Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0799

    2013/799/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar in-notifika mir-Renju ta’ Spanja ta’ pjan nazzjonali tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument C(2013) 9089)

    ĠU L 352, 24.12.2013, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/799/oj

    24.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 352/53


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Diċembru 2013

    dwar in-notifika mir-Renju ta’ Spanja ta’ pjan nazzjonali tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali

    (notifikata bid-dokument C(2013) 9089)

    (It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

    (2013/799/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta lill-Kummissjoni pjan nazzjonali tranżizzjonali (TNP) permezz ta’ ittra elettronika fil-21 ta’ Diċembru 2012 (2) u permezz ta’ ittra uffiċjali tat-28 ta’ Diċembru 2012, li waslet għand il-Kummissjoni fit-2 ta’ Jannar 2013 (3).

    (2)

    It-TNP ġie vvalutat skont l-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE (4).

    (3)

    Matul il-valutazzjoni tagħha tal-kompletezza tat-TNP ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni sabet li ħafna impjanti inklużi fit-TNP ma kinux jaqblu mal-impjanti rreġistrati fl-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 li ġie ppreżentat mir-Renju ta’ Spanja b’konformità mad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-Kummissjoni skopriet ukoll li fil-każ tal-impjant 5, il-kontribuzzjoni għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2 għall-perjodu 2001-2007 kienet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima, u għall-perjodu 2008–2010 dik il-kontribuzzjoni kienet iddeterminata permezz tal-metodu ta’ valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, filwaqt li l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dan l-approċċ ma kinux sodisfatti.

    (4)

    Billi d-diskrepanzi bejn id-dejta fit-TNP u fl-inventarju tal-emissjonijiet skont id- Direttiva 2001/80/KE xekklu l-valutazzjoni tat-TNP, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2013 (6), talbet lir-Renju ta’ Spanja jipprovdi kjarifika għad-differenzi li nstabu. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja biex jikkalkula mill-ġdid il-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2.

    (5)

    Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2013 (7), ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni li pprovdiet kjarifika dwar id-differenzi bejn l-informazzjoni fit-TNP u l-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 skont id- Direttiva 2001/80/KE. F’dik l-ittra, ir-Renju ta’ Spanja stqarr ukoll li ma kienx hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2.

    (6)

    Wara valutazzjoni ulterjuri tat-TNP u l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra lir-Renju ta’ Spanja fid-19 ta’ Settembru 2013 (8), li fiha kkonfermat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-użu tal-metodu bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-impjant 5 għal-limiti massimi tat-TNP għall-SO2. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li fil-każ tal-impjant 2, ir-Renju ta’ Spanja kien uża valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-SO2 ta’ 800 mg/Nm3 biex jikkalkula l-kontribuzzjoni tal-impjant għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma japplikawx għal dan il-għan. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li għal disa’ impjanti, intuża valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-NOx ta’ 1 200 mg/Nm3 biex jikkalkula l-kontribuzzjoni tagħhom għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, fuq il-bażi tan-Nota 2 mat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, iżda ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar il-kontenut volatili tal-fjuwil solidu li ntuża f’dawn l-impjanti, li b’xi mod tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din in-Nota. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja għal aktar informazzjoni dwar il-miżuri previsti għal kull wieħed mill-impjanti inklużi fit-TNP sabiex tiġi żgurata konformità f’waqtha mal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet li se japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2020. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jipprovdi dejta addizzjonali għall-impjanti li jużaw diversi tipi ta’ fjuwils jew li jikkonsistu f’tipi ta’ impjanti differenti f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ fjuwil użat, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet, ir-rati medji tal-fluss tal-gass tal-iskart u l-fatturi ta’ konverżjoni għal kull wieħed mill-fjuwils użati jew għal kull wieħed mit-tipi ta’ impjanti separatament.

