Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0250

    Regolament (UE) 2021/250 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 58, 19.2.2021, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/250/oj

    19.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/1


    REGOLAMENT (UE) 2021/250 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Frar 2021

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta’ slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fit-traffiku tal-ajru minħabba tnaqqis sinifikanti fid-domanda u minħabba miżuri diretti li ttieħdu mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw it-tixrid tal-COVID-19. L-impatt fuq it-trasportaturi tal-ajru ilu detrimentali mill-1 ta’ Marzu 2020, u dan x’aktarx li jkompli fis-snin li ġejjin.

    (2)

    Dawk iċ-ċirkostanzi huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u wasslu għall-kanċellazzjoni volontarja jew obbligatorja tas-servizzi tal-ajru tagħhom. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jipproteġu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jevitaw l-impatt ambjentali negattiv ikkawżat minn titjiriet vojta jew fil-maġġoranza tagħhom vojta, biss biex jinżammu s-slots tagħhom.

    (3)

    Iċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-ajru, tal-ajru uniku Ewropew, jindikaw tnaqqis kontinwu sena wara l-oħra fit-traffiku tal-ajru ta’ madwar 74 % minn nofs Ġunju 2020.

    (4)

    Mhuwiex possibbli, abbażi tal-prenotazzjonijiet magħrufa, ta’ tbassir mill-Eurocontrol u tat-tbassir epidemjoloġiku, li jiġi mbassar meta l-perjodu ta’ domanda mnaqqsa ħafna kkawżata mill-kriżi tal-COVID-19 aktarx jintemm. Skont l-aħħar tbassir tal-Eurocontrol, fi Frar 2021 it-traffiku tal-ajru se jkun madwar nofs il-livell ta’ Frar 2020. It-tbassir li jestendi lil hinn minn dik id-data jiddependi fuq għadd ta’ fatturi mhux magħrufa, bħad-disponibbiltà ta’ vaċċini kontra l-COVID-19. F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-trasportaturi tal-ajru li jonqsu milli jużaw is-slots tagħhom skont ir-rata tal-użu tas-slots stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (3) jenħtieġ li ma jitilfux awtomatikament il-preċedenza fir-rigward tas-serje ta’ slots stabbilita fl-Artikoli 8(2) u 10(2) ta’ dak ir-Regolament, li f’ċirkostanzi oħra kienu jgawdu minnhom. Għal dan il-għan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi.

    (5)

    Dawk ir-regoli jenħtieġ li fl-istess ħin jindirizzaw l-impatti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni tat-trasportaturi tal-ajru. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru li jkunu lesti jipprovdu servizzi jitħallew jużaw kapaċità mhux użata u jkollhom il-possibbiltà li jżommu tali slots fit-tul. Jenħtieġ li jinżammu l-inċentivi tat-trasportaturi tal-ajru biex tintuża l-kapaċità tal-ajruporti, li min-naħa tagħha hija ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

    (6)

    Jeħtieġ għalhekk li jiġu stipulati, skont dawn il-prinċipji u għal perjodu limitat, il-kundizzjonijiet li skonthom it-trasportaturi tal-ajru jibqgħu intitolati għas-serje ta’ slots skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, u li jiġu stabbiliti rekwiżiti għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jirrilaxxaw il-kapaċità mhux użata.

    (7)

    Għall-perjodu li matulu t-trasport bl-ajru jiġi milqut b’mod negattiv mill-kriżi tal-COVID-19, id-definizzjoni tat-terminu “membru ġdid” jenħtieġ li titwessa’ biex jiżdied l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru koperti, biex b’hekk aktar trasportaturi tal-ajru jingħataw l-opportunità li jistabbilixxu u jespandu l-operazzjonijiet tagħhom, jekk jixtiequ jagħmlu dan. Madankollu, jeħtieġ li l-privileġġi korrispondenti għal trasportaturi tal-ajru, koperti minn dik id-definizzjoni, jiġu limitati għal membri ġodda ġenwini billi jiġi eskluż kwalunkwe trasportatur tal-ajru li, flimkien mal-kumpanija omm tiegħu, jew mas-sussidjarji tiegħu stess jew ma’ sussidjarji tal-kumpanija omm tiegħu, ikollu aktar minn 10 % tal-għadd totali ta’ slots allokati fil-jum inkwistjoni f’kull ajruport partikolari.

