Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0732

    2013/732/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali. għall-produzzjoni tal-chlor-alkali (notifikata bid-dokument C(2013) 8589) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 332, 11.12.2013, p. 34–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/732/oj

    11.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/34


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-9 ta’ Diċembru 2013

    li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali. għall-produzzjoni tal-chlor-alkali

    (notifikata bid-dokument C(2013) 8589)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/732/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/75/UE jirrikkjedi li l-Kummissjoni torganizza skambju ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali bejnha u l-Istati Membri, l-industriji kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jħeġġu l-ħarsien ambjentali sabiex jiġi mħaffef it-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) kif iddefiniti fl-Artikolu 3(11) ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2010/75/UE, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jindirizza l-prestazzjoni tal-installazzjonijiet u t-tekniki f’termini ta’ emissjonijiet, espressi bħala medja fuq termini qosra u twal, fejn xieraq, u l-kundizzjonijiet ta’ referenza assoċjati, il-konsum u n-natura tal-materja prima, il-konsum tal-ilma, l-użu tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart u t-tekniki użati, il-monitoraġġ assoċjat, l-effetti mifrux fuq il-mezzi tax-xandir, il-vijabbiltà ekonomika u teknika u l-iżviluppi tagħhom u l-aqwa tekniki disponibbli u t-tekniki emerġenti identifikati wara li jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 13(2) ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    “Il-konklużjonijiet tal-BAT” kif iddefiniti fl-Artikolu 3(12) tad-Direttiva 2010/75/UE huma l-element ewlieni tad-dokumenti ta’ referenza tal-BAT u jistabbilixxu l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli, id-deskrizzjoni tagħhom, l-informazzjoni biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat, il-livelli ta’ konsum assoċjati u, fejn xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju tas-sit.

    (4)

    Skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom ikunu r-referenza biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-permessi għall-installazzjonijiet koperti permezz tal-Kapitolu II ta’ dik id-Direttiva.

    (5)

    L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2010/75/UE jirrikkjedi li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi valuri tal-limiti tal-emissjonijiet li jiżguraw li, taħt kundizzjonijiet ta’ operat normali, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmija fl-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2010/75/UE.

    (6)

    L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75/UE jistipula derogi mir-rekwiżit stabbiliti fl-Artikolu 15(3) biss fejn l-ispejjeż assoċjati mal-kisba tal-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-BAT ikunu ogħla b’mod sproporzjonat mill-benefiċċji ambjentali minħabba l-qagħda ġeografiku, il-kundizzjonijiet ambjentali lokali jew il-karatteristiki tekniċi tal-istallazzjoni inkwistjoni.

    (7)

    L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2010/75/UE jistipula li r-rekwiżiti ta’ sorveljanza fil-permess imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq il-konklużjonijiet dwar is-sorveljanza kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT.

    (8)

    Skont l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2010/75/UE, fi żmien 4 snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT, l-awtorità kompetenti għandha terġa’ tikkunsidra u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-kundizzjonijiet kollha tal-permessi u għandha tiżgura li l-istallazzjoni tkun konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet tal-permessi.

    (9)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2011 li tistabbilixxi forum (2) għall-iskambju tal-informazzjoni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali stabbilixxiet forum magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-industriji inkwistjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jħeġġu l-ħarsien ambjentali.

    (10)

    Skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2010/75/UE, il-Kummissjoni kisbet l-opinjoni ta’ dak il-forum dwar il-kontenut propost tad-dokument ta’ referenza tal-BAT għall-produzzjoni tal-clor-alkali fis-6 ta’ Ġunju 2013 u għamlitu disponibbli pubblikament (3).

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-konklużjonijiet tal-BAT għall-produzzjoni tal-chlor-alkali huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (2)  ĠU C 146, 17.5.2011, p. 3.

    (3)  https://circabc.europa.eu/faces/jsp/extension/wai/navigation/container.jsp


    ANNESS

    IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT GĦALL-PRODUZZJONI TAL-KLORALKALI

    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI 37
    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI 38
    DEFINIZZJONIJIET 38
    KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT 39

    1.

