Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2084

Deċiżjoni (UE) 2021/2084 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija mwettqa b’mod konġunt minn diversi Stati Membri

PE/69/2021/INIT

ĠU L 427, 30.11.2021, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2084/oj

30.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 427/1


DEĊIŻJONI (UE) 2021/2084 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2021

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija mwettqa b’mod konġunt minn diversi Stati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 185 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex jinkiseb l-akbar impatt possibbli tal-finanzjament tal-Unjoni u l-aktar kontribut effettiv għall-objettivi ta' politika tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jipprevedi l-qafas legali u ta' politika għas-Sħubijiet Ewropej ma' sħab privati jew tas-settur pubbliku, jew it-tnejn. Is-Sħubijiet Ewropej huma element ewlieni tal-approċċ ta’ politika ta’ Orizzont Ewropa. Dawn huma stabbiliti biex iwettqu l-impenji u l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-mira ta' Orizzont Ewropa u biex jiżguraw impatt ċar għall-Unjoni, għaċ-ċittadini tagħha u għall-ambjent, li jistgħu jinkisbu b'mod aktar effettiv fi sħubija, permezz ta' viżjoni strateġika li hija kondiviża bejn is-sħab u li s-sħab huma impenjati li jwettqu, pjuttost milli mill-Unjoni waħedha.

(2)

B'mod partikolari, is-Sħubijiet Ewropej taħt il-Pilastru II ta' Orizzont Ewropa "Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea" (Pilastru II), huma mistennija li jkollhom rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi strateġiċi tal-aċċellerazzjoni tal-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs tan-NU), l-impenji tal-Unjoni fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi, adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (4) (il-“Ftehim ta' Pariġi"), kif ukoll it-tranżizzjonijiet lejn Ewropa ekoloġika u diġitali, filwaqt li jikkontribwixxu għal irkupru soċjalment, ekonomikament u ambjentalment reżiljenti. Is-Sħubijiet Ewropej huma kruċjali biex jiġu indirizzati sfidi transfruntieri kumplessi li jeħtieġu approċċ integrat. Dawn jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' trasformazzjoni, dawk sistematiċi u tas-suq billi jgħaqqdu flimkien il-firxa wiesgħa ta' atturi fil-ktajjen tal-valur, l-oqsma ta' riċerka u innovazzjoni u l-ekosistemi industrijali biex jaħdmu lejn viżjoni komuni u jsarrfuha fi pjanijiet direzzjonali konkreti u implimentazzjoni koordinata tal-attivitajiet. Barra minn hekk, dawn jagħmluha possibbli li l-isforzi u r-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq prijoritajiet komuni biex jiġu solvuti l-isfidi kumplessi li ġejjin, sabiex ikunu ta' benefiċċju għas-soċjetà.

(3)

Sabiex jitwettqu l-prijoritajiet u jagħmlu impatt, jenħtieġ li s-Sħubijiet Ewropej jiġu żviluppati permezz ta' involviment wiesa' tal-partijiet ikkonċernati rilevanti madwar l-Ewropa, inkluż l-industrija, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż fondazzjonijiet, li jappoġġaw jew iwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni. Is-Sħubijiet Ewropej jenħtieġ li jkunu wkoll waħda mill-miżuri biex jissaħħu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji fil-livell internazzjonali, bejn is-sħab tas-settur privat u s-sħab tas-settur pubbliku u bejniethom, inkluż billi jingħaqdu programmi ta' riċerka u ta' innovazzjoni u investiment transfruntier fir-riċerka u l-innovazzjoni, li jġibu benefiċċji reċiproki għan-nies u n-negozji.

(4)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija. Tali sħubija hija maħsuba li tkun mezz aktar effettiv ta’ twettiq minn sejħiet għall-proposti tradizzjonali jew sħubijiet kofinanzjati taħt il-programmi ta’ ħidma mħejjija taħt ir-raggruppamenti relatati tal-Pilastru II.

(5)

Is-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija (is-“Sħubija dwar il-Metroloġija") jenħtieġ li timplimenta l-missjoni u l-objettivi tagħha b'mod ċar, sempliċi u flessibbli sabiex issir aktar attraenti għall-industrija, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra.

(6)

Jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija tippromwovi u tippremja l-eċċellenza xjentifika u tappoġġa l-adozzjoni u l-użu sistematiku tar-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni ġġenerati fl-Unjoni, inkluż billi tiżgura li s-sejbiet tax-xjenza u tar-riċerka fundamentali tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Jenħtieġ wkoll li tistinka biex tiżgura li r-riżultati tal-azzjonijiet tagħha jiġu adottati u implimentati mill-industrija u l-innovaturi u, fl-aħħar mill-aħħar, fis-soċjetà.

(7)

Sabiex tiġi ggarantita l-eċċellenza xjentifika u f'konformità mal-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li tippromwovi l-libertà akkademika fl-Istati Parteċipanti kollha, b'mod partikolari l-libertà li titwettaq riċerka xjentifika, u tippromwovi l-ogħla standards ta' integrità xjentifika.

(8)

F'konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/695, kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat ma' Orizzont Ewropa jenħtieġ li jkun intitolat li jipparteċipa fis-Sħubija dwar il-Metroloġija. Sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ma’ pajjiżi ġirien oħra, pajjiżi terzi oħra jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-Sħubija dwar il-Metroloġija, skont il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali rilevanti għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni u l-ftehim tal-Istati Parteċipanti.

(9)

Orizzont Ewropa jintroduċi approċċ aktar strateġiku, koerenti u xprunat mill-impatt għas-Sħubijiet Ewropej, li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Ir-Regolament (UE) 2021/695 jipprevedi l-possibbiltà li jsir użu aktar effettiv mis-Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati, b’mod partikolari billi jiffoka fuq objettivi, riżultati u impatti ċari li jistgħu jinkisbu sal-2030, u billi jiżgura kontribut ċar għall-prijoritajiet tal-politika u l-politiki tal-Unjoni relatati. Kollaborazzjoni mill-qrib, komplementarjetà u sinerġiji ma' programmi u inizjattivi rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, dak nazzjonali u dak reġjonali, inkluż mal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u b'mod partikolari ma' Sħubijiet Ewropej oħra, ser ikunu kruċjali biex jitrawmu l-iżvilupp tal-innovazzjoni u r-riċerka f'oqsma oħra, jinkiseb impatt akbar u jiġi żgurat li r-riżultati jintużaw fl-oqsma rilevanti kollha fejn l-iżvilupp teknoloġiku huwa marbut mal-metroloġija, bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-enerġija, is-saħħa intelliġenti, il-klima, it-traffiku awtonomu u l-ekonomija ċirkolari.

