Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0198

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/198 tat-2 ta' Frar 2017 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa ġewwa l-Unjoni ta' Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto (notifikata bid-dokument C(2017) 460)

C/2017/0460

ĠU L 31, 4.2.2017, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/198/oj

4.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/198

tat-2 ta' Frar 2017

fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa ġewwa l-Unjoni ta' Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto

(notifikata bid-dokument C(2017) 460)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/756/UE (2) pprevediet miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa ġewwa l-Unjoni ta' Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto, minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, l-aġent każwali tal-kankru tal-kiwi. Din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni skadiet fil-31 ta' Marzu 2016.

(2)

Għadd ta' Stati Membri talbu li l-miżuri tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/756/UE jibqgħu japplikaw, minħabba r-riskju fitosanitarju maħluq mill-organiżmu speċifikat. Għal din ir-raġuni, l-istess miżuri, bħall-miżuri stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' xtieli għat-tħawwil tal-Actinidia Lindl. (minn hawn 'il quddiem “ix-xtieli speċifikati”) minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-moviment tagħhom fl-Unjoni.

(3)

Barra minn hekk, l-esperjenza miksuba tul l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/756/UE turi li, bħala alternattivi ekwivalenti għall-ispezzjonijiet viżwali, il-qerda tax-xtieli kollha speċifikati jew l-ittestjar individwali tagħhom jikkostitwixxu wkoll miżuri xierqa biex ikun evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat f'ċerti żoni, u li dawk il-miżuri joffru reazzjoni ugwalment effiċjenti fil-każ ta' tifqigħa tal-organiżmu speċifikat, għaldaqstant dawk il-miżuri għandhom ikunu permessi wkoll għal xtieli speċifikati li joriġinaw fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi. Barra minn hekk, dik l-esperjenza turi wkoll li żona b'wisa' ta' 100 m, minflok 500 m, madwar post ħieles mill-pesti jew sit tal-produzzjoni ħieles mill-pesti, bi grad ta' iżolament u ħarsien mill-ambjent estern li effettivament jeskludi l-organiżmu speċifikat, huwa biżejjed biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(4)

Jekk ikun jeħtieġ, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni.

(5)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2020 biex jitħalla żmien għas-sorveljanza tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Projbizzjoni tal-organiżmu dannuż Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto

Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto (minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”), ma għandux jidħol jew jinfirex ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 2

Id-dħul ta' Actinidia Lindl. fl-Unjoni

Għabra tad-dakra u xtieli ħajjin maħsubin għat-taħwil, għajr għaż-żrieragħ, tal-Actinidia Lindl. (minn hawn 'il quddiem “ix-xtieli speċifikati”), li joriġinaw f'pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi għad-dħul, kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 3

Moviment ta' xtieli speċifikati fl-Unjoni

Ix-xtieli speċifikati jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor ġewwa l-Unjoni biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi, kif stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 4

Stħarriġiet u notifiki dwar l-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifiku fuq ix-xtieli speċifikati.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta' dawn l-istħarriġiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sal-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara s-sena tal-istħarriġ.

2.   Meta operatur professjonali jissuspetta jew isir konxju li l-organiżmu speċifikat jkun preżenti fix-xtieli, fil-prodotti tax-xtieli jew f'oġġetti oħra li jkunu taħt il-kontroll ta' dak l-operatur, u f'żona fejn il-preżenza ta' dak l-organiżmu ma kinitx magħrufa qabel, dan għandu jinnotifika mill-aktar fis lill-korp uffiċjali responsabbli minnu, biex dak il-korp ikun jista' jieħu l-azzjonijiet meħtieġa. Fejn jeħtieġ, l-operatur professjonali għandu wkoll immedjatament jieħu miżuri ta' prekawzjoni biex jipprevjeni l-istabbiliment u t-tixrid ta' dak l-organiżmu speċifiku.

Artikolu 5

Konformità

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ħadu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2020.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/756/UE tal-5 ta' Diċembru 2012 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u l-firxa ġewwa l-Unjoni ta' Pseudomonas syringae pv. actinidiae Takikawa, Serizawa, Ichikawa, Tsuyumu u Goto (ĠU L 335, 7.12.2012, p. 49).


