This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R1644
Commission Delegated Regulation (EU) 2018/1644 of 13 July 2018 supplementing Regulation (EU) 2016/1011 of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards determining the minimum content of cooperation arrangements with competent authorities of third countries whose legal framework and supervisory practices have been recognised as equivalent (Text with EEA relevance.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1644 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw il-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1644 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw il-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/4427
ĠU L 274, 5.11.2018, pp. 33–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
5.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/33 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1644
tat-13 ta' Lulju 2018
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw il-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorja tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jistipula l-kundizzjonijiet li jippermettu li parametri referenzjarji fornuti minn amministratur li jinsab f'pajjiż terz ikunu jistgħu jintużaw fl-Unjoni. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li deċiżjoni ta' ekwivalenza tkun ġiet adottata li tirrikonoxxi l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorji ta' pajjiż terz bħala ekwivalenti. Paragrafu (4) tal-Artikolu 30 jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tistabbilixxi arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe pajjiż terz li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta' ekwivalenza. |
|
(2) |
L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jippermettu lill-ESMA u lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz biex jiskambjaw l-informazzjoni kollha rilevanti għat-twettiq tal-kompiti superviżorji rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tadotta għadd ta' deċiżjonijiet ta' ekwivalenza, u l-parametri referenzjarji fornuti minn amministraturi li jinsabu f'kull wieħed mill-pajjiżi relevanti jistgħu mbagħad ikunu eliġibbli biex jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni. Għalhekk huwa importanti li kull sett ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni jkun fih l-istess rekwiżiti minimi fir-rigward tal-formoli u l-proċeduri li għandhom jintużaw għall-iskambju ta' informazzjoni, inkluż l-istess dispożizzjonijiet ta' kunfidenzjalità u l-istess kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-informazzjoni miksuba taħt l-arranġamenti ta' kooperazzjoni. |
|
(3) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-qafas ġuridiku u l-prassi superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti se jkollhom għarfien adegwat tal-avvenimenti rilevanti kollha u l-bidliet ta' ċirkostanzi li x'aktarx jaffettwaw lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Jekk l-entitajiet taħt superviżjoni jużaw il-parametri referenzjarji pprovduti mill-amministraturi minn dawk il-ġurisdizzjonijiet fl-Unjoni, huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti f'dawk il-ġurisdizzjonijiet iżommu lill-ESMA infurmata dwar tali avvenimenti u bidliet. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jinkludu dispożizzjoni biex l-ESMA tiġi notifikata b'kull tali avvenimenti jew bidliet. |
|
(4) |
Bl-istess mod, l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jridu jinżammu infurmati dwar l-attivitajiet tal-amministraturi li jkunu qed jissorveljaw. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jipprevedu li l-ESMA tinforma lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jekk l-amministraturi taħt superviżjoni minn dik l-awtorità kompetenti jinnotifikaw lill-ESMA dwar il-kunsens tagħhom li l-parametri referenzjarji tagħhom qegħdin jintużaw minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni. |
|
(5) |
Bl-eċċezzjoni tal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/1011 li tirtira r-reġistrazzjoni ta' amministratur li jinsab f'pajjiż terz, l-ESMA ma għandha l-ebda setgħat superviżorji diretti fuq amministraturi li jinsabu f'pajjiżi terzi. Hija tibbaża ruħha minflok fuq is-superviżjoni minn, u l-kooperazzjoni ma', l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom għalhekk jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-rwoli rispettivi tal-partijiet involuti fil-kooperazzjoni superviżorja, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post. |
|
(6) |
Il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' referenza jkollhom l-istess kontenut minimu bħall-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li, fl-istabbiliment tal-kontenut minimu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-ESMA, il-kontenut huwa xieraq ukoll għal-arranġamenti ta' kooperazzjoni skont l-Artikolu 32(5). |
|
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
|
(8) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, kif l-ESMA kkonkludiet li dawn kienu jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tal-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, b'kont meħud tal-fatt li l-istandards tekniċi regolatorji se jkunu ta' interess dirett biss għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-ESMA, u mhux għall-parteċipanti fis-suq. |
|
(9) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-amministraturi jingħataw żmien biżżejjed biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għalhekk jibda japplika xahrejn wara li jidħol fis-seħħ. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ambitu tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni
