Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0413

Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/413/oj

13.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/9


DIRETTIVA (UE) 2015/413 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-titjib tas-sikurezza fit-toroq huwa objettiv primarju tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. L-Unjoni qed issegwi politika għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq, bl-objettiv li jitnaqqsu l-imwiet, il-korrimenti u l-ħsarat materjali. Element importanti ta' dik il-politika huwa l-infurzar konsistenti tas-sanzjonijiet għal dawk ir-reati tat-traffiku magħmulin fl-Unjoni li jipperikolaw b'mod konsiderevoli s-sikurezza fit-toroq.

(2)

Madankollu, minħabba nuqqas ta' proċeduri adegwati u minkejja l-possibbiltajiet eżistenti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (4) (id-“Deċiżjonijiet Prüm”), is-sanzjonijiet fl-għamla ta' pieni finanzjarji għal ċerti reati tat-traffiku spiss mhumiex infurzati jekk dawk ir-reati jsiru b'vettura li tkun irreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn ikun sar ir-reat. Din id-Direttiva għandha l-għan li anki f'dawn il-każijiet, għandha tiġi żgurata l-effettività tal-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Lulju 2010 intitolata “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020”, il-Kummissjoni enfasizzat li l-infurzar tar-regoli dwar it-traffiku fit-toroq jibqa' fattur ewlieni fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għal tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' mwiet u korrimenti. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar is-sikurezza fit-toroq, il-Kunsill talab li titqies il-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu aktar l-infurzar tar-regoli tat-traffiku fit-toroq u, fejn xieraq, fil-livell tal-Unjoni. Huwa stieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltajiet ta' armonizzazzjoni tar-regoli tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni, fejn xieraq, u tal-adozzjoni ta' miżuri oħra dwar il-faċilitazzjoni tal-infurzar transkonfinali fir-rigward tar-reati tat-traffiku fit-triq, b'mod partikolari dawk marbutin ma' inċidenti serji tat-traffiku.

(4)

Fid-19 ta' Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq abbażi tal-Artikolu 71(1)(c) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (issal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)). Id-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) madankollu ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) TFUE. Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-6 ta' Mejju 2014 fil-kawża C-43/12 (6) annullat id-Direttiva 2011/82/UE għar-raġuni li din ma setgħetx tiġi validament adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) TFUE. Is-sentenza żammet l-effetti tad-Direttiva 2011/82/UE sad-dħul fis-seħħ fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli — li ma għandux jaqbeż tnax-il xahar mid-data li fiha tingħata s-sentenza — ta' Direttiva ġdida bbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) TFUE. Għaldaqstant għandha tiġi adottata Direttiva ġdida abbażi ta' dak l-Artikolu.

(5)

Għandha tiġi mħeġġa aktar konverġenza bejn il-miżuri ta' kontroll tal-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandha teżamina, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni għal tagħmir ta' kontroll awtomatiku għall-kontrolli tas-sikurezza fit-toroq.

(6)

Għandha tinħoloq kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli tat-traffiku għas-sikurezza fit-toroq fis-seħħ fi Stati Membri differenti u fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari permezz ta' miżuri adegwati li jiggarantixxu l-għoti ta' biżżejjed informazzjoni dwar il-konsegwenzi f'każ li ma jiġux rispettati r-regoli tat-traffiku għas-sikurezza fit-toroq waqt l-ivvjaġġar fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(7)

Sabiex ikun hemm aktar sikurezza fit-toroq kullimkien fl-Unjoni Ewropea u biex jiġi żgurat it-trattament indaqs tas-sewwieqa, jiġifieri ta' residenti u non-residenti li jagħmlu reat, l-infurzar għandu jiġi ffaċilitat irrispettivament mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Għal dan il-għan, għandha tintuża sistema għall-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni għal ċerti reati tat-traffiku għas-sikurezza fit-toroq, irrispettivament min-natura amministrattiva jew kriminali tagħhom skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, li tagħti aċċess lill-Istat Membru fejn isir ir-reat għad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD) tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(8)

Skambju transkonfinali aktar effiċjenti tal-VRD, li għandu jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' persuni suspettati li għamlu reat tat-traffiku marbut mas-sikurezza fit-toroq, jista' jżid l-effett dissważiv u jħajjar imġiba aktar kawta mis-sewwieq ta' vettura rreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn isir ir-reat, u b'hekk jiġu evitati diżgrazzji minħabba inċidenti tat-traffiku fit-triq.

