EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0021

Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/21/UE tas- 6 ta’ Frar 2014 li tiddetermina l-kundizzjonijiet minimi u l-klassijiet tal-Unjoni għal patata taż-żrigħ prebażika Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 16/02/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2014/21/oj

7.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/39


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/21/UE

tas-6 ta’ Frar 2014

li tiddetermina l-kundizzjonijiet minimi u l-klassijiet tal-Unjoni għal patata taż-żrigħ prebażika

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(c) tagħha,

Billi:

(1)

Il-patata taż-żrigħ progressivament takkumula l-mard ma’ kull ċiklu ta’ multiplikazzjoni. Għaldaqstant sistemi ta’ produzzjoni tal-patata taż-żrigħ li jiffunzjonaw sew jeħtieġu materjal tal-bidu b’saħħtu li huwa mmultiplikat b’rata minima ta’ deġenerazzjoni.

(2)

Standards nazzjonali differenti dwar il-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ prebażika, ostakolaw it-tqegħid fis-suq ta’ dik il-patata fl-Unjoni kollha, u fixklu l-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi li skonthom tista’ titqieghed fis-suq il-patata taż-żrigħ prebażika madwar l-Unjoni. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jikkonċernaw mard, sintomi, difetti u rekwiżiti tal-produzzjoni għal patata taż-żrigħ prebażika, u lottijiet ta’ patata bħal dik, sabiex ikunu żgurati l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ patata taż-żrigħ prebażika b’saħħitha u ta’ kwalità għolja.

(3)

Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jikkunsidraw l-istandard tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), dwar it-tqegħid fis-suq u l-kontroll tal-kwalità ta’ patata taż-żrigħ, kif ukoll l-istandards rilevanti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Pjanti (KIPP) u l-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO), fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi u xjentifiċi. Dawk l-istandards għandhom l-għan li jgħinu biex jiffaċilitaw il-kummerċ internazzjonali, jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ kwalità għolja, issaħħu l-profitabbiltà u jħarsu l-interessi tal-konsumatur.

(4)

Fid-dawl tal-prattiki tal-produzzjoni tal-fornituri, u d-domanda tal-utenti ta’ patata taż-żrigħ prebażika, huwa xieraq li l-kundizzjonijiet minimi għal patata taż-żrigħ prebażika jinkludu wkoll il-possibbiltà għat-tqegħid fis-suq bħala klassi tal-Unjoni. Għandhom japplikaw żewġ klassijiet tal-Unjoni għal patata taż-żrigħ prebażika (il-“klassi tal-Unjoni PBTC” u l-“klassi tal-Unjoni PB”), skont il-prattiki ta’ produzzjoni eżistenti dwar patata taż-żrigħ prebażika tal-klassi PBTC, u patata taż-żrigħ prebażika tal-klassi PB. Għaldaqstant għandhom jiġu adottati kundizzjonijiet differenti għal kull klassi rigward mard, sintomi, difetti, rekwiżiti tal-produzzjoni u ġenerazzjonijiet għal dawk il-klassijiet.

(5)

Sabiex dawk ir-regoli jkunu effettivi, għandhom jistabbilixxu wkoll id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-ittestjar u l-ispezzjonijiet uffiċjali fuq il-post.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal Propagattiv għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“xitla omm” tfisser xitla identifikata li minnha jittieħed materjal għall-propagazzjoni;

(2)

“mikropropagazzjoni” tfisser il-prattika tal-multiplikazzjoni malajr tal-materjal tax-xitla għall-produzzjoni ta’ għadd kbir ta’ xitel, bl-użu tal-kultura in vitro ta’ rimjiet veġetattivi differenzjati jew ta’ meristem meħuda minn xtieli.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet minimi għal patata taż-żrigħ prebażika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-patata taż-żrigħ prebażika tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

(a)

hija dderivata minn pjanti omm li huma ħielsa minn dawn l-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin: Pectobacterium spp., Dickeya spp., il-virus tal-werqa tal-patata, il-virus A tal-patata, il-virus M tal-patata, il-virus S tal-patata, il-virus X tal-patata, u l-virus Y tal-patata;