(10)

Bid-Deċiżjoni Nru 555/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Unjoni għamlet kontribuzzjoni finanzjarja lill-Programm Ewropew tal-Metroloġija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Metrology Programme for Innovation and Research - EMPIR) li taqbel ma' dik tal-Istati parteċipanti fl-EMPIR iżda li ma taqbiżx it-EUR 300 000 000, għad-durata ta’ Orizzont 2020. L-evalwazzjoni interim tal-EMPIR f'Lulju 2017 tat bidu li ġiet issuġġerita inizjattiva ġdida.

(11)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lis-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li tkun soġġetta għal impenji formali mill-Istati Parteċipanti li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u għat-twettiq ta’ dawk l-impenji. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti jenħtieġ li jinkludu kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi relatati mal-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, soġġetta għal-limitu massimu ta' 5 % tal-baġit tagħha. L-Istati Parteċipanti jenħtieġ li jimpenjaw ruħhom li jżidu, jekk ikun meħtieġ, il-kontribuzzjoni tagħhom għas-Sħubija dwar il-Metroloġija billi jistabbilixxu kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva biex jiżguraw li jkunu jistgħu jiffinanzjaw l-entitajiet nazzjonali tagħhom, l-istituti nazzjonali tal-metroloġija (national metrology institutes - NMIs) u l-istituti ddeżinjati (designated institutes - DIs) li jipparteċipaw fl-attivitajiet tas-Sħubija dwar il-Metroloġija. L-implimentazzjoni konġunta tas-Sħubija dwar il-Metroloġija teħtieġ struttura ta’ implimentazzjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun immaniġġjata f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u mar-regoli rilevanti dwar il-ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(12)

Is-Sħubija dwar il-Metroloġija, li hija allinjata mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ekonomija għas-servizz tan-nies, u Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, jenħtieġ li tiġi implimentata fuq perijodu ta' għaxar snin, mill-2021 sal-2031. Is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li tinkludi attivitajiet ġodda meta mqabbel mal-EMPIR, u, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' networks Ewropej tal-metroloġija, li jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod miftuħ u trasparenti bl-għan li jirrispondu għall-isfidi urġenti tas-soċjetà u dawk ambjentali u l-ħtiġijiet tal-metroloġija minn teknoloġiji u innovazzjonijiet emerġenti. Il-kapaċità tal-metroloġija pprovduta permezz ta’ dawk in-networks jenħtieġ li tkun ekwivalenti u komparabbli mas-sistemi l-oħrajn tal-metroloġija ewlenin fid-dinja u turi eċċellenza ta’ klassi dinjija. Is-sejħiet għal proposti taħt is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li jitnedew matul l-implimentazzjoni ta' Orizzont Ewropa u jenħtieġ li jkunu miftuħa, trasparenti u kompetittivi. Is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tat-talenti u l-iżvilupp tal-ħiliet, inkluż permezz ta' opportunitajiet ta’ taħriġ f'ħiliet u taħriġ mill-ġdid.

(13)

L-attivitajiet tas-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li jitwettqu f’konformità mal-objettivi u l-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa u f’konformità mal-prinċipji u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10 u l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/695, li jappoġġaw, fost oħrajn, l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija Ewropea, b'mod partikolari mill-SMEs u, fl-aħħar mill-aħħar, fis-soċjetà.

(14)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu massimu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni fis-Sħubija dwar il-Metroloġija għad-durata ta’ Orizzont Ewropa. Fi ħdan il-limitu ta’ dak il-limitu massimu, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun daqs il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti ħalli jintlaħaq effett qawwi ta’ ingranaġġ u tkun żgurata integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-programmi tal-Istati Parteċipanti.

(15)

Jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija tiġi ffinanzjata mill-programmi tal-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (8). F'konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/695, jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija jkollha approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja. Sabiex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti b'mod adegwat, jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija tiġi stabbilita għal perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2031 biex tkun tista' teżerċita r-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' għotjiet sakemm jitlestew l-aħħar azzjonijiet indiretti mnedija.

(16)

F'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/695, l-objettiv ġenerali ta' Orizzont Ewropa huwa li jwassal impatt xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku u tas-soċjetà mill-investimenti tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jissaħħu l-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni u titrawwem il-kompetittività tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, inkluż fl-industrija tagħha, jitwettqu l-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, jingħata kontribut għar-realizzazzjoni tal-objettivi u l-politiki tal-Unjoni, jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluż l-SDGs tan-NU billi jiġu segwiti l-prinċipji li ġejjin tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u f’konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, u biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(17)

L-Istati Parteċipanti qablu dwar l-istruttura ta’ implimentazzjoni għall-inizjattivi predeċessuri, jiġifieri l-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (European Metrology Research Programme - EMRP) u l-EMPIR. Fl-2007, l-EURAMET e.V. (EURAMET), l-Organizzazzjoni Reġjonali Ewropea tal-Metroloġija u assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ skont il-liġi Ġermaniża, ġiet stabbilita biex isservi bħala din l-istruttura. L-EURAMET għandha wkoll kompiti u obbligi relatati mal-armonizzazzjoni Ewropea u globali usa’ tal-metroloġija. Is-sħubija tal-EURAMET hi miftuħa għall-NMIs Ewropej kollha, bħala membri, u għad-DIs Ewropej, bħala assoċjati. Is-sħubija fl-EURAMET ma tiddependix mill-eżistenza ta’ programmi nazzjonali tar-riċerka fil-metroloġija. Billi, skont ir-rapport ta' evalwazzjoni interim tal-EMPIR, instab li l-istruttura tal-governanza tal-EURAMET kienet effiċjenti u ta’ kwalità għolja għall-implimentazzjoni tal-EMRP u tal-EMPIR, l-EURAMET jenħtieġ li tintuża wkoll għall-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija. Għalhekk, l-EURAMET jenħtieġ li timmaniġġa l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(18)

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li jiġu mmaniġġati ċentralment mill-EURAMET f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/695. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Parteċipanti jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti lil NMIs ddeżinjati abbażi ta’ approċċ koordinat permezz tal-kumitat ta’ sħubija dwar il-metroloġija.