    Teknika Taċ-Ċellola 39

    2.

    Id-dekummissjonar jew il-konverżjoni ta’ impjanti taċ-ċelluli tal-merkurju 39

    3.

    Il-ġenerazzjoni tal-ilma tal-iskart 41

    4.

    L-effiċjenza enerġetika 42

    5.

    Monitoraġġ tal-emissjonijiet 43

    6.

    Emissjonijiet fl-arja 44

    7.

    Emissjonijiet fl-ilma 45

    8.

    Il-ġenerazzjoni tal-iskart 47

    9.

    Rimedjazzjoni tas-sit 47
    GLOSSARJU 48

    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    Dawn il-konklużjonijiet tal-BAT ikopru ċerti attivitajiet industrijali speċifikati fit-Taqsimiet 4.2(a) u 4.2(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE, primarjament il-produzzjoni ta’ kimiċi kloralkali (il-kloru, l-idroġenu, l-idrossidu tal-potassju u l-idrossidu tas-sodju) permezz tal-elettroliżi tas-salmura.

    B’mod partikolari, dawn il-konklużjonijiet tal-BAT ikopru l-proċessi u l-attivitajiet segwenti:

    il-ħażna tal-melħ;

    il-preparazzjoni, it-tisfija u s-saturazzjoni mill-ġdid tas-salmura;

    l-elettroliżi tas-salmura;

    il-konċentrazzjoni, it-tisfija, il-ħażna u l-ġestjoni tal-idrossidu tas-sodju/potassju;

    it-tibrid, it-tnixxif, it-tisfija, il-kompressjoni, il-likwefazzjoni, il-ħażna u l-ġestjoni tal-kloru;

    it-tibrid, it-tisfija, il-kompressjoni, il-ħażna u l-ġestjoni tal-idroġenu;

    il-konverżjoni ta’ impjanti ta’ ċelluli tal-merkurju f’impjanti ta’ ċelluli tal-membrana;

    id-dekummissjonar ta’ impjanti ta’ ċelluli tal-merkurju;

    ir-rimedju ta’ siti tal-produzzjoni tal-kloroalkali.

    Dawn il-konklużjonijiet dwar il-BAT ma jindirizzawx l-attivitajiet jew il-proċessi li ġejjin:

    l-elettroliżi tal-aċidu kloridriku għall-produzzjoni tal-kloru;

    l-elettroliżi tas-salmura għall-produzzjoni tal-klorur tas-sodju; din hija koperta permezz tad-dokument ta’ referenza tal-BAT dwar Sustanzi Kimiċi Inorganiċi f’Volumi Kbar – Industrija tas-Solidi u Oħrajn (LVIC-S);

    l-elettroliżi ta’ mluħa mdewba għall-produzzjoni ta’ alkali jew metalli alkalini-terrestri u kloru; din hija koperta permezz tad-dokument ta’ referenza tal-BAT dwar l-Industriji tal-Metalli li ma fihomx Ħadid (NFM - Non-ferrous Metals Industries);

    il-produzzjoni ta’ speċjalitajiet bħall-alkolati, id-ditijoniti u metalli alkalini permezz tal-użu ta’ amalgama ta’ metall alkali prodott bit-teknika taċ-ċelluli tal-merkurju;

    il-produzzjoni tal-kloru, l-idroġenu jew l-idrossidu tas-sodju/potassju permezz ta’ proċessi oħra għajr l-elettroliżi.

    Dawn il-konkużjonijiet tal-BAT ma jindirizzawx l-apetti segwenti tal-produzzjoni tal-kloralkali peress li dawn huma koperti permezz tad-dokument ta’ referenza tal-BAT dwar is-Sistemi tal-Ġestjoni Komuni tat-Trattament tal-Ilma tal-Iskart u tal-Gass tal-Iskart fis-Settur Kimiku (CWW);

    it-trattament tal-ilma f’impjant għat-trattament tul il-katina;

    sistemi ta’ ġestjoni ambjentali;

    emmissjonijiet tal-ħsejjes.

