Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0718

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 718/2013 tal- 25 ta’ Lulju 2013 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 li jikkonċerna l-ittikkettjar ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 201, 26.7.2013, pp. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2014; Impliċitament imħassar minn 32011R1169

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/718/oj

26.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/49


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 718/2013

tal-25 ta’ Lulju 2013

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 li jikkonċerna l-ittikkettjar ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Wara l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF) tas-26 ta’ Settembru 2002 (2) u sabiex jiġi żgurat illi l-konsumaturi jirċievu t-tagħrif adegwat meta jixtru l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna t-tikkettjar tal-ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda (3) jipprovdi għal dettalji obbligatorji minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/13/KE dwar l-ittikkettjar tat-tali ikel.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 608/2004 jipprevedi li l-ittikkettjar tat-tali ikel u ingredjenti tal-ikel għandu jkollu, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni li l-prodott huwa maħsub esklussivament għan-nies li jixtiequ jbaxxu l-livell tal-kolesterol fid-demm tagħhom. L-għan ta’ din id-dikjarazzjoni mandatorja huwa li jiġi żgurat li l-prodott jilħaq il-grupp tal-mira tiegħu, u għalhekk ikun evitat il-konsum minn gruppi mhux immirati.

(3)

L-inklużjoni volontarja ta’ dikjarazzjonijiet sanitarji dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa fuq it-tikketti tal-ikel hija rregolata permezz tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (4). Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 983/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar l-awtorizzazzjoni u ċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni ta’ ċerti dikjarazzjonijiet sanitarji mogħtija fuq il-prodotti tal-ikel u li jirreferu għal tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (5), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 384/2010 tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-awtorizzazzjoni u ċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq il-prodotti tal-ikel u li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 tas-16 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (7) jinkludu dikjarazzjonijiet sanitarji fir-rigward tat-tnaqqis u ż-żamma tal-kolesterol fid-demm rigward l-ikel li fih l-isteroli tal-pjanti u l-istanoli tal-pjanti, suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet tal-użu.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 983/2009 awtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ użu, d-dikjarazzjonijiet sanitarji li ġejjin: “Intwera li l-isteroli mill-pjanti jbaxxu/jnaqqsu l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta’ riskju fl-iżvilupp tal-mard koronarju tal-qalb” u”Intwera li l-esteri tal-istanol mill-pjanti jbaxxu/jnaqqsu l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta’ riskju fl-iżvilupp tal-mard koronarju tal-qalb”.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 384/2010 awtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ użu, id-dikjarazzjoni sanitarja li ġejja: L-esteri tal-isteroli tal-pjanti u l-esteri tal-istanoli tal-pjanti ntwerew li jbaxxu/jnaqqsu l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli huwa fattur ta’ riskju fl-iżvilupp tal-mard koronarju tal-qalb.”

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 awtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ użu, id-dikjarazzjoni sanitarja li ġejja: “L-isteroli/stanoli tal-pjanti jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ livelli normali ta’ kolesterol fid-demm”.

(7)

Il-kliem tad-dikjarazzjonijiet sanitarji awtorizzati flimkien mad-dikjarazzjoni mandatorja fir-rigward tal-grupp fil-mira stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 608/2004 jistgħu potenzjalment iwasslu biex konsumaturi li m’għandhomx bżonn li jikkontrollaw il-livell ta’ kolesterol fid-demm tagħhom jużaw il-prodott. Għalhekk, bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni mogħtija fuq l-ittikkettjar tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda, huwa xieraq li tiġi emendata d-dikjarazzjoni mandatorja stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 608/2004 filwaqt li jiġi żgurat li t-test tagħha jservi adegwatament l-għan informattiv li għalih kien inizjalment introdott.

(8)

Sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel jkunu jistgħu jadattaw l-ittikkjettar tal-prodotti tagħhom mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, huwa importanti li jkunu previsti perjodi tranżitorji adegwati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 608/2004

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 608/2004, il-punt 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“3.

għandu jkun hemm dikjarazzjoni li l-prodott mhuwiex maħsub għal persuni li ma jeħtiġux li jikkontrollaw l-livell ta’ kolesterol fid-demm tagħhom.”

Artikolu 2

Miżuri tranżitorji

Ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli miżjuda imqiegħda fuq is-suq jew li ġew ittikkettjati qabel il-15 ta’ Frar 2014 li ma jkunux jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm jiġu eżawriti l-ħażniet tal-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(2)  L-opinjoni tal-SCF bit-titlu “General view on the long-term effects of the intake of elevated levels of phytosterols from multiple dietary sources”.

(3)   ĠU L 97, 1.4.2004, p. 44.

(4)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(5)   ĠU L 277, 22.10.2009, p. 3.

(6)   ĠU L 113, 6.5.2010, p. 6.

(7)   ĠU L 136, 25.5.2012, p. 1.


Top