EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42017Y0615(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta’ Lulju 2017 - 31 ta’ Diċembru 2020)

ĠU C 189, 15.6.2017, p. 5–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/5


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport

(1 ta’ Lulju 2017 - 31 ta’ Diċembru 2020)

(2017/C 189/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   INTRODUZZJONI

1.

IFAKKRU fil-kompetenza assenjata lill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont huma l-isport huwa qasam fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.

IFAKKRU fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1) u għall-2014-2017 (2).

3.

JILQGĦU r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017 (3).

4.

IQISU li l-isport jista’ jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ġenerali tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali, kif ukoll dik dwar is-sigurtà, tal-UE u b’mod partikolari għall-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

5.

JIRRIKONOXXU li l-isport jaqdi rwol pożittiv fil-kooperazzjoni transsettorjali fil-livell tal-UE u b’hekk jgħin biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u biex jiġu trattati b’mod xieraq l-isfidi soċjoekonomiċi ġenerali u dawk relatati mas-sigurtà li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, inkluż il-migrazzjoni, l-esklużjoni soċjali, ir-radikalizzazzjoni li tista’ twassal għal estremiżmu vjolenti, il-qgħad, kif ukoll stili ta’ ħajja ħżiena għas-saħħa u l-obeżità.

6.

JAGĦRFU l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni xierqa mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-isport fost l-oħrajn permezz ta’ djalogu strutturat (4).

7.

JIEĦDU NOTA tar-riżultati li ħarġu mill-Ewrobarometru dwar l-Isport u l-Attività Fiżika ppubblikat fl-2014, waqt li jirrikonoxxu d-differenzi kbar fost l-Istati Membri, inkluż fir-rigward tar-riżultati fuq ix-xogħol volontarju u l-imġiba sedentarja, u jieħdu nota tal-istatistika prodotta mill-Eurostat li tkopri d-data ta’ natura ekonomika u soċjali ewlenija dwar l-isport.

8.

JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li titwettaq kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE, biex jiġu promossi l-valuri Ewropej permezz tad-diplomazija bl-isport, u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport, inkluż il-Kunsill tal-Ewropa, il-WADA u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

9.

KONSEGWENTEMENT JAQBLU

li jkomplu jiżviluppaw qafas ta’ kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-isport bl-istabbiliment tat-tielet Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għall-azzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

dwar skeda ta’ żmien konkreta għal dan il-Pjan ta’ Ħidma, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2020;

li l-attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport għandhom jiffokaw fuq it-temi ta’ prijorità, it-temi ewlenin, ir-riżultati kif ukoll il-metodi ta’ ħidma u l-istrutturi elenkati f’dan il-Pjan ta’ Ħidma, u kif stipulat fl-Anness I.

II.   AKTAR ŻVILUPP TAD-DIMENSJONI EWROPEA FL-ISPORT BL-ISTABBILIMENT TA’ PJAN TA’ ĦIDMA TAL-UE

10.

IQISU li dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għandu jkun regolat mill-objettivi ta’ gwida li ġejjin:

li jiġi żgurat, permezz ta’ kooperazzjoni transettorjali, l-għarfien minn oqsma oħra ta’ politika tal-UE dwar il-kontribut li l-isport jista’ jagħti sabiex jingħelbu l-isfidi tal-politika li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE;

li l-bażi ta’ evidenza għall-isport tkompli tissaħħaħ;

li jiġi promoss approċċ kooperattiv u miftiehem fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u fejn xieraq mal-moviment sportiv u partijiet oħra kkonċernati, għall-kisba ta’ valur miżjud fil-qasam tal-isport fil-livell tal-UE fuq perijodu aktar fit-tul;

li l-isfidi transnazzjonali jiġu indirizzati bl-użu ta’ approċċ ikkoordinat tal-UE;

li jittieħed kont tan-natura speċifika tal-isport;

