EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2309

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi

ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2309/oj

11.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2309

tal-10 ta' Diċembru 2015

dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà adottata minn Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fit-12 ta' Diċembru 2003 tiddeskrivi ħames sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati mill-Unjoni: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi taċ-ċirkolazzjoni mhux ikkontrollata ta' armi konvenzjonali huma ċentrali għal erba' minn dawk il-ħames sfidi. Dik l-istrateġija tissottolinja l-importanza ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni fit-trażżin tal-proliferazzjoni tal-armi.

(2)

Fil-5 ta' Ġunju 1998, l-Unjoni adottat Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal-Armi li huwa politikament vinkolanti, li jistabbilixxi kriterji komuni għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ legali tal-armi konvenzjonali.

(3)

L-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u traffikar illeċiti ta' armi żgħar u armamenti ħfief (SALW) u l-munizzjon tagħhom, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, tipprevedi li l-Unjoni, kemm f'livell reġjonali kif ukoll f'livell internazzjonali, tappoġġa t-tisħiħ tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-promozzjoni tal-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta' Armi billi, inter alia, tgħin lil pajjiżi mhux tal-UE jabbozzaw leġislazzjoni domestika rilevanti u tippromwovi miżuri għat-titjib tat-trasparenza.

(4)

Il-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta' Armi ġie sostitwit fit-8 ta' Diċembru 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), li hija legalment vinkolanti u li tistabbilixxi tmien kriterji li fuqhom għandhom jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali. Hija tinkludi wkoll mekkaniżmu ta' notifika u konsultazzjoni għal ċaħdiet ta' esportazzjoni tal-armi, u miżuri ta' trasparenza bħall-pubblikazzjoni annwali ta' Rapport Annwali tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi. Għadd ta' pajjiżi mhux tal-UE allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(5)

L-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jinkoraġġixxu Stati oħra li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari biex japplikaw il-kriterji ta' dik il-Pożizzjoni Komuni.

(6)

It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013 u daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014. L-ATT għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ tal-armi. B'mod simili għall-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, l-ATT jistipula għadd ta' kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju li fuqhom iridu jiġu vvalutati l-esportazzjonijiet tal-armi. L-Unjoni tappoġġa b'mod konkret l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tal-ATT permezz tal-programm dedikat tagħha adottat skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK (2). Dak il-programm jassisti għadd ta' pajjiżi mhux tal-UE, fuq talba tagħhom, biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi f'konformità mar-rekwiżiti tal-ATT.

(7)

Huwa għalhekk importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' assistenza previsti f'din id-Deċiżjoni u dawk previsti fid-Deċiżjoni 2013/768/PESK. L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, il-Montenegro, il-Kosovo (*), l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Marokk, it-Tuneżija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna, il-Benin, il-Burkina Faso, Cape Verde, il-Kosta tal-Avorju, il-Gambja, il-Ghana, il-Guinea, il-Guinea Bissau, il-Liberja, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone, it-Togo, il-Mauritania, il-Kamerun, iċ-Chad u ċ-Ċina ġew identifikati bħala benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni. Fejn rilevanti, il-benefiċjarji identifikati minn din id-Deċiżjoni li ma ħadu l-ebda pass lejn l-iffirmar tal-ATT, jew l-adeżjoni miegħu, għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu dan permezz tal-attivitajiet imwettqa taħt din id-Deċiżjoni. Bl-istess mod, fejn rilevanti, il-benefiċjarji li ffirmaw l-ATT iżda li għadhom ma rratifikawhx għandhom jiġu mħeġġa jirratifikawh. Jekk tiġi implimentata b'suċċess, din id-Deċiżjoni għalhekk tista' wkoll topera wkoll bħala mezz biex titjieb l-assistenza relatata mal-ATT taħt id-Deċiżjoni 2013/768/PESK.

(8)

Mill-2008 'l hawn saru żviluppi fl-attivitajiet tal-Unjoni fil-promozzjoni ta' kontrolli effettivi u trasparenti fuq l-esportazzjoni tal-armi bis-saħħa tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK (3) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (4) u 2012/711/PESK (5). Dawk l-attivitajiet appoġġaw b'mod partikolari aktar kooperazzjoni reġjonali, aktar trasparenza u responsabbiltà akbar f'konformità mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju mħaddna fiha. L-attivitajiet inkwistjoni tradizzjonalment indirizzaw pajjiżi terzi tal-viċinat tal-Lvant u dak tan-Nofsinhar tal-Unjoni.