    Dokumenti ta’ referenza oħra li huma ta’ rilevanza għall-attivitajiet koperti minn dawn il-konklużjonijiet dwar il-BAT huma dawn li ġejjin:

    Dokument ta’ referenza

    Suġġett

    Sistemi tal-Ġestjoni Komuni tat-Trattament tal-Ilma tal-Iskart u tal-Gass tal-Iskart fis-Settur Kimiku BREF (CWW)

    Sistemi tal-ġestjoni komuni tat-trattament tal-ilma tal-iskart u tal-gass tal-iskart

    Aspetti Ekonomiċi u Effetti Transmedjatiċi (ECM)

    Aspetti ekonomiċi u effetti transmedjatiċi tat-tekniki

    Emissjonijiet minn Ħżin (EFS)

    Ħżin u mmaniġġjar ta’ materji

    Effiċjenza Enerġetika (ENE)

    Aspetti ġenerali tal-effiċjenza enerġetika

    Sistemi Industrijali tat-Tberrid(ICS)

    Tberrid indirett permezz tal-ilma

    Impjanti Kbar tal-Kombustjoni (LCP)

    Impjanti ta’ Kombustjoni li l-kapaċità termali kklassifikata tagħhom hija ta’ 50 MW jew aktar

    Prinċipji Ġenerali ta’ Monitoraġġ (MON)

    Aspetti ġenerali tas-sorveljanza tal-emissjonijiet u l-konsum

    Inċinerazzjoni tal-Iskart (WI)

    Inċinerazzjoni tal-Iskart

    Industriji tat-Trattament tal-Iskart (WT)

    Trattament tal-Iskart

    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

    It-tekniki elenkati u deskritti f’dawn il-konklużjonijiet tal-BAT la huma preskrittivi u lanqas eżawrjenti. Jistgħu jintużaw tekniki oħra li jiżguraw tal-anqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ambjentali.

    Sakemm mhux mistqarr mod ieħor, il-konklużjonijiet tal-BAT huma ġeneralment applikabbli.

    Il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli (BAT-AELs) għall-emissjonijiet fl-arja mogħtija f’dawn il-konklużjonijiet tal-BAT jirreferu għal:

    livelli ta’ konċentrazzjoni espressi bħala massa ta’ sustanzi emessi skont il-volum ta’ gass tal-iksart taħt kundizzjonijiet standard (273,15 K, 101,3 kPa), wara t-tnaqqis tal-kontenut ta’ ilma iżda mingħajr korrezzjoni tal-kontenut ta’ ossiġenu, bl-unità mg/m3;

    BAT-AELs għall-emissjonjiet fl-ilma mogħtija f’dawn il-konklużjonijiet tal-BAT jirreferu għal:

    livelli ta’ konċentrazzjoni espressi bħala massa ta’ sustanzi skont il-volum ta’ skart tal-ilma, bl-unità mg/l.

    DEFINIZZJONIJIET

    Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    Terminu użat

    Definizzjoni

    Impjant ġdid

    Impjant imħaddem għall-ewwel darba fl-installazzjoni wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT jew sostituzzjoni totali ta’ impjant fuq is-sisien eżistenti tal-installazzjoni wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT.

    Impjant eżistenti

    Impjant li ma jkunx impjant ġdid.

    Unità ġdida għal-likwefazzjoni tal-kloru

    Unità għal-likwefazzjoni tal-kloru mħaddma għall-ewwel darba fl-impjant wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT jew bdil komplet ta’ unità għal-likwefazzjoni tal-kloru wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet tal-BAT.

    Kloru u diossidu tal-kloru, espressi bħala Cl2

    L-ammont ta’ kloru (Cl2) u diossidu tal-kloru (ClO2), mkejla flimkien u espressi bħala kloru (Cl2).