li jingħata kontribut għall-prijoritajiet ġenerali tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE, kif ukoll għall-żvilupp sostenibbli sabiex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment kif ukoll issir tħejjija għall-perijodu ta’ wara l-2020 (5);

li tiġi promossal-ugwaljanza bejn is-sessi;

li jittieħed kont tar-relazzjoni bejn l-edukazzjoni u l-isport, inklużi karrieri doppji għall-atleti;

li l-ħidma titkompla fuq il-bażi tal-kisbiet tal-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport;

li l-impatt ta’ attivitajiet imnedija taħt il-programm Erasmus+ fil-qasam tal-isport jiġi kkomplementat u jissaħħaħ;

li jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-isport tal-massa fl-UE.

11.

JISSOTTOLINJAW li dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għandu jkun qafas u strument flessibbli li jista’ jirrispondi fil-ħin għal żviluppi fil-qasam tal-isport u li jieħu kont tal-prijoritajiet tal-Presidenzi futuri.

12.

JAQBLU li t-temi u t-temi ewlenin li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu kopert minn dan il-Pjan ta’ Ħidma. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati minn kull Presidenza fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp ġdid li jista’ jkun hemm:

1.

L-integrità tal-isport, b’mod partikolari l-promozzjoni ta’ governanza tajba inkluż is-salvagwardja tal-minorenni, l-ispeċifiċità tal-isport, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tbagħbis tal-logħob, kif ukoll il-ġlieda kontra d-doping;

2.

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport, b’mod partikolari l-innovazzjoni fl-isport, u l-isport u s-suq uniku diġitali;

3.

L-isport u s-soċjetà, b’mod partikolari l-inklużjoni soċjali, ir-rwol tal-kowċis, l-edukazzjoni fl-isport u permezz tal-isport, l-isport u s-saħħa, l-isport u l-ambjent u l-isport u l-media, kif ukoll id-diplomazija bl-isport.

Id-dettalji marbutin mal-eżekuzzjoni tat-temi ewlenin ta’ hawn fuq huma stabbiliti fl-Anness I.

13.

JAQBLU li

l-Pjan ta’ Ħidma tal-UE jista’ jiġi rivedut mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fid-dawl ta’ riżultati miksubin u żviluppi ta’ politika fil-livell tal-UE;

ir-riflessjonijiet ta’ nofs it-terminu dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE ser jiġu organizzati matul l-ewwel nofs tal-2019.

III.   METODI U STRUTTURI TA’ ĦIDMA

14.

JIRRIKONOXXU li hemm il-ħtieġa li titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Ħidma. Jirrikonoxxu wkoll li l-moviment sportiv u l-organizzazzjonijiet kompetenti rilevanti fil-livell nazzjonali, Ewropew u dak internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-WADA u d-WHO għandhom ikunu assoċjati mill-qrib ma’ din il-kooperazzjoni.

15.

IQISU li

Għandhom jiġu stabbiliti strutturi u metodi ta’ ħidma xierqa għas-segwitu tal-kisbiet mill-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE u għall-iżvilupp ta’ riżultati ġodda f’konformità mat-temi ta’ prijorità u t-temi ewlenin, kif stabbiliti fil-paragrafu 12 hawn fuq;

Għandhom jiġu organizzati laqgħat tal-Gruppi ta’ Esperti u laqgħat tematiċi, fejn xieraq, mill-Kummissjoni fl-oqsma ta’ politika li ġew trattati, fost l-oħrajn, b’mod estensiv permezz tal-Pjanijiet ta’ Ħidma għall-Isport preċedenti u dak attwali.

Il-laqgħat jistgħu jiġu organizzati fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru wieħed jew għadd ta’ Stati Membri dwar suġġetti ta’ interess komuni (gruppi ta’ Stati Membri interessati). Dawn il-laqgħat ser jittrattaw, fost oħrajn, attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri parteċipanti.