(9)

Ir-reati tat-traffiku marbutin mas-sikurezza fit-toroq koperti b'din id-Direttiva mhumiex soġġetti għal trattament omoġenu fl-Istati Membri. Xi Stati Membri jikkwalifikaw tali reati bħala reati “amministrattivi” skont il-liġi nazzjonali filwaqt li oħrajn jikkwalifikawhom bħala reati “kriminali”. Din id-Direttiva għandha tapplika irrispettivament minn kif dawk ir-reati jiġu klassifikati skont il-liġi nazzjonali.

(10)

L-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin id-dritt tal-aċċess għall-VRD tagħhom sabiex itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u jħaffu l-proċeduri fis-seħħ. Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-disponibbiltà tal-iskambju awtomatizzat tad-data stabbiliti fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm għandhom, sa fejn hu possibbli, jiġu inklużi f'din id-Direttiva.

(11)

Id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI tispeċifika l-karatteristiċi ta' sigurtà għal applikazzjonijiet tas-software eżistenti u r-rekwiżiti tekniċi relatati għall-iskambju ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ġenerali ta' dik id-Deċiżjoni, dawk il-karatteristiċi ta' sigurtà u rekwiżiti tekniċi għandhom, għal raġunijiet ta' effiċjenza regolatorja u prattika, jintużaw għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(12)

L-applikazzjonijiet tas-software eżistenti għandhom ikunu l-bażi għall-iskambju tad-data skont din id-Direttiva u fl-istess ħin għandhom jiffaċilitaw ir-rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Tali applikazzjonijiet għandhom jipprevedu l-iskambju mingħajr dewmien, sikur u konfidenzjali ta' VRD speċifika bejn l-Istati Membri. Għandu jittieħed vantaġġ mill-applikazzjoni tas-software tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris), li hija mandatorja għall-Istati Membri skont id-Deċiżjonijiet ta' Prüm fir-rigward tal-VRD. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tirrapporta dwar il-funzjonament tal-applikazzjonijiet tas-software li ntużaw għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(13)

L-ambitu ta' applikazzjoni ta' dawk l-applikazzjonijiet tas-software msemmija hawn fuq għandu jkun limitat għall-proċessi li jintużaw fl-iskambju ta' informazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali fl-Istati Membri. Il-proċeduri u l-proċessi awtomatizzati li fihom tkun ser tintuża l-informazzjoni ma jaqgħux taħt l-ambitu ta' applikazzjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet.

(14)

L-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE għandha l-għan li jinstabu s-soluzzjonijiet għall-iskambju tad-data li huma l-aktar sempliċi, faċilment traċċabbli u kosteffettivi.

(15)

L-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jikkuntattjaw lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew lill-persuna identifikata b'mod ieħor li tkun issuspettata li għamlet ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq sabiex il-persuna kkonċernata tinżamm informata dwar il-proċeduri applikabbli u l-konsegwenzi legali skont il-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li l-informazzjoni dwar ir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq tintbagħat bil-lingwa tad-dokumenti ta' reġistrazzjoni jew bil-lingwa bl-akbar probabbiltà li tinftiehem mill-persuna kkonċernata, biex ikun żgurat li dik il-persuna tifhem b'mod ċar l-informazzjoni li tkun qed tiġi kondiviża mal-persuna kkonċernata. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċeduri adegwati biex ikun żgurat li tkun biss il-persuna kkonċernata li tiġi infurmata u mhux terza persuna. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw arranġamenti dettaljati simili għal dawk adottati sabiex dawn ir-reati jingħataw segwitu, inklużi mezzi bħall-kunsinna reġistrata, fejn ikun adatt. Dan jippermetti li dik il-persuna twieġeb għall-ittra ta' informazzjoni b'mod adegwat, partikolarment billi titlob aktar informazzjoni, billi tħallas il-multa jew billi teżerċita d-drittijiet tagħha ta' difiża, speċjalment f'każ ta' identità żbaljata. Proċedimenti oħrajn huma koperti bl-istrument legali applikabbli, inklużi strumenti dwar l-assistenza reċiproka u dwar għarfien reċiproku, pereżempju d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI (7).

