Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0761

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/761 tas-16 ta' Frar 2018 li jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku jew ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/0860

    ĠU L 129, 25.5.2018, p. 16–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/06/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/761/oj

    25.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/16


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/761

    tas-16 ta' Frar 2018

    li jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku jew ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(6) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni ERA-REC-115-REC mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar ir-reviżjoni tal-metodi komuni tas-sikurezza dwar l-valutazzjoni tal-konformità u l-metodu komuni tas-sikurezza dwar is-superviżjoni, li waslet għand il-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2017,

    Billi:

    (1)

    Il-metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”) jiddeskrivu kif jiġu vvalutati l-livelli tas-sikurezza u l-kisba tal-miri tas-sikurezza kif ukoll il-konformità ma' rekwiżiti oħra tas-sikurezza.

    (2)

    Skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2016/798, is-CSMs iridu jiġu reveduti f'intervalli regolari, b'mod li titqies l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħhom u l-iżvilupp globali tas-sikurezza ferrovjarja u bl-objettiv li s-sikurezza tinżamm b'mod ġenerali, u fejn raġonevolment prattikabbli, tittejjeb kontinwament.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tagħha tal-1 ta' Settembru 2016 (2), il-Kummissjoni tat mandat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) b'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 biex tirrevedi r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 (3), (UE) Nru 1169/2010 (4) u (UE) Nru 1077/2012 (5). Sabiex tindirizza l-mandat tal-Kummissjoni, fid-9 ta' Marzu 2017 l-Aġenzija ħarġet ir-rakkomandazzjoni tagħha, flimkien ma' rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, tas-sħab soċjali u tal-utenti kif ukoll b'rapport li jivvaluta l-impatt tas-CSMs emendati li jridu jiġu adottati. Il-Kummissjoni eżaminat ir-rakkomandazzjoni li nħarġet mill-Aġenzija sabiex tivverifika li l-mandat ġie ssodisfat kif imsemmi fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    (4)

    Wara li jinħareġ ċertifikat tas-sikurezza uniku jew wara li tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sikurezza, jenħtieġ li l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza twettaq attivitajiet ta' superviżjoni sabiex tikkontrolla jekk l-arranġamenti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza ntużawx b'mod effettiv matul l-operazzjoni u li r-rekwiżiti meħtieġa kollha qed jiġu ssodisfati fuq bażi kontinwa.

    (5)

    B'konformità mal-Artikolu 17(1) u (8) tad-Direttiva (UE) 2016/798, f'każijiet meta l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jkunu wkoll entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni li ma jkunux iċċertifikati skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-attivitajiet ta' superviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza bl-għan li jikkontrollaw l-applikazzjoni tas-CSMs rilevanti msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/798 minn entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni huma mezzi ġġustifikati għas-superviżjoni tal-effettività tas-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza ta' dawn l-impriżi ferrovjarji u ta' dawn l-amministraturi tal-infrastruttura.

    (6)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit proċess ta' superviżjoni għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, bl-għan li jtejjeb il-fiduċja reċiproka fl-approċċi tagħhom lejn l-attivitajiet ta' superviżjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet waqt dawn l-attivitajiet.

    (7)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jkunu responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom u għaldaqstant jenħtieġ li jkollhom arranġamenti jew proċeduri interni li bihom ikunu jistgħu jinżammu responsabbli.

    (8)

    Jenħtieġ li s-superviżjoni tkun immirata primarjament lejn dawk l-attivitajiet li awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun tal-fehma li jagħtu lok għall-iżjed riskji serji jew fejn ir-riskji huma kkontrollati sew l-inqas. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tiżviluppa u timplimenta strateġija u pjan(ijiet) ta' superviżjoni abbażi tar-riskji, u fihom tiddeskrivi kif se timmira l-attivitajiet tagħha u kif se tistabbilixxi l-prijoritajiet tagħha għas-superviżjoni.

    (9)

    Jenħtieġ li l-azzjonijiet ta' infurzar meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex jiżguraw li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jiksbu l-konformità legali kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798 jkunu proporzjonati għal kwalunkwe riskju għas-sikurezza jew għall-gravità potenzjali ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-obbligi legali tagħhom.