Strutturi u metodi ta’ ħidma oħrajn jistgħu jinkludu konferenzi u seminars tal-Presidenza, laqgħat informali tal-Ministri u d-Diretturi tal-Isport, studji tal-Kummissjoni u konferenzi u seminars tal-Kummissjoni.

Il-prinċipji ewlenin relatati mad-diversi metodi ta’ ħidma huma stabbiliti fl-Anness II.

Fit-tieni nofs tal-2020, l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE ser tiġi evalwata mill-Kunsill abbażi ta’ rapport imħejji mill-Kummissjoni matul l-ewwel nofs tal-2020.

IV.   AKTAR PASSI

16.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE jiġi implimentat b’mod effettiv u bl-użu ta’ strutturi u metodi ta’ ħidma speċifikati minn din ir-Riżoluzzjoni;

filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport, jieħdu kont debitu ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE meta jkunu qed jiżviluppaw linji ta’ politika fil-livell nazzjonali;

jinformaw regolarment, u fejn xieraq jikkonsultaw magħhom, lill-partijiet ikkonċernati fl-isport dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet;

ixerrdu, fejn ikun adatt, fl-Istati Membri u fil-livelli xierqa, ir-riżultati miksuba skont dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u dawk preċedenti;

jorganizzaw laqgħat dwar suġġetti ta’ interess komuni (gruppi ta’ Stati Membri interessati);

jibdew u jmexxu eżerċizzji ta’ tagħlim bejn il-pari f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

17.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL:

jieħdu kont, inkluż fil-kuntest tat-Triju ta’ Presidenzi, tat-temi ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom u jibnu fuq ir-riżultati diġà miksuba;

jinformaw lill-Istati Membri dwar il-ħidma attwali jew ippjanata f’formazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill li għandha impatt fuq l-isport;

fi tmiem it-terminu kopert minn din ir-Riżoluzzjoni, u abbażi ta’ Rapport imħejji mill-Kummissjoni, jipproponu abbozz ta’ Pjan ta’ Ħidma tal-UE ġdid għall-perijodu li jmiss, jekk ikun meħtieġ;

iqisu l-evalwazzjoni tad-djalogu strutturat mal-moviment sportiv (6).

18.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

taħdem mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma, b’mod partikolari rigward ir-riżultati deskritti fl-Anness I;

tinforma lill-Istati Membri dwar inizjattivi li għaddejjin jew ippjanati f’oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE li jħallu impatt fuq l-isport u żviluppi rispettivi fil-Kummissjoni;

tinforma lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport bil-mandati tal-gruppi ta’ esperti;

tappoġġa lill-Istati Membri u atturi rilevanti oħra fl-attivitajiet tagħhom dwar it-temi u t-temi ewlenin stipulati f’din ir-Riżoluzzjoni, b’mod partikolari billi:

teżamina l-mezzi biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri u esperti, kif ukoll tistieden rappreżentanti mill-moviment sportiv u, fejn xieraq, partijiet ikkonċernati oħrajn fil-gruppi ta’ esperti msemmija fl-Anness I, filwaqt li tiżgura livell għoli u koerenti ta’ rappreżentanza u għarfien espert;

tistabbilixxi gruppi ta’ esperti fl-oqsma li ġejjin:

L-integrità

L-iżvilupp ta’ ħiliet u ta’ riżorsi umani fl-isport

tistabbilixxi forom oħra ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki u tagħlim bejn il-pari, kif ukoll għall-konsolidazzjoni tal-għarfien (eż. studji);

tipprovdi l-kontribut espert meħtieġ rigward kwistjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra d-doping, b’mod partikolari l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe reviżjoni li jmiss tal-Kodiċi WADA Kontra d-Doping;

tipprovdi appoġġ loġistiku u tekniku għall-ġbir u t-tixrid ta’ dokumenti u informazzjoni rilevanti dwar il-politika tal-UE dwar l-isport;