(16)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu traduzzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-ittra ta' informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru fejn isir ir-reat, kif previst fid-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(17)

Bl-iskop li tiġi segwita politika ta' sikurezza fit-toroq li timmira li tipprovdi livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti tat-toroq kollha fl-Unjoni u filwaqt li jitqiesu d-differenzi kbar bejn iċ-ċirkostanzi rilevanti fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jaġixxu, mingħajr preġudizzju għal linji politiċi u liġijiet aktar restrittivi, sabiex tiġi żgurata aktar konverġenza bejn ir-regoli tat-traffiku fit-toroq u l-infurzar tagħhom fost l-Istati Membri. Fil-qafas tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni sabiex jiġu stabbiliti metodi, prattiċi u standards minimi komparabbli fil-livell tal-Unjoni b'kont meħud tal-koperazzjoni internazzjonali u l-ftehimiet eżistenti fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq tat-8 ta' Novembru 1968.

(18)

Fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa għal kriterji komuni dwar proċeduri ta' segwitu mill-Istati Membri f'każ li l-piena finanzjarja ma titħallasx, f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri tal-Istati Membri. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindirizza kwistjonijiet bħall-proċeduri bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għat-trasmissjoni tad-deċiżjoni finali sabiex tiġi imposta sanzjoni u/jew piena finanzjarja kif ukoll għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni finali.

(19)

Fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti responsabbli għas-sikurezza fit-toroq u dawk tal-infurzar tal-liġi, l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra li jkunu attivi fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq.

(20)

Kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt ta' rispett għall-privatezza u għall-protezzjoni ta' data personali, iggarantita minn arranġamenti speċjali għall-protezzjoni tad-data. Dawk l-arranġamenti għandhom jieħdu kont, b'mod partikolari, tan-natura speċifika tal-aċċess online transkonfinali għall-bażijiet tad-data. Jeħtieġ li l-applikazzjonijiet tas-software li ser jiġu stabbiliti jippermettu li l-iskambju ta' informazzjoni jsir f'kondizzjonijiet sikuri u li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data mibgħuta. Id-data miġbura skont din id-Direttiva m'għandhiex tintuża għal skopijiet differenti minn dawk ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-obbligi dwar il-kondizzjonijiet tal-użu u tal-ħażna temporanja tad-data.

(21)

L-ipproċessar ta' data personali provdut taħt din id-Direttiva huwa adatt biex jinkisbu l-għanijiet leġittimi segwiti minn din id-Direttiva fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u għaldaqstant l-infurzar ta' sanzjonijiet, u ma jeċċedix dak li huwa xieraq u meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(22)

Id-data relatata mal-identifikazzjoni tat-trasgressur hija data personali. Id--Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) għandha tkun applikabbli għall-attivitajiet ta' proċessar li jsiru meta tiġi applikata din id-Direttiva. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti proċedurali għall-appell u l-mekkaniżmi ta' rimedju tal-Istat Membru kkonċernat, is-suġġett tad-data kkonċernat għandu jiġi infurmat skont il-każ meta jirċievi notifika tar-reat, dwar id-dritt ta' aċċess, id-dritt għar-rettifika u t-tħassir ta' data personali kif ukoll dwar il-perijodu legali massimu ta' ħażna tad-data. F'dan il-kuntest, is-suġġett tad-data għandu jkollu wkoll id-dritt li jikseb il-korrezzjoni ta' kull data personali impreċiża jew it-tħassir immedjat ta' kull data li tkun ġiet irreġistrata b'mod illegali.

(23)

Fil-qafas tad-Deċiżjonijiet ta' Prüm, l-ipproċessar ta' VRD li tinkludi data personali hu soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal tali data personali li tiġi pproċessata wkoll għall-finijiet ta' din id-Direttiva sakemm huma jiżguraw li l-ipproċessar ta' tali data skont din id-Direttiva jikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

(24)

Għandu jkun possibbli li pajjiżi terzi jipparteċipaw fl-iskambju ta' VRD kemm-il darba jkunu kkonkludew ftehim mal-Unjoni għal dan il-għan. Ikun meħtieġ li tali ftehim jinkludi dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-protezzjoni tad-data.

