Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1484

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1484 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja

    ST/8273/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1484, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1484

    27.5.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1484

    tas-27 ta’ Mejju 2024

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-President Russu Vladimir Putin iffirma liġi li timblokka l-aċċess għal Facebook u għal Twitter, fil-preżent magħruf bħala X, u li timponi sentenzi ta’ ħabs fuq dawk meqjusa li qed ixerrdu informazzjoni falza dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dik il-liġi wasslet għall-priġunerija ta’ għadd ta’ individwi li pprotestaw kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jew xerrdu informazzjoni relatata magħha.

    (2)

    Fis-17 ta’ April 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) iddikjara li l-Unjoni tikkundanna bil-qawwa s-sentenza ta’ 25 sena ħabs li ngħatat lill-politiku tal-oppożizzjoni, l-attivist tad-demokrazija u l-kritiku vokali tal-Kremlin Vladimir Kara-Murza fuq akkużi b’motivazzjoni politika. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li l-“proċess” ma kienx jissodisfa l-istandards internazzjonali ta’ smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, imparzjali u indipendenti, u li d-deċiżjoni tal-qorti turi b’mod ċar għal darb’oħra l-użu ħażin politiku tal-ġudikatura sabiex issir pressjoni fuq attivisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe leħen li jopponi l-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    (3)

    Fid-29 ta’ Ottubru 2023, ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li l-Unjoni tonora lill-vittmi tar-repressjoni politika fir-Russja, u appella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, fosthom Yuri Dmitriev, Vladimir Kara-Murza, Ilya Yashin, Alexei Gorinov u Ivan Safronov. Huwa esprima wkoll tħassib dwar rapporti ta’ trattament ħażin, fastidju u tortura fiżika u psikoloġika mill-awtoritajiet tal-ħabs Russi, u l-fastidju dejjem jiżdied fil-konfront tal-avukati tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja.

    (4)

    Fit-30 ta’ Novembru 2023, il-Qorti Suprema tar-Russja ddikjarat illegali dak li hija sejħet il-“moviment pubbliku internazzjonali LGBT” bħala “estremist” u pprojbiet l-attività tagħha fit-territorju Russu. Fl-1 ta’ Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li l-Unjoni tikkundanna bil-qawwa dik id-deċiżjoni, u li dik id-deċiżjoni għandha l-għan li tkompli tippersegwita l-komunità LGBTIQ fir-Russja u li toħnoq is-soċjetà ċivili u dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem b’mod kuraġġuż.

    (5)

    Fid-19 ta’ Frar 2024, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tesprimi rabja dwar il-mewt tal-mexxej tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny u li tiddikjara li r-responsabbiltà aħħarija għal din il-mewt hija tal-President Putin u tal-awtoritajiet Russi. Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-Russja biex tippermetti investigazzjoni internazzjonali indipendenti u trasparenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta’ Alexei Navalny, u afferma li dan huwa sinjal ieħor tar-repressjoni rapida u sistematika fir-Russja.

    (6)

    Fit-27 ta’ Frar 2024, ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li l-Unjoni tinsab ixxukjata mill-kundanna ta’ Oleg Orlov, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem u kopresident tal-organizzazzjoni magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Memorial, għal sentejn u nofs ħabs fuq akkużi b’motivazzjoni politika. Ir-Rappreżentant Għoli appella lill-awtoritajiet Russi biex jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha u biex jabbandunaw il-leġiżlazzjoni oppressiva tagħhom li qed jużaw biex trażżan is-soċjetà ċivili u l-ilħna indipendenti, u ddikjara li l-Unjoni tinsab f’solidarjetà maċ-ċittadini Russi kollha li semmgħu leħinhom u kkritikaw il-gwerra tar-Russja u li ġew detenuti, imħarrka jew li nżammu priġunieri għal dan.

    (7)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew appella, fost oħrajn, għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha fir-Russja u għat-tmiem tal-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni politika. Barra minn hekk, huwa appella biex titmexxa ’l quddiem il-ħidma fil-Kunsill biex jiġi stabbilit reġim ġdid ta’ sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja.

