Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1338

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1338 tas-17 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    ĠU L 185, 18.7.2017, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1338/oj

    18.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/49


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1338

    tas-17 ta' Lulju 2017

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-31 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (1).

    (2)

    Il-Kunsill preċedentement innota l-importanza tal-istabbiltà fil-Libja u offra li jipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Libjani, kif rikonoxxuti taħt il-Ftehim Politiku Libjan, biex jikkumbattu l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin.

    (3)

    Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin jikkontribwixxu biex jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Libja.

    (4)

    Jenħtieġ li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti lejn il-Libja li jistgħu jintużaw għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Artikolu 10

    1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li ċ-ċittadini tagħhom, il-persuni soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom u d-ditti inkorporati fit-territorji tagħhom jew soġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom jeżerċitaw viġilanza meta jagħmlu negozju ma' entitajiet inkorporati fil-Libja jew soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Libja, u kwalunkwe individwu jew entità li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, u entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew huma kkontrollati minnhom, bil-għan li jiġi pprevenut negozju li jista' jikkontribwixxi għall-vjolenza u l-użu tal-forza kontra l-popolazzjoni ċivili.

    2.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' ċerti bastimenti u muturi lil-Libja li jistgħu jintużaw fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin, minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kemm jekk joriġinaw fit-territorju tiegħu kif ukoll jekk le.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri m'għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 jekk ikollhom raġunijiet fondati biex jemmnu li l-oġġett jintuża fil-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin.

    4.   Il-paragrafu 2 ma għandux tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri lill-gvern Libjan jew lill-aġenziji tiegħu.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b'dan l-Artikolu.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34).


    Top