EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1004

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1004 tad-9 ta’ Lulju 2020 li japprova s-sustanza bażika l-ħalib tal-baqra f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/4547

ĠU L 221, 10.7.2020, p. 133–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1004/oj

10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/133


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1004

tad-9 ta’ Lulju 2020

li japprova s-sustanza bażika l-ħalib tal-baqra f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 23(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand Basic-Eco-Logique, għall-approvazzjoni tal-ħalib bħala sustanza bażika. Ma’ dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-applikant tħalla jimla l-applikazzjoni, li ġiet finalizzata fil-verżjoni l-ġdida ta’ Mejju 2018. F’dik l-okkażjoni, l-applikant biddel il-kamp ta’ applikazzjoni għal ħalib tal-baqra (sħiħ nej).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”) għall-assistenza xjentifika. L-Awtorità pprovdiet lill-Kummissjoni b’rapport tekniku fit-22 ta’ Awwissu 2018 (2). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni (3) kif ukoll abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-21 ta’ Ottubru 2019 u ffinalizzathom għal-laqgħa ta’ dak il-Kumitat fl-24 ta’ Marzu 2020.

(3)

L-informazzjoni mogħtija mill-applikant turi li l-ħalib tal-baqra jissodisfa l-kriterji ta’ oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza ma tintużax b’mod predominanti għal skopijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jkun fih is-sustanza u l-ilma jew anke mhux dilwit. B’hekk, trid titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Il-ħalib li mhuwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem jitqies bħala prodott sekondarju tal-annimali skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għalhekk jenħtieġ li jikkonforma ma’ dak ir-Regolament u mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (6).

(5)

Billi fih il-lattożju u l-proteini tal-ħalib, il-ħalib huwa elenkat bħala sustanza jew prodott li jikkawża allerġiji jew intolleranzi skont il-punt 7 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u għaldaqstant huwa xieraq li jiġu limitati l-użi għall-istadji ta’ tkabbir li fihom ma jkun hemm l-ebda frott.

(6)

Mill-eżamijiet li saru jidher li b’mod ġenerali, il-ħalib tal-baqra jaf jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-aktar fejn jidħlu l-użi li ġew eżaminati u dettaljati fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-ħalib tal-baqra jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ madankollu li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fid-dettall fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (8) jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta’ sustanza bażika

Is-sustanza ħalib tal-baqra kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (European Food Safety Authority), 2018. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for milk for use in plant protection as a fungicide. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2018:EN-1482. 42 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew idderivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem komuni,

Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Ħalib tal-baqra

Nru CAS: 8049-98-7

Mhux disponibbli.

Mhux applikabbli

30.7.2020

Il-ħalib tal-baqra għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u mar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Il-ħalib tal-baqra jista’ jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-ħalib tal-baqra (SANTE/12816/2019) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, qed tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

Numru

Isem komuni,

Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“22

Ħalib tal-baqra

Nru CAS: 8049-98-7

Mhux disponibbli.

Mhux applikabbli

30.7.2020

Il-ħalib tal-baqra għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011.

Il-ħalib tal-baqra jista’ jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-ħalib tal-baqra (SANTE/12816/2019) u b’mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni


Top