(25)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt tad-difiża.

(26)

Sabiex jinkiseb l-objettiv tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' mezzi interoperabbli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex jittieħed kont ta' bidliet rilevanti fid-Deċiżjonijiet Prüm jew meta dan ikun meħtieġ minn atti legali tal-Unjoni direttament rilevanti għall-aġġornament tal-Anness I. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u li jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tkun qiegħda tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(27)

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li tidentifika miżuri effiċjenti u effikaċi oħrajn li jtejbu s-sikurezza fit-toroq. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit għandhom ukoll jikkooperaw mal-Kummissjoni f'dan ix-xogħol, fejn ikun il-każ, biex ikun żgurat rappurtar f'waqtu u sħiħ dwar din il-materja.

(28)

Ladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi jiġi ffaċilitat l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq meta dawn ir-reati jsiru b'vettura rreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn sar ir-reat, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(29)

Ladarba d-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ma kinux soġġetti għad-Direttiva 2011/82/UE u allura ma ttrasponewhiex, huwa xieraq li jingħata lil dawk l-Istati Membri żmien addizzjonali suffiċjenti biex jagħmlu dan.

(30)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fit-3 ta' Ottubru 2014,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Objettiv

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-utenti kollha tat-toroq fl-Unjoni billi tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, u b'hekk tiffaċilita l-infurzar ta' sanzjonijiet, fejn dawk ir-reati jsiru b'vettura rreġistrata fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru fejn ikun sar ir-reat.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għar-reati tat-traffiku li ġejjin, relatati mas-sikurezza fit-toroq:

(a)

sewqan b'veloċità eċċessiva;

(b)

meta ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza;

(c)

meta jinqabeż id-dawl aħmar tat-traffiku;

(d)

sewqan taħt l-influwenza tax-xorb;

(e)

sewqan taħt l-influwenza tad-drogi;

(f)

meta ma jintlibisx elmu protettiv;

(g)

użu ta' karreġġata pprojbita;

(h)

użu illegali ta' telefon ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“vettura” tfisser kull vettura bil-magna, inklużi ċikletti bil-mutur, li normalment tintuża għat-trasport ta' persuni jew oġġetti bit-triq;

(b)

“Stat Membru fejn isir ir-reat” tfisser l-Istat Membru fejn sar ir-reat;

(c)

“Stat Membru tar-reġistrazzjoni” tfisser l-Istat Membru fejn tkun ġiet irreġistrata l-vettura li biha sar ir-reat;

(d)

“sewqan b'veloċità eċċessiva” tfisser il-qbiż tal-limiti fis-seħħ ta' veloċità fl-Istat Membru fejn isir ir-reat għat-triq ikkonċernata jew għat-tip ta' vettura kkonċernat;

(e)

“ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza” tfisser in-nonkonformità mar-rekwiżit li jintlibes iċ-ċinturin tas-sikurezza jew li tintuża sistema ta' sikurezza għat-tfal f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE (11) u l-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(f)

“jinqabeż id-dawl l-aħmar tat-traffiku” tfisser sewqan fuq dawl tat-traffiku aħmar jew kwalunkwe sinjal ta' waqfien ieħor rilevanti, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(g)

“sewqan taħt l-influwenza tax-xorb” tfisser sewqan waqt li s-sewwieq ma jkunx kompletament f'sensih minħabba l-alkoħol, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(h)

“sewqan taħt l-influwenza tad-drogi” tfisser sewqan waqt li s-sewwieq ma jkunx kompletament f'sensih minħabba drogi jew sustanzi oħra li għandhom effett simili, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(i)

“ma jintlibisx elmu protettiv” tfisser li ma jintlibisx elmu protettiv, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(j)

“użu ta' karreġġata pprojbita” tfisser l-użu illegali ta' parti mit-triq, bħal karreġġata ta' emerġenza, karreġġata għat-trasport pubbliku jew karreġġata magħluqa temporanjament għal raġunijiet ta' konġestjoni jew xogħlijiet fit-triq, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(k)

“użu illegali ta' telefon ċellulari jew ta' kwalunkwe tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan” tfisser l-użu illegali ta' telefon ċellulari jew kwalunkwe mezz ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru fejn isir ir-reat;