torganizza laqgħat tematiċi speċifiċi fl-oqsma ta’ politika li ġew trattati b’mod estensiv permezz tal-Pjanijiet ta’ Ħidma għall-Isport preċedenti u dak attwali. L-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa li jkunu diskussi l-eżiti rilevanti għall-qasam ta’ politika ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li huma ta’ benefiċċju għall-isport kif ukoll li jitrawwem l-iskambju ta’ prattiki tajbin u viżjonijiet dwar suġġetti speċifiċi, li jittieħed kont tal-progress li sar u li jiġu identifikati l-oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma stipulati fl-Anness I. Dawn it-tipi ta’ laqgħat għandhom jiġu organizzati mill-inqas darba fis-sena.

tiżgura segwitu għall-ħidma li saret minn Gruppi ta’ Livell Għoli preċedenti stabbiliti mill-Kummissjoni dwar “Sport tal-Massa” u “Sport u d-Diplomazija”;

tiżgura segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Esperti preċedenti dwar Governanza Tajba u tiżgura l-kontinwità dwar kwistjonijiet attwali marbuta mal-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob;

tippromwovi r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi fl-isport;

tiffaċilita d-djalogu strutturat dwar l-isport, fost l-oħrajn l-organizzazzjoni fuq bażi annwali tal-Forum tal-UE dwar l-Isport, filwaqt li tlaqqa’ l-partijiet interessanti ewlenin kollha fil-livelli differenti tal-isport;

tiżviluppa l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ kull sena u tippromwovi l-Ġimgħa tul is-sena kollha bħala għodda li tippromwovi l-parteċipazzjoni fl-isport u l-attività fiżika f’konformità mal-prijoritajiet ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma;

tappoġġa t-temi ta’ prijorità u t-temi ewlenin korrispondenti stabbiliti minn dan il-Pjan ta’ Ħidma, filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-programm Erasmus+ u programmi oħra rilevanti tal-UE, kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

qabel tmiem l-ewwel nofs tal-2020 u fuq il-bażi ta’ kontributi volontarji mill-Istati Membri, tadotta Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma. Dan ir-Rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija ta’ Pjan ta’ Ħidma tal-UE suċċessur possibbli matul it-tieni nofs tal-2020;

fejn xieraq, tagħmel disponibbli pubblikament ir-riżultati miksuba fl-istrutturi ta’ ħidma ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u dawk preċedenti.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.

(3)  Dok. 5516/17 + ADD 1.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 fejn il-Kunsill qabel li jsejjaħ, fuq bażi regolari, ġeneralment fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, laqgħa informali tar-rappreżentanti prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u tal-moviment sportiv bil-għan li jsir skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ sport fl-UE (ĠU C 322, 27.11.2010, p. 1).

(5)  10 prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni ta’ Juncker http://ec.europa.eu/priorities/publications/president-junckers-political-guidelines_en)

(6)  Inkluż ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar id-Djalogu Strutturat.


ANNESS I

Temi ewlenin (paragrafu 12), riżultati mitlubin u strutturi ta’ ħidma korrispondenti

Tema ewlenija

Metodu ta’ ħidma/Kompiti

Eżitu u data ppjanata

Mexxej(ja)

Prijorità 1: L-integrità tal-isport

Ġlieda kontra d-doping

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Għandu jitħejja kontribut espert fi kwistjonijiet kontra d-doping mil-laqgħat tal-esperti u dan għandu jiġi diskuss fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport, b’mod partikolari l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe reviżjoni li jmiss tal-Kodiċi WADA Kontra d-Doping

2017 - 2019

Kontribut tal-UE

Kummissjoni u Presidenza

 

Tħejjija tal-pożizzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha għal-laqgħat tal-CAHAMA u tal-WADA, appoġġati skont kif meħtieġ minn laqgħat tal-esperti.

2017 - 2020

Pożizzjoni tal-UE

Kummissjoni u Presidenza

 

Seminar

Modi kif jiġi evitat l-użu tad-doping miż-żgħażagħ fil-ħajja professjonali u fl-isport tal-massa.