(19)

Is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li tistinka għall-promozzjoni effettiva ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd u, b'mod partikolari, tiżgura, sa fejn ikun possibbli, bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi rilevanti tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, kif ukoll f’panels ta' evalwazzjoni u f'korpi konsultattivi rilevanti oħra.

(20)

Skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) 2021/695 u r-regoli rilevanti dwar il-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel il-membri tal-Grupp ta' Tmexxija tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, b'mod partikolari billi tqis id-divulgazzjoni rilevanti ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess.

(21)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Isħubija dwar il-Metroloġija, l-EURAMET jenħtieġ li tagħti appoġġ finanzjarju, l-aktar fil-forma ta’ għotjiet lill-parteċipanti f’azzjonijiet li jintgħażlu fil-livell tal-EURAMET. Jenħtieġ li dawk l-azzjonijiet jintgħażlu wara sejħiet għal proposti miftuħa, trasparenti u kompetittivi taħt ir-responsabbiltà tal-EURAMET. Jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija tuża l-aħjar sforzi tagħha biex iżżid il-viżibbiltà tas-sejħiet għal proposti billi tippubblikahom fuq il-portal ta' Orizzont Ewropa għall-parteċipanti b'mod f'waqtu, u billi tippromwovi u tirreklama b'mod wiesa' s-sejħiet għal proposti, bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni ta' parteċipanti ġodda. Il-lista ta' klassifikazzjoni jenħtieġ li tkun vinkolanti għall-għażla tal-proposti u għall-allokazzjoni tal-finanzjament mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti għal proġetti ta' riċerka u l-attivitajiet relatati. F'konformità mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2021/695, u l-programm ta' ħidma ta' Orizzont Ewropa, il-programm ta' ħidma annwali jenħtieġ li jkun jista' jinkludi kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-involviment tal-SMEs, id-diversità tal-ġeneru u dik ġeografika fost ir-regoli għat-trattament tal-proposti ex-aequo. Għall-attivitajiet iffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti għan-networks Ewropej tal-metroloġija, l-azzjonijiet iffinanzjati jenħtieġ li jkunu wkoll taħt ir-responsabbiltà tal-EURAMET.

(22)

Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti ffinanzjati mis-Sħubija dwar il-Metroloġija hija soġġetta għar-Regolament (UE) 2021/695. Madankollu, minħabba ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, b'mod partikolari l-bini u l-ġestjoni ta’ networks Ewropej tal-metroloġija futuri u l-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja adegwata tal-Istati Parteċipanti, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi previst li r-rwol tal-koordinatur f'azzjonijiet indiretti, mis-sottomissjoni tal-proposta sat-tmiem tal-proġett, jiġi limitat għall-NMIs u għad-DIs tal-Istati Parteċipanti, fejn strettament meħtieġ, u b'kont meħud tal-parir tal-Grupp ta' Tmexxija, jekk ikun hemm.

(23)

Jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti jiġu żgurati permezz ta’ finanzjament istituzzjonali mill-NMIs tagħhom u mid-DIs tagħhom. Il-varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet sottostanti jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-objettivi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u tiġi stabbilita fil-programmi ta’ ħidma annwali, b’rabtiet mal-kostijiet operazzjonali u man-nefqa. Il-kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jkopru, fost l-oħrajn, il-kostijiet tas-servizzi li jwasslu direttament kalibrazzjonijiet u servizzi oħra traċċabbli għas-Sistema Internazzjonali tal-Unitajiet. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti jenħtieġ li jinkludu wkoll kontribuzzjoni finanzjarja għall-kostijiet amministrattivi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

(24)

Sabiex jiġu żgurati l-ftuħ, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, is-sejħiet għal proposti jenħtieġ li jiġu ppubblikati wkoll b'mod faċli għall-utent fuq il-portal uniku għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi oħra ta' disseminazzjoni ta' Orizzont Ewropa ġestiti mill-Kummissjoni. Sabiex ikun hemm involviment mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà u jiġu attirati parteċipanti ġodda minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati tar-riċerka u l-industrija, inkluż l-SMEs, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jenħtieġ li s-Sħubija dwar il-Metroloġija twettaq firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, inkluż id-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati, attivitajiet promozzjonali u ta' sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija lil hinn mill-Unjoni.

(25)

Il-funzjonament tal-mudell ta’ finanzjament fir-rigward tal-prinċipju ta’ tqabbil bejn il-fondi tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi vvalutat mill-ġdid meta tkun qed issir l-evalwazzjoni interim tas-Sħubija dwar il-Metroloġija sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju tat-tqabbil għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Parteċipanti jiġi rrispettat.

(26)

Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa permezz ta' miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tan-nefqa kollu kemm hu, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod ħażin u, fejn xieraq, il-penali amministrattivi u finanzjarji.

(27)

Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha d-dritt li tittermina, tnaqqas b’mod proporzjonat jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jekk is-Sħubija dwar il-Metroloġija tiġi implimentata b’mod inadegwat, parzjalment biss jew tard, jew jekk Stat Parteċipanti ma jikkontribwix għall-finanzjament tas-Sħubija dwar il-Metroloġija jew jikkontribwixxi għaliha parzjalment biss jew tard. Dawk id-drittijiet jenħtieġ li jiġu previsti fil-ftehim dwar il-kontribuzzjoni li għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni u l-EURAMET.

(28)

Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv ta’ dawk kollha kkonċernati jenħtieġ li jitnaqqsu. Awditi doppji u dokumentazzjoni u rappurtar sproporzjonati jenħtieġ li jiġu evitati. Meta jsiru l-awditi, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tal-programmi nazzjonali, kif xieraq. Awditi ta' riċevituri ta' fondi tal-Unjoni pprovduti f'konformità ma' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiżguraw tnaqqis fil-piż amministrattiv, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(29)

Jenħtieġ li l-EURAMET u l-Istati Parteċipanti fuq talba mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Qorti tal-Awdituri, jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li l-Kummissjoni tkun teħtieġ li tinkludi fl-evalwazzjoni tagħha tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

(30)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni interim mhux aktar tard mill-2025, li tivvaluta b'mod partikolari l-kwalità u l-effiċjenza tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, il-progress li sar lejn il-kisba tal-objettivi stabbiliti u evalwazzjoni finali mhux aktar tard mill-2030 u jenħtieġ li tippubblika u xxerred ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ dawk l-evalwazzjonijiet. f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/695, is-Sħubija dwar il-Metroloġija jenħtieġ li jkollha approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja, tkun limitata fiż-żmien u tinkludi kondizzjonijiet għat-tneħħija gradwali tal-finanzjament taħt Orizzont Ewropa. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-evalwazzjonijiet jivvalutaw ir-rilevanza u l-koerenza ta' kwalunkwe tiġdid possibbli.

