This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R0344
Commission Delegated Regulation (EU) 2018/344 of 14 November 2017 supplementing Directive 2014/59/EU of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards specifying the criteria relating to the methodologies for valuation of difference in treatment in resolution (Text with EEA relevance. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 tal-14 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344 tal-14 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/7436
ĠU L 67, 9.3.2018, p. 3–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/3 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/344
tal-14 ta' Novembru 2017
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (1), u b'mod partikolari l- Artikolu 74(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Huwa xieraq li wieħed ikollu regoli li jistabbilixxu metodoloġija biex jitwettqu valwazzjonijiet bil-għan li jiġi determinat jekk hemmx xi differenza bejn it-trattament effettiv tal-azzjonisti u l-kredituri fir-rigward ta' liema azzjoni jew azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jkunu saru, u l-ammont li dawk l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE (“l-entità”) kienet soġġetta għal proċeduri normali ta' insolvenza, fid-data li fiha d-deċiżjoni li tiġi riżolta din l-entità kienet adottata skont l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/59/UE. |
(2) |
Kull differenza fit-trattament li tirriżulta f'telf akbar fir-riżoluzzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri partikolari jinħtieġ li tintitola lil dawn l-azzjonisti u l-kredituri għal kumpens minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, skont il-punt (e) tal-Artikolu 101(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. |
(3) |
Il-valwazzjoni ex post għandha titwettaq mill-persuna indipendenti mitluba li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 (2) (“il-valwatur”), kemm jista' jkun malajr wara li jkunu saru l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, għalkemm it-tlestija tagħha tista' tieħu xi ftit taż-żmien. Din il-valwazzjoni jinħtieġ li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli rilevanti għad-data meta tiġi addottata d-deċiżjoni sabiex tiġi riżolta xi entità, biex jiġu riflessi b'mod adegwat ċirkustanzi speċifiċi, bħal kundizzjonijiet tas-suq li jinsabu f'diffikultà, li kienu jeżistu f'din id-data d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni. L-informazzjoni miksuba wara d-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jinħtieġ li tintuża biss meta din setgħet kienet raġonevolment magħrufa f'din id-data. |
(4) |
Biex jiġi żgurat li titwettaq valwazzjoni komprensiva u kredibbli, il-valwatur jinħtieġ li jkollu aċċess għal kull dokumentazzjoni legali xierqa, inkluża lista ta' kull pretensjoni u pretensjoni kontinġenti kontra l-entità, ikklassifikati skont il-prijorità tagħhom skont proċeduri normali ta' insolvenza. Il-valwatur jinħtieġ li jitħalla jidħol f'arranġamenti biex jikseb pariri speċjalizzati jew għarfien espert kif mitlub miċ-ċirkostanzi. |
(5) |
Għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku l-entità tpoġġiet taħt proċeduri normali ta' insolvenza, il-valwatur jinħtieġ li jiddetermina ż-żmien mistenni u l-ammont ta' flussi ta' flus netti li kull azzjonist u kreditur kien jirċievi minn proċedimenti ta' insolvenza mingħajr ma jassumi l-ebda għajnuna mill-Istat, skontati bir-rata jew rati ta' skont rilevanti. iex tiġi ddeterminata din l-istima, u fejn ikun disponibbli u rilevanti, il-valwatur jista' jirreferi wkoll għal informazzjoni dwar l-esperjenzi tal-passat reċenti ta' falliment ta' istituzzjonijiet ta' kreditu simili. |
(6) |
It-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri jirċievu fir-riżoluzzjoni jinħtieġ li jiġi stabbilit wara li jiġi kkunsidrat jekk dawn l-azzjonisti u l-kredituri jkunux irċevew rispettivament kumpens fil-forma ta' ekwità, dejn jew flus kontanti bħala riżultat tal-adozzjoni tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni. |
(7) |
Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni. |
(8) |
L-EBA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
1. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri skont proċeduri normali ta' insolvenza, il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq informazzjoni dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu u li setgħu raġonevolment kienu magħrufa fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni li, kieku l-valwatur kien jafhom, kien jiġi affettwat il-kejl tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità f'din id-data.
