Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1899

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1899 tas-26 ta' Ottubru 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE fir-rigward tal-ammissjoni u l-importazzjoni temporanja ta' żwiemel reġistrati minn ċerti partijiet tal-Eġittu (notifikata bid-dokument C(2016) 6791) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/6791

    ĠU L 293, 28.10.2016, p. 42–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0659

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1899/oj

    28.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/42


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1899

    tas-26 ta' Ottubru 2016

    li temenda d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE fir-rigward tal-ammissjoni u l-importazzjoni temporanja ta' żwiemel reġistrati minn ċerti partijiet tal-Eġittu

    (notifikata bid-dokument C(2016) 6791)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), il-punt (a) tal-Artikolu 15 u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Hi tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet speċjali għad-dħul temporanju u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi rreġistrati.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE (2) tistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul temporanju fl-Unjoni ta' żwiemel reġistrati li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tagħha. Dak l-Anness jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi fejn hija applikata r-reġjonalizzazzjoni uffiċjali u jassenja dawk il-pajjiżi terzi fi gruppi sanitarji speċifiċi, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE (3) tistipula li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi rreġistrati u ta' ekwidi għat-tgħammir u l-produzzjoni li jkunu ġejjin mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tagħha. Dak l-Anness jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi fejn hija applikata r-reġjonalizzazzjoni uffiċjali u jassenja dawk il-pajjiżi terzi fi gruppi sanitarji speċifiċi, skont is-sitwazzjoni tas-saħħa tagħhom.

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (4) tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-ekwidi u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom. L-Anness I ta' din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-lista u jassenja wkoll il-pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom, fi gruppi sanitarji speċifiċi.

    (5)

    Id-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE kienu assenjaw lill-Eġittu fil-grupp sanitarju E. Madankollu, wara spezzjoni veterinarja mwettqa fl-Eġittu f'Ġunju 2010, ġie deċiż li s-sitwazzjoni f'dak il-pajjiż terz tista' tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-annimali għall-popolazzjoni tal-ekwini fl-Unjoni. B'riżultat ta' dan, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/463/UE (5) ġiet adottata sabiex tħassar l-entrata għall-Eġittu fil-Grupp Sanitarju E kif elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE u 93/197/KEE u biex tiġi emendata l-entrata għall-Eġittu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

    (6)

    Il-kunċett ta' “Żona Ħielsa mill-Mard tal-Ekwini” (EDFZ) żviluppat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) (6) jirrifletti l-prinċipji ta' reġjonalizzazzjoni stipulati fid-Direttiva 2009/156/KE. EDFZ hija għalhekk parti mit-territorju ta' pajjiż taħt superviżjoni veterinarja speċifika li hija ħielsa minn mard ekwin speċifikat multiplu u hija normalment stabbilita fejn il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard kollu taż-żwiemel fit-territorju kollu ta' pajjiż ma jkunux fattibbli jew ma jistgħux jitwettqu. Is-separazzjoni tal-ekwidi fl-EDFZ minn ekwidi oħra tinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta' ġestjoni ta' bijosigurtà tajba, standards u proċeduri ta' ċertifikazzjoni, ippjanar ta' kontinġenza u identifikazzjoni taż-żwiemel kollha li jinsabu fl-EDFZ u l-kapaċità għar-rintraċċar tal-moviment tagħhom.

    (7)

    F'Ġunju 2016, l-Eġittu talab li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-istatus ta' esportazzjoni ta' dak il-pajjiż terz u ressaq dokumentazzjoni dwar it-twaqqif ta' EDFZ madwar l-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani li jinsab fil-lvant tal-periferija tal-Kajr. L-EDFZ hija konnessa mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr, li jinsab anqas minn 10 km 'il bogħod, permezz ta' awtostrada.

    (8)

    Mid-dokumentazzjoni sottomessa mill-Eġittu jidher li l-garanziji offruti mill-Eġittu huma biżżejjed biex l-Eġittu jerġa' jiġi assenjat fil-Grupp Sanitarju E u li jiġu awtorizzati l-ammissjoni u l-importazzjoni temporanji ta' żwiemel reġistrati fl-EDFZ tal-Eġittu.

    (9)

    Id-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 92/260/KEE huwa emendat skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 93/197/KEE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE tal-10 ta' April 1992 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċertifikazzjoni veterinarja għal dħul temporanju ta' żwiemel irreġistrati (ĠU L 130, 15.5.1992, p. 67).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE tal-5 ta' Frar 1993 fuq il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikazzjoni tal-veterinarju għall-importazzjoni ta' annimali tar-razza tal-ekwidi rreġistrati għat-tnissil u produzzjoni (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 16).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/463/UE tal-20 ta' Awwissu 2010 li temenda d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE fir-rigward ta' ammissjoni temporanja, dħul mill-ġdid wara esportazzjonijiet u importazzjonijiet temporanji ta' żwiemel reġistrati u importazzjonijiet ta' semen tal-ispeċi ekwini minn ċerti partijiet tal-Eġittu (ĠU L 220, 21.8.2010, p. 74).