    Kloru ħieles, espress bħala Cl2

    It-total ta’ kloru elementari maħlul, ipoklorit, aċidu ipokloruż, bromu elementari maħlul, ipobromit, u aċidu ipobromiku, mkejla flimkien u espressi bħala Cl2

    Merkurju, espress bħala Hg

    It-total tal-ispeċi kollha inorganiċi u organiċi tal-merkurju, mkejla flimkien u espressi bħala Hg.

    KONKLUŻJONIJIET TAL-BAT

    1.   Teknika taċ-ċellola

    BAT 1: Il-BAT għall-produzzjoni ta’ kloralkali għandha tuża teknika waħda jew taħlita tat-tekniki mogħtija hawn taħt. It-teknika taċ-ċellola tal-merkurju ma tistax titqies li hija BAT taħt ebda ċirkustanza. L-użu tad-dijaframmi tal-asbestos mhuwiex BAT.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    Applikabbiltà

    a

    It-teknika bipolari taċ-ċelluli tal-membrana

    Iċ-ċelluli tal-membrana huma magħmulin minn anodu u katodu mifrudin permezz ta’ membrana. F’konfigurazzjoni bipolari, ċelluli tal-membrana individwali huma elettrikament konnessi f’serje.

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    b

    It-teknika monopolari taċ-ċellola b’membrana

    Iċ-ċelluli tal-membrana huma magħmulin minn anodu u katodu mifrudin permezz ta’ membrana. F’konfigurazzjoni monopolari, ċelluli tal-membrana individwali huma elettrikament konnessi f’parallel.

    Mhux aplikabbli għal impjanti ġodda b’kapaċità ta’ kloru ta’ > 20 kt/sena.

    c

    Teknika taċ-ċelluli tad-dijaframma ħielsa mill-asbestos

    Iċ-ċelluli tad-dijaframma ħielsa mill-asbestos huma magħmulin minn anodu u katodu mifrudin permezz ta’ dijaframma ħielsa mill-asbestos. ċelluli tad-dijaframma individwali huma elettrikament konnessi f’serje (bipolari) jew f’parallel (monopolari).

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    2.   Id-dekummissjonar jew il-konverżjoni ta’ impjanti taċ-ċelluli tal-merkurju

    BAT 2: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-merkurju u biex titnaqqas il-ġenerazzjoni ta’ skart imniġġes bil-merkurju waqt id-dekummissjonar jew il-konverżjoni ta’ impjanti taċ-ċelluli tal-merkurju, il-BAT għandu jelabora u jimplimenta pjan ta’ dekummissjonar li jinkorpora l-aspetti kollha segwenti:

    i.

    l-inklużjoni ta’ wħud mill-persunal li għandu esperjenza fil-ġestjoni tal-impjant ta’ qabel fl-istadji kollha tal-eloborazzjoni u l-implimentazzjoni;

    ii.

    il-provvediment ta’ proċeduri u struzzjonijiet għall-istadji kollha tal-implimentazzjoni;

    iii.

    il-provvediment ta’ programm dettaljat ta’ taħriġ u superviżjoni għal persunal mingħajr esperjenza fil-ġestjoni tal-merkurju;

    iv.

    id-determinazzjoni tal-kwantità ta’ merkurju metalliku li għandu jiġi irkuprat u l-istima tal-kwantità ta’ skart li għandu jiġi mormi u tat-tniġġis tal-merkurju li jkun fih;

    v.

    provvediment ta’ żoni ta’ ħidma li huma:

    (a)

    mgħottija b’saqaf;

    (b)

    mgħammrin b’art lixxa, immejla, li ma tixrobx l-ilma biex merkurju li jaqa’ mal-art jiġi dirett lejn fossa għall-ġabra;

    (c)

    imdawla sew;

    (d)

    ħielsa minn oġġetti li jtellfu u mazkal li jistgħu jassorbu l-merkurju;

    (e)

    mgħammra bi provvista tal-ilma għall-ħasil;

    (f)

    imqabbda ma’ sistema għat-trattament tal-iskart tal-ilma.