    (8)

    Fid-dawl tad-deterjorament u l-gravità tas-sitwazzjoni fir-Russja, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi responsabbli għalksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, għal repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u talli dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja, u fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom. Għalhekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li 19-il persuna fiżika u persuna ġuridika waħda jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    (9)

    Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna, kif ukoll oġġetti maħsuba primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni.

    (10)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, tal-persuni fiżiċi li:

    (a)

    huma responsabbli għal ksur serju jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jdgħajfu serjament id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fir-Russja;

    (b)

    jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku, jew materjali għal, jew li huma b’xi mod ieħor involuti fi, l-atti stabbiliti fil-punt (a), inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, il-preparazzjoni, l-iffaċilitar jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

    (c)

    huma assoċjati ma’ persuni msemmija fil-punt (a) jew (b),

    kif elenkat fl-Anness.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini tiegħu stess.

    3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a)

    bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (b)

    bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti jew taħt l-awspiċji tagħha;

    (c)

    tħat ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

    (d)

    taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi jew laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi politiċi tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja.

    7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju.

    8.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    9.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6, 7, u 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għalih hija ġiet mogħtija lill-persuna kkonċernata minnha.

    Artikolu 2

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

    (a)

    huma responsabbli għal ksur serju jew mill-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jdgħajfu serjament id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fir-Russja;

    (b)

    jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku, jew materjali għal, jew huma b’xi mod ieħor involuti fi, l-atti stabbiliti fil-punt (a), inkluż bl-ippjanar, id-direzzjoni, l-ordni, l-assistenza, il-preparazzjoni, l-iffaċilitar jew l-inkoraġġiment ta’ tali atti;

    (c)

    huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew (b),

    kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont il-kundizzjonijiet li huma jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    neċessarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familji dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d)

    neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e)

    ser jitħallsu f’kont ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, jew ser jinħarġu minnu, sa fejn dawn il-pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għall-finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari jew l-organizzazzjoni internazzjonali,

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-soġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu pagament dovut skont kuntratt li jkunu daħlu għalih qabel id-data li fiha t-tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

    6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

    (c)

    pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

    dment li kwalunkwe tali mgħax, dħul ieħor u pagament jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

    7.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun neċessarju biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

    8.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li dan huwa neċessarju:

    (a)

    għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali;

    (b)

    għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, għall-forniment ta’ faċilitajiet u servizzi assoċjati neċessarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà ta’ tali servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri tad-data fl-Unjoni; jew

    (c)

    għall-bejgħ u t-trasferiment sat-28 ta’ Awwissu 2024, jew fi żmien 6 xhur mid-data tal-elenkar fl-Anness, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti, tad-drittijiet proprjetarji f’persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni fejn dawk id-drittijiet proprjetarji jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness, u wara li jkun ġie ddeterminat li r-rikavat minn tali bejgħ u trasferiment jibqa’ ffriżat.

    9.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 7, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

    10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, [fi żmien 4 ġimgħat] mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 3

    1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, jew direttament jekk l-indirizz ikun magħruf u jekk tali komunikazzjoni tkun tista’ ssir, jew inkella permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw xi osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati xi osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati b’dan.

    Artikolu 4

    1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1).

    2.   Fejn tkun disponibbli, l-Anness għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonomi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.

    Artikolu 5

    1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Anness.

    2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati fl-Anness, u ma’ kundanni kriminali jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil dawn il-persuni, biss sa fejn dan l-ipproċessar ikun neċessarju għat-tħejjija tal-Anness.

    3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt 8, tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

    Artikolu 6

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna lir-Russja minn ċittadini ta’ Stati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tagħhom.

    2.   Għandu jiġi pprojbit ukoll li:

    (a)

    jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, l-assistenza teknika, is-servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

    (b)

    jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-punti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li huwa maħsub biss għall-użu protettiv tal-persunal tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fir-Russja, jew għall-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra jew ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ tali tagħmir.

    4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna u l-finanzjament u l-assistenza finanzjarja u teknika assoċjati, maħsuba biss għall-użu umanitarju jew protettiv, għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-NU jew tal-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta’ mmaniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali.

