Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0826

    2014/826/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta' Novembru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul l-94 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi tal-Kodiċi tal-Programm ta' Stħarriġ Imtejjeb tal-2011

    ĠU L 335, 22.11.2014, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/826/oj

    22.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-10 ta' Novembru 2014

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul l-94 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi tal-Kodiċi tal-Programm ta' Stħarriġ Imtejjeb tal-2011

    (2014/826/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 100(2) u 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima.

    (2)

    Waqt it-93 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO ġew approvati emendi għall-Kodiċi tal-Programm ta' Stħarriġ Imtejjeb (ESP) tal-2011 Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fl-94 sessjoni tal-MSC, li ser issir f'Novembru 2014.

    (3)

    L-emendi għall-Kodiċi tal-ESP tal-2011 jagħmluh konformi mal-prattiki tas-soċjetajiet tal-klassifikazzjoni u jippermettu wkoll li jitħallew isiru, taħt ċerti kundizzjonijiet, testijiet idrostatiċi tat-tankijiet tal-merkanzija mill-ekwipaġġ tal-bastiment, taħt it-tmexxija tal-kaptan, minflok ma jitwettqu t-tali testijiet fil-preżenza ta' sorveljant.

    (4)

    L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprovdu għal applikazzjoni mandatorja tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni tal-IMO (CAS). Il-CAS hija kkumplimentata mill-Kodiċi tal-ESP tal-2011, adottat mill-Assemblea tal-IMO permezz tar-Riżoluzzjoni A.1049(27). L-Anness B, il-parti B tal- Kodiċi tal-ESP tal-2011 jikkonċerna l-ispezzjonijiet matul is-servejs tat-tankers taż-żejt għajr dawk b'buq doppju u jispeċifika kif għandha ssir il-valutazzjoni intensifikata. B'konsegwenza ta' dan, kwalunkwe bidla fil-Kodiċi ESP tal-2011, safejn huma kkonċernati t-tankers taż-żejt b'buq wieħed li jkollhom iktar minn 15-il sena, se tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

    (5)

    L-Unjoni la hija Membru tal-IMO u lanqas ma hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawn l-emendi għall-Kodiċi tal-ESP tal-2011,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-94 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi tal-Programm tal-ESP tal-2011, kif stipulati fl-Anness 22, Anness B, parti B, tad-dokument tal-IMO MSC 93/22/Add.3, għall-finijiet msemmija fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

    2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif tinsab fil-paragrafu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-IMO, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    3.   Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u żgħar għal din il-pożizzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi emendata dik il-pożizzjoni.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MARTINA


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).


    Top