    (10)

    Sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu skont il-punt (i) tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798, jenħtieġ li abbażi tal-eżiti tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tifforma ġudizzju dwar l-effettività tal-qafas regolatorju tas-sikurezza.

    (11)

    Jenħtieġ li t-tekniki ta' awditjar u ta' spezzjoni għas-superviżjoni jinkludu b'mod ġenerali intervisti ma' persuni minn livelli differenti ta' organizzazzjoni, ir-rieżami ta' dokumenti u ta' rekords marbuta mas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza, u l-eżaminar tal-eżiti tas-sikurezza tas-sistema tal-ġestjoni żvelati minn spezzjonijiet jew minn attivitajiet relatati.

    (12)

    B'konformità mal-Artikolu 17(13) tad-Direttiva (UE) 2016/798, jenħtieġ li l-Aġenzija, li taġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza, u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jikkoordinaw meta u fejn ikun xieraq biex jiżguraw li jkun hemm skambju sħiħ tal-informazzjoni bejn l-attivitajiet ta' valutazzjoni u ta' superviżjoni, inkluż kwalunkwe avviż indirizzat lill-impriżi ferrovjarji. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza jwettqu koordinazzjoni fil-każ ta' infrastrutturi transfruntiera.

    (13)

    Sabiex jiġi żgurat li s-superviżjoni titwettaq b'mod effettiv mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejniethom, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet jiżguraw li l-persunal involut fis-superviżjoni jkollu l-kompetenzi meħtieġa. Għal dak l-għan, jenħtieġ li dawk il-kompetenzi jiġu identifikati.

    (14)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza involuti fis-superviżjoni ta' amministratur tal-infrastruttura b'infrastruttura transfruntiera jew ta' impriża ferrovjarja li topera f'iktar minn Stat Membru wieħed jikkooperaw ma' xulxin biex jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni ta' superviżjoni u jikkoordinaw l-approċċ tagħhom lejn is-superviżjoni biex jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni essenzjali dwar l-amministratur tal-infrastruttura jew dwar l-impriża ferrovjarja, b'mod partikolari b'rabta ma' riskji magħrufa u l-prestazzjoni tas-sikurezza tagħhom, tiġi kondiviża u tintuża biex l-attivitajiet tas-superviżjoni jiġu mmirati lejn l-oqsma bl-ikbar riskju għall-operazzjoni kollha.

    (15)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jikkooperaw, meta dan ikun meħtieġ, ma' awtoritajiet jew korpi kompetenti oħra li jinteraġixxu fis-settur ferrovjarju, bħal pereżempju l-korpi regolatorji u l-awtoritajiet tal-għoti tal-liċenzji skont it-tifsira tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew l-awtoritajiet kompetenti għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli applikabbli tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ għas-sewwieqa tal-ferroviji, biex iwettqu l-mandati rispettivi tagħhom, jikkondividu l-informazzjoni, isolvu kwalunkwe kunflitt fl-approċċ, jipprevjenu l-effetti avversi relatati fis-sistema ferrovjarja u jikkoordinaw ir-rispons tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità mal-qafas regolatorju tas-sikurezza.

    (16)

    Skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva (UE) 2016/798, ir-reġim il-ġdid ta' ċertifikazzjoni tas-sikurezza se jibda mis-16 ta' Ġunju 2019. Madankollu, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li huma estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni u konsegwentement jistgħu jkomplu joħorġu ċertifikati b'konformità mad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) sas-16 ta' Ġunju 2020. Għalhekk jeħtieġ li d-dati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġu allinjati mad-dati stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/798 sabiex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr intoppi lejn ir-reġim il-ġdid ta' ċertifikazzjoni.

    (17)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2012 ma għadux jgħodd u għalhekk jenħtieġ li jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”), imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/798, għas-superviżjoni tal-ġestjoni tas-sikurezza mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara li l-impriżi ferrovjarji jkunu ngħataw ċertifikat tas-sikurezza uniku u wara li l-amministraturi tal-infrastruttura jkunu ngħataw awtorizzazzjoni tas-sikurezza.

