Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1291

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1291 tat-22 ta’ Lulju 2022 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti “Mozzarella” (STG)

C/2022/4958

ĠU L 196, 25.7.2022, p. 115–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1291/oj

25.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/115


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1291

tat-22 ta’ Lulju 2022

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti “Mozzarella” (STG)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mill-Italja għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita “Mozzarella” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

L-applikazzjoni għall-emenda għandha l-għan li tibdel l-isem “Mozzarella” għal “Mozzarella Tradizionale” u l-protezzjoni minn “bla riżerva tal-isem” għal “bir-riżerva tal-isem”.

(3)

Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet żewġ avviżi ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata tal-oppożizzjoni mill-Ġermanja. Fit-22 ta’ Marzu 2021 il-Kummissjoni rċeviet it-tieni dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Ġermanja.

(4)

Wara li eżaminat id-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni u sabet li huma ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-Italja u lill-Ġermanja, permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Mejju 2021, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.

(5)

Fit-2 ta’ Awwissu 2021, fuq talba tal-Italja, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi tliet xhur. Il-konsultazzjonijiet bejn l-Italja u l-Ġermanja ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-emenda f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

(6)

L-argumenti ewlenin tal-Ġermanja kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha u fil-konsultazzjonijiet imwettqa mal-Italja jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

(7)

Il-Ġermanja ddikjarat li l-isem il-ġdid “Mozzarella Tradizionale”, kif applikat għalih l-Italja, la kien isem li tradizzjonalment kien jintuża biex jirreferi għall-prodott speċifiku, kif meħtieġ mill-Artikolu 18(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u lanqas isem li jidentifika karattru tradizzjonali tal-prodott, kif meħtieġ mill-Artikolu 18(2)(b) tal-istess Regolament.

(8)

Il-Ġermanja ddikjarat ukoll li t-terminu “Tradizionale” ma setax jiġi inkluż fl-isem ta’ speċjalità tradizzjonali garantita fid-dawl tar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 18(3), li jipprevedu użu speċifiku tat-terminu “tradizzjoni”. Barra minn hekk, “tradizzjonali” diġà hija parti mil-logo ta’ “speċjalità tradizzjonali garantita” (STG) u parti mill-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali garantita”, li tista’ tidher ukoll fl-intier tagħha fuq it-tikkettar.

(9)

Minbarra dan, ir-riżerva tal-isem “Mozzarella Tradizionale” tipprevjeni lill-produtturi Ġermaniżi li ilhom jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodott imsejjaħ “Mozzarella” għal aktar minn 30 snin milli jużaw it-terminu “tradizzjonali”. Il-Ġermanja ddikjarat li l-użu tal-kelma “tradizzjonali” huwa ta’ importanza ekonomika.

(10)

F’dak il-kuntest, il-Ġermanja argumentat ukoll li hemm żewġ definizzjonijiet ta’ “tradizzjonali”: l-ewwel waħda, definita fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fejn “tradizzjonali” tfisser użu pprovat fis-suq domestiku għal perjodu ta’ mill-inqas 30 sena; u t-tieni waħda, mifhuma mill-konsumaturi bħala trasferiment tal-għarfien minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Ġermanja ddikjarat li, f’dan il-każ speċifiku tal-“Mozzarella Tradizionale”, it-terminu “Tradizionale” jirreferi biss għall-ewwel tifsira, il-forma standard u l-aktar tradizzjonali tal-prodott. Madankollu, iż-żieda ta’ “tradizzjonali” mal-isem “Mozzarella” tikkwalifika l-isem b’referenza wkoll għat-tieni tifsira, it-trasferiment tal-għarfien minn ġenerazzjoni għal oħra. Għalhekk, il-Ġermanja tqis li dan jista’ jqarraq bil-konsumaturi u li l-mod xieraq biex jiġi kkwalifikat l-isem “Mozzarella” skont l-ewwel tifsira tat-terminu “Tradizionale” ikun biss iż-żieda tad-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(11)

Il-Ġermanja affermat ukoll il-karattru ġeneriku tal-isem “Mozzarella”, skont id-definizzjoni fl-Artikolu 3, il-punt (6) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. B’konsegwenza ta’ dan, il-Ġermanja talbet li r-regolament li japprova l-bidla fl-isem jiddikjara b’mod espliċitu li “Mozzarella” huwa isem ġeneriku. Barra minn hekk, il-Ġermanja ddikjarat li l-koeżistenza tal-STG “Mozzarella Tradizionale” u ta’ żewġ prodotti oħra tal-Mozzarella ddeżinjati bħala DOP - “Mozzarella di Bufala Campana” u “Mozzarella di Gioia del Colle” - tista’ tkun prekluża wkoll mill-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li kien hemm riskju li konsumatur medju ma jkunx jista’ jagħmel distinzjoni ċara biżżejjed bejn il-prodotti inkwistjoni.