It-tieni nofs tal-2017

rapport

skambju tal-aħjar prattika

Presidenza

Governanza tajba

Grupp ta’ Esperti

Integrità

Applikazzjoni tal-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali fil-qasam tal-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u inizjattivi b’mod partikolari minn barra l-isfera tal-isports li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-isports

Tbagħbis tal-logħob

2018 - 2020

Skambju tal-aħjar prattiki

Rapport

Kummissjoni

 

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet futuri possibbli kontra l-korruzzjoni fl-isport fuq il-livell tal-UE.

It-tieni nofs tal-2019

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

Is-salvagwardja ta’ minorenni

Studju

Il-prevalenza tal-abbuż mit-tfal fl-isport

L-ewwel nofs tal-2019

Rapport

Kummissjoni

 

Seminar

Segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport (1)

It-tieni nofs tal-2019

Skambju ta’ prattiki tajba

Rapport

Presidenza

 

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Il-protezzjoni tal-integrità fiżika u morali tal-minorenni fl-isport tal-massa u sport tal-ogħla livell.

It-tieni nofs tal-2019

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

Speċifiċità tal-isport

Grupp ta’ Stati Membri interessati

Dritt tal-UE b’rabta mal-isport u l-organizzazzjonijiet sportivi

L-ewwel nofs tal-2019

(poss.) Rakkomandazzjonijiet/sitwazzjoni attwali

SE, FR, ES, NL

 

Seminar

L-ispeċifiċità tal-isport fi ħdan l-UE

It-tieni nofs tal-2019

Skambju ta’ fehmiet

Rapport

Kummissjoni

Prijorità 2: Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

L-innovazzjoni fl-isport

Laqgħa Tematika

Il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport permezz ta’ Kontijiet Satellita għall-Isport (SSA). L-użu prattiku ta’ SSAs għal min ifassal il-politika fil-qasam tal-isport.

L-ewwel nofs tal-2018

Skambju tal-aħjar prattiki

Kummissjoni

 

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Titqajjem kuxjenza dwar id-dimensjoni ekonomika tal-isport b’mod partikolari fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 – b’enfasi fuq il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport u l-innovazzjoni.

It-tieni nofs tal-2018

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

 

Konferenza

Titqajjem kuxjenza dwar id-dimensjoni ekonomika tal-isport b’mod partikolari fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 – b’enfasi fuq il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport u l-innovazzjoni.

It-tieni nofs tal-2018

Skambju tal-aħjar prattiki

Rapport

Presidenza

L-isport u s-suq uniku diġitali

Seminar

Il-benefiċċji u l-isfidi tas-suq uniku diġitali għal finanzjament u kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-isport

L-ewwel nofs tal-2019

Rapport

Presidenza

Prijorità 3: L-Isport u s-Soċjetà

L-isport u l-media

Konferenza

Ir-rwol u l-influwenza tal-media fl-isport

L-ewwel nofs tal-2020

Rapport u l-iskambju tal-aħjar prattiki

Presidenza

 

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Ir-rwol u l-influwenza tal-media fl-isport

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

Ir-rwol tal-kowċis

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà

It-tieni nofs tal-2017

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

 

Konferenza

Ir-rwol, l-istatus u r-responsabbiltà tal-kowċis fis-soċjetà.

It-tieni nofs tal-2017

Rapport

skambju tal-aħjar prattika

Presidenza

L-edukazzjoni fl-isport u permezz tiegħu

Konferenza

L-attività fiżika, l-isport u l-karriera doppja tal-atleta b’fokus fuq l-università u l-edukazzjoni

It-tieni nofs tal-2017

Rapport

Skambju tal-aħjar prattiki

Presidenza

 

Grupp ta’ Esperti

L-iżvilupp ta’ ħiliet u ta’ riżorsi umani fl-isport.