(31)

L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija dwar il-Metroloġija sabiex tappoġġa l-objettivi ġenerali tagħha. Ir-rekwiżiti tal-metroloġija huma ta’ tali skala u kumplessità li huma meħtieġa investimenti li jmorru lil hinn mill-baġits tar-riċerka ewlenin tal-NMIs u d-DIs. L-eċċellenza meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-metroloġija avvanzati hi mifruxa fost il-fruntieri nazzjonali u għalhekk ma tistax tinkiseb biss fuq livell nazzjonali. Minħabba li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni billi jiġu integrati l-isforzi nazzjonali f'approċċ Ewropew konsistenti, billi jingħaqdu flimkien programmi nazzjonali kompartimentalizzati ta' riċerka u ta' innovazzjoni, billi tingħata għajnuna biex jitfasslu strateġiji komuni ta' riċerka u finanzjament bejn il-fruntieri nazzjonali, u billi tinkiseb il-massa kritika ta' atturi u ta' investimenti meħtieġa, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(32)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b'urġenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fis-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija

1.   L-Unjoni għandha tipparteċipa fis-Sħubija Ewropea dwar il-Metroloġija (is-“Sħubija dwar il-Metroloġija"), Sħubija Ewropea Istituzzjonalizzata kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/695, imwettqa b'mod konġunt mill-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja (l-"Istati Parteċipanti"), f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

2.   Kwalunkwe Stat Membru mhux imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe pajjiż terz assoċjat ma' Orizzont Ewropa jista' jipparteċipa fis-Sħubija dwar il-Metroloġija, dment li jissodisfa l-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 4(1), il-punt (c). Tali Stati Membri u pajjiżi terzi għandhom jitqiesu bħala Stati Parteċipanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma' Orizzont Ewropa jista' jipparteċipa fis-Sħubija dwar il-Metroloġija, dment li:

(a)

jikkonkludi ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sħubija dwar il-Metroloġija;

(b)

jikseb l-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Sħubija dwar il-Metroloġija f’konformità mal-Artikolu 14(3), il-punt (g); u

(c)

jissodisfa l-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 4(1), il-punt (c).

Pajjiż terz li jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu għandu jitqies bħala Stat Parteċipanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Objettivi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija

1.   Is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/695, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha, permezz tal-involviment u l-impenn tas-sħab fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' programm ta' ħidma annwali kif imsemmi fl-Artikolu 7, issegwi l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li tiżviluppa sistema tal-metroloġija sostenibbli, eċċellenti u kkoordinata fil-livell Ewropew, biex b'hekk tgħin sabiex jitnaqqas id-distakk fl-investiment bejn l-Ewropa u l-kompetituri globali tagħha;

(b)

li tiżgura li l-kapaċitajiet tal-metroloġija tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku jiġu adottati b'mod estiż mill-innovaturi fl-ekosistemi tagħhom u lil hinn minnhom;

(c)

li żżid l-impatt tal-metroloġija fuq l-isfidi tas-soċjetà b'rabta mal-implimentazzjoni tal-politiki, l-istandards u r-regolamenti, fost l-oħrajn fl-oqsma diġitali, ekonomiċi, industrijali u ambjentali, sabiex tagħmilhom adattati għall-iskop tagħhom.

3.   Meta timplimenta l-objettivi ġenerali stipulati fil-paragrafu 2, is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha ssegwi l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li, sal-2030, tiżviluppa kapaċitajiet ta' riċerka ġodda mibnija fil-qafas ta' networks Ewropej tal-metroloġija ġodda u li f'termini ta' kapaċitajiet ta' kalibrazzjoni u kejl iwettqu mill-anqas daqs l-istituti tal-metroloġija ewlenin barra mill-Istati Parteċipanti;

(b)

li, sal-2030, tappoġġa l-bejgħ ta' prodotti u servizzi innovattivi ġodda permezz tal-użu u l-adozzjoni tal-kapaċitajiet ġodda tal-metroloġija f'teknoloġiji emerġenti u abilitanti ewlenin;

(c)

li tikkontribwixxi għall-ħolqien u t-tixrid ta' għarfien, kompetenzi u ħiliet ġodda ta' kwalità għolja madwar l-Unjoni fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja u bil-għan li tinkiseb it-trasformazzjoni tas-soċjetà, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità għall-innovazzjoni;

(d)

li, sal-2030, tikkontribwixxi b'mod sħiħ u effettiv għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta' standards u regolamenti speċifiċi li jirfdu l-politiki pubbliċi li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, ekonomiċi u ambjentali;

(e)

li tisfrutta l-potenzjal tal-metroloġija fost l-utenti aħħarin, inkluż l-SMEs u l-partijiet ikkonċernati industrijali, bħala strument li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi.

Artikolu 3

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għas-Sħubija dwar il-Metroloġija

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, lis-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha tkun sa EUR 300 miljun biex taqbel mal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 1(1). L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jista' jiżdied b'kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi assoċjati ma' Orizzont Ewropa, f'konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, dment li l-ammont totali li bih tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jkun mill-inqas daqs il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, kwalunkwe kontribuzzjoni mill-Istati Parteċipanti għal kostijiet amministrattivi relatati mal-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija li taqbeż l-5 % tal-kontribuzzjonijiet totali kkombinati għas-Sħubija dwar il-Metroloġija ma għandhiex titqies.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (9).

4.   L-EURAMET e.V. (EURAMET) għandha tuża l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni biex tiffinanzja l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a).

5.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex tintuża biex tkopri l-kostijiet amministrattivi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

6.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji taħt il-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, kif ukoll mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jistgħu jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet minn Stat Membru li huwa Stat Parteċipanti, soġġetti għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-regolamenti li jistipulaw ir-regoli speċifiċi applikabbli għal kull wieħed minn dawk il-fondi.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata bil-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-Istati Parteċipanti juru li s-Sħubija dwar il-Metroloġija hija stabbilita skont din id-Deċiżjoni;

(b)

id-deżinjazzjoni mill-Istati Parteċipanti, jew mill-NMIs ddeżinjati minnhom, tal-EURAMET bħala l-istruttura responsabbli għall-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u sabiex tiġi rċevuta, allokata u ssorveljata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(c)

l-impenn ta’ kull Stat Parteċipanti biex jikkontribwixxi għall-finanzjament tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u biex jistabbilixxi kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ 50 % tal-ammont tal-impenn;

(d)

il-wiri mill-EURAMET tal-kapaċità tagħha li timplimenta s-Sħubija dwar il-Metroloġija, inkluż li tirċievi, talloka u tissorvelja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-qafas ta' ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 62 u 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

(e)

l-istabbiliment ta’ mudell ta’ governanza għas-Sħubija dwar il-Metroloġija f'konformità mal-Artikoli 13 sa 16.