(9)

Fis-snin reċenti, l-Unjoni pprovdiet ukoll assistenza biex jitjiebu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju f'pajjiżi mhux tal-UE, fil-qafas ta' proġetti mwettqa taħt strumenti finanzjarji tal-Unjoni li mhumiex il-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK). Dawn l-isforzi komplew taħt l-Inizjattiva taċ-Ċentri ta' Eċċellenza. Għandha tiġi żgurata koordinazzjoni ma' dawk l-attivitajiet rilevanti għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

(10)

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (“BAFA”) ġie inkarigat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK u 2012/711/PESK. Huwa lesta b'suċċess l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kollha previsti f'dawk id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill. Il-BAFA huwa wkoll l-aġenzija ta' implimentazzjoni għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi skont id-Deċiżjoni 2013/768/PESK. F'dan l-isfond, l-għażla tal-BAFA bħala l-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-attivitajiet tal-Unjoni taħt din id-Deċiżjoni hija ġġustifikata minħabba l-esperjenza ippruvata, il-kwalifiki u l-ħila esperta meħtieġa tiegħu fuq il-firxa sħiħa ta' attivitajiet rilevanti tal-Unjoni ta' kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi. L-għażla tal-BAFA ser tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' sinerġiji bejn il-programm ta' komunikazzjoni tal-ATT u l-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, u f'konformità mal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi minn pajjiżi mhux tal-UEf'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u t-tiftix, fejn xieraq, ta' komplementarjetà u sinerġiji mal-proġetti ta' assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

(b)

l-appoġġ għall-isforzi ta' pajjiżi mhux tal-UE fil-livelli domestiku u reġjonali biex il-kummerċ tal-armi konvenzjonali jkun aktar responsabbli u trasparenti.

2.   L-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-attivitajiet proġettwali li ġejjin:

(a)

aktar promozzjoni, fost pajjiżi mhux tal-UE, tal-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, abbażi tal-kisbiet li saru permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2012/711/PESK u 2009/1012/PESK u tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK;

(b)

assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE fl-abbozzar, l-aġġornar u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta' miżuri leġislattivi u amministrattivi rilevanti li għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema effettiva tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali;

(c)

assistenza lill-benefiċjarji fit-taħriġ ta' uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar biex tiġi żgurata implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi;

(d)

promozzjoni ta' trasparenza u responsabbiltà fil-kummerċ internazzjonali tal-armi, inkluż permezz ta' appoġġ għall-miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt fl-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali;

(e)

inkoraġġiment lil dawk il-benefiċjarji li ma ħadu l-ebda pass biex jiffirmaw l-ATT jew jaderixxu miegħu sabiex jingħaqdu mal-ATT u l-inkoraġġiment lill-firmatarji biex jirratifikawh;

(f)

promozzjoni ta' aktar konsiderazzjoni tar-riskju ta' devjazzjoni tal-armi u l-mitigazzjoni tagħha, kemm mill-perspettiva tal-importazzjoni kif ukoll dik tal-esportazzjoni.

Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet proġettwali msemmija f'dan il-paragrafu tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mill-BAFA.

3.   Il-BAFA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 999 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq tal-ammont finanzjarju ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-BAFA. Il-ftehim għandu jistipula li l-BAFA għandu jiżgura li l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-BAFA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 30 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BAUSCH


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p.56).

(*)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

(3)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta' Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet ta' l-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta' Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62).


ANNESS

L-ATTIVITAJIET PROĠETTWALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)

1.   OBJETTIVI

L-objettivi ta' din id-Deċiżjoni huma l-promozzjoni ta' kontrolli mtejba fuq trasferimenti tal-armi u l-appoġġ ta' sforzi, fil-livell domestiku u fil-livell reġjonali, biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali isir aktar responsabbli u trasparenti. Fejn rilevanti, dawn għandhom jinkludu l-promozzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. Dawk l-objettivi għandhom jiġu segwiti biex jinkisbu, fejn xieraq, il-komplementarjetà u sinerġiji ma' proġetti ta' assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq l-Unjoni għandha tkompli tippromwovi l-istandards tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, abbażi ta' dak li ntlaħaq permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2012/711/PESK, 2009/1012/PESK u l-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK. Għal dak l-għan, għandha tiġi pprovduta assistenza lill-benefiċjarji fl-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta' miżuri leġislattivi u amministrattivi rilevanti li jappoġġaw sistema effettiva ta' kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali. Għandu jiġi pprovdut ukoll appoġġ għall-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tad-devjazzjoni tal-armi.

