Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0066

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/66 tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu tanniku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/8213

    ĠU L 13, 17.1.2017, p. 259–262 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/66/oj

    17.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 13/259


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/66

    tal-14 ta' Diċembru 2016

    dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu tanniku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

    (2)

    L-aċidu tanniku kien ġie awtorizzat mingħajr limitu ta' żmien b'konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Imbagħad dan il-prodott iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, b'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-aċidu tanniku bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċi tal-annimali kollha. L-applikant talab li l-addittiv jitniżżel fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali”. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tal-11 ta' Settembru 2014 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, meta tintuża fl-għalf skont il-kundizzjonijiet proposti, din is-sustanza ma għandhiex effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-funzjoni tal-aċidu tanniku fl-għalf hija simili għal dik fl-ikel. L-Awtorità diġà kkonkludiet li l-aċidu tanniku huwa effikaċi fl-ikel minħabba li jżid ir-riħa tal-ikel jew il-palat. Għalhekk, din il-konklużjoni tista' tiġi estrapolata għall-għalf.

    (5)

    Għandhom jiġu previsti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex ikun hemm kontroll aħjar. Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jitolbux li jiġi ffissat il-kontenut massimu, u b'kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni mwettqa mill-ġdid mill-Awtorità, fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat il-kontenut rakkomandat. Meta dan il-kontenut jinqabeż, fuq it-tikketta ta' taħlitiet lesti minn qabel, tal-għalf kompost u tal-materjali tal-għalf għandha tiġi indikata ċerta informazzjoni.

    (6)

    L-Awtorità kkonkludiet li fin-nuqqas ta' dejta dwar is-sikurezza tal-utent l-aċidu tanniku għandu jitqies bħala potenzjalment perikoluż għas-sistema respiratorja, il-ġilda, l-għajnejn u l-membrani mukużi. Għaldaqstant jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittivi tal-għalf ippreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (7)

    Il-valutazzjoni tas-sustanza kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu tal-aċidu tanniku għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (8)

    Billi għal raġunijiet ta' sikurezza ma hemmx bżonn li jiġu applikati minnufih il-modifiki fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-aċidu tanniku, jixraq li jingħata perjodu ta' tranżizzjoni biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni

    Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorji” u mill-grupp funzjonali “komposti li jagħtu t-togħma”, hija awtorizzata bħala addittiv tal-għalf fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Miżuri tranżizzjonali

    1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom dawk is-sustanzi, li jkunu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Awwissu 2017 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness u li jkunu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2018 skont ir-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

    3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanza speċifikata fl-Anness u li jkunu prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2019 skont ir-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2014;12(10):3828.


    ANNESS

    In-numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

    Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    L-addittiv

    Il-kompożizzjoni, il-formula kimika, id-deskrizzjoni, il-metodu analitiku

    L-ispeċi jew il-kategorija tal-annimal

    L-età massima

    Il-kontenut minimu

    Il-kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

    mg ta' sustanza attiva/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

    Il-kategorija: L-addittivi sensorjali. Il-grupp funzjonali: Il-komposti tat-taħwiriet

    2b16080

    Aċidu tanniku

    Il-kompożizzjoni tal-addittiv

    Aċidu tanniku

    Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Aċidu tanniku

    Prodott minn estrazzjoni minn pjanti differenti.

    Purità: min. 93 % abbażi tal-materja niexfa

    Il-formula kimika: C76H52O46

    Numru CAS 72401-53-7

    Nru FLAVIS: 16.080

    Il-metodu ta' analiżi  (1)

    Għad-determinazzjoni tal-aċidu tanniku fl-addittiv tal-għalf:

    Testijiet kwalitattivi kolorimetriċi jew ta' preċipitazzjoni (Ph. Eur. 6th edition, monograph 1477) u metodu kwantitattiv gravimetriku (monografu FAO JECFA tal-aċidu tanniku).

    Għall-identifikazzjoni tal-aċidu tanniku (bħala aċidu galliku) fit-taħlita lesta minn qabel tat-taħwiriet:

    Kromatografija b'Fażi Likwida ta' Rendiment Għoli f'Fażi Inversa akkopjata ma' detettur tal-UV (RP-HPLC-UV).

    L-ispeċi kollha tal-annimali

    1.

    L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

    2.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal- ħażna u tal-istabbiltà.

    3.

    Il-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva għandu jkun: 15 mg/kg tal-għalf sħiħ b'kontenut ta' ilma ta' 12 %

    4.

    Fuq it-tikketta tal-addittiv għandhom jiġu indikati dawn li ġejjin:

    “Kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva ta' għalf komplut b'kontenut ta' umdità ta' 12 %:15 mg/kg”.

    5.

    Il-grupp funzjonali, in-numru ta' identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu identifikati fuq it-tikkettar tat-taħlitiet lesti minn qabel, materjali għall-għalf u għalf kompost, jekk jinqabeż il-kontenut li ġej tas-sustanza attiva f'għalf sħiħ b'kontenut ta' umdità ta' 12 %: 15 mg/kg

    6.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi ta' negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw riskji li jistgħu jirriżultaw mill-kuntatt mal-ġilda jew mill-kuntatt mal-għajnejn. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kemm jista' jkun bi proċeduri u miżuri bħal dawn, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inklużi n-nuċċalijiet u l-ingwanti tas-sikurezza.

    is-6 ta' Frar 2027


    (1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top