2.   Matul l-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha wkoll tingħata bil-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni mill-EURAMET tal-attivitajiet tas-Sħubija dwar il-Metroloġija stabbiliti fl-Artikolu 6 f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2;

(b)

iż-żamma ta’ mudell ta’ governanza effiċjenti f’konformità mal-Artikoli 13 sa 16;

(c)

il-konformità mill-EURAMET mar-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 155 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

(d)

it-twettiq mill-Istati Parteċipanti tal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c).

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għas-Sħubija dwar il-Metroloġija

1.   L-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jagħtu, jew jagħmlu arranġamenti biex il-korpi ta’ finanzjament nazzjonali tagħhom jagħtu kontribuzzjonijiet, kemm finanzjarji kif ukoll in natura, ta’ mill-anqas EUR 363 miljun matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2031.

Sehem mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għandu jkun fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji. L-Istati Parteċipanti għandhom jirranġaw bejniethom il-kontribuzzjonijiet kollettivi tagħhom u kif ser iwassluhom.

2.   Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għandhom jikkonsistu minn dawn li ġejjin:

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura għall-attivitajiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1); u

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura biex ikopru l-kostijiet amministrattivi kollha tal-EURAMET.

3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu, għandhom ikopru l-kostijiet imġarrba mill-Istati Parteċipanti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (b), wara li titnaqqas kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja diretta jew indiretta tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet.

4.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew in natura msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandhom ikopru l-kostijiet imġarrba mill-Istati Parteċipanti fir-rigward tal-kostijiet amministrattivi tal-EURAMET għall-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija. Dawk il-kostijiet amministrattivi ma għandhomx jaqbżu l-5 % tal-baġit totali tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

5.   Għall-fini tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), ta' dan l-Artikolu, il-kostijiet għandhom jiġu ddeterminati skont approċċ armonizzat, li jinkludi kriterji u proċessi, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija f’konformità mal-Artikolu 14. Sa fejn ikun possibbli, ir-rapportar ta' kostijiet għandu jsegwi l-proċeduri ta' rapportar stipulati fir-Regolament (UE) 2021/695, filwaqt li jittieħed kont tal-prattiki kontabilistiċi tas-soltu tal-Istati Parteċipanti jew tal-korpi ta’ finanzjament nazzjonali kkonċernati, l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-Istat Parteċipanti fejn hemm stabbiliti l-korpi ta’ finanzjament nazzjonali kkonċernati, u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju applikabbli. Il-kostijiet għandhom jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti maħtur mill-Istati Parteċipanti jew mill-korpi ta’ finanzjament nazzjonali kkonċernati.

6.   Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għandhom isiru wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali.

Jekk il-programm ta’ ħidma annwali jiġi adottat matul is-sena ta’ referenza il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), li jkunu nklużi fil-programm ta’ ħidma annwali jistgħu jinkludu l-kontribuzzjonijiet li jkunu saru mill-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), li jsiru wara l-1 ta’ Diembru 2021 jistgħu jgħoddu bħala kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti, dment li jkunu inklużi fl-ewwel programm ta’ ħidma annwali tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

Artikolu 6

Attivitajiet tal-EURAMET

1.   Is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha tappoġġa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni permezz ta’:

(a)

azzjonijiet indiretti skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (43), tar-Regolament (UE) 2021/695 iffinanzjati mill-EURAMET f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni, prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet wara sejħiet għal proposti miftuħa, trasparenti u kompetittivi tranżnazzjonali organizzati mill-EURAMET, inklużi:

(i)

azzjonijiet xjentifiċi u tekniċi li jappoġġaw metroloġija xjentifika fundamentali li jħejju l-bażi għall-passi suċċessivi kollha inklużi r-riċerka u l-iżvilupp fil-metroloġija applikata u servizzi relatati mal-metroloġija;

(ii)

riċerka dwar il-metroloġija biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali, ekonomiċi u ambjentali li jiffukaw fuq il-kontribuzzjonijiet għat-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet sostenibbli fis-setturi tal-enerġija, diġitali u tas-saħħa, kif ukoll fir-rigward tal-ambjent u tal-klima, u biex jiġu żviluppati proġetti f’networks Ewropej tal-metroloġija speċifiċi li jindirizzaw dawk l-isfidi;

(iii)

riċerka ħalli tiġi żviluppata istrumentazzjoni tal-kejl ġdida bil-għan li jissaħħaħ l-użu industrijali u kummerċjali Ewropew tat-teknoloġiji metroloġiċi li jistimulaw l-innovazzjoni fl-industrija;

(iv)

riċerka u żvilupp prenormattivi u konormattivi dwar il-metroloġija b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika, ir-regolamenti u l-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni fis-suq u l-adozzjoni mis-soċjetà ta’ prodotti u servizzi sostenibbli u innovattivi;

(v)

l-iskambju tal-aħjar prattiki b'rabta mar-riċerka dwar il-metroloġija mwettqa fil-livell nazzjonali;

(b)

attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li jikkonsistu fl-attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-metroloġija f’livelli teknoloġiċi differenti sabiex tinkiseb l-aktar sistema wiesgħa possibbli ta’ metroloġija li tkun ibbilanċjata u integrata fl-Istati Parteċipanti li tippermettilhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet xjentifiċi u tekniċi tagħhom fil-metroloġija, u li jinkludu attivitajiet mhux magħżula mis-sejħiet għal proposti imsemmija fil-punt (a), ta' dan l-Artikolu, kif deskritti fil-programmi ta’ ħidma annwali, kif ukoll kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

attivitajiet taħt il-programmi nazzjonali tal-Istati Parteċipanti bħal proġetti tranżnazzjonali li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet stipulati f’network Ewropew tal-metroloġija u l-kumitati tekniċi tal-EURAMET;