(l)

“punt ta' kuntatt nazzjonali” tfisser l-awtorità kompetenti maħtura għall-iskambju ta' data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi (VRD);

(m)

“tiftix awtomatizzat” tfisser proċedura ta' aċċess online għal konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data ta' Stat Membru wieħed, ta' diversi Stati Membri jew kollha kemm huma jew tal-pajjiżi parteċipanti;

(n)

“detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f'isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 4

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.   Għall-investigazzjoni tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq imsemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħrajn, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, aċċess għall-VRD nazzjonali segwenti, bis-setgħa li jagħmlu tiftix awtomatizzat fir-rigward ta':

(a)

data relatata ma' vetturi; u

(b)

data relatata mas-sidien jew mad-detenturi tal-vettura.

L-elementi tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) u li huma meħtieġa biex isir tiftix għandhom ikunu konformi mal-Anness I.

2.   Għall-finijiet tal-iskambju ta' data msemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Meta jsir tiftix fl-għamla ta' talba maħruġa, il-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu juża numru sħiħ ta' reġistrazzjoni.

Dak it-tiftix għandu jsir f'konformità mal-proċeduri kif deskritti fil-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, minbarra l-punt 1 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, li għalih għandu japplika l-Anness I ta' din id-Direttiva.

L-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu, taħt din id-Direttiva, juża d-data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu personalment responsabbli għar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir permezz ta' mezzi elettroniċi interoperattivi mingħajr skambju ta' data li jinvolvi bażijiet tad-data oħra li ma jintużawx għall-finijiet ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak l-iskambju ta' informazzjoni jsir b'mod effettiv meta mqabbel man-nefqa u b'mod sikur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data trasmessa, sa fejn possibbli bl-użu ta' applikazzjonijiet ta' software eżistenti bħal dik imsemmija fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI u l-verżjonijiet emendati ta' dawk l-applikazzjonijiet tas-software, f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva u mal-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI. Il-verżjonijiet emendati tal-applikazzjonijiet tas-software għandhom jipprevedu kemm skambju online f'ħin reali kif ukoll mod ta' skambju bil-lott, li permezz tiegħu jista' jkun hemm skambju ta' diversi talbiet jew tweġibiet f'messaġġ wieħed.

5.   Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu stess li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software imsemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 5

Ittra ta' informazzjoni dwar ir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq

1.   L-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu jiddeċiedi jekk għandux jibda proċedimenti ta' segwitu jew le fir-rigward tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl-Artikolu 2.

F'każ li l-Istat Membru fejn isir ir-reat jiddeċiedi li jibda tali proċedimenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li għamlet ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq.

Din l-informazzjoni għandha, skont kif ikun applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, tinkludi l-konsegwenzi legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru fejn isir ir-reat skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.   Meta tintbagħat l-ittra ta' informazzjoni lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li għamlet ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq, l-Istat Membru fejn isir ir-reat għandu, skont il-liġi tiegħu, jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, partikolarment dwar in-natura ta' dan ir-reat tat-traffiku relatat mas-sikurezza fit-toroq, il-post, id-data u l-ħin tar-reat, it-titolu tat-testi tal-liġi nazzjonali li tagħhom ikun sar ksur u s-sanzjoni u, fejn xieraq, id-data li tikkonċerna t-tagħmir li ntuża fl-osservazzjoni tar-reat. Għal dak il-għan, l-Istat Membru fejn isir ir-reat jista' juża l-mudell stabbilit fl-Anness II.

3.   F'każ li l-Istat Membru fejn isir ir-reat jiddeċiedi li jibda proċedimenti ta' segwitu fir-rigward tar-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq elenkati fl-Artikolu 2, bil-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, l-Istat Membru fejn isir ir-reat jibgħat l-ittra ta' informazzjoni bil-lingwa tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-vettura, fejn disponibbli, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 6

Rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

Kull Stat Membru għandu jibgħat rapport komprensiv lill-Kummissjoni sas-6 ta' Mejju 2016 u wara din id-data, kull sentejn.