    Artikolu 2

    Definizzjoni

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza” tfisser il-korp responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikat tas-sikurezza uniku, jew l-Aġenzija jew inkella awtorità nazzjonali tas-sikurezza;

    (b)

    “tħassib residwu” tfisser kwistjoni minuri identifikata matul il-valutazzjoni ta' applikazzjoni għal ċertifikat tas-sikurezza uniku jew għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza li ma tipprevjenix il-ħruġ tagħhom u li tista' tiġi ddifferita għal superviżjoni iktar tard.

    Artikolu 3

    Proċess ta' superviżjoni

    1.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-proċess ta' superviżjoni stabbilit fl-Anness I.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jistabbilixxu arranġamenti jew proċeduri interni għall-ġestjoni tal-proċess ta' superviżjoni.

    3.   Għall-finijiet tas-superviżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jaċċettaw l-awtorizzazzjonijiet, ir-rikonoxximenti jew iċ-ċertifikati ta' prodotti jew ta' servizzi pprovduti minn impriżi ferrovjarji jew minn amministraturi tal-infrastruttura, jew mill-kuntratturi, mill-imsieħba jew mill-fornituri tagħhom, li jkunu ngħataw skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni, bħala prova tal-kapaċità tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura li jissodisfaw ir-rekwiżiti korrispondenti ddefiniti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 (8).

    Artikolu 4

    Tekniki għas-superviżjoni

    L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jadottaw tekniki adattati, bħal awditjar u spezzjonijiet, u jagħżlu dawk li jkunu l-iżjed xierqa meta jippjanaw l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħhom.

    Artikolu 5

    Rabtiet bejn is-superviżjoni u l-valutazzjoni

    1.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li twettaq is-superviżjoni għandha tuża u, meta jkun rilevanti, tikkondividi l-informazzjoni miġbura dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza matul l-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha għall-fini tat-tiġdid jew tal-aġġornament taċ-ċertifikati uniċi tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza.

    2.   F'każijiet meta l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku jew għall-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, din għandha tikkoordina minnufih mal-Aġenzija li taġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jew mal-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza, fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera, fuq it-talba tagħha, wara li tirċievi applikazzjoni għat-tiġdid jew għall-aġġornament.

    Abbażi tal-eżitu tal-koordinazzjoni msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tidentifika u timmira l-informazzjoni li tkun rilevanti biex jiġi vvalutat jekk is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura hijiex qed taħdem b'mod effettiv, filwaqt li tinkludi minn tal-inqas:

    (a)

    deskrizzjoni tan-nuqqasijiet ta' konformità maġġuri, li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tas-sikurezza jew joħolqu riskji serji għas-sikurezza, u kwalunkwe qasam ieħor ta' tħassib li jkun ġie identifikat matul l-attivitajiet ta' superviżjoni mill-valutazzjoni preċedenti 'l hawn;

    (b)

    l-istatus tal-pjan ta' azzjoni (jew pjanijiet) stabbilit mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-infrastruttura biex isolvi n-nuqqasijiet ta' konformità maġġuri u kwalunkwe qasam ieħor ta' tħassib imsemmija fil-punt (a) u l-azzjonijiet rilevanti li jkunu ttieħdu mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza biex tissorvelja r-riżoluzzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet;

    (c)

    stampa ġenerali tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja li topera jew tal-amministratur tal-infrastruttura li jopera fl-Istat Membru tagħha;

    (d)

    l-istatus tal-pjan ta' azzjoni (jew pjanijiet) stabbilit mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur tal-infrastruttura biex isolvi t-tħassib residwu mill-valutazzjoni preċedenti.

    Artikolu 6

    Kompetenza tal-persunal involut fis-superviżjoni

    1.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżguraw li l-persunal involut fis-superviżjoni jkollu l-kompetenzi li ġejjin:

    (a)

    għarfien tal-qafas regolatorju rilevanti applikabbli għas-superviżjoni;

    (b)

    għarfien tal-funzjonament tas-sistema ferrovjarja;

    (c)

    livell xieraq ta' analiżi kritika;

    (d)

    esperjenza fis-superviżjoni ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza jew ta' sistema simili fis-settur ferrovjarju, jew ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza f'settur li jkollu sfidi operattivi u tekniċi ekwivalenti;

    (e)

    għarfien u esperjenza fil-ħiliet tal-intervistar;

    (f)

    ħila ta' soluzzjoni tal-problemi, ta' komunikazzjoni u ta' xogħol f'tim.