(ii)

azzjonijiet għad-disseminazzjoni l-isfruttament tar-riżultati, inkluż fl-industrija u mill-SMEs, ta’ riċerka dwar il-metroloġija b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ fl-Ewropa, bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-attivitajiet tal-EURAMET għall-pubbliku b’mod faċli għall-utent;

(iii)

attivitajiet biex titqajjem kuxjenza u jiġu promossi attivitajiet u kampanji edukattivi u ta’ disseminazzjoni u biex tiġi pprovduta informazzjoni xierqa fuq is-sit web tal-EURAMET, u l-pubblikazzjoni ta’ dokumentazzjoni rilevanti;

(iv)

azzjonijiet li jindirizzaw speċifikament l-istituti tal-metroloġija li ma għandhomx kapaċitajiet xjentifiċi jew li għandhom kapaċitajiet limitati, billi jgħinuhom jużaw programmi oħra reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni għat-taħriġ u l-mobbiltà, il-kooperazzjoni transfruntiera jew l-investiment f’infrastruttura tal-metroloġija;

(v)

l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ disseminazzjoni estern u trasferiment ta’ għarfien biex is-Sħubija dwar il-Metroloġija tiġi promossa b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ fl-Unjoni u lil hinn minnha sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tagħha.

2.   Qabel ma tidentifika s-suġġetti ta’ kull sejħa għal proposti msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-EURAMET għandha tistieden pubblikament individwi jew organizzazzjonijiet, inkluż l-SMEs, u l-katina tal-valur ġenerali tal-metroloġija biex jissuġġerixxu suġġetti potenzjali ta’ riċerka b'mod trasparenti.

Artikolu 7

Programm ta' ħidma annwali

1.   Is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandha tiġi implimentata abbażi ta’ programmi ta’ ħidma annwali li jkopru attivitajiet li għandhom jitwettqu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ sena partikolari (is-“sena ta’ referenza”).

2.   Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija msemmi fl-Artikolu 14 għandu jadotta l-programmi ta’ ħidma annwali sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ referenza, wara li jikseb approvazzjoni mill-Kummissjoni. Fl-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali, kemm il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jaġixxu mingħajr dewmien żejjed. Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jqiegħed il-pjan ta’ ħidma annwali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.   L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) u (b), għandhom jitniedu biss fis-sena ta’ referenza u biss wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għal dik is-sena.

4.   L-attivitajiet jistgħu jiġu ffinanzjati mill-EURAMET biss jekk dawn ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiddistingwi bejn l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (b), u l-kostijiet amministrattivi tal-EURAMET. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom u l-baġit li jkun qiegħed jiġi allokat għal attivitajiet iffinanzjati bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u għal attivitajiet iffinanzjati mill-Istati Parteċipanti mingħajr dik il-kontribuzzjoni. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (b).

5.   Kwalunkwe programm ta’ ħidma annwali emendat għal sena ta’ referenza u l-programmi ta’ ħidma annwali għas-snin ta’ referenza sussegwenti għandhom iqisu r-riżultati ta’ sejħiet għal proposti preċedenti. Huma għandhom jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw il-kopertura insuffiċjenti ta’ suġġetti xjentifiċi b’mod partikolari dawk indirizzati inizjalment fl-attivitajiet skont l-Artikolu 6(1), il-punt (b), li ma setgħux jiġu ffinanzjati b’mod adegwat.

6.   Is-sejħiet għal proposti taħt il-programmi ta’ ħidma annwali rilevanti, għandhom jiġu mnedija sal-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament iġġustifikati, dawn jistgħu jiġu mnedija sal-31 ta’ Diċembru 2028.

7.   Il-EURAMET għandha twettaq monitoraġġ, u għandha tibgħat rapport kull sena lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha inklużi fil-programm ta’ ħidma annwali mingħajr ma żżid il-piż amministrattiv tal-benefiċjarji. Ir-rapport annwali għandu jkun disponibbli għall-pubbliku b'mod f'waqtu fuq is-sit web tal-EURAMET.

8.   Kwalunkwe komunikazzjoni jew pubblikazzjoni relatata mal-attivitajiet tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u mwettqa f’kooperazzjoni mas-Sħubija dwar il-Metroloġija, kemm jekk imwettqa mill-EURAMET, minn Stat Parteċipanti jew mill-korpi ta’ finanzjament nazzjonali tiegħu, jew parteċipanti f’attività, għandhom jiġu ttikkettati jew kotikkettati bħala kofinanzjati mis-Sħubija dwar il-Metroloġija taħt Orizzont Ewropa.

Artikolu 8

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.   Il-EURAMET għandha titqies li hija korp ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt 14, tar-Regolament (UE) 2021/695 u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 6(2) ta' dak ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (UE) 2021/695, b’mod partikolari r-regoli għall-parteċipazzjoni, ix-xjenza miftuħa u d-disseminazzjoni stipulati hemmhekk, għandu japplika għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), ta' din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 17(2) ta' dak ir-Regolament, fejn strettament meħtieġ u wara li ssir konsultazzjoni mal-Grupp ta' Tmexxija msemmi fl-Artikolu 15 ta’ din id-Deċiżjoni fejn il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija jitlob tali konsultazzjoni, il-programm ta’ ħidma annwali jista’ jipprevedi limitazzjoni tar-rwol tal-koordinatur f’azzjonijiet indiretti, mis-sottomissjoni tal-proposta sa tmiem il-proġett, għall-NMIs u d-DIs tal-Istati Parteċipanti, sabiex jiġi żgurat li l-objettivi u l-miri ta’ kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti jintlaħqu.

3.   Il-EURAMET għandha tiżgura interazzjonijiet xierqa mal-NMIs u mad-DIs fl-azzjonijiet indiretti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), skont id-deżinjazzjoni mill-awtorità nazzjonali xierqa. Il-EURAMET għandha tħeġġeġ u tappoġġa wkoll il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet oħra, inkluż SMEs, fis-sejħiet kollha għall-proposti.

Artikolu 9

Ftehimiet bejn l-Unjoni u l-EURAMET

Sakemm jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni, il-EURAMET għandha tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 62(3) u l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 10

Terminazzjoni, tnaqqis jew sospensjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Jekk is-Sħubija dwar il-Metroloġija tonqos milli tissodisfa l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi fdata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi dik il-kontribuzzjoni.

