Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0210

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 210/2013 tal- 11 ta’ Marzu 2013 dwar l-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 68, 12.3.2013, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/210/oj

    12.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 68/24


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 210/2013

    tal-11 ta’ Marzu 2013

    dwar l-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3)(c) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel, inter alia, għall-produzzjoni primarja u l-operazzjonijiet assoċjati. Ir-Regolament jistabbilixxi li l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti jkunu approvati mill-awtorità kompetenti wara li tkun saret tal-inqas żjara waħda fl-istabbiliment, meta tkun meħtieġa approvazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew skont deċiżjoni adottata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

    (2)

    Wara t-tifqigħat fl-Unjoni tal-E.coli li jipproduċi t-tossina Shiga, f’Mejju 2011, il-konsum tan-nebbieta ġie identifikat bħala l-oriġini l-iktar probabbli tat-tifqigħat.

    (3)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) adottat Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju li jippreżenta l-Escherichia coli li jipproduċi t-tossina Shiga (STEC) u batterja patoġenika oħra fiż-żerriegħa u ż-żerriegħa li tkun qed tnibbet (3) Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA tikkonkludi li l-kontaminazzjoni taż-żerriegħa niexfa bil-patoġeni batterjoloġiċi hija l-iktar sors inizjali probabbli tat-tifqigħat assoċjati man-nebbieta. Barra minn hekk, l-Opinjoni tiddikjara li, minħabba il-livell għoli ta’ umdità u t-temperatura favorevoli waqt it-tnibbit, il-patoġeni batterjoloġiċi preżenti fuq iż-żerriegħa niexfa jkunu jistgħu jimmultiplikaw waqt it-tnibbit u dan jirriżulta f’riskju għas-saħħa pubblika.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tas-saħħa pubblika fl-Unjoni u fid-dawl ta’ dik l-Opinjoni tal-EFSA, ġew adottati r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 209/2013 (4) li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (5), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 (6) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 (7).

    (5)

    Barra mill-miżuri stipulati f’dawk l-atti, l-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta għandhom jiġu suġġetti għal approvazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004. Approvazzjonijiet bħal dawn, li jingħataw wara tal-inqas żjara waħda fuq il-post, jiżguraw li stabbilimenti bħal dawn ikunu konformi mar-regoli rilevanti tal-iġjene, biex b’hekk jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika. L-approvazzjoni ta’ stabbilimenti bħal dawn għandha tingħata biss jekk dawn ikunu konformi ma’ għadd ta’ rekwiżiti sabiex jiġi żgurat li l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni fil-faċilità li tipproduċi n-nebbieta titnaqqas.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għanda tapplika d-definizzjoni ta’ “nebbieta” fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 208/2013.

    Artikolu 2

    L-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta jkollhom l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004. L-awtorità kompetenti għandha tapprova dawk l-istabbilimenti, sakemm dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

    (3)  The EFSA Journal 2011; 9(11):2424.

    (4)  Ara paġna 19 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (5)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

    (6)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (7)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS

    Rekwiżiti għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti li jipproduċu n-nebbieta

    1.

    Il-mod kif ikunu mfassla u mqassma l-istabbilimenti għandu jippermetti prattiki tajba relatati mal-iġjeni tal-ikel, inkluża protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni bejn u waqt l-operazzjonijiet. B’mod partikolari, is-superfiċji (inklużi s-superfiċji tat-tagħmir) f’postijiet fejn jiġi trattat l-ikel u dawk f’kuntatt mal-ikel, għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba u jkunu jistgħu jitnaddfu faċilment u, fejn ikun neċessarju, jiġu diżinfettati faċilment.

    2.

    Għandu jkun hemm faċilitajiet adegwati għat-tindif, id-diżinfettar u l-ħażna tal-għodda u t-tagħmir tax-xogħol. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu jistgħu jitnaddfu faċilment u jkollhom provvista adegwata ta’ ilma sħun u kiesaħ.

    3.

    Fejn ikun neċessarju, għandu jkun hemm post adegwat fejn jinħasel l-ikel. Kull sink jew faċilità oħra għall-ħasil tal-ikel għandu jkollu provvista adegwata ta’ ilma tax-xorb u jinżamm nadif u, fejn ikun neċessarju, jiġi diżinfettat.

    4.

    It-tagħmir kollu li jiġu f’kuntatt maż-żerriegħa u n-nebbieta għandu jkun magħmul b’tali mod, minn tali materjal, u jinżamm fi stat u kundizzjoni tajbin, li jnaqqas kull riskju ta’ kontaminazzjoni, u jkun jista’ jinżamm nadif u, fejn ikun neċessarju, jiġi diżinfettat.

    5.

    Għandu jkun hemm proċeduri adegwati fis-seħħ biex jiġi żgurat li:

    (a)

    l-istabbiliment li jipproduċi n-nebbieta jinżamm nadif u, fejn ikun neċessarju, diżinfettat;

    (b)

    it-tagħmir kollu li jiġi f’kuntatt maż-żerriegħa u n-nebbieta jitnaddaf b’mod effettiv u, fejn ikun neċessarju, jiġi diżinfettat. It-tindif u d-diżinfettar ta’ tagħmir bħal dan għandu jsir bi frekwenza li tkun biżżejjed biex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni.


    Top