    (8)

    Matul il-perjodu li fih tiġi applikata l-eżenzjoni mir-regoli dwar l-użu tas-slots, jenħtieġ li s-sistema tal-allokazzjoni tas-slots tirrikonoxxi l-isforzi tat-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw titjiriet bl-użu ta’ slots li huma parti minn serje li hija bi dritt ta’ trasportatur tal-ajru ieħor skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, iżda li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-koordinatur tas-slots għal riallokazzjoni temporanja. Għalhekk, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li jkunu operaw mill-anqas ħames slots ta’ serje jirċievu prijorità għall-allokazzjoni ta’ dawk is-serje fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss, sakemm it-trasportatur tal-ajru intitolat għalihom skont dawk l-Artikoli ma jitlobhomx.

    (9)

    L-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji speċifiċi għall-COVID-19 fl-ajruporti tista’ tnaqqas il-kapaċità disponibbli, u dan jista’ joħloq il-ħtieġa li jiġu previsti parametri speċifiċi ta’ koordinazzjoni għall-COVID-19. F’tali sitwazzjonijiet, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni xierqa ta’ tali parametri, il-koordinaturi jenħtieġ li jitħallew jadattaw il-ħin tas-slots allokati lit-trasportaturi tal-ajru skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 jew li jikkanċellaw tali slots għall-perjodu ta’ skedar li matulu jkunu applikabbli miżuri sanitarji speċifiċi għall-COVID-19.

    (10)

    Biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-kapaċità tal-ajruport matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2021, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jitħallew jirritornaw slots storiċi lill-koordinatur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ skedar sabiex ikunu jistgħu jiġu allokati mill-ġdid fuq bażi ad hoc. It-trasportaturi tal-ajru li jirritornaw serje sħiħa ta’ slots qabel l-iskadenza stabbilita minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jżommu d-dritt tagħhom għall-istess serje ta’ slots f’dak l-ajruport għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2022. Fid-dawl tal-miżuri l-oħra ta’ eżenzjoni mis-slots inklużi f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li jkollhom għadd sinifikanti ta’ slots f’ajruport jitħallew jirritornaw massimu ta’ nofs is-slots tagħhom b’dan il-mod.

    (11)

    Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli stabbiliti fit-Trattati u fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-konsegwenzi negattivi tal-miżuri possibbli adottati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi li jindirizzaw it-tixrid tal-COVID-19 u li jirrestrinġu l-kapaċità li wieħed jivvjaġġa fi żmien qasir ħafna ma jistgħux jiġu attribwiti lit-trasportaturi tal-ajru u jenħtieġ li jiġu mitigati fejn dawk il-miżuri jkollhom impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà ta’ vjaġġar jew minħabba d-domanda fuq ir-rotot ikkonċernati. Jenħtieġ li dan jinkludi miżuri li jwasslu għal għeluq parzjali jew totali tal-fruntiera jew tal-ispazju tal-ajru jew għal għeluq jew tnaqqis parzjali jew totali tal-kapaċità tal-ajruporti partikolari, għal restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-ekwipaġġ tal-linji tal-ajru li jfixklu b’mod sinifikanti l-operat ta’ servizzi tal-ajru jew għal impediment serju fuq il-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ kwalunkwe trasportatur fuq ir-rotta kkonċernata, inklużi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, restrizzjonijiet ta’ moviment jew miżuri ta’ kwarantina fil-pajjiż jew fir-reġjun ta’ destinazzjoni jew restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi essenzjali li jagħtu appoġġ dirett lill-operat ta’ servizz tal-ajru. Jenħtieġ li l-mitigazzjonijiet jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux penalizzati talli jkunu naqsu milli jużaw is-slots, meta dan in-nuqqas jirriżulta minn tali miżuri restrittivi li kienu għadhom ma ġewx ippubblikati meta l-islots ġew allokati. L-eżenzjoni speċifika mill-effetti tal-impożizzjoni ta’ tali miżuri jenħtieġ li tkun għal tul ta’ żmien limitat, u fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li ma ttawwalx aktar minn żewġ perjodi ta’ skedar konsekuttivi.