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni” tfisser id-data li fiha d-deċiżjoni biex tiġi riżolta entità, hija adottata skont l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2014/59/UE.
2. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-trattament reali tal-azzjonisti u l-kredituri f'riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi eżistenti tad-data jew id-dati tat-trattament reali li fihom l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew kumpens (“id-data jew id-dati tat-trattament reali”).
3. Id-data ta' referenza tal-valwazzjoni għandha tkun id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni, li tista' tkun differenti mid-data reali tat-trattament reali. Sa fejn il-valwatur jikkunsidra bħala negliġibbli l-impatt ta' xi skontar ta' rikavat, ir-rikavat mhux skontat ir-rikavat fid-data li fiha ġiet implimentata l-azzjoni tar-riżoluzzjoni jista' jiġi mqabbel direttament mal-ammont skontat tar-rikavat ipotetiku li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew kieku l-entità daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.
Artikolu 2
Inventarju tal-assi u l-pretensjonijiet
1. Il-valwatur għandu jistabbilixxi inventarju tal-assi kontinġenti identifikabbli kollha li huma proprjetà tal-entità. Inventarju bħal dan għandu jinkludi l-assi li għalihom tintwera jew tista' tkun raġonevolment mistennija l-eżistenza tal-flussi ta' flus assoċjati.
2. Lista tal-pretenstjonijiet u l-pretensjonijiet kontinġenti kollha kontra entità, għandha tkun disponibbli għall-valwatur. Dik il-lista għandha tikklassifika pretenstjonijiet u l-pretensjonijiet kontinġenti kollha skont il-livelli ta' prijorità tagħhom fi proċedimenti normali ta' insolvenza. Il-valwatur għandu jitħalla jidħol f'arranġamenti għal pariri speċjalizzati jew għarfien espert f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsistenza tal-gradazzjoni tat-l-pretensjonijiet skont il-liġi applikabbli tal-insolvenza.
3. L-assi gravati u l-pretensjonijiet garantiti minn dawk l-assi għandhom ikunu identifikati b'mod separat minn valwatur.
Artikolu 3
Il-passi tal-valwazzjoni
Għall-finijiet biex jiġi ddeterminat jekk teżistix differenza fit-trattament kif imsemmi fl-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2014/59/UE il-valwatur għandu jivvaluta:
(a) |
it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri li fir-rigward tagħhom ikunu saru l-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni, jew l-iskema ta' garanzija tad-depożiti rilevanti, kienet tirċievi kieku l-entità, daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza fid-data tad-deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni, u tiġi injorata kull dispożizzjoni ta' għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; |
(b) |
il-valur tal-pretensjonijiet ristrutturati wara l-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna jew setgħat u għodod oħra ta' riżoluzzjoni, jew ta' rikavat ieħor irċevut mill-azzjonisti u l-kredituri f'data jew dati tat-trattament reali, skontati lura għad-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jekk ikun ikkunsidrat bħala meħtieġ biex jippermetti paragun ġust mat-trattament imsemmi fil-punt (a); |
(c) |
jekk l-eżitu t-trattament fil-punt (a) jiżboq l-eżitu tal-valur imsemmi fil-punt (b) għal kull kreditur skont il-livelli prijoritarji fi proċedimenti normali ta' insolvenza kif identifikati skont l-Artikolu 2. |
Artikolu 4
Id-determinazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri skont proċeduri normali ta' insolvenza
1. Il-metodoloġija biex titwettaq valwazzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 għandha tkun limitata li tiddetermina l-ammont skontat ta' flussi ta' kontanti mistennija skont proċeduri normali ta' insolvenza.