2.   Jekk Stat Parteċipanti ma jikkontribwix għall-finanzjament tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, jikkontribwixxi biss parzjalment jew ma jirrispettax il-perijodi ta’ żmien għall-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex tfixkel ir-rimborż tal-kostijiet eliġibbli diġà mġarrba mill-Istat Parteċipanti qabel ma d-deċiżjoni li ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi nnotifikata lis-Sħubija dwar il-Metroloġija.

Artikolu 11

Awditi ex post

1.   L-awditi ex-post tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), ta' din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu mill-EURAMET f’konformità mal-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq hi stess l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha twettaq tali awditi f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-Artikolu 127 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Waqt l-implimentazzjoni tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

3.   Il-EURAMET għandha tagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, l-aċċess għas-siti u għall-postijiet tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluż informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa biex iwettqu l-awditi tagħhom.

4.   L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, fosthom verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (12) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim, deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat taħt din id-Deċiżjoni.

5.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista’ jwettaq investigazzjonijiet f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (13), bil-għan li jinvestiga reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-EURAMET, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-UPPE u lill-OLAF, biex iwettqu tali awditi, verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 13

Governanza tas-Sħubija dwar il-Metroloġija

1.   Il-korpi li jirregolaw is-Sħubija dwar il-Metroloġija għandhom jinkludu mill-anqas dan li ġej:

(a)

Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija;

(b)

Grupp ta’ Tmexxija;

(c)

Segretarjat tal-EURAMET.

2.   Il-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex ifittxu kompożizzjoni bbilanċjata f’termini ta’ ħiliet, esperjenza, għarfien, diversità ġeografika u ġeneru.

Artikolu 14

Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija

1.   Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jimmaniġġa s-Sħubija dwar il-Metroloġija b'mod trasparenti, filwaqt li jiżgura li s-Sħubija dwar il-Metroloġija kif imwettqa tissodisfa l-objettivi tagħha.

2.   Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed u minn rappreżentant supplenti wieħed minn kull Stat Parteċipanti. L-ippeżar tal-voti għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-impenji minn kull Stat Parteċipanti skont l-għerq kwadrat tal-impenn.

3.   Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu, b’mod partikolari:

(a)

jieħu deċiżjonijiet dwar l-aġenda strateġika ta' riċerka u ta' innovazzjoni, u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku;

(b)

jieħu deċiżjonijiet dwar l-ippjanar ta’ sejħiet għal proposti u dwar il-proċedura ta’ reviżjoni tal-evalwazzjoni kif previst fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2021/695;

(c)

jadotta l-programm ta’ ħidma annwali wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Grupp ta’ Tmexxija msemmi fl-Artikolu 15 u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku;

(d)

jieħu deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-proposti li għandhom jiġu ffinanzjati skont il-listi ta’ klassifikazzjoni stabbiliti wara l-evalwazzjonijiet tal-proposti wara s-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a) ta' din id-Deċiżjoni;

(e)

jadotta miżuri biex jattira parteċipanti ġodda;

(f)

jissorvelja l-progress tal-attivitajiet tal-EURAMET imsemmija fl-Artikolu 6;

(g)

japprova l-parteċipazzjoni fis-Sħubija dwar il-Metroloġija ta’ kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, dment li dak il-pajjiż terz jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), il-punti (a) u (c);

(h)

sal-31 ta’ Diċembru 2021, jistabbilixxi approċċ armonizzat, li jinkludi kriterji u proċessi, għall-fini ta’ valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura msemmija fl-Artikolu 5(2).

Għall-fini tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f'konformità mal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-programm ta’ ħidma annwali jista’ jinkludi regoli biex jiġu ttrattati proposti ex-aequo f'konformità mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2021/695 u l-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha status ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija. Madankollu, l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali mill-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandha teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jistieden lill-Kummissjoni għal-laqgħat tiegħu u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dokumenti rilevanti kollha. Il-Kummissjoni tista’ tieħu sehem fid-diskussjonijiet tal-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija. L-aġenda, il-lista tal-parteċipanti u d-deċiżjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku b'mod f'waqtu fuq is-sit web tal-EURAMET.

5.   Il-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jaħtar il-President u d-Deputat President tiegħu skont l-ippeżar tal-voti stabbilit fil-paragrafu 2. Il-President tal-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija għandu jirrappreżenta lill-EURAMET fi kwistjonijiet relatati mas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

Artikolu 15

Grupp ta' Tmexxija

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Tmexxija. Il-Kummissjoni għandha tfittex rappreżentanza bbilanċjata ġeografikament fost il-membri tagħha u bejn il-ġeneri kif ukoll bilanċ f’termini tal-kompetenza u l-għarfien espert meħtieġa. Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun korp konsultattiv tas-Sħubija dwar il-Metroloġija u għandu jagħti pariri lis-Sħubija dwar il-Metroloġija dwar il-prijoritajiet emerġenti għar-riċerka dwar il-metroloġija fil-livell Ewropew u dwar kif tista' żżid l-impatt tar-riċerka tagħha fuq l-industrija, l-ekonomija u s-soċjetà Ewropea. Għandu b’mod partikolari:

(a)

jidentifika teknoloġiji, innovazzjonijiet, swieq u applikazzjonijiet industrijali emerġenti fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-metroloġija jistgħu jsiru rilevanti fil-futur;

(b)

jidentifika oqsma ta’ riċerka li jikkontribwixxu għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u għall-għan tal-Unjoni li tikseb newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, inkluż għar-regolamenti u l-istandards rilevanti;

(c)

jagħti pariri lis-Sħubija dwar il-Metroloġija dwar il-prijoritajiet għall-programmi ta’ ħidma futuri tagħha.

2.   Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn 15-il membru:

(a)

erba’ rappreżentanti minn dawk li jistabbilixxu l-istandards Ewropej u regolaturi maħtura mill-EURAMET;

(b)

erba’ rappreżentanti minn Sħubijiet Ewropej differenti stabbiliti f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/695, li l-Kummissjoni għandha taħtar b’mod miftuħ u trasparenti, billi tiżgura d-diversità ta' għarfien espert u ta' sfond;

(c)

erba’ rappreżentanti mill-komunità xjentifika Ewropea, maħtura mill-Kummissjoni wara proċess miftuħ u trasparenti, abbażi ta' sejħa għal espressjoni ta’ interess, li tfittex rappreżentanza ġeografika u bbilanċjata bejn il-ġeneri, li jkopru l-kompetenzi u l-għarfien espert meħtieġa fir-rigward tad-dominji tekniċi rilevanti u li għandhom l-għan li jagħmlu rakkomandazzjonijiet indipendenti bbażati fuq ix-xjenza;

(d)

il-President tal-EURAMET;

(e)

rappreżentant wieħed maħtur mill-Kummissjoni; u

(f)

rappreżentant wieħed minn ministeru nazzjonali li mhuwiex membru tal-persunal ta’ istitut nazzjonali tal-metroloġija rrappreżentat fil-EURAMET u li huwa maħtur mill-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija.