(b)

hija ħielsa mis-sintomi tal-blackleg;

(c)

in-numru ta’ xitel li ma jitkabbarx b’mod leali għall-varjetà u n-numru ta’ xitel ta’ varjetà differenti flimkien, ma għandux jaqbeż iż-0,01 %;

(d)

fil-proġenija diretta, in-numru ta’ xitel li juri sintomi ta’ infezzjoni virali ma għandux jaqbeż iż-0,5 %;

(e)

in-numru ta’ xitel li qiegħed jiker b’sintomi tal-mużajk jew sintomi kkawżati minn virus tal-werqa ma għandux jaqbeż iż-0,1 %;

(f)

in-numru massimu ta’ ġenerazzjonijiet fuq il-post għandu jkun erbgħa.

2.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-patata taż-żrigħ prebażika tista’ titqiegħed fis-suq bħala “klassi tal-Unjoni PBTC” u “klassi tal-Unjoni PB”, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

3.   Il-konformità mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1(b), (c) u (e) għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ spezzjonijiet uffiċjali fuq il-post. F’każ ta’ dubju, dawk l-ispezzjonijiet għandhom ikunu ssupplimentati minn testijiet uffiċjali fuq il-weraq.

Meta jintużaw metodi ta’ mikropropagazzjoni, il-konformità mal-punt 1(a) għandha tkun stabbilita permezz ta’ ttestjar uffiċjali, jew ittestjar taħt sorveljanza uffiċjali, tax-xitla omm.

Meta jintużaw metodi ta’ selezzjoni klonali, il-konformità mal-punt 1(a) għandha tkun stabbilita permezz ta’ ttestjar uffiċjali, jew ittestjar taħt sorveljanza uffiċjali, tal-istokk klonali.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet minimi għal lottijiet ta’ patata taż-żrigħ prebażika

L-Istati Membri għandhom jistipulaw li lottijiet ta’ patata taż-żrigħ prebażika għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

(a)

il-preżenza ta’ ħamrija u materjal estranju ma għandhiex taqbeż il-1,0 % f’massa;

(b)

l-għadd ta’ patata affettwata minn taħsir, minbarra taħsir ċirkulari jew taħsir kannella, ma għandux ikunu preżenti fi kwantità li teċċedi iż-0,2 % f’massa;

(c)

in-numru ta’ patata bi tbajja’ esterni, inklużi tuberi li jkunu tilfu l-għamla tagħhom jew għandhom xi ħsara, ma għandux jaqbeż it-3,0 % f’massa;

(d)

in-numru ta’ patata affettwata minn skorċa komuni fuq aktar minn terz tal-wiċċ tagħha, ma għandux jaqbeż il-5,0 % f’massa;

(e)

in-numru ta’ patata affettwata minn qxur iswed fuq aktar minn 10,0 % tal-wiċċ tagħha, ma għandux jaqbeż il-1,0 % f’massa;

(f)

in-numru ta’ patata affettwata minn ġidri rmiedi ta’ trab fuq aktar minn 10,0 % tal-wiċċ tagħha, ma għandux jaqbeż il-1,0 % f’massa;

(g)

tuberi imkemxa minħabba deidratazzjoni eċċessiva jew deidrazzjoni kkawżata minn qxur tal-fidda ma għandhomx jaqbżu ż-0,5 % f’massa.

(h)

in-numru totali ta’ patata, kif hemm referenza fil-punti minn (b) sa (g), ma għandux jaqbeż is-6,0 % f’massa.

Artikolu 4

Transpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015, sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60.