Ir-rapport komprensiv għandu jindika n-numru ta' tiftixiet awtomatizzati li jkunu saru mill-Istat Membru fejn isir ir-reat indirizzat lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, wara li jsiru reati fit-territorju tiegħu, flimkien mat-tip ta' reati li għalihom ġew indirizzati talbiet u n-numru ta' talbiet li ma rnexxewx.

Ir-rapport komprensiv għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali b'rabta mas-segwitu mogħti lir-reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, abbażi tal-proporzjon ta' tali reati li ngħataw segwitu b'ittri ta' informazzjoni.

Artikolu 7

Protezzjoni tad-data

1.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE għandhom ikunu applikabbli għad-data personali pproċessata taħt din id-Direttiva.

2.   B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data personali pproċessata taħt din id-Direttiva għandha tiġi rettifikata jekk ma tkunx eżatta, jew inkella titħassar jew tiġi imblokkata meta ma tibqax meħtieġa fi żmien perijodu ta' żmien xieraq, skont l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 95/46/KE, u li tiġi stabbilita skadenza għall-ħażna tad-data f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li d-data personali kollha pproċessata taħt din id-Direttiva tintuża biss għall-objettiv stipulat fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, u li l-persuni li jkunu s-suġġetti ta' tali data jkollhom l-istess dritt għall-informazzjoni, għall-aċċess, għar-rettifika, għat-tħassir u għall-imblokkar, għall-kumpens u għar-rimedju ġudizzjarju bħal dawk adottati skont il-liġi nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE.

3.   Kull persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb informazzjoni dwar liema data personali rreġistrata fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet trasmessa lill-Istat Membru fejn isir ir-reat, inkluża d-data tat-talba u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn isir ir-reat.

Artikolu 8

Informazzjoni għal min juża t-toroq fl-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni, fis-sit elettroniku tagħha, sommarju bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tar-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dawn ir-regoli lill-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti tat-toroq it-tagħrif meħtieġ dwar ir-regoli applikabbli fit-territorju tagħhom u l-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva f'assoċjazzjoni ma', fost organizzazzjonijiet oħra, korpi tas-sikurezza fit-toroq, organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq u l-klabbs awtomobilistiċi.

Artikolu 9

Atti delegati

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10, li jaġġornaw l-Anness I fid-dawl tal-progress tekniku, biex jittieħed kont tal-bidliet rilevanti fid-Deċiżjonijiet Prüm jew fejn dan ikun meħtieġ mill-atti legali tal-Unjoni li jkunu direttament rilevanti għall-aġġornament tal-Anness I.

Artikolu 10

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-13 ta' Marzu 2015. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi identiċi fit-tul, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux dik l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika li normalment issegwi u li jkollha konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti mill-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 11

Reviżjoni tad-Direttiva

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha, sas-7 ta' Novembru 2016, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tiffoka b'mod partikolari fuq l-aspetti li ġejjin u għandha, kif xieraq, tagħmel proposti biex tkopri dawk l-aspetti:

valutazzjoni dwar jekk għandhomx jiżdiedu reati oħra tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva,

valutazzjoni ta' kemm hi effettiva din id-Direttiva fit-tnaqqis tal-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-Unjoni,

valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni għal tagħmir ta' kontroll awtomatiku u għall-proċeduri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mistiedna tiżviluppa linji gwida dwar is-sikurezza fit-toroq fil-livell tal-Unjoni fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport bil-għan li tiġi żgurata konverġenza akbar tal-infurzar tar-regoli marbutin mat-traffiku fit-toroq mill-Istati Membri permezz ta' metodi u prattiċi komparabbli. Dawn il-linji gwida jistgħu jkopru mill-anqas ir-reati elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 2,

valutazzjoni tal-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar ta' sanzjonijiet fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq u li jiġu proposti kriterji komuni rigward il-proċeduri ta' segwitu fil-każ li ma jsirx ħlas ta' piena finanzjarja, fil-qafas tal-politika rilevanti kollha tal-UE, inkluża l-politika komuni tat-trasport,

il-possibbiltajiet ta' armonizzazzjoni tar-regoli tat-traffiku fejn ikun xieraq,

valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software kif imsemmi fl-Artikolu 4(4), bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni korretta ta' din id-Direttiva kif ukoll li jiġi ggarantit skambju effettiv, f'waqtu, sikur u kunfidenzjali ta' VRD speċifika.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sas-6 ta' Mejju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir din ir-referenza.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq jistgħu jipposponu d-data ta' skadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu sas-6 ta' Mejju 2017.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin fl-erbat jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 115.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(5)  Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta' informazzjoni fir-rigward ta' reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, (ĠU L 288, 5.11.2011, p. 1).