Għandu jingħata appoġġ ukoll għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi, u għall-miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt fl-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali. Barra minn hekk, għandhom jiġu promossi kuntatti mas-settur privat u konformità mad-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali rilevanti li jirregolaw it-trasferiment tal-armi.

2.   GĦAŻLA TAL-AĠENZIJA TA' IMPLIMENTAZZJONI

Il-BAFA huwa inkarigat mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Fejn adatt, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, il-gruppi ta' riflessjoni, l-istituti tar-riċerka u l-NGOs.

Il-BAFA għandu esperjenza tal-ogħla livell fl-għoti ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u f'attivitajiet ta' komunikazzjoni. Huwa żviluppa din l-esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta' kontroll strateġiku tal-esportazzjoni, fl-indirizzar tal-oqsma relatati mas-CBRN, oġġetti b'użu doppju u armi. Permezz ta' dawk il-programmi u attivitajiet, il-BAFA kiseb għarfien fil-fond tas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji koperti minn din id-Deċiżjoni.

Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tat-trasferiment tal-armi u l-komunikazzjoni, il-BAFA lesta b'suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK u 2012/711/PESK. Il-BAFA huwa wkoll inkarigat mill-implimentazzjoni teknika tal-programm ta' appoġġ tal-implimentazzjoni tal-ATT stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/768/PESK.

L-effett ġenerali huwa li l-BAFA jinsab f'pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti qawwija u d-dgħufijiet fis-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-benefiċjarji tal-attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant huwa l-iktar li jista' jiffaċilita sinerġiji bejn il-programmi varji ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u dawk ta' komunikazzjoni u li jevita d-duplikazzjoni bla bżonn.

3.   KOORDINAZZJONI MA' PROĠETTI OĦRA TA' ASSISTENZA TAL-UNJONI FIL-QASAM TAL-KONTROLLI TAL-ESPORTAZZJONI

Abbażi tal-esperjenza ta' attivitajiet preċedenti ta' komunikazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b'użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, għandhom isiru sforzi biex jinkisbu s-sinerġija u l-komplementarjetà. Għal dak l-għan, l-attivitajiet imsemmija fil-punti 4.2.1 sa 4.2.3 għandhom jitwettqu, fejn xieraq, flimkien ma' attivitajiet oħrajn fuq kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, iffinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji tal-Unjoni minbarra l-baġit tal-PESK. B'mod partikolari, għandhom jiġu esplorati avvenimenti konsekuttivi. Dan għandu jsir b'rispett sħiħ għal-limitazzjonijiet legali u finanzjarji stabbiliti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.

4.   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAL-PROĠETT

4.1.   Objettivi tal-proġett

L-objettiv ewlieni huwa li tiġi pprovduta assistenza teknika lil għadd ta' benefiċjarji li wrew ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw l-istandards u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. Għal dan l-għan, l-attivitajiet li ser jitwettqu ser jagħtu attenzjoni lill-istatus tal-benefiċjarji, b'mod partikolari fir-rigward ta':

l-adeżjoni, jew l-applikazzjoni għal-adeżjoni, ma' sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni relatati mat-trasferiment ta' armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju;

il-kandidaturi għal adeżjoni mal-Unjoni u jekk il-benefiċjarji humiex kandidati uffiċjali jew kandidati potenzjali;

il-pożizzjoni rigward l-ATT.

Fejn il-benefiċjarji indirizzati huma biss firmatarji tal-ATT, l-attivitajiet għandhom — fejn fattibbli — jippruvaw jiddeterminaw aħjar l-ostakoli għar-ratifika, b'mod partikolari meta dawk l-ostakoli jkunu ta' natura teknika u relatati ma' nuqqasijiet jew ħtiġijiet fil-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni. Fejn rilevanti, għandu jiġi promoss appoġġ possibbli tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni 2013/768/PESK. Fejn il-pajjiżi benefiċjarji ma jkunu ħadu l-ebda pass lejn l-iffirmar, ir-ratifika, u l-adeżjoni mal-ATT, l-attivitajiet għandhom jippromwovu l-adeżjoni għall-ATT, possibbilment bl-appoġġ ta' benefiċjarji oħrajn li jkunu rratifikaw l-ATT.