L-arranġamenti ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (“arranġamenti ta' kooperazzjoni”) għandhom jistabbilixxu b'mod ċar l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom. Dan l-ambitu għandu jinkludi l-kooperazzjoni mill-partijiet fuq mill-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-iskambju tal-informazzjoni u l-provvediment ta' notifiki rilevanti għat-twettiq tal-kompiti superviżorji rispettivi tagħhom; |
|
(b) |
kull kwistjoni li tista' tkun rilevanti għall-operazzjonijiet, attivitajiet jew servizzi tal-amministraturi koperta mill-arranġamenti ta' kooperazzjoni inkwistjoni, inkluż il-provvista lill-ESMA ta' informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti li għalihom dawk l-amministraturi jkunu suġġetti fil-pajjiż terz u kull bidla materjali lil dawk il-liġijiet jew regolamenti; |
|
(c) |
kull azzjoni regolatorja jew superviżorja meħuda, jew approvazzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fir-rigward ta' kwalunkwe amministratur li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-użu ta' parametri referenzjarji fl-Unjoni inklużi bidliet lill-obbligi jew ir-rekwiżiti li għalihom l-amministratur huwa suġġett li jista' jkollhom impatt fuq il-konformità kontinwa mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tal-amministratur. |
Artikolu 2
Skambju ta' informazzjoni u notifiki
L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jinkludu mill-inqas id-disposizzjonijiet li ġejjin fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew notifiki li għandhom jiġu skambjati jew mogħtija taħt l-arranġamenti:
|
(a) |
dispożizzjoni li tirrikjedi li t-talbiet għal informazzjoni jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni mitluba mill-awtorità li titlob dan u dettalji fil-qosor li jiddeskrivu s-suġġett tat-talba, il-fini li għalih qed tintalab l-informazzjoni u l-liġijiet u r-regolamenti rilevanti applikabbli għall-attività tal-parametri referenzjarji; |
|
(b) |
id-dettalji tal-mekkaniżmu jew mekkaniżmi li permezz tagħhom l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu skambjati jew mogħtija; |
|
(c) |
dispożizzjoni li teħtieġ li l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu skambjati jew mogħtija bil-miktub; |
|
(d) |
dispożizzjoni li teħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li kwalunkwe skambju jew għoti ta' informazzjoni iseħħ b'mod sigur; |
|
(e) |
dispożizzjoni li teħtieġ li l-informazzjoni u n-notifiki għandhom jiġu pprovduti fil-pront u, fejn applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' żmien speċifikati fl-arranġamenti; |
Artikolu 3
Kooperazzjoni superviżorja
1. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jispeċifikaw qafas għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji tal-partijiet fil-qasam tas-superviżjoni tal-parametri referenzjarji, inklużi mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
rekwiżit li firmatarju li jixtieq iwettaq attività superviżorja jagħmel talba bil-miktub inizjali fir-rigward tal-attività; |
|
(b) |
rekwiżit li t-talba tispjega l-kuntest fattwali u ġuridiku, u tagħti stima ta' żmien, għall-attività in kwistjoni; |
|
(c) |
rekwiżit li l-firmatarju l-ieħor jirrikonoxxi l-wasla tat-talba bil-miktub fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mir-riċevuta. |
2. Għall-finijiet tal-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet fuq il-post tal-ġurisdizzjoni tal-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz, l-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jistabbilixxu proċedura sabiex il-partijiet jaslu għal qbil dwar it-termini li jirregolaw tali spezzjonijiet fuq il-post, inkluż mill-anqas it-termini li jiddikjaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, id-dritt tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li takkumpanja kull spezzjoni fuq il-post u kwalunkwe dmir fuq l-imsemmija awtorità sabiex tgħin fir-rieżami, fl-interpretazzjoni u fl-analiżi tal-kontenut ta' kotba u reġistri pubbliċi u mhux pubbliċi u fil-kisba ta' informazzjoni minn diretturi u maniġers superjuri ta' kwalunkwe amministratur kopert mill-arranġamenti.
Artikolu 4
Kunfidenzjalità, użu tal-informazzjoni u protezzjoni tad-data
1. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jeħtieġu lill-partijiet biex jastjenu milli jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni skambjata jew mogħtija lilhom taħt arranġamenti ta' kooperazzjoni, ħlief meta l-parti li kienet ipprovdiet l-informazzjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel bil-miktub jew fejn l-iżvelar ta' data huwa obbligu meħtieġ u proporzjonat skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.
2. L-arranġamenti ta' kooperazzjoni għandhom jeħtieġu li l-informazzjoni miksuba minn awtorità skont l-arranġamenti għandha tiġi maħżuna b'mod sikur, u għandhom jippermettu li l-informazzjoni tintuża biss għall-għan stabbilit minn dik l-awtorità fit-talba tagħha għal informazzjoni jew, jekk l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta mod ieħor għajr talba, għall-iskop biss li tippermetti lill-imsemmija awtorità teżerċita funzjonijiet regolatorji u superviżorji. Dik l-awtorità tista', madankollu, tuża l-informazzjoni għal skop ieħor jekk tkun kisbet kunsens minn qabel bil-miktub sabiex tagħmel dan mingħand l-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni taħt l-arranġamenti.
3. Fejn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jippermettu li d-data personali tiġi skambjata, għandhom jinkludu dispożizzjonijiet biex jiżguraw mezzi adegwati għall-protezzjoni ta' din id-data li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li huma parti mill-arranġament ta' kooperazzjoni rispettiv.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-25 ta’ Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).