    2.   Fil-każ ta' xogħol f'tim, il-kompetenzi jistgħu jkunu kondiviżi fost il-membri tat-tim.

    3.   Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom idaħħlu fis-seħħ sistema ta' ġestjoni tal-kompetenzi li għandha tinkludi:

    (a)

    l-iżvilupp ta' profili ta' kompetenza għal kull impjieg, pożizzjoni jew rwol;

    (b)

    ir-reklutaġġ ta' persunal skont il-profili ta' kompetenza stabbiliti;

    (c)

    iż-żamma, l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-kompetenza tal-persunal skont il-profili ta' kompetenza stabbiliti.

    Artikolu 7

    Kriterji għat-teħid tad-deċiżjonijiet

    1.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tistabbilixxi u tippubblika l-kriterji għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kif tevalwa l-applikazzjoni korretta ta' sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza minn impriża ferrovjarja jew minn amministratur tal-infrastruttura u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li tikkontrolla r-riskji għas-sikurezza assoċjati mal-attivitajiet tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura.

    Dawn il-kriterji għandhom jinkludu informazzjoni dwar kif l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza timmaniġġja u tindirizza n-nuqqasijiet ta' konformità identifikati fis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja u tal-amministratur tal-infrastruttura.

    2.   L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tadotta u tippubblika proċedura li biha tiddeskrivi kif l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u kwalunkwe parti interessata oħra jistgħu jressqu lment dwar deċiżjonijiet meħuda matul l-attivitajiet ta' superviżjoni.

    Artikolu 8

    Koordinazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u kooperazzjoni ma' awtoritajiet jew ma' korpi oħra

    1.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza involuti fis-superviżjoni ta' amministratur tal-infrastruttura b'infrastruttura/i transfruntiera jew ta' impriża ferrovjarja li jopera/topera f'iktar minn Stat Membru wieħed għandhom jikkoordinaw l-approċċ tagħhom għas-superviżjoni skont l-Artikolu 17(7) u (9) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    Wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza jew taċ-ċertifikat tas-sikurezza uniku, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiddeċiedu minnufih min minnhom se jkollu rwol ta' tmexxija għall-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-applikazzjoni korretta u tal-effettività tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza skont il-punti (d) u (j) tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2016/798.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti bbażati fuq il-qafas għal superviżjoni koordinata u konġunta li ġie stabbilit fl-Anness II.

    3.   L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw ukoll arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni, mal-korpi taċ-ċertifikazzjoni għal entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni u ma' awtoritajiet jew ma' korpi kompetenti oħra.

    Artikolu 9

    Tħassir

    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2012 jitħassar b'effett mis-16 ta' Ġunju 2019.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2019. Madankollu, l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 8(1) u (2) għandhom japplikaw mis-16 ta' Ġunju 2020 fl-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li huma estendew il-perjodu għat-traspożizzjoni ta' dik id-Direttiva.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Settembru 2016 dwar mandat lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għar-reviżjoni tal-metodi komuni tas-sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità u għall-metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2014) 1649 final (C(2016) 5504 final).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu ċertifikati tas-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 326, 10.12.2010, p. 11).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1169/2010 tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 327, 11.12.2010, p. 13).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 tas-16 ta' Novembru 2012 dwar metodu komuni ta' sikurezza għas-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza wara l-ħruġ ta' ċertifikat ta' sikurezza jew awtorizzazzjoni ta' sikurezza (ĠU L 320, 17.11.2012, p. 3).

    (6)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

    (7)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

    (8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 tat-8 ta' Marzu 2018 li jistabbilixxi metodi ta' sikurezza komuni dwar ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS I

    Proċess ta' superviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3

    1.   ĠENERALI

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tiżviluppa proċess strutturat u li jista' jiġi awditjat għall-attività kompluta li jqis l-elementi ta' hawn taħt. Dan jiżgura li l-proċess ta' superviżjoni jkun iterattiv u jqis il-ħtieġa ta' titjib kontinwu, kif jintwera fid-dijagramma ta' hawn taħt fl-Appendiċi.