    (12)

    Matul perjodi fejn id-domanda tintlaqat b’mod sinifikanti b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jiġu rilaxxati, sal-punt meħtieġ, mir-rekwiżiti li jużaw is-slots sabiex iżommu l-intitolament għal dawk is-slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti sussegwenti. Dan jenħtieġ li jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jżidu s-servizzi meta ċ-ċirkostanzi jippermettu. Ir-rata minima tal-użu aktar baxxa, stabbilita għal dan il-għan jenħtieġ li tqis il-perspettiva tat-traffiku tal-ajru għall-2021, sa mill-bidu tal-2021, li hija ta’ 50 % tal-livelli tat-traffiku tal-2019, l-inċertezza dwar il-kriżi tal-COVID-19 u r-ritorn tal-fiduċja tal-konsumaturi u tal-livelli tat-traffiku.

    (13)

    Sabiex jiġi indirizzat l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ ċarezza li jirriżulta fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-livelli tat-traffiku f’nofs it-terminu ta’ żmien, u biex ikun hemm rispons flessibbli, fejn strettament meħtieġ u ġġustifikat, għall-isfidi li qed jiffaċċja bħala konsegwenza s-settur tat-trasport tal-ajru, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-emendar tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mir-regola dwar l-użu tas-slots u l-valuri perċentwali tar-rata tal-użu minima fi ħdan medda partikolari. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (14)

    Sabiex ikunu jistgħu jwettqu t-tħejjijiet meħtieġa fil-ħin, it-trasportaturi tal-ajru u l-koordinaturi jeħtieġ li jkunu jafu bil-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-operat tas-slots f’perjodu ta’ skedar partikolari. Il-Kummissjoni għalhekk, jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tadotta l-atti delegati malajr kemm jista’ jkun u jenħtieġ li tadotta tali atti, fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza għar-ritorn tas-slots kif stabbilit fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

    (15)

    L-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tal-ajruport u t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jiġu informati dwar il-kapaċità disponibbli għall-finijiet ta’ ppjanar adegwat. It-trasportaturi tal-ajru għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-koordinatur għal riallokazzjoni possibbli lil trasportaturi tal-ajru oħrajn, kwalunkwe slot li mhumiex beħsiebhom jużaw kmieni kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel id-data ppjanata tal-operat tagħhom. Meta t-trasportaturi tal-ajru jonqsu milli jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit ripetutament u intenzjonalment, jew ma’ kwalunkwe rekwiżit ieħor tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, jenħtieġ li jiġu soġġetti għal penali jew miżuri ekwivalenti xierqa.

    (16)

    Fejn koordinatur ikun sodisfatt li trasportatur tal-ajru jkun waqaf jopera f’ajruport, il-koordinatur jenħtieġ li jirtira minnufih is-slots mit-trasportatur tal-ajru inkwistjoni u jpoġġihom fil-ġemgħa ta’ slots għar-riallokazzjoni lil trasportaturi oħrajn.

    (17)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi u l-eżenzjoni mir-regoli ġenerali dwar l-użu tas-slots għal perjodu ta’ żmien limitat, bil-għan li jiġu mitigati l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-traffiku tal-ajru, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (18)

    Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali b’rabta mal-kriżi tal-COVID-19, hu meqjus xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    (19)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, bħala kwistjoni ta’ urġenza jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ba)

    matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(3) “membru ġdid” għandha tfisser:

    (i)

    trasportatur tal-ajru li jitlob, bħala parti minn serje ta’ slots, slot f’ajruport f’jum partikolari, fejn, jekk it-talba tat-trasportatur tintlaqa’, dan fit-total ikollu anqas minn seba’ slots f’dak l-ajruport f’dak il-jum; jew

    (ii)

    trasportatur tal-ajru li jitlob serje ta’ slots għal servizz ta’ passiġġieri skedat mingħajr waqfien bejn żewġ ajruporti fl-Unjoni, fejn massimu ta’ żewġ trasportaturi oħra tal-ajru joperaw l-istess servizz skedat mingħajr waqfien bejn dawk l-ajruporti f’dak il-jum, u fejn, jekk it-talba tat-trasportatur tal-ajru tiġi aċċettata, it-trasportatur tal-ajru xorta waħda jkollu anqas minn disa’ slots fl-iskeda f’dak l-ajruport f’dak il-jum għal dak is-servizz mingħajr waqfien.