    5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

    Artikolu 7

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja ta’ tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni mill-awtoritajiet Russi, jew f’isimhom, tal-Internet u ta’ komunikazzjonijiet bit-telefown fuq networks mobbli jew fissi, inkluż l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ servizz ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet, kif ukoll l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja u teknika għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta’ tali tagħmir, teknoloġija jew software, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandhom jiġu pprojbiti.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software, inkluż l-għoti ta’ kwalunkwe tip ta’ servizz ta’ monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet, kif ukoll l-għoti relatat ta’ għajnuna finanzjarja u teknika, imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma jkollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software ma jintużawx għar-repressjoni interna mill-Gvern Russu, korpi, korporazzjonijiet jew aġenziji pubbliċi jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu, [fi żmien 4 ġimgħat] mill-awtorizzazzjoni.

    3.   [B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni, jew l-għoti ta’ servizzi msemmija fihom, b’tali kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji:

    (a)

    għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali;

    (b)

    għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni neċessarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà, inkluż iċ-ċibersigurtà, tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri tad-data fl-Unjoni.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu, [fi żmien 4 ġimgħat] mill-awtorizzazzjoni.]

    4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

    Artikolu 8

    1.   L-ebda pretensjoni marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-pagament ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati elenkati fl-Anness;

    (b)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a), jew f’isimhom.

    2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika,, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 9

    Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb u intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 11

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Mejju 2025.

    Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li ma jkunux intlaħqu l-objettivi tagħha.

    L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2(7), fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2), għandhom jiġu rieżaminati f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli, jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.

    Artikolu 12

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1)

    A.   Persuni fiżiċi

     

    Isem

    Informazzjoni għall-identifikazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Nikolai Pavlovich DUBOVIK

    (Николай Павлович ДУБОВИК)

    Pożizzjoni: Imħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Nikolai Pavlovich Dubovik huwa mħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu, irrifjuta li jikkunsidra l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Alexei Navalny kontra l-verdett fil-proċess “malafama ta’ veteran”. B’hekk, huwa skredita politikament lil Alexei Navalny qabel ir-referendum kostituzzjonali tal-2020 fir-Russja.

    Għalhekk, Nikolai Dubovik huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    2.

    Eduard Borisovich ERDYNIEV

    (Эдуард Борисович ЭРДЫНИЕВ)

    Pożizzjoni: Imħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Eduard Borisovich Erdyniev huwa mħallef tas-Supreme Court tal-Federazzjoni Russa. Fil-pożizzjoni tiegħu, irrifjuta li jikkunsidra l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Alexei Navalny kontra d-deċiżjoni li s-sentenza ta’ probation tiġi ssostitwita b’sentenza sħiħa. Konsegwentement, Alexei. Navalny instab ħati usnin wara, ġie inkarċerat f’kolonja penali ta’ sigurtà għolja sabiex ma jkunx jista’ jinvolvi ruħu f’attività politika.

    Għalhekk, Eduard Borisovich Erdyniev huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    3.

    Andrey Vladimirovich FEDOROV

    (Андрей Владимирович ФЕДОРОВ/ФЁДОРОВ)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Andrey Vladimirovich Fedorov huwa mħallef Russu li jaħdem fil-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk. Fil-pożizzjoni tiegħu, ċaħad l-ilment dwar in-nuqqas ta’ azzjoni tal-uffiċjali tal-Investigative Committee of the Russian Federation tat-Tomsk Oblast fir-rigward tal-avvelenament ta’ Alexei Navalny. Id-deċiżjoni tiegħu wasslet għall-inkarċerazzjoni ta’ Alexei Navalny.

    Għalhekk, Andrey Vladimirovich Fedorov huwa responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja.

    27.5.2024

    4.

    Ekaterina Vasilevna FEDOTOVA (NAUMOVA)

    (Екатерина Васильевна ФЕДОТОВА (НАУМОВА))

    Pożizzjoni: Rappreżentant tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Russja għall-belt ta’ Khimki, Moscow Oblast

    Data tat-twelid: 6.11.1995

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Ekaterina Vasilevna Fedotova (Naumova) taħdem fir-Rappreżentanza tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Russja għall-belt ta’ Khimki, Moscow Oblast. Fil-pożizzjoni tagħha, ħadet sehem fil-laqgħa tal-qorti tat-18 ta’ Jannar 2021, organizzata f’għassa tal-pulizija, u esiġiet l-estensjoni tad-detenzjoni illegali ta’ Alexei Navalny bi 30 jum.