    2.   STABBILIMENT TA' STRATEĠIJA U TA' PJAN(IJIET) TA' SUPERVIŻJONI

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:

    (a)

    tiġbor u tanalizza d-dejta/l-informazzjoni minn varjetà ta' sorsi bħala kontribut lejn l-istrateġija u l-pjan jew il-pjanijiet. Dawn is-sorsi jistgħu jinkludu l-informazzjoni li tkun inġabret waqt il-valutazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza, l-eżiti ta' attivitajiet preċedenti ta' superviżjoni, l-informazzjoni minn awtorizzazzjonijiet ta' sottosistemi jew ta' vetturi, ir-rapporti/ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi nazzjonali ta' investigazzjoni dwar l-aċċidenti, rapporti jew dejta oħra dwar l-aċċidenti/l-inċidenti, ir-rapporti annwali dwar is-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura mibgħuta lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, ir-rapporti annwali dwar il-manutenzjoni minn entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni, l-ilmenti mingħand membri tal-pubbliku u sorsi rilevanti oħra;

    (b)

    tidentifika oqsma ta' riskju għal attivitajiet immirati ta' superviżjoni fl-istrateġija ta' superviżjoni, inklużi dawk li jfeġġu mill-integrazzjoni u mill-ġestjoni ta' fatturi umani u ta' organizzazzjoni, meta dan ikun rilevanti;

    (c)

    tiżviluppa pjan jew pjanijiet ta' superviżjoni biex turi kif se twettaq fil-prattika l-istrateġija ta' superviżjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċertifikati uniċi tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza li jkunu validi;

    (d)

    toħroġ stima inizjali tar-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq il-pjan/jitwettqu l-pjanijiet, abbażi tal-oqsma fil-mira li ġew identifikati;

    (e)

    talloka r-riżorsi biex jitwettaq il-pjan/jitwettqu l-pjanijiet;

    (f)

    tindirizza, fl-istrateġija u fil-pjan(ijiet) ta' superviżjoni, kwalunkwe kwistjoni marbuta ma' operazzjonijiet jew ma' infrastruttura/i transfruntiera permezz tal-koordinazzjoni ma' awtorità (jew ma' awtoritajiet) nazzjonali oħra tas-sikurezza.

    3.   KOMUNIKAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA U TAL-PJAN(IJIET) TA' SUPERVIŻJONI

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:

    (a)

    tikkomunika l-objettivi ġenerali tal-istrateġija ta' superviżjoni u l-ispjegazzjoni ġenerali tal-pjan jew tal-pjanijiet lill-impriżi ferrovjarji jew lill-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti u, meta dan ikun xieraq, tikkomunikahom b'mod iktar wiesa' lil partijiet ikkonċernati oħra;

    (b)

    tipprovdi spjegazzjoni ġenerali lill-impriżi ferrovjarji jew lill-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti dwar kif se jitwettaq il-pjan/kif se jitwettqu l-pjanijiet ta' superviżjoni.

    4.   TWETTIQ TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:

    (a)

    twettaq il-pjan jew il-pjanijiet;

    (b)

    tieħu azzjoni(jiet) proporzjonati biex tindirizza n-nuqqas ta' konformità ta' impriża ferrovjarja jew ta' amministratur tal-infrastruttura mal-obbligi legali tagħhom, fosthom il-ħruġ ta' kwalunkwe twissija urġenti ta' sikurezza u l-applikazzjoni ta' miżuri temporanji ta' sikurezza meta dan ikun meħtieġ;

    (c)

    tevalwa kif impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura jkunu żviluppaw u implimentaw b'mod adegwat pjan jew pjanijiet ta' azzjoni biex jirrimedjaw għal xi nuqqas ta' konformità jew għal tħassib residwu fi żmien perjodu speċifikat;

    (d)

    tiddokumenta r-riżultati tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha.

