This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D0354
Commission Implementing Decision (EU) 2021/354 of 25 February 2021 postponing the expiry date of approval of propiconazole for use in biocidal products of product-type 8 (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/354 tal-25 ta’ Frar 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/354 tal-25 ta’ Frar 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/1149
ĠU L 68, 26.2.2021, p. 219–220
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 68/219 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/354
tal-25 ta’ Frar 2021
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) |
Is-sustanza attiva propikonażol iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, u b’hekk skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2018 ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-propikonażol. |
(3) |
Fit-8 ta’ Frar 2019, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. F’konformità mal-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa talbet li l-applikant jipprovdi biżżejjed data għat-twettiq tal-evalwazzjoni. |
(4) |
Billi l-awtorità kompetenti qed twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (“l-Aġenzija”) għandha trid tħejji u tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fi żmien 270 jum minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti li tevalwa. |
(5) |
Meta wieħed iqis li l-propikonażol huwa kklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk jissodisfa l-kriterju ta’ esklużjoni stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, huwa meħtieġ eżami ulterjuri sabiex jiġi deċiż jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hix issodisfata, u għaldaqstant jekk l-approvazzjoni tal-propikonażol tistax tiġġedded. |
(6) |
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol ġiet posposta għall-31 ta’ Marzu 2021 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/27 (4) sabiex jingħata biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni. Dan l-eżami għadu ma ġiex iffinalizzat u l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni għadha ma ressqitx ir-rapport ta’ valutazzjoni tagħha u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha lill-Aġenzija. |
(7) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-istudju tal-applikazzjoni. |
(8) |
Meta jitqies il-perjodu meħtieġ għat-tħejjija u s-sottomissjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, il-perjodu meħtieġ biex jiġi vvalutat jekk ġietx issodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u jekk tistax għalhekk tiġġedded l-approvazzjoni tal-propikonażol, huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għall-31 ta’ Diċembru 2022. |
(9) |
Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, jeħtieġ li l-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 jibqa’ approvat soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 hija posposta għall-31 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/27 tat-13 ta’ Jannar 2020 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-propikonażol għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 (ĠU L 8, 14.1.2020, p. 39).