    Għalhekk, Ekaterina Fedotova Vasilevna (Naumova) hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kisret il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    5.

    Inna Alexandrovna FESENKO

    (Инна Александровна ФЕСЕНКО)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk

    Data tat-twelid: 22.12.1968

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Inna Alexandrovna Fesenko hija mħallef Russa li taħdem fil-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk. Fil-pożizzjoni tagħha, hija darbtejn irrifjutat ilmenti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija tat-Trasport ta’ Tomsk fir-rigward tal-avvelenament ta’ Alexei Navalny. Barra minn hekk, imponiet il-projbizzjoni ta’ ċerti azzjonijiet fuq Ksenia Fadeeva, l-eks kap tal-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni ta’ Navalny f’Tomsk,.

    Għalhekk, Inna Alexandrovna Fesenko hija responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja.

    27.5.2024

    6.

    Ekaterina Viktorovna GALYAUTDINOVA

    (Екатерина Викторовна ГАЛЯУТДИНОВА)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk

    Data tat-twelid: 1969

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Ekaterina Viktorovna Galyautdinova hija mħallef Russa li taħdem fil-Kirovsky District Court, il-belt ta’ Tomsk. Fil-pożizzjoni tagħha, hija ċaħdet darbtejn ilmenti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija Tat-Trasport ta’ Tomsk fir-rigward tal-investigazzjoni tal-avvelenament ta’ Alexei Navalny.

    Għalhekk, Ekaterina Viktorovna Galyautdinova hija responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja.

    27.5.2024

    7.

    Dmitry Evgenevich PANKRATOV

    (Дмитрий Евгеньевич ПАНКРАТОВ)

    Pożizzjoni: Investigatur Għoli tal-Main Military Investigation Department of the Investigative Committee of the Russian Federation, Kurunell tal-Ġustizzja

    Data tat-twelid: 29.12.1967

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Dmitry Evgenevich Pankratov huwa Investigatur Għoli tal-Main Military Investigation Department of the Investigative Committee of the Russian Federation. Fil-pożizzjoni tiegħu, irrifjuta li jiftaħ investigazzjoni fl-attentat ta’ qtil ta’ Alexei Navalny wara li Navalny ġie avvelenat bl-aġent nervin Novichok.

    Għalhekk, Dmitry Evgenevich Pankratov huwa responsabbli għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja.

    27.5.2024

    8.

    Evgeniy Borisovich RASTORGUEV

    (Евгений Борисович РАСТОРГУЕВ)

    Pożizzjoni: Imħallef tan-9th Arbitration Court of Appeal, Russja

    Data tat-twelid: 20.8.1970

    Post tat-twelid: Vladimir Oblast, eks USSR (issa Russian Federation)

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Evgeniy Borisovich Rastorguev huwa imħallef tan-9th Arbitration Court of Appeal, ir-Russja. Fil-pożizzjoni tiegħu laqa’ t-talba tal-kumpanija “Druzhba Narodov” kontra Alexei Navalny. Alexei Navalny kien sostna, fl-investigazzjoni tiegħu, li l-kumpanija hija involuta fi skema ta’ korruzzjoni mal-Gwardja Nazzjonali Russa (Rosgvardia).

    Għalhekk, Evgeniy Borisovich Rastorguev huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni u għal attivitajiet li jdgħajfu serjament l-istat tad-dritt fir-Russja.

    27.5.2024

    9.

    Alexander Sergeevich ERMOLENKO

    (Александр Сергеевич ЕРМОЛЕНКО)

    Pożizzjoni: Kap tal-fergħa Nru 15 tal-istituzzjoni governattiva federali “Criminal Executive Inspectorate of the Directorate of the Federal Penitentiary Service in the City of Moscow”

    Data tat-twelid: 11.11.1993

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Alexander Sergeevich Ermolenko huwa l-Kap tal-fergħa Nru 15 tal- tal-istituzzjoni governattiva federali “Criminal Executive Inspectorate of the Directorate of the Federal Penitentiary Service in the City of Moscow”. Fil-pożizzjoni tiegħu, appoġġa t-trasformazzjoni tas-sentenza sospiża ta’ Alexei Navalny f’piena ta’ kustodja matul is-seduta tal-qorti fil-kawża Yves Rocher.

