ta' dan ix-xogħol (l-opinjoni, ir-rapport ta' l-informazzjoni, l-istudju estern, il-konferenza) huwa ppreżentat f'pubblikazzjoni bl-isem ta' “Ir-Rilokazzjoni — Sfidi u Opportunitajiet”.

(ISBN: 92-830-0668-2; (http://www.eesc.europa.eu/documents/publications/index_en.asp?culture=EN&id=141&details=1).

(9)  L-Offshoring Research Network, — konsorzju transatlantiku ta' 6 istituti ta' riċerka, reċentement wettaq l-aħħar studju tiegħu biennali dwar l-iżviluppi fir-rilokazzjonijiet kummerċjali. L-Erasmus Strategic Renewal Centre bbażat f'Rotterdam għamel riċerka għall-kumpaniji Olandiżi u kkonkluda hekk: “It-trasferiment ta' l-attivitajiet kummerċjali ma kellu l-ebda impatt fuq in-numru ta' impjiegi fil-kumpaniji Olandiżi f'57 % mill-implimentazzjonijiet offshore”. F'39 % ta' l-attivitajiet ta' trasferiment vera madankollu fisser telf fl-impjieg, u impjiegi ġodda ġew maħluqa fl-Olanda f'4 % biss tat-trasferimenti. Ir-riċerka turi li medja ta' 37.8 impjieg ġdid qegħdin jinħolqu fil-lok offshore u medja ta' 3,5 qegħdin jintilfu fl-Olanda. Fi kliem ieħor, għal kull impjieg li jintilef fl-Olanda, 10,8 ġodda qegħdin jinħolqu fil-lok barranija.

(10)  Ara Nota 3.22.

(11)  Ara studju riċenti dwar l-impatt tas-software open source (sors miftuħ) fis-settur ta' l-ICT fl-UE, ippubblikat minn MERIT għall-Kummissjoni Ewropea (DG ENTR) fis-26.1.2007 (rapport finali ppreparat fl-20.11.2006):

(http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/doc/2006-11-20-flossimpact.pdf

(12)  Eżempju wieħed fost ħafna huwa r-reġjun Eindhoven-Leuven, fejn l-interazzjoni bejn l-universitajiet u l-kumpaniji (iffokati fuq il-kumpanijia ewlenijia multinazzjonali Philips) toħloq ambjent benefiċċjali għal ħafna SMEs tal livell teknoloġiku għoli.

(13)  COM(2006) 349 final, li qiegħda tiġi analizzata mill-Kumitat fil-qafas ta' l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu bl-isem “Il-potenzjal ta' l-Intrapriża, speċjalment dik ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona)” (INT/324, ħidma għadha għadejja). Dan ir-rapport jagħmel parti mix-xogħol bħala risposta għal talba mill-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Marzu 2006 lill-KESE (punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza) sabiex tħejji rapport sommarju bħala appoġġ għall-Isħubija għat-tkabbir u l-impjieg fl-ewwel parti ta' l-2008.

(14)  Ara punt 16 fl-Anness 2, li jirreferi għall-abbuż/falsifikazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-provvista awtomotiva.

(15)  Ara l-opinjonijiet CESE 89/2007 (għadhom mhux ippubblikati fil-ĠU) punt 1.1.4, u CESE 729/2006 (ĠU C 195, 18.08.06), punt 3.3.4.

(16)  NRC Handelsblad, gazzetta ewlenija Olandiża, l-4 ta' Novembru 2006.

(17)  “L-għarfien għandu jkun identifikat, akkwistat, maħżun, żviluppat u maqsum sabiex jiżdiedu l-valur u l-effikaċja ta' kumpanija. Dan ifisser li l-kumpaniji għandhom jiżviluppaw f” organizzazzjonijiet ta' tagħlim “u l-postijiet tax-xogħol għandhom jinbidlu f'ambjent ta' xogħol għal tagħlim kontinwu”. Għal dan il-għan, il-proġett KNOWMOVE “żviluppa u għamel testijiet ta' l-approċċi tal-ġestjoni ta' l-għarfien li jistgħu jidentifikaw, jorganizzaw u jaħżnu l-esperjenzi ta' ħaddiema ta' età ikbar u eżempji ta' prassi tajba f'repositorju lest sabiex jintuża minn kull impjegat fil-kumpanija.”

(http://www.clepa.be/htm/main/promo % 20banner/CLEPA % 20events/maintopics_KnowMove % 20 % 20Final % 20Event.htm, li tippreżenta l-konferenza “L-Assigurazzjoni tat-Tkabbir, l-Innovazzjoni u l-Impjieg f'Industrija Awtomotiva li qiegħda tinbidel”, organizzata mill-CLEPA bħala parti mill-fażi finali tad-disseminazzjoni ta' KNOWMOVE).

(18)  Din l-inizjattiva għall-perijodu 2007-2013 ġiet adottata fit-8 ta' Novembru 2006 mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-objettiv tal-“Koeżjoni Territorjali”. (http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperation/interregional/ecochange/index_en.cfm).

(19)  Ara, per eżempju, Hidden Champions, Lessons from 500 of the World's Best Unknown Companies, ta' Hermann Simon (Harvard Business School Press, 1996). Hidden Champions jagħti deskrizzjoni tal-mexxejja dinjin, l-iktar Ġermaniżi, fis-swieq tagħhom, bħall-magni tat-tikkettjar tal-fliexken, ferroviji mudelli, tqegħid tal-ħamrija u kaxxi għall-wirjiet tal-mużewijiet.