    5.   EŻITI TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI

    L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:

    (a)

    tikkondividi r-riżultati tal-attivitajiet ta' superviżjoni tagħha mal-impriża ferrovjarja jew mal-amministratur tal-infrastruttura rilevanti, fosthom l-identifikazzjoni ta' oqsma ta' nuqqas ta' konformità tal-impriża ferrovjarja jew tal-amministratur tal-infrastruttura u ta' kwalunkwe qasam ta' prassi tajba biex tappoġġa t-titjib tas-sikurezza;

    (b)

    ikollha stampa ġenerali tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura individwali li joperaw fl-Istat Membru tagħha;

    (c)

    tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar il-prestazzjoni ġenerali tas-sikurezza fl-Istat Membru u tippubblikahom;

    (d)

    tikkomunika l-fehmiet tagħha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-effettività tal-qafas regolatorju tas-sikurezza u tippubblikahom;

    (e)

    tuża u, meta jkun rilevanti, tikkondividi l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li tkun inġabret waqt is-superviżjoni tal-impriżi ferrovjarji jew tal-amministraturi tal-infrastruttura, qabel ma tivvaluta mill-ġdid l-applikazzjoni għal tiġdid jew għal aġġornament taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, mal-Aġenzija li taġixxi bħala korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza jew mal-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza, fil-każ ta' infrastruttura transfruntiera;

    (f)

    meta jkun xieraq, tieħu kwalunkwe azzjoni ta' infurzar, tidentifika jekk ikunx il-każ li jkun hemm restrizzjoni jew revoka taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, u fil-każijiet meta ma tkunx responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat uniku tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjoni tas-sikurezza, tinforma lill-awtorità kompetenti b'dan.

    6.   RIEŻAMI TAL-ATTIVITAJIET TA' SUPERVIŻJONI

    Abbażi tal-informazzjoni li tkun inġabret u tal-esperjenza li tkun inkisbet matul l-attivitajiet ta' superviżjoni u tal-prestazzjoni tas-sikurezza kemm fil-livell individwali u kemm fil-livell tal-Istat Membru, f'intervalli regolari l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha:

    (a)

    twettaq rieżami tal-istrateġija u tal-pjan jew tal-pjanijiet ta' superviżjoni biex tikkontrolla li l-attività oriġinali fil-mira, l-użu tad-dejta/tal-informazzjoni minn varjetà ta' sorsi, l-eżiti tas-superviżjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu xierqa, u biex tibdel il-prijoritajiet skont kif ikun meħtieġ;

    (b)

    tirrevedi l-pjan jew il-pjanijiet jekk ikun hemm bżonn u tikkunsidra l-impatt tat-tibdil fuq l-istrateġija ta' superviżjoni;

    (c)

    tikkontribwixxi, meta jkun meħtieġ, bil-fehmiet tagħha u bi kwalunkwe proposta lill-Istat Membru tagħha sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tas-sikurezza.

    Appendiċi

    Image

    Evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

    Dokumentazzjoni tar-riżultati tas-superviżjoni

    Żvilupp u impli-mentazzjoni tal-pjan(ijiet) ta’ azzjoni

    plan(s)

    Aġenzija jew awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza

    Evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-effettività tal-pjan(ijiet) ta’ azzjoni

    Objettivi ġene-rali tal-istrateġija ta’ superviżjoni, spjegazzjoni ġenerali tal-pjan(ijiet) ta’ superviżjoni u spjegazzjoni dwar kif da(w)n pjan(ijiet) se jitwettaq/jitwettqu

    Żvilupp tal- istrateġi-ja u tal-pjan(ijiet) ta’ superviżjoni u ko-ordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ super-viżjoni ma’ aw-toritajiet nazzjonali oħra tas-sikurezza

    other national safety authorities

    Ġbir u analiżi tal-informazzjoni

    Informazzjoni li nġabret waqt il-valutazzjoni tas-sikurezza

    Riżultati tas-superviżjoni

    Prestazzjoni ġenerali tas-sikurezza tal-Istat Membru

    Effettività tal-qafas regolatorju tas-sikurezza

    Le

    Iva

    Rapporti ta’ investigazzjoni

    Kwalunkwe informazzjoni rilevanti

    information

    Rapporti annwali tas-sikurezza mill-impriżi ferrovjarji u mill- amministraturi tal-infrastruttura

    Eżiti tas-superviżjoni preċedenti

    Dejta dwar l-inċident/l-aċċident

    Teħid ta’ azzjoni(jiet) proporzjonata/i

    Miżuri neċessarji?

    Le

    Infurzar, promozzjoni u/jew żvilupp tal-qafas regolatorju tas-sikurezza

    Iva

    Nuqqas ta’ konformità?

