Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2075

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2075 tal-25 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa

ST/13737/2021/INIT

ĠU L 421, 26.11.2021, pp. 72–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2075/oj

26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/72


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2075

tal-25 ta’ Novembru 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 (1), li tipprevedi proġett f’żewġ fażijiet. Il-Fażi I hija istudju ta’ fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon (“AAMVS”), rikonoxxuta internazzjonalment.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 tipprevedi li l-implimentazzjoni tal-Fażi II tal-proġett, li jiżviluppa kunċett għall-ħolqien ta’ AAMVS, tista’ tiġi awtorizzata jekk jiddeċiedi hekk il-Kunsill, abbażi tal-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà.

(3)

L-istudju awtorizzat bid-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 wera l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ AAMVS u enfasizza diversi elementi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati sabiex il-kunċett isir realtà. Il-Fażi II ser tinkludi tfassil ta’ qafas propost għall-AAMVS u pjan għall-iżvilupp tas-sistema. Dawk ir-riżultati ser ikollhom l-għan li jappoġġaw u jiggwidaw l-isforzi futuri biex tinbena l-AAMVS.

(4)

Abbażi tal-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà, jenħtieġ li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Fażi II tal-proġett għandha tiġi implimentata.

(5)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 ser tiskadi 14-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(4) tagħha, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix li jestendi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni sabiex jippermetti l-implimentazzjoni tal-Fażi II tal-proġett.

(6)

Il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 sat-30 ta’ Novembru 2022 ma għandha l-ebda implikazzjoni fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji.

(7)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/979 hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-proġett għandu jikkonsisti f’żewġ fażijiet, “Fażi I” u “Fażi II”.

Matul il-Fażi I, fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni, sar studju tal-fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Validazzjoni tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon (“AAMVS”) rikonoxxuta internazzjonalment, biex jinvestiga opzjonijiet għal metodoloġiji u għodod xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju u tal-kwalità;

Matul il-Fażi II, abbażi tal-eżitu tal-istudju tal-fattibbiltà tal-Fażi I, għandu jiġi żviluppat kunċett għall-ħolqien ta’ AAMVS.”;

(2)

L-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

L-ammont maħsub biex ikopri l-Fażi I tal-proġett huwa ta’ EUR 821 872. L-ammont maħsub biex ikopri l-Fażi II tal-proġett huwa ta’ EUR 820 237.”;

(3)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2022.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. POČIVALŠEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/979 tas-7 ta’ Lulju 2020 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema rikonoxxuta internazzjonalment għall-validazzjoni tal-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon skont standards internazzjonali miftuħa (ĠU L 218, 8.7.2020, p. 1).


Top