(20)  COM(2004) 479 finali.

(21)  Ara l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjonij bl-isem “Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-UE”. (COM(2006 502 finali), “Ewropa moderna, favur l-innovazzjoni” (COM(2006) 697 finali) u “Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006” (COM(2006) 697 finali). Min-naħa tagħha s-CCMI qiegħda tabbozza opinjoni ta' inizjattiva proprja bl-isem ta' “L-Innovazzjoni: l-impatt fuq il-bidliet industrijali u r-rwol ta' l-EIB” (CCMI/038)

(22)  Il-Grupp ta' Livell Għoli bl-isem ta' Manufuture huwa l-awtorità li tmexxi l-Pjattaforma għat-Teknoloġija Ewropea Manufuture, imnieda f'Diċembru 2004 bl-għan li jipproponi strateġija bbażata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, bil-ħila li tħaffef ir-rata tat-trasformazzjoni industrijali fl-Ewropa, li tassigura impjieg ta' valur miżjud għoli u li tirbaħ parti maġġuri tal-prodott tal-manifattura dinjija fl-ekonomija tal-ġejjieni mmexxija mill-għarfien. Għal iżjed informazzjoni:

(http://www.manufuture.org/platform.html.

(23)  Fir-rapport tiegħu ppubblikat f'Settembru 2006 (disponibbli biss bl-Ingliż), il-Grupp ta' Livell Għoli Manufuture isostni li, minħabba d-domanda għal prodotti speċifikati b'ħin qasir għat-twassil, l-intrapriża għandha tiċċaqlaq mill-ħolqien u l-bejgħ ta' prodotti fiżiki għal sistema ta' provvista ta' prodotti u servizzi li b'mod konġunt huma kapaċi li jissodisfaw id-domandi tal-konsumaturi, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż globali taċ-ċiklu tal-ħajja u l-impatti ambjentali (ara punt 4, paġna 15). L-innovazzjoni fil-produzzjoni tilqa' mudelli ġodda ta' l-intrapriża, modi ġodda ‛għall-inġinerija tal-manifattura' u ħila li tisfrutta x-xjenzi u t-teknoloġiji rivoluzzjonarji (sommarju eżekuttiv, paġna 9). “Il-manifattura f'netwerk u integrata tissostiwixxi lis-sekwenza lineari konvenzjonali b'netwerks kumplessi tal-manifattura li ta' sikwit joperaw f'kumpaniji u pajjiżi multipli (punt 5, paġna 15).”

(24)  Eżempju eżistenti huwa d-Digital Business Eco-systems.

(25)  Żewġ eżempji ta' suċċess huma l-magna djanostika universali, li tagħmel il-garaxxijiet interoperabbli, u l-GSM, li s-suċċess tiegħu huwa grazzi għall-fatt li l-industrija qablet mill-bidu nett fuq il-format bażiku, l-istandards u metodi ta' skambju.

(26)  Għandu jittejjeb l-aċċess għal finanzi għall-SMEs permezz ta' l-opportunitajiet ġodda offruti mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) f'termini ta' kapital riskjuż u garanziji, ġestjonat mill Fond Ewropew ta' l-Investiment (EIF), kif ukoll permezz ta' l-inizjattiva l-ġdida żviluppata bi sħab bejn l-EIF u DG REGIO (JEREMIE) sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fiż-żoni taż-Żvilupp Reġjonali.

(27)  Il-fondi strutturali (primarjament il-Fond Soċjali Ewropew) u programmi (bħat-Tagħlim tul il-Ħajja 2007-2013) japprovaw approċċ strateġiku lejn it-tisħiħ tal-kapital uman u fiżiku. B'żieda ma' dan, il-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni (EGF) huwa ddisinnat sabiex jipprovdi appoġġ addizzjonali għat-taħriġ mill-ġdid u t-tfittxija għall-impjieg minn ħaddiema li spiċċaw bla xogħol bħala riżultat ta' bidliet kbar strutturali fit-tendenzi tal-kummerċ dinji.

(28)  Ara Nota 13.

(29)  Sabiex jiġu żviluppati prodotti finanzjarji iktar orjentati lejn ir-riskju, l-EIB qiegħed jaħdem fuq strument finanzjarju ġdid b'mod konġunt mal-Kummissjoni (DG RTD), imsejjaħ il-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju (Risk Sharing Finance Facility — RSFF). L-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-aċċess għall-iffinanzjar tad-dejn, notevolment għar-riċerka fis-settur privat u attivitajiet relatati ma' profil b'riskju ogħla mill-medja, li m'huwiex kopert faċilment mis-suq. L-RSFF ser ikun disponibbli għal benefiċċjarji eliġibbli irrispettivament mill-qies u s-sjieda tagħhom. Din il-Faċilità ser tappoġġja wkoll l-inizjattivi ta' riċerka Ewropea bħall-Infrastrutturi ta' Riċerka, Pjattaformi għat-Teknoloġija Ewropea (ETP), Inizjattivi Teknologiċi Konġunti jew proġetti mnedin taħt Eureka.

(30)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-gvernanza territorjali tal-bidliet industrijali: ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali u l-kontribut tal-Programm ta' Kompetittività u l-Innovazzjoni” (CCMI/031 — CESE 1144/2006; ĠU C 318, 23.12.2006), b'mod partikulari is-sezzjonijiet tiegħu 1 (“Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet”) u 4 (“L-approċċ territorjali integrat u sistemi ta' prospettiva għall-innvoazzjoni u r-riċerka lokali u reġjonali”).


Top