Objettiv komplementari ieħor huwa li jiġu sensitizzati għadd ta' benefiċjarji għall-valutazzjoni tar-riskju tad-devjazzjoni tal-armi u l-mitigazzjoni tad-devjazzjoni tal-armi, kemm mill-perspettiva tal-esportazzjoni kif ukoll dik tal-importazzjoni. Attivitajiet immexxija minn dan l-objettiv komplementari b'mod partikolari ser jippermettu li l-kontrolli fuq it-trasferiment tal-armi jintrabtu ma' proġetti oħra li għandhom l-għan li jipprevjenu devjazzjoni tal-armi bħalma huma attivitajiet ta' sigurtà fiżika u ta' ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) u attivitajiet li jappoġġaw it-traċċabbiltà ta' armi u munizzjon.

4.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

4.2.1.   Workshops reġjonali

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' mhux aktar minn sitt workshops ta' jumejn li jipprovdu taħriġ fl-oqsma rilevanti tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali.

Il-parteċipanti fil-workshop (mhux aktar minn 30) ikunu jinkludu uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar mill-benefiċjarji koperti. Jistgħu wkoll jiġu mistiedna, kif xieraq, rappreżentanti mill-parlamenti, u rappreżentanti mill-industrija u s-soċjetà ċivili.

It-taħriġ ser jingħata minn esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi ex-uffiċjali, rappreżentanti ta' pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, rappreżentanti tas-settur privat u mis-soċjetà ċivili.

Il-workshops jistgħu jsiru f'post li għandu jiġi determinat mir-Rappreżentant Għoli f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM).

Il-workshops reġjonali ser jiġu organizzati kif ġej:

(a)

sa mhux aktar minn żewġ workshops fl-Ewropa tax-Xlokk;

(b)

sa mhux aktar minn żewġ workshops għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat;

(c)

sa mhux aktar minn żewġ workshops għall-pajjiżi Mediterranji tal-Afrika ta' Fuq taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Din id-diviżjoni reġjonali ta' żewġ workshops għal kull reġjun tista' ma tintlaħaqx jekk iċ-ċirkustanzi ma jkunux favorevoli, pereżempju: jekk l-għadd ta' parteċipanti jkun aktar baxx milli mistenni, jekk l-ebda benefiċjarju tar-reġjun ma jagħmel offerta serja li jospita, jew jekk ikun hemm duplikazzjoni ma' attivitajiet oħra ta' fornituri oħra ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni. F'tali każ ta' nonimplimentazzjoni f'reġjun wieħed jew tnejn, l-għadd ta' workshops fir-reġjun(i) l-oħra jista' jiżdied kif meħtieġ fil-limitu globali ta' sitt workshops.

4.2.2.   Żjarat ta' studju

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' mhux aktar minn sitt żjarat ta' studju ta' jumejn kull waħda minn uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. Iż-żjarat ta' studju għandhom ikopru mill-inqas tliet benefiċjarji u jinkludu mill-inqas benefiċjarju wieħed li ma jkunx irratifika l-ATT.

4.2.3.   Assistenza individwali lill-benefiċjarji

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' mhux aktar minn 30 jum ta' workshops, preferibbilment in situ, għall-benefiċjarji individwali li fihom ser jipparteċipaw uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar. Skont il-ħtiġijiet preċiżi u d-disponibbiltà tal-esperti tal-benefiċjarji u tal-Istati Membri tal-UE, it-30 jum globalment disponibbli ser jiġu allokati b'format minimu ta' jumejn sa format massimu ta' ħamest ijiem.

L-għarfien espert ser tiġi kondiviża minn esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inklużi ex-uffiċjali), rappreżentanti ta' pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, uffiċjali mill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, jew rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili.

Dawk il-workshops ta' assistenza individwali ser isiru prinċipalment fuq it-talba tal-benefiċjarji. Dawn huma maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi jew ħtiġijiet speċifiċi mqajma mill-benefiċjarju, pereżempju fil-marġini ta' workshop reġjonali jew matul kuntatti regolari ma' esperti tal-Unjoni u mal-aġenzija ta' implimentazzjoni.