(12)

Il-Ġermanja sostniet ukoll li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mehmuża mal-applikazzjoni għall-emenda jkun fiha bidliet li ma humiex deskritti fl-applikazzjoni stess. Għalhekk, l-applikazzjoni għall-emenda ma tkunx kompluta. Barra minn hekk, xi partijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma jkunux faċli biex jinftiehmu u jeħtieġ li jiġu ċċarati. Barra minn hekk, l-applikant ma jkunx eliġibbli minħabba li azjenda tal-ħalib Taljana waħda ma tistax tirrappreżenta lill-produtturi kollha tal-STG, li jinsabu fit-territorju kollu tal-UE.

(13)

Fl-aħħar nett, il-Ġermanja kkontestat il-possibbiltà li r-regola tal-protezzjoni tinbidel minn “reġistrazzjoni bla riżerva tal-isem” għal “reġistrazzjoni bir-riżerva tal-isem” permezz tal-applikazzjoni attwali għall-emenda. B’mod partikolari, ġie argumentat li l-limitu ta’ żmien biex issir tali bidla, kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, skada fl-4 ta’ Jannar 2016. B’riżultat ta’ dan, wara t-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali, jiġifieri wara l-4 ta’ Jannar 2023, il-protezzjoni tal-“Mozzarella” allegatament jenħtieġ li tispiċċa.

(14)

Il-Kummissjoni qieset l-argumenti li saru fid-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni mill-Ġermanja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, b’kont meħud tar-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-avversarju, u kkonkludiet li l-emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-ispeċjalità tradizzjonali garantita “Mozzarella” jenħtieġ li tiġi approvata.

(15)

L-isem “Mozzarella Tradizionale” jidentifika l-karattru tradizzjonali tal-prodott, kif meħtieġ mill-Artikolu 18(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Dan huwa biżżejjed biex isem jikkwalifika bħala STG, bl-issodisfar tal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 18(2)(a) u 18(2)(b) bħala alternattiva.

(16)

Barra minn hekk, biex turi l-użu tal-isem “Mozzarella Tradizionale”, l-Italja ppreżentat eżempji ta’ dan l-użu fuq it-tikketti jew fil-logos, kif ukoll uriet li l-grupp ta’ produtturi bl-isem ta’ “Consorzio italiano per la Tutela della Mozzarella tradizionale” kien diġà jeżisti fl-2001.

(17)

Fir-rigward tal-inklużjoni tat-terminu “Tradizzjonali” fl-isem kompost ta’ STG irreġistrata bir-riżerva tal-isem, mhux biss hija permessa mill-Artikolu 18(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, iżda din tirrappreżenta l-eżempju perfett ta’ terminu li jidentifika l-karattru tradizzjonali tal-prodott. Għal dawn ir-raġunijiet, it-terminu “tradizzjonali” jista’ jinstab f’ħafna denominazzjonijiet protetti ta’ STG bir-riżerva tal-isem, f’diversi lingwi, kif ikkonfermat fl-eżempji li ġejjin ta’ STG irreġistrata bir-riżerva tal-isem: “Traditionally Reared Pedigree Welsh Pork”, “Traditional Bramley Apple Pie Filling”, “Traditional Farmfresh Turkey”, “Traditionally Farmed Gloucestershire Old Spots Pork”, “Amatriciana tradizionale”, “Bacalhau de Cura Tradicional Portuguesa”, “Salată tradițională cu icre de crap”, “Czwórniak staropolski tradycyjny”, “Dwójniak staropolski tradycyjny”, “Olej rydzowy tradycyjny”, “Półtorak staropolski tradycyjny”.

Barra minn hekk, l-STG “Mozzarella” dejjem kellha karattru tradizzjonali peress li ġiet irreġistrata bħala speċjalità tradizzjonali garantita b’referenza diretta għall-karattru tradizzjonali tagħha u dovuta għalih. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għat-tifsira ta’ “tradizzjonali” kif definita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li tfisser “ użu pprovat fis-suq domestiku għal perjodu li jippermetti t-trażmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet; dan il-perjodu għandu jkun għall-inqas ta’ 30 sena”. Għalhekk, id-distinzjoni bejn diversi tifsiriet ta’ “tradizzjonali”, kif propost mill-Ġermanja, ma hijiex appoġġata mit-test tal-liġi applikabbli.

(18)

Ma huwiex ċar liema huwa l-impatt ekonomiku konkret għall-produtturi Ġermaniżi li jitwaqqfu milli jużaw it-terminu “tradizzjonali” għall-kummerċjalizzazzjoni tal-“Mozzarella” prodotta mingħajr ma tikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-STG, iżda skont metodu distint li ilu jintuża għal aktar minn 30 sena fil-Ġermanja. Id-dikjarazzjoni pjuttost tirreferi għal għażla potenzjali aktar milli għal fatt konkret. Ma tista’ tiġi dedotta l-ebda indikazzjoni li t-terminu kien jintuża fis-suq. Barra minn hekk, sakemm jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-STG “Mozzarella Tradizionale”, il-produtturi fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk anke fil-Ġermanja, se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw b’mod leġittimu prodott imsejjaħ “Mozzarella Tradizionale” STG.