    (7)

    Fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2013 (9), ikkompletata b’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2013 (10), ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni u pprovda dejta addizzjonali. Fil-każ tal-impjant 2, ir-Renju ta’ Spanja tenna l-fehma tiegħu li ma kienx hemm bżonn li jinbidel il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-SO2 użat peress li huwa kkunsidrat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE kien japplika f’dan ir-rigward. Fil-każ tal-impjant 5, ir-Renju ta’ Spanja kompla jargumenta li hu kien intitolat juża taħlita tal-metodu bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima u l-metodu bil-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet. Ir-Renju ta’ Spanja pprovda informazzjoni dwar il-kontenut volatili tal-fjuwil solidu użat fil-perjodu 2001-2010 minn disa’ impjanti li għalihom kien ġie applikat valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-NOx ta’ 1 200 mg/Nm3 biex jiġi kkalkulat il-limitu massimu għall-2016, u dan wera li kien biss fil-każ tal-impjanti 3, 4 u 19 li l-kontenut volatili medju annwali tal-fjuwil solidu użat kien inqas minn 10 % fis-sena bejn l-2001 u l-2010, filwaqt li fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25 il-livell medju annwali kien aktar minn 10 % f’sena waħda jew aktar. Ir-Renju ta’ Spanja argumenta li għad-disa’ impjanti kollha kemm huma, il-valur medju tal-kontenut volatili matul il-perjodu ta’ referenza kollu (2001-2010) kien inqas mill-valur imsemmi fin-Nota 2 mat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    (8)

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mingħand l-awtoritajiet Spanjoli fit-30 ta’ Settembru 2013 u fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni nnutat li fil-każ tal-impjanti li jużaw diversi tipi ta’ fjuwils, li għalihom ġew ipprovduti l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-fjuwils kollha użati, u għal impjant wieħed li għalih ġie pprovdut il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet medju għall-fjuwils kollha użati, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat kif ġew ikkalkulati l-kontribuzzjonijiet għal-limiti massimi kollha minn dawk l-impjanti, u jiġu speċifikati l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet u r-rati medji annwali tal-fluss tal-gass tal-iskart użat għal kull wieħed mill-fjuwils użati f’dawn l-impjanti.

    (9)

    Wara l-valutazzjoni finali tat-TNP ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja, kif emendat skont l-informazzjoni addizzjonali, u li jinkludi l-impjanti kbar tal-kombustjoni elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni identifikat tliet elementi ewlenin li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli, kif ġej:

    fil-każ tal-impjant 2: il-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni tal-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 800 mg/Nm3 għall-SO2 għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016 fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, billi m’hemmx referenza għal dak il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2010/75/UE bħala mhux adegwata;

    fil-każ tal-impjant 5: il-Kummissjoni tikkunsidra l-metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-SO2, li juża kemm l-approċċ bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni minima kif ukoll l-approċċ bil-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, bħala mhux adegwat;

    fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25: il-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni tal-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3 għall-NOx għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħhom għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016, billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, li huma stipulati fin-Nota 2 mat-Tabella C1 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE mhumiex sodisfatti, bħala mhux adegwata.

    (10)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat diversi impjanti fit-TNP fejn l-informazzjoni għadha inkonsistenti u/jew fejn trid tintbagħat dejta li għadha nieqsa. Il-lista sħiħa tad-dejta nieqsa u t-talbiet għal kjarifika hija inkluża fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Għaldaqstant, it-TNP innotifikat mir-Renju ta’ Spanja ma għandux jiġi aċċettat.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pjan nazzjonali tranżizzjonali li r-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE fl-14 ta’ Diċembru 2012, li jinkludi l-impjanti kbar tal-kombustjoni elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, u għaldaqstant, ma għandux jiġi aċċettat.

    2.   Jekk ir-Renju ta’ Spanja beħsiebu jimplimenta pjan nazzjonali tranżizzjonali skont l-Artikolu 32(5), huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza, f’verżjoni eżaminata tal-pjan, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    fil-każ tal-impjant 2, għandu jikkoreġi l-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu skont il-limitu massimu għall-SO2 għall-2016; l-impjant mhuwiex eliġibbli li juża l-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 800 mg/Nm3 għall-SO2 għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu għal-limitu massimu tat-TNP għall-2016 fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/80/KE, billi dak il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet mhuwiex imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2010/75/UE;

    (b)

    fil-każ tal-impjant 5, għandu jikkoreġi l-metodu applikat għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tiegħu skont il-limitu massimu tat-TNP għall-SO2 għall-2016; dik il-kontribuzzjoni għandha tiġi kkalkulata għall-perjodu kollu 2001-2010 jew fuq il-bażi tar-rata ta’ desulfurizzazzjoni minimata, jew fuq il-bażi tal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet;