2. Il-flussi ta' flus mistennija għandhom ikunu skontati bir-rata jew bir-rati li jkunu jirriflettu, kif xieraq, iż-żmien assoċjat mal-flussi ta' flus mistennija, iċ-ċirkustanzi prevalenti bħad-data ta' deċiżjoni ta' riżoluzzjoni, ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju, il-primjums tar-riskju għal strumenti finanzjarji simili maħruġa minn entitajiet simili, il-kundizzjonijiet tas-suq jew ir-rati tal-iskont applikati minn akkwirenti potenzjali u l-karatteristiċi l-oħra tal-element jew l-elementi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati (“rata ta' skont rilevanti”). Ir-rata rilevanti tal-iskont ma għandhiex tapplika fejn ir-rati partikolari, jekk dan ikun rilevanti għall-finijiet tal-imsemmija valwazzjoni, ikunu speċifikati fil-liġi jew il-prattika tal-insolvenza applikabbli.
3. Il-valwatur għandu jqis dawn li ġejjin meta jiġi biex jiddetermina l-ammont skontat tal-flussi ta' flus mistennija skont proċeduri normali tal-insolvenza:
(a) |
il-liġi u l-prattika applikabbli tal-insolvenza fil-ġurisdizzjoni rilevanti, li jistgħu jinfluwenzaw fatturi bħall-perjodu mistenni tad-disponiment jew ir-rati ta' rkupru; |
(b) |
L-ispejjeż tal-amministrazzjoni raġonevolment prevedibbli, it-tranżazzjoni, il-manutenzjoni, id-disponiment u l-ispejjeż l-oħrajn li kien ikollhom jinġarru minn amministratur jew prattikant tal-insolvenza, kif ukoll l-ispejjeż ta' finanzjament. |
(c) |
l-informazzjoni dwar il-każijiet ta' insolvenza tal-passat reċenti ta' entitajiet simili, fejn ikun disponibbli u rilevanti. |
4. Għall-assi nnegozjati fis-suq attiv, il-valwatur għandu juża l-prezz osservat, bl-eċċezzjoni fejn ċirkustanzi speċifiċi jxekklu l-kummerċjabbiltà tal-assi tal-entità, bħall-konċentrazzjoni, is-saturazzjoni u l-profondità tas-suq.
5. Għal assi li mhumiex innegozjati f'suq attiv, il-valwatur għandu jikkonsidra numru ta' fatturi meta jiddetermina l-ammont u l-għażla taż-żmien tal-flussi ta' flus mistennija, inklużi:
(a) |
il-prezzijiet osservati fi swieq attivi fejn assi simili huma nnegozjati; |
(b) |
il-prezzijiet osservati fi proċedimenti normali ta' insolvenza jew tranżazzjonijiet li b'xi mod ieħor tpoġġew f'diffikultà li kienu jinvolvu assi ta' natura u kundizzjoni simili; |
(c) |
il-prezzijiet osservati fi tranżazzjonijiet li kienu jinvolvu l-bejgħ ta' negozju jew it-trasferiment lil istituzzjoni tranżitorja jew veikolu tal-immaniġġar tal-assi f'kuntest ta' riżoluzzjoni rigward entitajiet simili; |
(d) |
il-probabbiltà ta' assi li jiġġeneraw flussi ta' flus netti skont proċeduri normali ta' insolvenza; |
(e) |
il-kundizzjonijiet mistennija tas-suq fil-perjodu ta' disponiment, inklużi l-profondità tas-suq u l-kapaċità tas-suq biex jiġi skambjat il-volum tal-assi rilevanti f'dak il-perjodu; kif ukoll |
(f) |
it-tul tal-perjodu tad-disponiment għandu jirrefletti l-implikazzjonijiet tal-liġi applikabbli dwar l-insolvenza, inkluż it-tul mistenni tal-proċess ta' likwidazzjoni, jew il-karatteristiċi tal-assi rilevanti. |
6. Il-valwatur għandu jikkunsidra jekk il-kundizzjoni finanzjarja tal-entità setgħetx affettwat il-flussi tal-flus mistennija, inklużi permezz ta' restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-amministratur li jinnegozja t-termini max-xerrejja potenzjali.