ANNESS I

Rekwiżiti speċifiċi għad-dl fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2

TAQSIMA I

Iċ-ċertifikat fitosanitarju

(1)

Xtieli speċifikati li joriġinaw f'pajjiżi terzi għandhom ikun akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE (minn hawn 'il quddiem “iċ-ċertifikat”), li jinkludi taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali” it-tagħrif stabbilit fil-punti (2) u (3).

(2)

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi tagħrif li ntlaħaq wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Ix-xtieli speċifikati tkabbru tul ħajjithom f'pajjiż fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li jeżisti;

(b)

Ix-xtieli speċifikati tkabbru tul ħajjithom f'żona ħielsa mill-pesti, stabbilita fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (minn hawn 'il quddiem “l-NPPO”) tal-pajjiż ta' oriġini b'konformità mal-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji (minn hawn 'il quddiem “ISPM”) Nru 4 (1);

(c)

Ix-xtieli speċifikati ġew prodotti f'post ħieles mill-pesti jew f'sit tal-produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-NPPO b'konformità mal-ISPM Nru 10 tal-FAO (2). Ix-xtieli speċifikati tkabbru fi struttura bi grad ta' iżolament u ta' protezzjoni mill-ambjent ta' barra li jeskludi b'mod effettiv l-organiżmu speċifikat. F'dak il-post jew sit ix-xtieli speċifikati ġew uffiċjalment spezzjonati darbtejn fl-aktar żminijiet f'lokhom għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni ta' qabel l-esportazzjoni u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post jew sit ta' produzzjoni jkun imdawwar minn żona b'raġġ ta' mill-inqas 100 m, fejn waħda mill-kundizzjonijiet segwenti tkun ġiet sodisfatta:

(i)

l-ispezzjonijiet uffiċjali jkunu twettqu darbtejn fl-aktar żminijiet f'lokhom għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni u kull xitla li tkun instabet li turi sintomi ta' infezzjoni, waqt dawn l-ispezzjonijiet, tkun inqerdet minnufih;

(ii)

ix-xtieli speċifikati kollha nqerdu minnufih;

(iii)

kull xitla speċifikata tkun ġiet ittestjata b'mod regolari u nstabet ħielsa mill-organiżmu speċifikat;

(d)

Ix-xtieli speċifikati ġew prodotti f'post ta' produzzjoni ħieles mill-pesti stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-NPPO skont l-ISPM Nru 10 tal-FAO. F'dak il-post ix-xtieli speċifikati ġew spezzjonati, kampjonati u ttestjati uffiċjalment darbtejn fl-aktar żminijiet f'lokhom tul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni ta' qabel l-esportazzjoni u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post tal-produzzjoni huwa mdawwar minn żona b'raġġ ta' 4 500 m, fejn tkun ġiet sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

(i)

l-ispezzjonijiet, il-kampjunar u l-ittestjar uffiċjali jkunu twettqu darbtejn f'dak il-post tal-produzzjoni u f'dik iż-żona kollha fl-aktar żminijiet f'lokhom għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni. L-organiżmu speċifikat ma nstabx matul l-ispezzjonijiet uffiċjali, il-kampjunar u l-ittestjar;

(ii)

Ix-xtieli speċifikati kollha f'raġġ ta' 500 m minn dak il-post ta' produzzjoni nqerdu minnufih;

(iii)

kull xitla speċifikata f'raġġ ta' 500 m minn dak il-post ta' produzzjoni tkun ġiet ittestjata b'mod regolari fl-aktar żminijiet f'lokhom u tkun instabet ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Fil-każ tal-punti (ii) u (iii), ix-xtieli speċifikati kollha f'dik iż-żona fuq distanza ta' 500 m sa 4 500 m mill-post ta' produzzjoni inqerdu jew ġew ittestjati skont skema ta' kampjunar li tista' tikkonferma b'affidabbiltà ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fix-xtieli speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(3)