    vi.

    it-tbattil taċ-ċelluli u t-trasferiment tal-merkurju metalliku għall-kontenituri billi:

    (a)

    jekk possibbli s-sistema tinżamm magħluqa;

    (b)

    jinħasel il-merkurju;

    (c)

    jekk possibbli jintuża t-trasferiment permezz tal-gravità;

    (d)

    jekk meħtieġ jitneħħew impuritajiet solidi mill-merkurju;

    (e)

    il-kontenituri jimtlew sa ≤ 80 % tal-kapaċità volumetrika tagħhom;

    (f)

    il-kontenituri jiġu ssiġillati ermetikament wara l-mili;

    (g)

    iċ-ċelluli battala jinħaslu u wara jimtlew bl-ilma.

    vii.

    l-operazzjonijiet ta’ żarmar u t-twaqqigħ għandhom iseħħu billi:

    (a)

    jekk possibbli l-qtugħ b’mezzi jaħarqu tat-tagħmir jinbidel bi qtugħ b’mezzi kesħin;

    (b)

    it-tagħmir jinħażen f’żoni xierqa;

    (c)

    l-art taż-żona ta’ ħidma tinħasel ta’ sikwit;

    (d)

    it-tindif mgħaġġel ta’ merkurju li jaqa’ mal-art bl-użu ta’ tagħmir ta’ aspirazzjoni b’filtri tal-karbonju attivati;

    (e)

    issir kontabbiltà tal-flussi tal-iskart;

    (f)

    skart imniġġes bil-merkurju jinfired minn skart mhux imniġġes;

    (g)

    skart imniġġes bil-merkurju għandu jitnaddaf minn dan il-merkurju permezz ta’ trattament mekkaniku u fiżiku (p.eż. il-ħasil, il-vibrazzjoni ultrasonika, il-vacuum cleaners), tekniki ta’ trattament kimiku (p.eż. ħasil permezz tal-ipoklorit, salmura bil-kloru jew il-perossidu tal-idroġenu) u/jew tekniki tat-trattament termali (p.eż. id-distillazzjoni/id-distillazzjoni fi storta);

    (h)

    jekk possibbli tagħmir li tneħħhielu t-tniġġis jiġi użat mill-ġdid jew riċiklat;

    (i)

    it-tindif mit-tniġġis tal-bini tal-kamra taċ-ċelluli permezz tat-tindif tal-ħitan u l-art, segwit mill-kisi jew iż-żbigħ biex jingħataw superfiċe li ma tixrobx jekk il-bini jkun se jintuża mill-ġdid;

    (j)

    it-tindif jew it-tiġdid tas-sistemi ta’ ġbir tal-iskart tal-ilma fl-impjant jew madwar;

    (k)

    il-konfinament taż-żona ta’ ħidma u t-trattament tal-arja tal-ventilazzjoni meta jkunu mistennija konċentrazzjonijiet għolja ta’ merkurju (eż. għall-ħasil bi pressa għolja); tekniki tat-trattament għall-ventilazzjoni tal-arja jinkludu l-adsorbiment fuq karbonju attivat jodat jew sulfurat, it-tisfija permezz tal-ipoklorit jew salmura bil-kloru jew permezz taż-żieda tal-kloru biex jiġi ffurmat diklorur tad-dimerkurju solidu;

    (l)

    it-trattament tal-iskart tal-ilma li fih il-merkurju, inkluż l-ilma tal-ħasla li jkun intuża għat-tindif tat-tagħmir protettiv;

    (m)

    is-sorveljanza tal-merkurju fl-arja, l-ilma u l-iskart, inkluż għal żmien xieraq wara l-finalizzazzjoni tad-dekummissjonar jew il-konverżjoni;

    viii.

    jekk ikun hemm il-ħtieġa, ħażna interim ta’ merkurju metalliku fuq is-sit f’faċilitajiet ta’ ħażna li jkunu:

    (a)

    mdawlin sew u li huma milqugħin mit-temp;