    (6)  http://www.oie.int/en/our-scientific-expertise/specific-information-and-recommendations/international-competition-horse-movement/equine-disease-free-zones/


    ANNESS I

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 92/260/KEE, il-lista tal-pajjiżi terzi fil-Grupp Sanitarju E toħdilha postha din li ġejja:

    “L-Emirati Għarab Magħquda (AE), il-Baħrejn (BH), l-Alġerija (DZ), l-Eġittu (3) (EG), l-Iżrael (4) (IL), il-Ġordan (JO), il-Kuwajt (KW), il-Libanu (LB), il-Marokk (MA), l-Oman (OM), il-Katar (QA), l-Arabja Sawdija (3) (SA), it-Tuniżija (TN), it-Turkija (3) (TR)”.


    ANNESS II

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 93/197/KEE, il-lista tal-pajjiżi terzi fil-Grupp Sanitarju E toħdilha postha din li ġejja:

    “L-Emirati Għarab Magħquda (3) (AE), il-Baħrejn (3) (BH), l-Alġerija (DZ), l-Eġittu (2) (3) (EG), l-Iżrael (5) (IL), il-Ġordan (3) (JO), il-Kuwajt (3) (KW), il-Libanu (3) (LB), il-Marokk (MA), il-Mawrizju (3) (MU), l-Oman (3) (OM), il-Katar (3) (QA), l-Arabja Sawdija (3) (SA), it-Tuniżija (TN), it-Turkija (2) (3) (TR)”.


    ANNESS III

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-entrata għall-Eġittu joħdilha postha dan li ġej:

    “EG

    l-Eġittu

    EG-0

    Il-pajjiż kollu

    E

    EG-1

    Iż-Żona Ħielsa mill-Mard Ekwin stabbilita fl-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani fi Triq El Nasr, faċċata tal-Klabb AL Ahly, il-Kajr, u l-konnessjoni bl-awtostrada mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr (ara l-Kaxxa 7 għad-dettalji)

    E

    X

    X

    —”

    (2)

    tinżied il-Kaxxa 7 li ġejja:

    “Kaxxa 7

    EG

    l-Eġittu

    EG-1

    Iż-Żona Ħielsa mill-Mard Ekwin (EDFZ) hija ta' madwar 0,1 km2 stabbilita madwar l-Isptar Veterinarju tal-Forzi Armati Eġizzjani fi Triq El-Nasr, faċċata tal-Klabb Al Ahly, fil-lvant tal-periferija tal-Kajr, (lokalizzata f'30°04′19,6″N 31°21′16,5″E) u l-konnessjoni bl-awtostrada ta' 10 km fuq it-Triq El-Nasr u Triq l-Ajruport mal-Ajruport Internazzjonali tal-Kajr.

    (a)

    Id-delineazzjoni tal-fruntieri tal-EDFZ:

    Mill-intersezzjoni ta' Triq El Nasr ma' Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh (f'30°04′13,6″N 31°21′04,3″E) tul Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh għal madwar 500 m lejn it-Tramuntana sal-ewwel intersezzjoni mal-“Passaġġ Ġewwa l-Forzi Armati” (“il-Passaġġ”), iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal madwar 100 m lejn il-Lvant, iddur mill-ġdid fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 150 m lejn in-Nofsinhar, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 300 m lejn il-Lvant, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn in-Nofsinhar sa Triq El-Nasr, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 300 m lejn il-Lbiċ sakemm tiġi faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma Triq Hassan Ma'moon, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn it-Tramuntana, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 120 m lejn il-Punent, iddur fuq ix-xellug u ssegwi l-Passaġġ għal 200 m lejn in-Nofsinhar, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 100 m lejn il-Punent sal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma' Triq El-Shaheed Ibrahim El-Shaikh.

    (b)

    Id-delineazzjoni tal-fruntiera taż-żona tal-kwarantina ta' qabel l-esportazzjoni fi ħdan l-EDFZ:

    Mill-punt faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma' Triq Hassan Ma'moon, issegwi l-Passaġġ għal 100 m lejn it-Tramuntana, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 250 m lejn il-Lvant, iddur fuq il-lemin u ssegwi l-Passaġġ għal 50 m lejn in-Nofsinhar sat-Triq El-Nasr, iddur fuq il-lemin u ssegwi Triq El-Nasr għal 300 m lejn il-Lbiċ sakemm tkun faċċata tal-intersezzjoni ta' Triq El-Nasr ma Triq Hassan Ma'moon.”


    Top