    Trasportatur tal-ajru li, flimkien mal-kumpanija omm tiegħu, is-sussidjarji tiegħu stess jew is-sussidjarji tal-kumpanija omm tiegħu, ikollu aktar minn 10 % tas-slots totali allokati fil-jum inkwistjoni f’ajruport partikolari, ma għandux jitqies bħala membru ġdid f’dak l-ajruport;”;

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(n)

    “parametri ta’ koordinazzjoni tal-COVID-19” għandha tfisser parametri ta’ koordinazzjoni riveduti li jirriżultaw fi tnaqqis tal-kapaċità tal-ajruport li tkun disponibbli f’ajruport koordinat bħala riżultat ta’ miżuri sanitarji speċifiċi imposti mill-Istati Membri b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19.”;

    (2)

    fl-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Trasportaturi tal-ajru li joperaw jew li beħsiebhom joperaw f’ajruport bi skedi faċilitati jew koordinat għandhom jippreżentaw lill-faċilitatur jew lill-kordinatur tal-iskedi rispettivament, l-informazzjoni kollha rilevanti mitluba minnhom. L-informazzjoni kollha rilevanti għandha tkun provduta fil-format u fil-limitu ta’ żmien speċifikat mill-faċilitatur jew mill-koordinatur tal-iskedi. B’mod partikolari, it-trasportatur tal-ajru għandu jinforma lill-kordinatur, fiż-żmien tat-talba għall-allokazzjoni, jekk jibbenefikax minn status ta’ membru ġdid, skont l-Artikolu 2(b) jew (ba), fir-rigward tas-slots rikjesti.”;

    (3)

    l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-formulazzjoni introduttorja tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8a u 9, l-Artikolu 10(1) u (2a) u l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(3), serje ta’ slots li ngħatat lura lill-ġemgħa ta’ slots skont l-Artikolu 8(1) fi tmiem il-perjodu ta’ skedar (il-“perjodu ta’ skedar ta’ referenza”), għandha, fuq talba, tiġi allokata lill-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss lil trasportatur tal-ajru li jkun opera mill-anqas ħames slots tas-serje inkwistjoni wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(7) matul il-perjodu ta’ skedar ta’ referenza, dment li s-serje ta’ slots ma tkunx ġiet diġà allokata lit-trasportatur li jkun oriġinarjament kellu dik is-serje għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Fil-każ li aktar minn applikant wieħed jissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu, għandha tingħata prijorità lit-trasportatur tal-ajru li jkun opera l-akbar numru ta’ slots minn dik is-serje.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “6a.   Fil-perjodu li matulu japplikaw il-parametri ta’ koordinazzjoni tal-COVID-19 u sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati kif xieraq dawn il-parametri ta’ koordinazzjoni, il-koordinatur jista’ jemenda l-ħin tas-slots mitluba jew allokati li jaqgħu fi ħdan il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 10a(3) jew jikkanċellahom wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat. F’dan il-kuntest, il-koordinatur għandu jqis ir-regoli u l-linji gwida addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.”;

    (4)

    fl-Artikolu 8a, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    (a)

    Slots allokati lil membru ġdid kif definit fl-Artikolu 2(b) jew (ba) ma jistgħux jiġu trasferiti kif previst fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu għall-perjodu ta’ żewġ perjodi ta’ skedar ekwivalenti, ħlief fil-każ ta’ trasferiment ta’ kontroll legalment awtorizzat tal-attivitajiet ta’ impriża falluta.

    (b)

    Slots allokati lil membru ġdid kif definit fl-Artikolu 2(b)(ii) u (iii) jew fl-Artikolu 2(ba)(ii) ma jistgħux ikunu trasferiti lil rotta oħra kif previst fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu għal perjodu ta’ żewġ perjodi ta’ skedar ekwivalenti sakemm il-membru il-ġdid ma jkunx ġie ttrattat bl-istess prijorità fuq ir-rotta l-ġdida bħal dik fuq ir-rotta inizjali.