    Informazzjoni rilevanti miġbura dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza

    Twettiq tal-pjan(ijiet)

    Rieżami tal-attivitajiet ta’ superviżjoni

    Identifikazzjoni tal-

    oqsma ta’ riskju

    Impriża ferrovjarja jew amministratur tal-infrastruttura

    Awtorità nazzjonali tas-sikurezza li twettaq is-superviżjoni


    ANNESS II

    Qafas għal superviżjoni koordinata u konġunta kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)

    L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti bbażati fuq il-prinċipji u l-elementi speċifiċi li ġejjin:

    1.

    Jaqblu dwar liema impriżi ferrovjarji u liema amministraturi tal-infrastruttura qed joperaw b'tali mod li jirrikjedu superviżjoni koordinata jew konġunta.

    2.

    Jaqblu dwar il-lingwa/i komuni u l-livell ta' kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jridu jintużaw għall-finijiet tal-arranġamenti tal-koordinazzjoni tagħhom.

    3.

    Jaqblu dwar liema informazzjoni se jiskambjaw u dwar skeda ta' żmien għall-iskambju:

    (a)

    jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti dwar l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura identifikati skont il-punt 1 u jikkondividu r-riżultati mill-attivitajiet ta' valutazzjoni tagħhom;

    (b)

    jipprovdu kopji tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza meta dan ikun xieraq;

    (c)

    jikkondividu r-riżultati minn attivitajiet relatati ta' superviżjoni, fosthom id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet ta' infurzar, meta dan ikun rilevanti;

    (d)

    jikkondividu l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura identifikati skont il-punt 1 f'kull Stat Membru.

    4.

    Jikkondividu l-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet:

    (a)

    jikkondividu l-informazzjoni dwar kif kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza timmira l-attivitajiet tagħha għal kull impriża ferrovjarja kkonċernata u għal kull amministratur tal-infrastruttura kkonċernat bħala parti mill-pjan ta' superviżjoni;

    (b)

    jistabbilixxu djalogu bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tas-sikurezza dwar ir-rispons propost biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi maġġuri fil-konformità.

    5.

    Jimmaniġġjaw il-koordinazzjoni:

    (a)

    jikkondividu l-istrateġiji u l-pjanijiet eżistenti ta' superviżjoni;

    (b)

    jistabbilixxu punti komuni ta' interess u/jew kwistjonijiet komuni;

    (c)

    jippjanaw b'mod effiċjenti l-inizjattivi individwali, ikkoordinati jew konġunti mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjenzi bla bżonn għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura u billi jevitaw li jkun hemm trikkib fl-ambitu ta' dawn l-inizjattivi.

    6.

    Jaqblu dwar liema awtorità (jew awtoritajiet) nazzjonali tas-sikurezza jenħtieġ li ssegwi (li jsegwu) l-azzjonijiet li jkollhom l-għan li jindirizzaw it-tħassib residwu li jkun ġie differit għal superviżjoni, meta dan ikun xieraq.

    7.

    Jaqblu dwar liema oqsma jridu jimmiraw għalihom b'mod koordinat u konġunt:

    (a)

    jidentifikaw ir-riskji ewlenin għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti li jridu jiġu indirizzati b'mod koordinat jew konġunt mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza;

    (b)

    jaqblu dwar liema awtorità nazzjonali tas-sikurezza se tmexxi l-attivitajiet u fuq liema kwistjonijiet, meta dan ikun rilevanti, abbażi ta' kriterji stabbiliti sew;

    (c)

    jaqblu dwar liema tipi ta' attivitajiet konġunti ta' superviżjoni se jwettqu, meta dan ikun rilevanti;

    (d)

    jaqblu dwar kif jenħtieġ li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura jiġu mgħarrfa dwar l-arranġamenti li qed isiru u dwar l-ftehimiet li qed jintlaħqu mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

    8.

    Jikkondividu l-prattiki t-tajba:

    (a)

    jiżviluppaw arranġamenti għar-rieżami u għall-koordinazzjoni fuq bażi regolari tal-attivitajiet ta' superviżjoni għall-impriżi ferrovjarji u għall-amministraturi tal-infrastruttura rilevanti;

    (b)

    jiżviluppaw arranġamenti għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, inkluż l-Aġenzija, skont kif ikun xieraq.


    Top