EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2113

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2113 tat-30 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ El Salvador maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8746

ĠU L 429, 1.12.2021, p. 152–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2113/oj

1.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 429/152


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2113

tat-30 ta’ Novembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mir-Repubblika ta’ El Salvador maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Repubblika ta’ El Salvador liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fid-29 ta’ Awwissu 2021, ir-Repubblika ta’ El Salvador ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema intitolata “Comprobante electrónico de vacunación”. Ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika, li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador f’konformità mas-sistema “Comprobante electrónico de vacunación” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat ukoll lill-Kummissjoni li taċċetta ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fl-4 ta’ Novembru 2021, wara talba mir-Repubblika ta’ El Salvador, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador huma konformi ma’ sistema, il-“Comprobante electrónico de vacunación” li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/953 u li tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador f’konformità mas-sistema “Comprobante electrónico de vacunación” fihom id-data meħtieġa.

(6)

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat lill-Kummissjoni li toħroġ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn il-vaċċini attwalment jinkludu lil Comirnaty, Spikevax u CoronaVac.

(7)

Ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat ukoll lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għal testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku, iżda mhux għal testijiet rapidi tal-antiġeni.

(8)

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat lill-Kummissjoni li se toħroġ ċertifikati ta’ fejqan interoperabbli. Dawk iċ-ċertifikati huma validi għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel test pożittiv.

(9)

Barra minn hekk, ir-Repubblika ta’ El Salvador infurmat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi f’El Salvador jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u wara ma tibqax tinżamm.

(10)

Għalhekk, l-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador f’konformità mas-sistema “Comprobante electrónico de vacunación” iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma ssodisfati.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador f’konformità mas-sistema “Comprobante electrónico de vacunación” jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li r-Repubblika ta’ El Salvador tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex ir-Repubblika ta’ El Salvador tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġin mir-Repubblika ta’ El Salvador f’konformità mas-sistema “Comprobante electrónico de vacunación” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġin f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Repubblika ta’ El Salvador għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


Top