    (c)

    Slots allokati lil membru ġdid kif definit fl-Artikolu 2(b) jew (ba) ma jistgħux ikunu skambjati kif previst fil-paragrafu 1(c) ta’ dan l-Artikolu għal perjodu ta’ żewġ perjodi ta’ skedar ekwivalenti, ħlief sabiex jittejbu l-ħinijiet tas-slots għal dawn is-servizzi b’rabta mal-ħinijiet inizjalment mitluba.”;

    (5)

    l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Minkejja l-paragrafu 2, serje ta’ slots allokati għall-perjodu ta’ skedar mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021 għandha tagħti lit-trasportatur tal-ajru d-dritt għall-istess serje ta’ slots għall-perjodu ta’ skedar mis-27 ta’ Marzu 2022 sad-29 ta’ Ottubru 2022 jekk it-trasportatur tal-ajru jkun poġġa s-serje kompleta ta’ slots għad-dispożizzjoni tal-koordinatur għar-riallokazzjoni qabel it-28 ta’ Frar 2021. Dan il-paragrafu għandu japplika biss għal serje ta’ slots li kienu ġew allokati lill-istess trasportatur għall-perjodu ta’ skedar mid-29 ta’ Marzu 2020 sal-24 ta’ Ottubru 2020. L-għadd ta’ slots li fir-rigward tiegħu t-trasportatur tal-ajru inkwistjoni jista’ jibbenefika fl-ambitu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun limitat għal għadd ekwivalenti għal 50 % tas-slots li kienu allokati lill-istess trasportatur għall-perjodu ta’ skedar mid-29 ta’ Marzu 2020 sal-24 ta’ Ottubru 2020 ħlief għal trasportatur tal-ajru allokat anqas minn 29 slot fil-ġimgħa bħala medja matul il-perjodu ta’ skedar ekwivalenti preċedenti fl-ajruport inkwistjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    jiżdied il punt li ġej:

    “(e)

    matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(3), l-introduzzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ miżuri maħsuba biex jindirizzaw it-tixrid tal-COVID-19 f’tarf wieħed ta’ rotta li għaliha, is-slots inkwistjoni ntużaw jew kienu ppjanati li jintużaw, bil-kundizzjoni li l-miżuri ma kinux ġew ippubblikati fiż-żmien meta ġiet allokata s-serje ta’ slots, li dawk il-miżuri għandhom impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà jew il-possibbiltà ta’ vjaġġar jew id-domanda fuq ir-rotot ikkonċernati u li jwasslu għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    għeluq parzjali jew totali tal-fruntiera jew tal-ispazju tal-ajru jew għeluq parzjali jew totali jew tnaqqis fil-kapaċità tal-ajruport, matul parti sostanzjali tal-perjodu ta’ skedar rilevanti,

    (ii)

    impediment serju għall-kapaċità tal-passiġġieri li jivvjaġġaw ma’ kwalunkwe trasportatur fuq dik ir-rotta diretta matul parti sostanzjali tal-perjodu ta’ skedar rilevanti inklużi:

    ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ibbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza, il-projbizzjoni ta’ kull vjaġġ ħlief dak essenzjali, jew projbizzjoni fuq titjiriet minn jew lejn ċerti pajjiżi jew żoni ġeografiċi,

    ir-restrizzjonijiet ta’ moviment jew kwarantina jew miżuri ta’ iżolament fil-pajjiż jew fir-reġjun fejn ikun jinsab l-ajruport tad-destinazzjoni (inklużi punti intermedji),

    ir-restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi essenzjali għall-appoġġ dirett tal-operat ta’ servizz tal-ajru,

    (iii)

    ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-ekwipaġġ tal-linji tal-ajru li jfixklu b’mod sinifikanti l-operat tas-servizzi tal-ajru minn jew lejn l-ajruporti moqdija, inklużi projbizzjonijiet f’daqqa fuq id-dħul jew il-qbid tal-ekwipaġġ f’postijiet mhux mistennija minħabba miżuri ta’ kwarantina.”;

    (ii)

    jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Il-punt (e) għandu japplika fil-perjodu li matulu japplikaw il-miżuri msemmija f’dak il-punt u fil-limiti msemmija fit-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi, għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sitt ġimgħat. Madankollu, fejn il-miżuri msemmija fil-punt (e) ma jibqgħux japplikaw anqas minn sitt ġimgħat qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ skedar, il-punt (e) għandu japplika għall-bqija tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat biss meta s-slots fil-perjodu ta’ skedar sussegwenti jintużaw għall-istess rotta.

    Il-punt (e) għandu japplika biss għas-slots użati għal rotot li għalihom kienu diġà ntużaw mit-trasportatur tal-ajru qabel il-pubblikazzjoni tal-miżuri msemmija f’dak il-punt.