    Għalhekk, Alexander Sergeevich Ermolenko huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    10.

    Irina Geroldovna KIM

    (Ирина Герольдовна КИМ)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast

    Data tat-twelid: 14.8.1978

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Irina Geroldovna Kim hija mħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast.

    Mill-2022 hija kienet involuta direttament fil-ħolqien u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ tortura għal Alexei Navalny billi ċaħdet ripetutament il-pretensjonijiet ta’ Alexei Navalny kontra l-kolonja penali IK-6 fir-rigward tat-trattament tiegħu, fejn kien qed jiskonta piena imposta b’riżultat ta’ prosekuzzjoni politikament motivata.

    Għalhekk, Irina Geroldovna Kim hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż it-tortura, u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, detenzjonijiet arbitrarji, u l-ksur sistematiku tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    11.

    Kirill Sergeevich NIKIFOROV

    (Кирилл Сергеевич НИКИФОРОВ)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast

    Data tat-twelid: 14.3.1992

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Kirill Sergeevich Nikiforov huwa mħallef tal-Kovrov City Court ta’ Vladimir Oblast.

    Mill-2022, huwa kien involut direttament fil-ħolqien u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ tortura għal Alexei Navalny billi ċaħad ripetutament il-pretensjonijiet ta’ Alexei Navalny kontra l-kolonja penali IK-6 fir-rigward tat-trattament tiegħu, fejn kien qed jiskonta piena ta’ 12-il sena imposta b’riżultat ta’ prosekuzzjoni politikament motivata.

    Għalhekk, Kirill Sergeevich Nikiforov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż it-tortura, u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, detenzjonijiet arbitrarji, u l-ksur sistematiku tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    12.

    Sergey Vladimirovich BLINOV

    (Сергей Владимирович БЛИНОВ)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Leninsky District Court ta’ Kirov

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Sergey Vladimirovich Blinov huwa mħallef tal-Leninsky District Court ta’ Kirov.

    Fl-2013, huwa ikkundanna lil Alexei Navalny għal 5 snin u lin-negozjant Pyotr Ofitserov għal 4 snin ħabs fuq akkużi ta’ miżapproprjazzjoni fil-proċess politikament motivat tal-“kawża Kirovles”. Barra minn hekk, weħlu multa ta’ 500 000 rublu kull wieħed.

    Għalhekk, Sergey Vladimirovich Blinov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    13.

    Evgeny Vladimirovich BORISOV

    (Евгений Владимирович БОРИСОВ)

    Pożizzjoni: imħallef tan-Nikulinsky District Court ta’ Moska

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Evgeny Vladimirovich Borisov huwa mħallef tan-Nikulinsky District Court ta’ Moska.

    Fl-2015, huwa aċċetta l-pretensjoni tal-kumpanija Kirovles, biex tirkupra 16-il miljun rublu minn Alexei Navalny u żewġ konvenuti oħra fil-kawża politikament motivata “Kirovles”.

    Għalhekk, Evgeny Vladimirovich Borisov huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    14.

    Tatyana Stanislavovna DODONOVA

    (Татьяна Станиславовна ДОДОНОВА)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Moscow City Court

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Tatyana Stanislavovna Dodonova hija mħallef tal-Moscow City Court.

    Fl-2014 irrikonnoxiet bħala legali d-deċiżjoni li Alexei Navalny jitpoġġa f’detenzjoni domiċiljari fil-kawża “Yves Rocher”. Kienet involuta sistematikament f’kawżi kontra ċittadini tal-Federazzjoni Russa li opponew ir-reġim politiku fir-Russja billi kkundannat lil persuni arrestati b’rabta mal-Protesti f’Moska tal-2019.

    Għalhekk, Tatyana Stanislavovna Dodonova hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, billi kisret il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    15.