    (c)

    fil-każ tal-impjanti 13, 15, 17, 18, 24 u 25: għandu jikkoreġi l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet applikati għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tagħhom skont il-limitu massimu għall-NOx għall-2016; sabiex l-impjanti jkunu eliġibbli li jużaw il-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3, ir-Renju ta’ Spanja għandu juri li l-kontenut volatili medju annwali tal-fjuwil solidu użat fl-impjanti kien inqas minn 10 % fis-snin ta’ referenza kkunsidrati għat-TNP;

    (d)

    għandu jaġġorna b’mod korrett il-limiti massimi tal-emissjonijiet totali għas-snin kollha kkalkulati skont il-valuri kkoreġuti msemmija fil-punti preċedenti;

    (e)

    għandu jiċċara l-kwistjonijiet kollha u jikkumplimenta d-dejta kif imsemmi fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (2)  Ares(2012)1551138.

    (3)  Ares(2013)146.

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE tal-10 ta’ Frar 2012 li tistabbilixxi regoli dwar il-pjanijiet nazzjonali tranżizzjonali msemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 52, 24.2.2012, p. 12).

    (5)  Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1)

    (6)  Ares(2013)1984918.

    (7)  Ares(2013)2535734.

    (8)  Ares(2013)3085135.

    (9)  Ares(2013)3145031.

    (10)  Ares(2013)3217081.


    ANNESS I

    LISTA TA’ IMPJANTI INKLUŻI FIT-TNP

    Numru

    L-isem tal-impjant fit-TNP

    Kapaċità termali kklassifikata totali fil-31.12.2010 (MW)

    1

    C.T. Litoral I

    1 222

    2

    C.T. Litoral II

    1 268

    3

    C.T. Compostilla I (G2 u 3)

    1 332

    4

    C.T. Compostella I (G4 u 5)

    1 960

    5

    C.T. As Pontes

    3 800

    6

    C.T. Teruel (Andorra)

    3 000

    7

    C.T. Besós 3 (CTCC)

    722

    8

    C.T. San Roque (G2) (CTCC)

    711

    9

    C.T. Foix

    1 315

    10

    C.T. Los Barrios

    1 645

    11

    C.T. Puentenuevo

    976

    12

    C.T. Tarragona I (CTCC)

    676

    13

    C.T. Anllares

    953

    14

    C.T. La Robla I

    691

    15

    C.T. La Robla II

    951

    16

    C.T. Meirama

    1 437

    17

    C.T. Narcea I

    193

    18

    C.T. Narcea II

    459

    19

    C.T. Narcea III

    993

    20

    C.T. Aboño I

    919

    21

    C.T. Aboño II

    1 364

    22

    C.T. Soto III

    830

    23

    C.T. de Lada 4

    986

    24

    C.T. de Velilla 1

    430

    25

    C.T. de Velilla 2

    1 010

    26

    Central GICC Puertollano

    670

    27

    San Ciprián I

    147

    28

    San Ciprián II

    147

    29

    San Ciprián IIII

    147

    30

    Cogecan

    93

    31

    Sniace Co-generation I

    126

    32

    Sniace Co-generation II

    126

    33

    Solal

    146

    34

    Solvay I

    376


    ANNESS II

    LISTA TAD-DEJTA MSEMMIJA FIL-PUNT (E) TAL-ARTIKOLU 1(2)

    1.

    Fil-każ tal-impjant 6 li juża rata ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 92 % fl-2016: għandha tingħata kjarifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur kif stipulat fit-tabella C3 fl-Appendiċi C tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE ikunu sodisfatti (ikun daħal fis-seħħ kuntratt għall-installazzjoni ta’ tagħmir għad-desulfurizzazzjoni mill-gassijiet tal-kombustjoni jew ta’ tagħmir ta’ injezzjoni tal-ġir, jew ikun beda x-xogħol fuq l-installazzjoni, qabel l-1 ta’ Jannar 2001).

    2.

    Fil-każ tal-impjanti 1, 2, 3, 4, 6, 13, 14, 15, 16, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 30 u 34: għandha tingħata kjarifika dwar kif il-kontribuzzjonijiet minn dawn l-impjanti kienu kkalkulati mal-limiti massimi totali tat-TNP.

    3.

    Fil-każ tal-impjant 34: għandha tiġi pprovduta separatament dejta dwar ir-rati ta’ fluss tal-gass tal-iskart għal kull fjuwil użat f’dan l-impjant.


    Top