    Il-punt (e) ma għandux jibqa’ japplika fejn it-trasportatur tal-ajru juża s-slots inkwistjoni biex jibdel għal rotta mhux affettwata mill-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi.

    It-trasportaturi tal-ajru jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ użu ta’ slot f’konformità mal-punt (e) għal massimu ta’ żewġ perjodi ta’ skedar konsekuttivi.”;

    (c)

    it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Fost it-talbiet minn membri ġodda, għandha tingħata preferenza lil trasportaturi tal-ajru li jikkwalifikaw għal status ta’ membri ġodda skont l-Artikolu 2(b)(i) u (ii), jew l-Artikolu 2(b)(i) u (iii) jew l-Artikolu 2(ba)(i) u (ii).”;

    (6)

    l-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10a

    Allokazzjoni ta’ slots b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19

    1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mit-23 ta’ Jannar 2020 sad-29 ta’ Frar 2020 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment, fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru bejn l-ajruporti fl-Unjoni u l-ajruporti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    3.   Fir-rigward tas-slots li ma kinux saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2a), matul il-perjodu mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021 u għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), jekk trasportatur tal-ajru juri, għas-sodisfazzjon tal-koordinatur, li s-serje ta’ slots inkwistjoni ġiet operata, kif awtorizzata mill-koordinatur, minn dak it-trasportatur tal-ajru għal mill-anqas 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar li għalih ġiet allokata, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun intitolat għall-istess serje ta’ slots għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss.

    Fir-rigward tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-valuri perċentwali msemmija fl-Artikolu 10(4) u fil-punt (a) tal-Artikolu 14(6) għandhom ikunu 50 %.

    4.   Fir-rigward ta’ slots b’data mid-9 ta’ April 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021, il-paragrafu 1 għandu japplika biss fejn it-trasportatur tal-ajru jkun irritorna s-slots rilevanti mhux użati lill-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn.

    5.   Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi tad-data ppubblikata mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-arju tal-Ajru Uniku Ewropew, li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fl-2019 qed jippersisti u, abbażi tat-tbassir tat-traffiku tal-Eurocontrol, x’aktarx li se jkompli jippersisti, u ssib ukoll, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu kif xieraq.

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li, fejn strettament meħtieġ sabiex tindirizza l-impatt li qed jevolvi tal-kriżi tal-COVID-19 dwar il-livelli tat-traffiku tal-ajru, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-valuri perċentwali msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’medda ta’ bejn 30 % u 70 %. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis il-bidliet li seħħew mill-20 ta’ Frar 2021, abbażi tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    data ppubblikata mill-Eurocontrol dwar il-livelli tat-traffiku u t-tbassir tat-traffiku;

    (b)

    l-evoluzzjoni tat-tendenzi tat-traffiku tal-ajru matul il-perjodi ta’ skedar, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni osservata mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19; u

    (c)

    indikaturi relatati mad-domanda għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u tal-merkanzija, inkluż it-tendenzi rigward id-daqs tal-flotta, l-użu tal-flotta, u l-fatturi tat-tagħbija.

    L-atti delegati skont dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf ta’ wara u mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa ta’ wara.

    6.   Fejn, fil-każ ta’ impatt fit-tul tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

    7.   Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 3, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jagħmlu kwalunkwe slot li ma jkunux beħsiebhom jużaw disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn, mhux anqas minn tliet ġimgħat qabel id-data tal-operat.”;

    (7)

    fl-Artikolu 12a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10a hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Frar 2022.”;

    (8)

    l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi jew miżuri ekwivalenti għat-trasportaturi tal-ajru li ripetutament u intenzjonalment jonqsu milli jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.”;

    (b)

    fil-paragrafu 6, jiżdied il-punt li ġej:

    “(c)

    Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 10a(3), meta koordinatur jiddetermina, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, li trasportatur tal-ajru waqqaf l-operazzjonijiet tiegħu f’ajruport u ma għadux jista’ jopera s-slots li jkunu ġew allokati lilu, il-koordinatur għandu jirtira s-serje ta’ slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru għall-bqija tal-perjodu ta’ skedar u jpoġġihom fil-ġemgħa, wara li jkun sema’ lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  Opinjoni tas-27 ta’ Jannar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2021.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

    (5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


    Top