    Elena Sergeevna ASTAKHOVA

    (Елена Сергеевна АСТАХОВА)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Golovinsky District Court ta’ Moska

    Data tat-twelid: 30.3.1978

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Nru tal-Identifikazzjoni 45 01 525454

    Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (ИНН):

    7703204586

    Bħala mħallef tal-Golovinsky District Court ta’ Moska, Elena Sergeevna Astakhova kkundannat lil Oleg Orlov, difensur tad-drittijiet tal-bniedem prominenti u kopresident ta’ “Memorial”, għal sentejn u sitt xhur f’kolonja b’reġim ġenerali fuq akkużi politikament motivati, talli tkellem kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Oleg Orlov, li għandu 70 sena, huwa wieħed mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-aktar rispettati u li ilu jagħmel dan ix-xogħol fir-Russja, wieħed mill-mexxejja tal-organizzazzjoni Memorial Human Rights Defence Center (HRDC “Memorial”) li rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2022, li ġiet likwidata bħala parti mir-repressjoni sistematika u fuq skala kbira tal-libertajiet tal-espressjoni, l-għaqda paċifika u l-assoċjazzjoni fir-Russja. Oleg Orlov ġie akkużat u kkundannat li allegatament “skredita” l-armata Russa wara li ppubblika artiklu ta’ opinjoni fil-media Franċiża kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    Għaldaqstant, Elena Sergeevna Astakhova hija responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kisret il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    16.

    Olesya Yurievna VOROBYOVA

    (Олеся Юрьевна ВОРОБЬЕВА)

    Pożizzjoni: Prosekutur tal-Istat

    Data tat-twelid: 4.6.1981

    Bħala prosekutur fil-kawża politikament motivata kontra d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem prominenti Oleg Orlov, Olesya Yurievna Vorobyova talbet li Oleg Orlov jiġi kkundannat sentejn u ħdax-il xahar ħabs, filwaqt li argumentat li l-artiklu ta’ Orlov kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kien immotivat minn “ostilità ideoloġika u mibegħda”. Oleg Orlov, li għandu 70 sena, huwa wieħed mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-aktar rispettati u li ilu jagħmel dan ix-xogħol fir-Russja, wieħed mill-mexxejja tal-organizzazzjoni Memorial Human Rights Defence Center (HRDC “Memorial”) li rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2022, li ġiet likwidata bħala parti mir-repressjoni sistematika u fuq skala kbira tal-libertajiet tal-espressjoni, l-għaqda paċifika u l-assoċjazzjoni fir-Russja. Oleg Orlov ġie akkużat u kkundannat li allegatament “skredita” l-armata Russa wara li ppubblika artiklu ta’ opinjoni fil-midja Franċiża kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    Għaldaqstant, Olesya Yurievna Vorobyova hija responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    17.

    Ilya Andreevich SAVCHENKO

    (Илья Андреевич САВЧЕНКО)

    Pożizzjoni: Investigatur fl-Investigative Department of Tver (Investigative Committee of the Russian Federation)

    Data tat-twelid: 18.6.1997

    Post tat-twelid: Rtishchevo – Saratov Region, Russian Federation

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Bħala investigatur fl-Investigative Committee tar-Russian Federation, Ilya Andreevich Savchenko ġie assenjat il-każ ta’ Oleg Orlov u kkontribwixxa biex Orlov ġie akkużat minħabba l-pubblikazzjoni ta’ artiklu ta’ opinjoni kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ilya Andreevich Savchenko stabbilixxa li Orlov kien ippubblika l-artiklu ggwidat minn “ostilità ideoloġika kontra l-valuri spiritwali, morali u patrijottiċi Russi tradizzjonali” u minn mibegħda kontra l-grupp soċjali “Russian militaries”.

    , Għaldaqstant, l-investigatur Ilya Andreevich Savchenko huwa responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    18.

    Oksana Vasilyevna DEMYASHEVA

    (Оксана Васильевна ДЕМЯШЕВА)

    Pożizzjoni: Imħallef tal-Vasileostrovsky District Court of Saint Petersburg

    Data tat-twelid: 10.3.1980

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: mara

    Bħala mħallef tal-Vasileostrovsky District Court ta’ Saint Petersburg, Oksana Vasilyevna Demyasheva kkundanat lil Alexandra Skochilenko, artista, għal seba’ snin ħabs fuq akkużi politikament motivati talli xerrdet hekk imsejħa “aħbarijiet foloz” dwar l-armata Russa. Skochilenko ġiet arrestata talli ssostitwiet tikketti tal-prezzijiet ġewwa supermarket bi stickers kontra l-gwerra. Saret waħda mill-ewwel persuni akkużati taħt il-liġi kriminali li kienet għadha kif ġiet adottata li tipprojbixxi hekk imsejħa “aħbarijiet foloz” dwar l-armata Russa, u l-proċess tagħha attira attenzjoni kbira mill-pubbliku minħabba l-pressjoni mingħajr preċedent li Skochilenko esperjenzat mill-amministrazzjoni tal-ħabs, l-imħallef, u l-prosekuzzjoni.