3.   Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jipprovdi pariri indipendenti dwar il-prijoritajiet xjentifiċi u kwistjonijiet rilevanti oħra li għandhom jiġu indirizzati fil-programm ta’ ħidma annwali tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, kif ukoll dwar kwistjonijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija, u għandu jimmonitorja l-kisbiet xjentifiċi f’setturi kontigwi.

4.   Mill-anqas 50 % tal-membri msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) ta' dan l-Artikolu, għandhom ikollhom rotazzjoni mhux aktar tard mill-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 18(1).

5.   Il-Grupp ta’ Tmexxija għandu jkun presedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (e).

6.   Ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula mill-Grupp ta’ Tmexxija għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 16

Segretarjat tal-EURAMET

1.   Is-Segretarjat tal-EURAMET, li jipprovdi appoġġ amministrattiv ġenerali għall-EURAMET, għandu jżomm kontabbiltà kif ukoll kontijiet bankarji separati għas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

2.   L-unità ta’ appoġġ tal-Maniġment għandha tiġi stabbilita bħala parti mis-Segretarjat tal-EURAMET u għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-ġestjoni ta’ kuljum tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

3.   Is-Segretarjat għandu joffri appoġġ lill-Istati Parteċipanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji u l-proċessi tal-approċċ armonizzat imsemmi fl-Artikolu 5(5).

Artikolu 17

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.   Il-EURAMET għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tal-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18.

2.   L-Istati Parteċipanti għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tal-EURAMET, kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja tas-Sħubija dwar il-Metroloġija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fl-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18.

Artikolu 18

Evalwazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim u evalwazzjoni finali tas-Sħubija dwar il-Metroloġija fil-qafas tal-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2021/695, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti esterni magħżula abbażi ta’ proċess miftuħ u trasparenti.

2.   L-evalwazzjonijiet interim u finali għandhom jeżaminaw kif is-Sħubija dwar il-Metroloġija tissodisfa l-missjoni u l-objettivi tagħha, tkopri l-attivitajiet kollha tagħha u tevalwa l-valur miżjud Ewropew, l-effettività, l-effiċjenza, inkluż il-ftuħ u t-trasparenza tagħha, ir-rilevanza tal-attivitajiet segwiti, inkluż fl-industrija u mill-SMEs, u l-konsistenza u l-komplementarjetà tagħhom mal-politiki reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, inkluż sinerġiji ma’ partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa, bħal sħubijiet oħra, missjonijiet, raggruppamenti, programmi tematiċi jew speċifiċi. L-evalwazzjonijiet għandhom iqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali u għandhom, fejn rilevanti, jinkludu wkoll valutazzjoni tal-impatti xjentifiċi, tas-soċjetà, ekonomiċi, ambjentali u teknoloġiċi fit-tul tal-inizjattivi preċedenti, kif ukoll evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-sħab esterni. Dawn għandhom jinkludu, fejn rilevanti, valutazzjoni tal-aktar mod effettiv ta’ intervent ta’ politika għal kwalunkwe azzjoni futura, kif ukoll ir-rilevanza u l-koerenza ta’ kwalunkwe tiġdid possibbli tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, minħabba l-prijoritajiet ta’ politika ġenerali u l-kuntest ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-pożizzjonament kontra inizjattivi oħra appoġġati permezz ta’ Orizzont Ewropa. Meta twettaq dawk l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ l-impatt amministrattiv fuq is-Sħubija dwar il-Metroloġija u għandha tagħmel l-almu tagħha biex tnaqqas il-piż amministrattiv u biex tiżgura li l-proċess ta' evalwazzjoni jinżamm sempliċi u trasparenti għalkollox.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u xxerred ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imwettqa taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Aċċess għar-riżultati u għall-informazzjoni dwar il-proposti

1.   Il-EURAMET għandha tipprovdi lill-Kummissjoni aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li tiffinanzja. Tali informazzjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji f’azzjonijiet indiretti tas-Sħubija dwar il-Metroloġija jew kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni. Tali drittijiet ta’ aċċess huma limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

2.   Il-EURAMET għandha ddaħħal informazzjoni dwar il-proposti ffinanzjati tas-Sħubija dwar il-Metroloġija fil-bażi tad-data stabbilita skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2021/695.

3.   Għall-finijiet tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni, il-EURAMET għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni inkluża fil-proposti ppreżentati.

Artikolu 20

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-EURAMET għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li, jekk tiġi divulgata lil hinn mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-membri tal-EURAMET jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tas-Sħubija dwar il-Metroloġija. Tali informazzjoni kunfidenzjali tinkludi iżda mhijiex limitata għal informazzjoni personali, kummerċjali, sensittiva mhux klassifikata u klassifikata.

Artikolu 21

Kunflitt ta' interess

1.   L-EURAMET, il-korpi u l-persunal tagħha, u l-korpi tas-Sħubija dwar il-Metroloġija, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta’ interess fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u għandhom jiżguraw li persuna ffaċċata b’tali kunflitt ta’ interess ma tiddeċidix, ma tagħtix pariri, jew ma tagħtix assistenza dwar il-kwistjoni speċifika affettwata b’dak il-kunflitt ta’ interess.

2.   Il-EURAMET għandha tadotta regoli għall-prevenzjoni, l-evitar u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-persunal tal-EURAMET, il-membri u persuni oħra li jservu fil-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija u fil-korpi jew fil-gruppi l-oħra tal-EURAMET u s-Sħubija dwar il-Metroloġija, f'konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

3.   Il-EURAMET għandha tistabbilixxi kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-Kumitat ta’ Sħubija dwar il-Metroloġija, filwaqt li tqis il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-attivitajiet professjonali, l-interessi finanzjarji u l-kunflitt ta’ interess f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 34.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE. (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 555/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Programm Ewropew tal-Metroloġija għall-Innovazzjoni u r-Riċerka (EMPIR) li bosta Stati Membri jwettqu b'mod konġunt (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 27).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta' Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I , 12.5.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Top