Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0569

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/569 tat-3 ta' April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (notifikata bid-dokument C(2019) 2314)

    C/2019/2314

    ĠU L 99, 10.4.2019, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/569/oj

    10.4.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/569

    tat-3 ta' April 2019

    dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea”

    (notifikata bid-dokument C(2019) 2314)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” tirreferi għal li ġej: “Il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni oġġettiv u imparzjali biex jivverifika l-applikazzjoni tal-valuri tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Membri kollha”.

    (2)

    L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “(a) Li l-Unjoni Ewropea jkollha leġiżlazzjoni ġenerali li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata b'mod oġġettiv l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-istat tad-dritt sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 TUE dwar ksur possibbli tal-valuri tal-Unjoni; (b) li l-infurzar tal-liġijiet Ewropej dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (eż. il-Mandat ta' Arrest Ewropew) ikun iffaċilitat.”

    (3)

    L-anness għall-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferi għat-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li tista' tintalab l-opinjoni tagħha sabiex tkun żgurata l-oġġettività massima tad-deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi l-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u fis-sigurtà.

    (4)

    It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi iktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

    (5)

    Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

    (6)

    Atti ġuridiċi tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati:

    għall-miżuri li jistabbilixxu l-arranġamenti li permezz tagħhom l-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, iwettqu evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, abbażi tal-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

    għal emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (2), abbażi tal-Artikolu 352 TFUE.

    (7)

    Min-naħa l-oħra, atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati ma jistgħux jiġu adottati għall-fini li tiġi emendata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 TUE.

    (8)

    L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, sa fejn għandha l-għan li tressaq proposti mill-Kummissjoni għal atti legali li jistipulaw arranġamenti biex titwettaq evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll l-emendar tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, ma jaqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

    (9)

    Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” tiġi rreġistrata.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” hija b'dan irreġistrata.

    2.   Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, abbażi tal-fehim li jkollha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal atti legali

    li jistabbilixxu arranġamenti biex titwettaq evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mill-awtoritajiet nazzjonali;

    li jemendaw ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-8 ta' April 2019.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Rispett għall-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea”, irrappreżentati mis-Sur Pier Virgilio DASTOLI u s-Sur Marco CAPPATO li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Frans TIMMERMANS

    L-Ewwel Viċi President


    (1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).


    Top