4.2.4.   Applikazzjoni tal-listi ta' kontroll

L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser twaqqaf grupp ta' esperti tekniċi fl-applikazzjoni tal-listi tal-kontroll tal-esportazzjoni. L-esperti għandhom jintgħażlu minn fost l-akbar firxa possibbli ta' Stati Membri.

Ammont ta' 100 siegħa ta' xogħol (ibbażat fuq it-tariffi standard tal-esperti stabbiliti fil-punt 5) ser ikun disponibbli biex jiġu assenjati talbiet dwar l-applikazzjoni tal-listi ta' kontroll imressqa mill-awtoritajiet rilevanti tal-benefiċjarji lill-esperti (soġġett għad-disponibbiltà tagħhom). L-aġenzija ta' implimentazzjoni ser tiżviluppa mudelli għal dawn it-talbiet, b'kont debitu meħud tan-natura informali tal-opinjoni dwar il-klassifikazzjoni u lill-kwistjoni tal-kunfidenzjalità.

4.2.5.   Avveniment ta' valutazzjoni finali

Sabiex tiġi pprovduta evalwazzjoni finali tal-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni, ser jiġi organizzat avveniment ta' jumejn fi Brussell bil-parteċipazzjoni konġunta tal-benefiċjarji u l-Istati Membri, jekk possibbli b'mod parallel mal-laqgħa tal-COARM.

Ser jiġu mistiedna mhux aktar minn żewġ rappreżentanti (uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar) ta' kull benefiċjarju msemmi fil-punt 6.1.

4.2.6.   Attivitajiet relatati mad-devjazzjoni tal-armi

Dan il-proġett ser jieħu l-forma ta' żewġ workshops għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent u tas-Saħel u ċ-Ċina, kif ġej:

workshop inizjali (“tal-bidu”) ta' jumejn għal mhux aktar minn żewġ rappreżentanti tal-benefiċjarji;

workshop finali ta' jumejn għal mhux aktar minn tliet rappreżentanti tal-benefiċjarji.

Il-workshops għandhom isiru fil-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent u s-Saħel.

5.   TARIFFI TAL-ESPERTI

It-tariffi tal-esperti huma disponibbli għall-attivitajiet taħt 4.2.2 sa 4.2.4. Rigward l-attivitajiet taħt 4.2.4, it-tariffi tal-esperti ser jinqasmu siegħa siegħa skont il-ħin reali (imkejjel f'sigħat) li jittieħed fuq talbiet għall-identifikazzjoni tal-komoditajiet. Huwa mistenni li jkun hemm massimu ta' 100 tariffa tal-esperti (800 siegħa).

6.   BENEFIĊJARJI

6.1.   Benefiċjarji tal-attivitajiet taħt 4.2.1 sa 4.2.5.

(i)

l-Ewropa tax-Xlokk (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, u l-Kosovo*);

(ii)

il-pajjiżi Mediterranji tal-Afrika ta' Fuq taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Libja, il-Marokk u t-Tuneżija);

(iii)

il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna).

6.2.   Benefiċjarji tal-attivitajiet taħt 4.2.6

Il-pajjiżi tal-ECOWAS (il-Benin, il-Burkina Faso, Cape Verde, il-Kosta tal-Avorju, il-Gambja, il-Ghana, il-Guinea, il-Guinea Bissau, il-Liberja, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, Sierra Leone, it-Togo); il-Mauritania, il-Kamerun, iċ-Chad, iċ-Ċina.

6.3.   Emenda għall-ambitu tal-benefiċjarji

Il-Grupp ta' Ħidma COARM jista', fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, jiddeċiedi li jimmodifika l-lista ta' benefiċjarji abbażi ta' ġustifikazzjoni adegwata.

7.   RIŻULTATI TAL-PROĠETT U INDIKATURI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Minbarra l-avveniment ta' valutazzjoni finali msemmi f'4.2.5, il-valutazzjoni tar-riżultati tal-proġett ser tieħu kont ta' dan li ġej:

7.1.   Valutazzjoni individwali tal-benefiċjarji

Hekk kif jitlestew l-attivitajiet, l-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tipprovdi lis-SEAE u lill-Kummissjoni rapport ta' progress dwar kull wieħed mill-benefiċjarji msemmija f'6.1. Dak ir-rapport ser jitħejja f'kollegament mad-Delegazzjonijiet tal-UE kkonċernati u ser jiġbor fil-qosor l-attivitajiet li seħħew matul il-perijodu tad-Deċiżjoni. Ir-rapport ser jivvaluta wkoll il-kapaċitajiet tal-benefiċjarju ddedikati għall-kontrolli tat-trasferiment tal-armi. Fejn il-benefiċjarju jkun parti għall-ATT, il-valutazzjoni ser tkopri kif il-kapaċitajiet fis-seħħ jippermettu l-implimentazzjoni tal-Att.