    (b)

    mgħammrin b’konteniment sekondarju xieraq li kapaċi jżomm 110 % tal-volum likwidu ta’ kull kontenitur waħdieni;

    (c)

    ħieles minn oġġetti li jtellfu u mazkal li jistgħu jassorbu l-merkurju;

    (d)

    mgħammrin b’tagħmir ta’ aspirazzjoni b’filtri tal-karbonju attivati;

    (e)

    spezzjonati perjodikament, kemm viżwalment kif ukoll permezz ta’ tagħmir għas-sorveljanza tal-merkurju.

    ix.

    jekk meħtieġ, trasport, iktar trattament potenzjali u rimi tal-iskart.

    BAT 3: Biex jitnaqqqu l-emissjonijiet tal-merkurju fl-ilma waqt id-dekummissjonar jew il-konverżjoni ta’ impjanti taċ-ċelluli tal-merkurju, il-BAT għandu juża teknika waħda jew taħlita tat-tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    a

    Ossidazzjoni jew skambju tal-joni

    Aġenti tal-ossidazzjoni bħall-ipoklorit, il-kloru jew il-perossidu tal-idroġenu jintużaw għall-konverżjoni sħiħa tal-merkurju f’forma ossidata, li sussegwentement titneħħa permezz ta’ reżini għall-iskambju tal-joni.

    b

    L-ossidazzjoni u l-preċipitazzjoni

    Aġenti tal-ossidazzjoni bħall-ipoklorit, il-kloru jew il-perossidu tal-idroġenu jintużaw għall-konverżjoni sħiħa tal-merkurju f’forma ossidata, li sussegwentement titneħħa permezz tal-preċipitazzjoni bħala sulfur tal-merkurju, segwit mill-filtrazzjoni.

    c

    Riduzzjoni u adsorbiment fuq il-karbonju attivat

    Aġenti tat-tnaqqis bħall-idrossilamina jintużaw għall-konverżjoni sħiħa tal-merkurju fil-forma elementali tiegħu, li sussegwentement titneħħa permezz tal-koalexxenza u l-irkupru tal-merkurju metalliku, segwit mill-adsorbiment fuq il-karbonju attivat.

    Il-livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjat mal-BAT  (1) għall-emissjonijiet tal-merkurju fl-ilma, espress bħala Hg, fil-punt tal-ħruġ tal-unità għat-trattament tal-merkurju waqt id-dekummissjonar jew il-konverzjoni huwa 3 – 15 μg/l f’kampjuni kompożiti proporzjonati mal-flussi meħudin kuljum. Is-sorveljanza assoċjata hija f’BAT 7.

    3.   Il-ġenerazzjoni tal-ilma tal-iskart

    BAT 4: Sabiex titnaqqas il-ġenerazzjoni ta’ skart tal-ilma, il-BAT għandu juża taħlita tat-tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    Applikabbiltà

    a

    Ir-riċirkolazzjoni tas-salmura

    Is-salmura mnaddfa miċ-ċelluli tal-elettroliżi hija saturata mill-ġdid bil-melħ solidu jew permezz tal-evaporazzjoni u mdaħħla mill-ġdid fiċ-ċelluli.

    Mhux applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli dijaframmi. Mhux applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli tal-membrana li jużaw salmura estratta permezz ta’ spiera fuq il-post meta melħ abbundanti u riżorsi tal-ilma u korp tal-ilma riċevitur tas-soluzzjoni salina, li jittollera livelli għoljin ta’ emissjonijiet tal-klorur huwa disponibbli. Mhux applikabbli għal impjanti taċ-ċelluli tal-membrana li jużaw il-porga bis-salmura f’unitajiet tal-produzzjoni oħra.

    b

    Ir-riċiklaġġ u flussi oħra tal-proċess

    Il-fluss tal-proċess mill-impjant tal-kloralkali bħall-fwar mill-kloru, l-idrossidu tas-sodju/l-potassju u l-idroġenu jiddaħħlu lura waqt stadji varji tal-proċess. Il-grad tar-riċiklaġġ huwa limitat mir-rekwiżiti tal-purità tal-fluss likwidu li għalih il-fluss tal-proċess huwa riċiklat u l-bilanċ tal-ilma fl-impjant.