2018-2020

Linji gwida

Kummissjoni

 

Seminar

Kwalifiki u kompetenzi sportivi tal-kowċis

L-ewwel nofs tal-2020

rapport

Presidenza

Inklużjoni soċjali

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Il-promozzjoni tal-valuri Ewropej permezz tal-isport

L-ewwel nofs tal-2018

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

 

Konferenza

L-isport tal-massa bħala għodda għall-integrazzjoni u pont bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni

L-ewwel nofs tal-2018

rapport

Presidenza

 

Studju

Aċċess għall-isport għal persuni b’diżabbiltà.

It-tieni nofs tal-2018

Rapport

Kummissjoni

 

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Aċċess għall-isport għal persuni b’diżabbiltà.

L-ewwel nofs tal-2019

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Presidenza

 

Konferenza

Il-vantaġġi li l-isport jiġi pprattikat f’ambjent organizzat għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet

L-ewwel nofs tal-2019

Manwal li jiġbor l-aħjar prattiki/eżempji

Presidenza

 

Laqgħa tematika

Il-promozzjoni ta’ attività fiżika li ttejjeb is-saħħa

It-tieni nofs tal-2017

Skambju tal-aħjar prattiki

Kummissjoni

L-isport u s-saħħa

Seminar

L-isport u l-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol

It-tieni nofs tal-2018

rapport

Presidenza

L-isport u l-ambjent

Grupp ta’ Stati Membri interessati

L-iżvilupp urban, sport tal-beraħ, is-sostenibbiltà ambjentali fil-kuntest ta’ avvenimenti sportivi kbar, faċilitajiet tal-isport li ma jagħmlux ħsara ambjentali u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

2019-2020

Skambju ta’ għarfien u l-aħjar prattika

Rapport

FR, DE, PT

Diplomazija bl-isport

Studju

L-isport b’appoġġ għar-relazzjonijiet esterni tal-UE

It-tieni nofs tal-2017

Rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ studji ta’ każijiet u prattiki tajba

Kummissjoni

 

Seminar

Segwitu għall-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni, konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2016 u Seminar dwar id-Diplomazija bl-Isport

It-tieni nofs tal-2017

L-istrateġija dwar it-triq ‘il quddiem

Kummissjoni


(1)  Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba; “Sfidi, li t-tfal għandhom jitħarsu minnhom fl-isport”, Rakkomandazzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport, Lulju 2016, p. 12.


ANNESS II

Prinċipji b’rabta mal-metodi ta’ ħidma, l-istrutturi u r-rappurtar

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-Gruppi ta’ Esperti, il-laqgħat tematiċi u l-gruppi ta’ Stati Membri interessati hija volontarja u miftuħa għall-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni ser tiżgura l-aktar parteċipazzjoni xierqa u effettiva ta’ esperti minn oqsma differenti inkluż l-amministrazzjoni pubblika u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-isport.

Ir-regoli dettaljati dwar is-sħubija u l-proċeduri ta’ ħidma tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni huma koperti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Mejju 2016 (1).

Gruppi ta’ Stati Membri interessati jistgħu jiddefinixxu l-metodi u l-istrutturi ta’ ħidma tagħhom stess, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi u l-eżiti mixtieqa tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata mal-ħidma ta’ dawn il-gruppi, kif xieraq.

Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fir-rigward tal-progress tal-ħidma fil-gruppi ta’ esperti u l-laqgħat tematiċi rispettivi u tippreżenta r-riżultati tagħhom. Gruppi ta’ Stati Membri interessati ser jinnominaw rappreżentant biex jagħmel l-istess.

Jekk xieraq, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport ser jipprovdi aktar gwida, sabiex jiġu garantiti l-eżiti u l-iskeda ta’ żmien mixtieqa.

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn kemm jipparteċipaw f’qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati u kondiviżi fil-livell tal-UE u nazzjonali.

Ir-riżultati mid-diversi metodi ta’ ħidma ser ikunu ta’ kontribut għar-rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali għall-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.


Top