Fejn tingħata l-informazzjoni stabbilita fil-punt (2)(c) jew (2)(d), flimkien ma' dan, iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-informazzjoni li ntlaħaq wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Ix-xtieli speċifikati tnisslu direttament minn xtieli omm mkabbra taħt kundizzjonijiet konformi mal-punti (2)(a) jew (2)(b) jew 2(c);

(b)

Ix-xtieli speċifikati tnisslu direttament minn xtieli omm li kienu suġġetti għal ittestjar individwali minn qabel, li kkonferma li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat;

(c)

Ix-xtieli speċifikati ġew ittestjati skont skema ta' kampjunar li tista' tikkonferma b'affidabilità ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fix-xtieli speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(4)

Fejn tingħata l-informazzjoni stabbilita fil-punt (2)(b), l-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandu jiġi inkluż taħt l-intestatura taċ-ċertifikat “Post ta' Oriġini”.

TAQSIMA II

Spezzjoni

Ix-xtieli speċifikati introdotti fl-Unjoni akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju li jikkonforma mat-Taqsima I għandhom jiġu spezzjonati b'mod rigoruż u, fejn jixraq, eżaminati għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (3).

F'każ li x-xtieli speċifikati jidħlu fl-Unjoni permezz ta' Stat Membru li mhux l-Istat Membru tad-destinazzjoni ta' dawk ix-xtieli, l-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru tad-dħul għandha tgħarraf lill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.


(1)  Rekwiżiti għall-istabbiliment ta' żoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 4 (1995), Ruma, IPPC, FAO 2016.

(2)  Ir-rekwiżiti biex jinstabu postijiet ta' produzzjoni u siti ta' produzzjoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 10 (1999), Ruma, IPPC, FAO 2016.

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).


ANNESS II

Rekwiżiti għall-moviment fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3

(1)

Ix-xtieli speċifikati li joriġinaw fl-Unjoni jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tax-xtieli mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (1) u jekk jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (2).

(2)

Ix-xtieli speċifikati għandhom jilħqu wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

Ix-xtieli speċifikati tkabbru tul ħajjithom fi Stat Membru fejn l-organiżmu speċifiku mhux magħruf li jidher;

(b)

Ix-xtieli speċifikati tkabbru tul ħajjithom f'żona protetta rikonoxxuta fir-rigward tal-organiżmu speċifikat skont l-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2000/29/KE.

(c)

Il-xtieli speċifikati tkabbru tul ħajjithom f'żona ħielsa minn organiżmi ta' ħsara, stabbilita fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-entità uffiċjali responsabbli ta' Stat Membru b'konformità mal-ISPM Nru 4 tal-FAO (2);

(d)

Ix-xtieli speċifikati ġew prodotti f'post ħieles mill-pesti jew f'sit tal-produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru ta' oriġini b'konformità mal-ISPM Nru 10 tal-FAO (3). Ix-xtieli speċifikati tkabbru fi struttura bi grad ta' iżolament u ta' protezzjoni mill-ambjent ta' barra li jeskludi b'mod effettiv l-organiżmu speċifikat. F'dak il-post jew sit ix-xtieli speċifikati ġew uffiċjalment spezzjonati darbtejn fl-aktar żminijiet f'lokhom għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel ma jgħaddu minn post għall-ieħor u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post jew sit ta' produzzjoni jkun imdawwar minn żona b'raġġ ta' mill-inqas 100 m, fejn waħda mill-kundizzjonijiet segwenti tkun ġiet sodisfatta:

(i)

twettqu spezzjonijiet uffiċjali darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel iċ-ċaqliq u kull xitla speċifikata li nstab li kienet turi sintomi ta' infezzjoni, waqt dawn l-ispezzjonijiet, inqerdet minnufih;

(ii)

ix-xtieli speċifikati kollha nqerdu minnufih;

(iii)

kull xitla speċifikata tkun ġiet ittestjata b'mod regolari fl-aktar żminijiet f'lokhom u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

(e)