ANNESS

Kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ patata taż-żrigħ prebażika bħala klassijiet tal-Unjoni PBTC u PB

(1)

Il-kundizzjonijiet għal patata taż-żrigħ prebażika tal-klassi tal-Unjoni PBTC għandhom ikunu kif ġej:

(a)

kundizzjonijiet dwar il-patata taż-żrigħ:

(i)

xitel li ma jitkabbarx b’mod leali għall-varjetà, jew xitel ta’ varjetà differenti, ma għandux ikun preżenti mal-uċuħ tar-raba’;

(ii)

xitel affettwat mill-blackleg ma għandux ikun preżenti mal-uċuħ tar-raba’;

(iii)

fil-proġeni diretta, l-infezzjoni minn virus ma għandhiex tkun preżenti mal-uċuħ tar-raba’;

(iv)

xitel b’sintomi tal-mużajk jew sintomi kkawżati mill-virus tal-werqa ma għandux ikunu preżenti mal-uċuħ tar-raba’;

(v)

ix-xitel, inklużi tuberi, huwa prodott permezz ta’ mikropropogazzjoni;

(vi)

ix-xitel, inklużi tuberi, huwa prodott f’faċilità protetta u f’ambjent ħieles minn insetti;

(vii)

it-tuberi ma għandhomx jiġu mmultiplikati lil hinn mill-ewwel ġenerazzjoni

(b)

il-lottijiet għandhom ikunu ħielsa minn patata taż-żrigħ li taqa’ taħt kwalunkwe wieħed mill-punti li ġejjin:

(i)

hija affettwata minn taħsir;

(ii)

hija affettwata minn qxur iswed;

(iii)

hija affettwata minn skorċa komuni;

(iv)

hija affettwata minn ġidri rmiedi;

(v)

tkemmxet b’mod eċċessiv minħabba deidratazzjoni,

(vi)

għandha tbajja’ esterni, inklużi tuberi li tilfu l-għamla tagħhom jew għandhom xi ħsara.

(2)

Il-kundizzjonijiet għal patata taż-żrigħ prebażika tal-klassi tal-Unjoni PBTC għandha tkun kif ġej:

(a)

kundizzjonijiet dwar il-patata taż-żrigħ:

(i)

in-numru ta’ xitel li ma jitkabbarx b’mod leali għall-varjetà u n-numru ta’ xitel ta’ varjetà differenti flimkien, ma għandux jaqbeż iż-0,01 %;

(ii)

ix-xitel għandu jkun ħieles mis-sintomi tal-blackleg;

(iii)

in-numru ta’ xitel li qed jitkabbar b’sintomi tal-mużajk jew sintomi kkawżati minn virus tal-werqa ma għandux jaqbeż iż-0,1 %;

(iv)

fil-proġenija diretta n-numru ta’ xitel li juri sintomi ta’ infezzjoni minn virus, ma għandux jaqbeż iż-0,5 %;

(b)

tolleranzi applikabbli għal lottijiet, fir-rigward tal-impuritajiet, it-tbajja’ u l-mard li ġejjin:

(i)

il-patata taż-żrigħ affettwata minn taħsir, minbarra taħsir ċirkulari jew taħsir kannella, ma għandhiex taqbeż iż-0,2 % f’massa;

(ii)

il-patata taż-żrigħ affettwata minn qxur iswed fuq aktar minn 10,0 % tal-wiċċ tagħha, ma għandhiex taqbeż il-1,0 % f’massa;

(iii)

il-patata taż-żrigħ affettwata minn skorċa komuni fuq aktar minn terz tal-wiċċ tagħha, ma għandhiex taqbeż il-5,0 % f’massa;

(iv)

il-patata taż-żrigħ affettwata minn ġidri rmiedi fuq aktar minn 10,0 % tal-wiċċ tagħha, ma għandhiex taqbeż il-1,0 % f’massa;

(v)

it-tuberi imkemxa minħabba deidratazzjoni eċċessiva jew deidrazzjoni kkawżata minn qxur tal-fidda ma għandhomx taqbżu ż-0,5 % f’massa.

(vi)

il-patata taż-żrigħ bi tbajja’ esterni, inklużi tuberi li jkunu tilfu l-għamla tagħhom jew ġew danneġġjati, ma għandhiex taqbeż it-3,0 % f’massa;

(vii)

il-preżenza ta’ ħamrija u materjal estranju ma għandhiex taqbeż il-1,0 % f’massa;

(viii)

il-persentaġġ totali ta’ patata taż-żrigħ koperta minn tolleranzi, kif hemm referenza fil-punti minn (i) sa (vi), ma għandhiex taqbeż is-6,0 % f’massa.


Top