    Għaldaqstant, Oksana Vasilyevna Demyasheva hija responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kisret il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    19.

    Alexander Yurievich GLADYSHEV

    (Александр Юрьевич ГЛАДЫШЕВ)

    Pożizzjoni: Prosekutur fid-Department of State Prosecutors/Saint Petersburg Prosecutor’s Office

    Data tat-twelid: 28.10.1994

    Nazzjonalità: Russa

    Sess: raġel

    Bħala prosekutur fil-Prosector’s Office f’Saint Petersburg, Alexander Yurievich Gladyshev talab tmien snin ħabs għal Alexandra Skochilenko, artista, fuq akkużi politikament motivati ta’ tixrid ta’ “aħbarijiet foloz” dwar l-armata, wara li ġiet arrestata talli ssostitwiet tikketti tal-prezzijiet ġewwa supermarket bi stickers kontra l-gwerra. Skochilenko saret waħda mill-ewwel persuni akkużati taħt il-liġi kriminali li kienet għadha kif ġiet adottata li tipprojbixxi hekk imsejħa “aħbarijiet foloz” dwar l-armata Russa, u l-proċess tagħha attira attenzjoni kbira mill-pubbliku minħabba l-pressjoni mingħajr preċedent li Skochilenko esperjenzat mill-amministrazzjoni tal-ħabs, l-imħallef, u l-prosekuzzjoni.

    Għaldaqstant, Alexander Yurievich Gladyshev huwa responsabbli għal ksur serju ta’ drittijiet tal-bniedem fir-Russja billi kiser il-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni.

    27.5.2024

    B.   Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi:

     

    Isem

    Informazzjoni għall-identifikazzjoni

    Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    FEDERAL PENITENTIARY SERVICE OF THE RUSSIAN FEDERATION

    (FSIN)

    ФЕДЕРАЛЬНАЯ СЛУЖБА ИСПОЛНЕНИЯ НАКАЗАНИЙ

    (ФСИН) (RU)

    Indirizz: Zhitnaya Street 14 Yakimanka District, Central Administrative Okrug, Moscow

    Sit web: http://www.fsin.su/eng

    Il-Federal Penitentiary Service of the Russian Federation (FSIN) huwa aġenzija federali taħt is-superviżjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Russja. L-FSIN hija l-awtorità federali għad-detenzjoni ta’ persuni ssuspettati u kkundannati, is-sigurtà u ż-żamma tal-ħabsijiet fir-Russja, it-trasport ta’ priġunieri, u l-programmi ta’ riabilitazzjoni.

    Bħala tali, l-FSIN huwa l-awtorità ċentrali li timmaniġġja s-sistema tal-ħabsijiet Russa, magħruf għall-abbużi mifruxa u sistematiċi tiegħu kontra, u t-trattament ħażin ta’, priġunieri politiċi fir-Russja. Bħala aġenzija federali, l-FSIN huwa responsabbli għall-kolonji penali fejn inżamm il-politiku tal-oppożizzjoni Russa Alexei Navalny fuq akkużi politikament motivati u fejn eventwalment miet fis-16 ta’ Frar 2024. Matul l-inkarċerazzjoni tiegħu, Alexei Navalny soffra abbużi, inkluż permezz ta’ reklużjoni f’ċella ta’ kastig u trattament krudili, inuman u degradanti, li wassal għad-deterjorament serju ta’ saħħtu. Priġunieri politiċi oħrajn miżmuma fis-sistema tal-ħabsijiet Russa taħt kundizzjonijiet ħorox simili ta’ detenzjoni, huma sottomessi għal abbuż u trattament ħażin, bl-għan li jkissruhom fiżikament u psikoloġikament.

    FSIN huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.

    27.5.2024


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top