EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0465

2014/465/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta' Lulju 2014 dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO 2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 210, 17.7.2014, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020D1806

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/465/oj

17.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Lulju 2014

dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/465/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Ottubru 2013, il-fornitur DENSO Corporation (l-“Applikant”) issottometta applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti DENSO bħala teknoloġija innovattiva. Il-kompletezza tal-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Il-Kummissjoni sabet li fl-applikazzjoni oriġinali tħalliet barra ċerta informazzjoni rilevanti u talbet lill-Applikant biex jipprovdiha. L-Applikant ipprovda l-informazzjoni fit-30 ta' Jannar 2014. Instab li l-applikazzjoni kienet kompleta u l-perjodu għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni beda l-għada tad-data tal-wasla uffiċjali tagħha, jiġifieri l-31 ta' Jannar 2014.

(2)

L-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-Linji Gwida Tekniċi) (3).

(3)

L-applikazzjoni tirreferi għall-alternatur effiċjenti DENSO, għall-klassijiet ta' output ta' 150 A, 180 A u 210 A. L-alternatur EG għandu effiċjenza ta' mill-inqas 77 fil-mija kif iddeterminat skont l-approċċ VDA deskritt fil-punt 5.1.2 fl-Anness I tal-Linji Gwida Tekniċi. Dak l-approċċ jirreferi għall-metodoloġija tal-ittestjar speċifikata fl-istandard Internazzjonali ISO 8854:2012 (4). L-alternatur tal-Applikant għandu effiċjenza ogħla meta mqabbel mal-alternatur ta' referenza, peress li jnaqqas dawn it-tliet tipi ta' telf: telf ta' rettifikazzjoni billi jottimizza r-rettifikazzjoni permezz tal-“modulu MOSFET”, jiġifieri, Metal–Oxide–Semiconductor Field-Effect Transistor; telf min-nukleu tal-ħadid tal-istator bl-użu ta' nukleu fin laminat magħmul mill-azzar manjetiku; u telf mill-winding tar-ram tal-istator bl-użu ta' “konduttur magħmul minn segmenti”, li għandu fattur ta' spazju ogħla u kojl tat-tarf iqsar. Din it-teknoloġija hija differenti ferm mill-Alternatur ta' Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo approvat bħala ekoinnovazzjoni bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE (5).

(4)

Il-Kummissjoni ssib li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 intlaħqu.

(5)

L-Applikant wera li l-użu tal-alternatur ta' effiċjenza għolja tat-tip deskritt f'din l-applikazzjoni ma kienx iktar minn ta' 3 % tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta' referenza 2009.

(6)

Sabiex jiġi ddeterminat l-iffrankar ta' CO2 li t-teknoloġija innovattiva se tagħti meta vettura tiġi mgħammra biha, huwa meħtieġ li tiġi ddefinita l-vettura ta' referenza li magħha se tiġi mqabbla l-effiċjenza tal-vettura mgħammra bit-teknoloġija innovattiva kif ipprovdut fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. Il-Kummissjoni ssib li huwa xieraq li jitqies alternatur b'effiċjenza ta' 67 % bħala teknoloġija xierqa ta' referenza fil-każ li t-teknoloġija innovattiva tiġi installata fuq tip ta' vettura ġdida. Meta l-alternatur effiċjenti DENSO jiġi installat fuq tip ta' vettura eżistenti, it-teknoloġija ta' referenza għandha tkun l-alternatur tal-verżjoni l-aktar reċenti ta' dak it-tip imqiegħed fis-suq.

(7)

L-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis ta' CO2 li tinkludi formoli li huma konsistenti mal-formoli deskritti fil-Linji Gwida Tekniċi għall-metodu ssimplifikat fir-rigward tal-alternaturi effiċjenti. Il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija tal-ittestjar se tipprovdi riżultati tal-ittestjar li huma verifikabbli, ripetibbli u komparabbli u li hija kapaċi turi b'mod realistiku l-benefiċċji rigward l-emissjonijiet ta' CO2 tat-teknoloġija innovattiva b'sinifikat statistiku b'saħħtu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(8)

Il-Kummissjoni tinnota li, fil-metodoloġija tiegħu, l-Applikant uża formula għall-kalkolu tad-devjazzjoni standard tal-valur tal-effiċjenza tal-alternatur li żżid il-preċiżjoni tar-riżultati meta mqabbla mal-formola (1) tal-metodoloġija speċifikata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE. Il-metodoloġija tal-ittestjar tal-Applikant u l-formuli għall-kalkolu tal-iffrankar ta' CO2 huma, fl-aspetti l-oħra kollha, identiċi għall-metodoloġija speċifikata f'dik id-Deċiżjoni ta' implimentazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija speċifikata fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE għandha tintuża biex jiġi ddeterminat it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 dovut għall-użu tal-alternatur effiċjenti DENSO. Madankollu, fid-dawl ta' iktar preċiżjoni dovuta għall-kalkolu tad-devjazzjoni standard propost mid-DENSO, ikun xieraq li tiġi aġġustata l-formula (1) stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE. L-aġġustament m'għandhu jaffettwa ebda frankar ta' CO2 iċċertifikat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(9)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssib li l-Applikant wera b'mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mit-teknoloġija innovattiva huwa tal-anqas ta' 1 g CO2/km.

(10)

Il-Kummissjoni tinnota li l-iffrankar tat-teknoloġija innovattiva jista' jintwera parzjalment permezz taċ-ċiklu tat-test standard, u li l-iffrankar totali finali li jrid jiġi ċċertifikat għalhekk għandu jkun iddeterminat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(11)

Il-Kummissjoni ssib li r-rapport ta' verifika tħejja mill-Vehicle Certification Agency (VCA), li huwa korp indipendenti u ċċertifikat, u li r-rapport jappoġġa s-sejbiet stipulati fl-applikazzjoni.

(12)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssib li ma għandha tagħmel ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva inkwistjoni.

(13)

Bil-għan li jiġi stabbilit il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni ġenerali li għandu jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni,

(14)

Kwalunkwe manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji speċifiċi ta' CO2 tiegħu sabiex jilħaq il-mira ta' emissjonijiet speċifiċi tiegħu permezz tal-iffrankar ta' CO2 bl-użu tat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, għandu skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, jirreferi għal din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE għall-vetturi kkonċernati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-alternatur effiċjenti DENSO li għandu effiċjenza ta' mill-anqas 77 fil-mija, peress li jnaqqas tliet tipi differenti ta' telf, u li huwa maħsub għall-użu f'vetturi M1 huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

2.   It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 bl-użu tal-alternatur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun iddeterminat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE..

3.   Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 iddeterminat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jista' jiġi ċċertifikat u jiddaħal fiċ-ċertifikat ta' konformità u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip speċifikati fl-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE biss meta t-tnaqqis ikun daqs jew aktar mil-livell limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

4.   Il-kodiċi individwali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip li għandha tintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun “6”.

Artikolu 2

Emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjonin Nru 2013/341/UE

1.   Fit-Taqsima 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE, il-formula (1) tiġi sostitwita b'din il-formula:

Formula

2.   L-emenda ma taffettwax ċertifikazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri, skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).

(3)  http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/guidelines_en.pdf

(4)  ISO 8854. Vetturi tat-triq — Alternaturi bir-regolaturi — Metodi ta' ttestjar u rekwiżiti ġenerali Numru ta' referenza ISO 8854:2012(E).

(5)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE tas-27 ta' Ġunju 2013 dwar l-approvazzjoni tal-Alternatur ta' Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 98)

(6)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


Top