7. Fejn possibbli, u soġġett għal kull dispożizzjoni applikabbli tar-reġim tal-insolvenza rilevanti, il-flussi ta' flus għandhom jirriflettu d-drittijiet kontrattwali, statutorji jew drittijiet legali oħrajn tal-kredituri jew ta' prassi normali ta' insolvenza.
8. Ir-rikavat ipotetiku li jirriżulta mill-valwazzjoni għandu jiġi allokat lill-azzjonisti u l-kredituri skont il-livell ta' prijorità tagħhom skont il-liġi applikabbli ta' insolvenza, kif previst fl-Artikolu 3.
9. Għall-fini li jiġi ddeterminat kwalunkwe ammont ta' pretensjonijiet ta' derivati mhux assigurati fil-proċedura tal-falliment, il-valwatur japplika l-metodoloġiji stabbiliti fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2016/1401 (4), sa fejn hu konsistenti mal-liġi u l-prattika tal-insolvenza.
Artikolu 5
Id-determinazzjoni tat-trattament reali tal-azzjonisti u l-kredituri f'riżoluzzjoni
1. Il-valwatur għandu jidentifika l-pretensjonijiet kollha pendenti wara l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali u l-applikazzjoni ta' kwalunkwe azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, u għandu jassenja dawk il-pretensjonijiet lill-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni. Ħlief fejn dawk il-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jirċievu kumpens fi flus kontanti bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament attwali tagħhom, f'konformità mal-paragrafi minn 2 sa 4.
2. Jekk dawk il-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li fid-data d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jirċievu kumpens f'ekwità bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament attwali tagħhom billi jipprovdi stima tal-valur totali tal-ishma ttrasferiti jew maħruġa bħala korrispettiv għad-detenturi ta' strumenti kapitali konvertiti jew għall-kredituri rikapitalizzati internament. Dim l-istima tista' tkun ibbażata fuq il-prezz tas-suq ivvalutat li jirriżulta minn metodoloġiji ta' valutazzjoni aċċettati b'mod ġenerali.
3. Jekk dawk il-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li fid-data tar-riżoluzzjoni tad-deċiżjoni jirċievu kumpens ta' dejn bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament reali billi jikkunsidra fatturi bħal bidliet fil-flussi ta' flus kuntrattwali li jirriżultaw minn l-valwazzjoni negattiva jew konverżjoni, jew l-applikazzjoni ta' azzjonijiet oħra ta' riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rata rilevanti ta' skont.
4. Għal kull pretensjoni pendenti, il-valwatur jista' jieħu kont, fejn disponibbli u flimkien mal-fatturi deskritti fil-paragrafi 2 u 3, il-prezzijiet osservati fi swieq attivi għal strumenti identiċi jew simili maħruġa mill-entità taħt riżoluzzjoni jew entitajiet simili oħrajn.
Artikolu 6
Ir-rapport tal-valwazzjoni
Il-valwaturi għandu jħejji rapport ta' valwazzjoni lill-awtorità ta' riżoluzzjoni, li għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) |
sommarju tal-valutazzjoni inkluża preżentazzjoni ta'firxiet ta' valutazzjoni u s-sorsi ta' inċertezza tal-valutazzjoni; |
(b) |
Spjegazzjoni tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet ewlenin li ġew adottati, u kemm tkun sensittiva l-valwazzjonijiet għal dawn l-għażliet; |
(c) |
Spjegazzjoni, fejn hu fattibbli, għaliex il-valwazzjoni hi differenti minn valwazzjonijiet oħra relevanti, inklużi l-valwazzjonijiet tar-riżoluzzjoni immexxija skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 jew valwazzjonijiet oħra regolatorji jew ta' kontabilità. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 tat-23 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru u pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valwaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni, il-proċeduri u l-kontenut tar-rekwiżiti ta' notifika u tal-avviż ta' sospensjoni u l-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni (ĠU L 184, 8.7.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1401 tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal metodoloġiji u prinċipji dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi (ĠU L 228, 23.8.2016, p. 7).