(6)  Is-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, C-43/12, UE:C:2014:298.

(7)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' penali finanzjarji (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).

(8)  Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

(9)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-użu obbligatorju taċ-ċinturini tas-sigurtà u s-sistemi ta' sikurezza għat-tfal fil-vetturi (ĠU L 373, 31.12.1991, p. 26).


ANNESS I

Elementi tad-data meħtieġa biex isir it-tiftix imsemmi fl-Artikolu 4(1)

Entrata

M/F (1)

Rimarki

Data relatata mal-vettura

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tar-Reġistrazzjoni

M

(A (2))

Data relatata mar-reat

M

 

Stat Membru fejn isir ir-reat

M

 

Data ta' referenza tar-reat

M

 

Ħin ta' referenza tar-reat

M

 

Għan tat-tiftix

M

Kodiċi li jindika t-tip ta' reat kif elenkat fl-Artikolu 2

1.

=

Sewqan b'veloċità eċċessiva

2.

=

Sewqan taħt l-influwenza tax-xorb

3.

=

Ma jintlibisx iċ-ċinturin tas-sikurezza

4.

=

Jinqabeż id-dawl l-aħmar tat-traffiku

5.

=

Użu ta' karreġġata pprojbita

10.

=

Sewqan taħt l-influwenza tad-drogi

11.

=

Ma jintlibisx l-elmu protettiv

12.

=

Użu illegali ta' telefon ċellulari jew ta' kull tagħmir ieħor ta' komunikazzjoni waqt is-sewqan

Elementi tad-data pprovduti bħala riżultat tat-tiftix magħmul skont l-Artikolu 4(1)

Parti I.   Data relatata ma' vetturi

Entrata

M/F (3)

Rimarki

Numru tar-Reġistrazzjoni

M

 

Numru tax-xażi/VIN

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Għamla

M

(D.1 (4)) eż. Ford, Opel, Renault

Deskrizzjoni kummerċjali tal-vettura

M

(D.3) eż. Focus, Astra, Megane

Kodiċi tal-Kategorija tal-UE

M

(J) eż. motorini, muturi, karozzi

Parti II.   Data relatata mas-sidien jew detenturi tal-vetturi

Entrata

M/F (5)

Rimarki

Data relatata mad-detenturi tal-vettura

 

(C.1 (6))

Id-data tirreferi għad-detentur taċ-ċertifikat speċifiku tar-reġistrazzjoni.

Isem id-detenturi tar-reġistrazzjoni (kumpannija)

M

(C.1.1)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-kunjom, l-infissi, it-titli, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Isem

M

(C.1.2)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-ewwel isem (ismijiet) u l-inizjali, u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Indirizz

M

(C.1.3)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għat-Triq, in-Numru tad-dar u l-Anness, il-Kodiċi postali, il-Post ta' residenza, il-Pajjiż ta' residenza, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-indirizz f'format li jista' jiġi stampat.

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpannija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpannija.

Data relatata mas-sidien tal-vettura

 

(C.2) Id-data tirreferi għas-sid tal-vettura.

L-isem tas-sid (kumpannija)

M

(C.2.1)

Isem

M

(C.2.2)

Indirizz

M

(C.2.3)

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpannija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpannija.

 

 

Fil-każ ta' vetturi għall-iskrapp, vetturi jew pjanċi tan-numru tal-karozza misruqin, jew numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza skadut, ma għandu jiġi pprovdut l-ebda tagħrif dwar is-sid jew id-detentur. Minflok, għandu jintbagħat lura l-messaġġ “Tagħrif mhux żvelat”.


(1)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)  Kodiċi armonizzat, ara d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

(3)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(4)  Kodiċi armonizzat, ara d-Direttiva 1999/37/KE.

(5)  M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(6)  Kodiċi armonizzat, ara d-Direttiva 1999/37/KE.


ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top