Il-protezzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita “Mozzarella Tradizionale” jenħtieġ li ma tkoprix l-isem awtonomu “Mozzarella”, iżda l-isem kompost “Mozzarella Tradizionale” fl-intier tiegħu biss. Għalhekk, l-użu tal-isem “Mozzarella” jenħtieġ li jibqa’ permess għal prodotti li ma jikkonformawx mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-STG “Mozzarella Tradizionale”. Madankollu, tali prodotti jenħtieġ li ma jiġux ikkummerċjalizzati akkumpanjati mit-termini “speċjalità tradizzjonali garantita”, u lanqas mill-abbrevjazzjoni STG, jew mis-simbolu tal-Unjoni speċifikat fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(19)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-koeżistenza tal-STG “Mozzarella Tradizionale” u ta’ żewġ prodotti oħra tal-Mozzarella ddeżinjati bħala DOP - “Mozzarella di Bufala Campana” u “Mozzarella di Gioia del Colle” - tmur kontra l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li jiġi nnotat li d-dispożizzjoni msemmija hawn fuq ma tapplikax għal speċjalitajiet tradizzjonali garantiti, iżda biss għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(20)

B’referenza għat-tħassib tal-Ġermanja dwar l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-STG “Mozzarella Tradizionale”, għajr il-kwistjoni tal-isem u tal-istatus tal-protezzjoni, u b’mod partikolari l-punti 4.1, 4.2 u 4.3, irid jiġi indikat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ma nbidlitx. Il-bidliet żgħar fil-formulazzjoni li setgħu seħħew fil-verżjonijiet mhux Taljani huma riżultat tat-traduzzjoni. Għalhekk, dawn il-partijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ din l-emenda. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni għall-emenda tal-STG “Mozzarella Tradizionale” iffokat fuq l-emendi li saret applikazzjoni għalihom.

(21)

L-Artikolu 3, il-punt (2), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jiddefinixxi l-grupp bħala “kwalunkwe assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma jew kompożizzjoni legali tagħha, magħmula prinċipalment minn produtturi jew proċessuri li jaħdmu bl-istess prodott”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-istess Regolament jipprovdi li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss minn gruppi li jaħdmu bil-prodotti bl-isem li se jiġi rreġistrat. Barra minn hekk, l-Artikolu 53(1), li jiddefinixxi l-gruppi li jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għal emenda, għandu kamp ta’ applikazzjoni saħansitra usa’, li jirrikjedi li applikazzjoni għal emenda tista’ tiġi sottomessa wkoll minn “grupp li jkollu interess leġittimu”. Il-produtturi li ressqu l-applikazzjoni għall-emenda tal-STG “Mozzarella” jaħdmu direttament bil-prodott, kif ikkonfermat minn produzzjoni ċċertifikata bis-sħiħ. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kriterji stabbiliti għal “grupp” li għandu jitħalla japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda, kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fl-Artikolu 3, il-punt (2), u fl-Artikoli 49(1) u 53(1), jistgħu jitqiesu li ġew issodisfati.

(22)

B’referenza għall-applikabbiltà tal-proċedura ta’ emenda, l-Artikolu 25(2) tar-Regolament jipprovdi li l-STG bla riżerva tal-isem tista’ tibqa’ tintuża sal-4 ta’ Jannar 2023, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 509/2006, sakemm l-Istati Membri ma japplikawx il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament. L-Artikolu 26 tar-Regolament jipprevedi proċedura simplifikata għall-konverżjoni ta’ STG bla riżerva tal-isem f’STG bir-riżerva tal-isem. Dan ma jippreġudikax li STG bla riżerva tal-isem xorta tista’ tiġi emendata u mibdula f’STG bir-riżerva tal-isem permezz ta’ proċedura ta’ emenda prevista mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-Kummissjoni diġà approvat, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament, emendi mhux minuri oħra għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li jikkonvertu STG bla riżerva tal-isem f’STG bir-riżerva tal-isem.

(23)

Għaldaqstant, l-emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea rigward l-isem “Mozzarella” (STG) jenħtieġ li tiġi approvata.

(24)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea rigward l-isem “Mozzarella” (STG) huma b’dan approvati.

Artikolu 2

L-isem “Mozzarella” jista’ jibqa’ jintuża għal prodotti li ma jikkonformawx mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-“Mozzarella Tradizionale” fit-territorju tal-Unjoni, dment li jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 424, 8.12.2020, p. 39


Top