7.2.   Valutazzjoni tal-impatt u indikaturi tal-implimentazzjoni

L-impatt tal-attivitajiet previsti minn din id-Deċiżjoni għandu jiġi vvalutat b'mod tekniku hekk kif jitlestew għall-benefiċjarji msemmija f'6.1. Il-valutazzjoni tal-impatt ser issir mir-Rappreżentant Għoli, f'kooperazzjoni mal-COARM u, kif xieraq, mad-Delegazzjonijiet tal-UE kkonċernati, kif ukoll ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn.

Għal dak l-iskop, ser jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

jekk hemmx fis-seħħ regolamenti interni rilevanti dwar kontrolli fuq it-trasferiment tal-armi u jekk / sa liema punt dawn jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inter alia l-applikazzjoni tal-kriterji ta' valutazzjoni, l-implimentazzjoni tal-lista militari komuni tal-UE, rapportar;

fejn disponibbli, informazzjoni dwar każijiet ta' infurzar;

jekk il-benefiċjarji jistgħux jirrapportaw l-esportazzjoni u/jew l-importazzjoni tal-armi, b'kont meħud, inter alia, tar-reġistru tan-NU, tar-rapportar annwali tal-ATT, tar-rapporti nazzjonali;

jekk il-benefiċjarju allinjax ruħu uffiċjalment mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jew hux biħsiebu jagħmel dan.

Ir-rapporti ta' valutazzjoni individwali taħt 7.1 għandhom jirreferu għal dawk l-indikaturi ta' implimentazzjoni, kif xieraq.

8.   PROMOZZJONI TAL-UŻU TAL-PORTAL WEB TAL-UE GĦALL-KOMUNIKAZZJONI

Il-portal web previst fid-Deċiżjoni 2012/711/PESK ġie żviluppat bħala riżorsa tal-UE (https://export-control.jrc.ec.europa.eu). Huwa jopera bħala pjattaforma konġunta għall-programmi kollha ta' komunikazzjoni tal-UE (użu doppju, armi, ATT). L-attivitajiet elenkati taħt 4.2.1 sa 4.2.5 għandhom joħolqu sensibilizzazzjoni tal-portal web tal-UE għall-komunikazzjoni u jippromwovu l-użu tiegħu. Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni għandhom ikunu infurmati dwar is-sezzjoni privata tal-portal web li toffri aċċess permanenti għal riżorsi, dokumenti u kuntatti. Bl-istess mod, l-użu tal-portal web għandu jiġi promoss għal uffiċjali oħra li ma setgħux jipparteċipaw direttament f'attivitajiet ta' assistenza u komunikazzjoni.

9.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tieħu l-miżuri adatti kollha biex tippubbliċizza l-fatt li l-azzjoni hija ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri ser jiġu implimentati skont il-manwal dwar il-Kommunikazzjoni u l-viżibbiltà għal azzjonijiet esterni tal-UE ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B'hekk l-aġenzija ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni permezz ta' mmarkar u pubbliċità adatti, filwaqt li tenfasizza r-rwol tal-Unjoni u twettaq sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Unjoni.

Peress li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fil-portata u n-natura tagħhom, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inklużi: mezzi ta' informazzjoni tradizzjonali, is-sit web, il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, materjal informattiv u promozzjonali inklużi infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adatt. Il-pubblikazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati skont dan.

10.   DURATA

It-tul ta' żmien totali tal-proġett hu stmat li jkun ta' 24 xahar.

11.   RAPPORTAR

L-aġenzija ta' implimentazzjoni għandha tħejji rapporti regolari kull tliet xhur, inkluż wara t-tlestija ta' kull waħda mill-attivitajiet. Ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lir-Rappreżentant Għoli mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tmiem tal-attivitajiet rilevanti.

12.   SPIŻA TOTALI STMATA TAL-PROĠETT U L-KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-UNJONI

L-ispiża totali stmata tal-proġett hija ta' EUR 1 110 000 b'kofinanzjament mill-Ġermanja. L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-UE hija ta' EUR 999 000.


Top