Ix-xtieli speċifikati ġew prodotti f'post ta' produzzjoni ħieles mill-pesti, stabbilit fir-rigward tal-organiżmu speċifikat mill-entità uffiċjali responsabbli tal-Istat Membru ta' oriġini skont l-ISPM Nru 10 tal-FAO. F'dak il-post ix-xtieli speċifikati ġew spezzjonati, kampjunati u ttestjati uffiċjalment darbtejn fl-aktar żminijiet f'lokhom tul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel l-esportazzjoni u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Dak il-post tal-produzzjoni huwa mdawwar minn żona b'raġġ ta' 500 m, minn hawn 'il quddiem iż-“żona tal-madwar”, fejn tkun ġiet sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

(i)

l-ispezzjonijiet, il-kampjunar u l-ittestjar uffiċjali jkunu twettqu darbtejn f'dik iż-żona kollha tal-madwar fl-aktar żminijiet f'lokhom waqt l-aħħar ċiklu komplet ta' veġetazzjoni qabel iċ-ċaqliq. L-organiżmu speċifikat ma nstabx matul l-ispezzjonijiet, il-kampjunar u l-ittestjar uffiċjali;

(ii)

ix-xtieli speċifikati kollha fiż-żona tal-madwar inqerdu minnufih;

(iii)

kull xitla speċifikata fiż-żona tal-madwar tkun ġiet ittestjata b'mod regolari fl-aktar żminijiet f'lokhom u nstabet ħielsa mill-organiżmu speċifikat.

Iż-żona tal-madwar hija mdawra b'żona b'wisa' ta' 4 km, fejn tkun ġiet sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

(i)

wara l-ispezzjonijiet, il-kampjunar u l-ittestjar uffiċjali li jkunu twettqu f'dik iż-żona kollha darbtejn fl-aktar żminijiet xierqa għall-identifikazzjoni ta' sintomi ta' infezzjoni matul l-aħħar ċiklu komplut ta' veġetazzjoni qabel ma jgħaddu minn post għal ieħor, ittieħdu miżuri ta' eradikazzjoni fil-każijiet kollha meta l-organiżmu speċifikat ġie identifikat fuq ix-xtieli speċifikati. Dawn il-miżuri kkonsistew fil-qerda immedjata tax-xtieli infettati speċifikati;

(ii)

ix-xtieli speċifikati kollha f'dik iż-żona inqerdu;

(iii)

Ix-xtieli speċifikati kollha f'dik iż-żona ġew ittestjati skont skema ta' kampjunar li tikkonferma b'affidabilità ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fix-xtieli speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(3)

Fejn ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (2)(d) jew (2)(e) jintlaħqu, ix-xtieli speċifikati għandhom, flimkien ma' dan, jilħqu wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Ix-xtieli speċifikati tnisslu direttament mix-xtieli mkabbra taħt kundizzjonijiet konformi mal-punti (2)(a) jew (2)(b) jew 2(c) jew 2(d);

(b)

Ix-xtieli speċifikati tnisslu direttament minn xtieli omm li kienu suġġetti għal ittestjar individwali minn qabel, li kkonferma li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat;

(c)

Ix-xtieli speċifikati ġew ittestjati skont skema ta' kampjunar li tista' tikkonferma b'affidabilità ta' 99 % li l-livell tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat fix-xtieli speċifikati huwa inqas minn 0,1 %.

(4)

Ix-xtieli speċifikati introdotti fl-Unjoni minn pajjiżi terzi b'konformità mal-Anness I jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor ġewwa l-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tax-xtieli msemmi fil-punt (1).


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta' standardizzazzjoni għal passaporti ta' pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti ta' pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta' passaporti simili u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).

(2)  Rekwiżiti għall-istabbiliment ta' żoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 4 (1995), Ruma, IPPC, FAO 2016.

(3)  Ir-rekwiżiti biex jinstabu postijiet ta' produzzjoni u siti ta' produzzjoni ħielsa mill-pesti. ISPM Nru 10 (1999), Ruma, IPPC, FAO 2016.


Top