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    c

    Ir-riċiklaġġ ta’ skart tal-ilma li fih il-melħ minn proċessi ta’ produzzjoni oħra

    Skart tal-ilma li fih il-melħ minn proċessi tal-produzzjoni oħra huwa trattat u mdaħħal mill-ġdid fis-sistema tas-salmura. Il-grad tar-riċiklaġġ huwa limitat mir-rekwiżiti tal-purità tas-sistema tas-salmura u l-bilanċ tal-ilma fl-impjant.

    Mhux applikabbli għal impjanti fejn it-trattament addizzjonali ta’ dan l-iskart tal-ilma ipatti għall-benefiċċji ambjentali.

    d

    L-użu tal-ilma għall-estrazzjoni permezz ta’ spiera fuq il-post

    Ilma tal-iskart mill-impjant tal-kloralkali huwa ttrattat u ppumpjat lura lejn il-minjiera tal-melħ.

    Mhux applikabbli għal impjanti taċ-ċelluli tal-membrana li jużaw il-porga bis-salmura f’unitajiet tal-produzzjoni oħra. Mhux applikabbli jekk il-minjiera tkun tinsab f’altitudni sinifikament ogħla mill-impjant.

    e

    Il-konċentrazzjoni tal-ħama mill-filtrazzjoni tas-salmura

    Il-ħama mill-filtrazzjoni tas-salmura hija kkonċentrata fi preses tal-filtri, tanbur rotattiv filtranti b’vakwu jew ċentrifugi. L-ilma li jibqa’ jiddaħħal lura fis-sistema tas-salmura.

    Mhux applikabbli jew il-ħama mill-filtrazzjoni tas-salmura tista’ titneħħa bħala ċappa niexfa. Mhux applikabbli għall-impjanti li jużaw mill-ġdid l-iskart tal-ilma għall-estrazzjoni permezz ta’ spiera fuq il-post.

    f

    In-nanofiltrazzjoni

    Tip speċifiku ta’ filtrazzjoni permezz tal-membrana b’daqsijiet tal-pori tal-membrana ta’ madwar 1 nm, użat għall-konċentrazzjoni tas-sulfat fil-porga bis-salmura, li b’hekk inaqqas il-volum tal-iskart tal-ilma.

    Applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli tal-membrana bir-riċirkolazzjoni tas-salmura, jekk ir-rata tal-porga bis-salmura tiġi determinata permezz tal-konċentrazzjoni tas-sulfat.

    g

    Tekniki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-klorat

    Tekniki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-klorat huma deskritti f’BAT 14. Dawn it-tekniki jnaqqsu l-volum tal-porga bis-salmura.

    Applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli tal-membrana bir-riċirkolazzjoni tas-salmura, jekk ir-rata tal-porga bis-salmura tiġi determinata permezz tal-konċentrazzjoni tal-klorat

    4.   L-effiċjenza enerġetika

    BAT 5: Biex l-enerġija tiġi użata b’mod effiċjenti fil-proċess tal-elettroliżi, il-BAT għandu juża taħlita tat-tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    Applikabbiltà

    a

    Membrani ta’ prestazzjoni għolja

    Membrani ta’ prestazzjoni għolja juru tnaqqqis baxx fil-vultaġġ u effiċjenzi għolja fil-kurrent filwaqt li jiżguraw stabbiltà mekkanika u kimika taħt il-kundizzjonijiet ta’ ħidma.

    Applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli tal-membrani meta jkunu qegħdin jiġġeddu l-membrani fi tmiem il-ħajja tagħhom.

    b

    Dijaframmi ħielsa mill-asbestos

    Dijaframmi ħielsa mill-asbestos huma magħmulin minn polimeru tal-fluworokarbonju u mili bħad-diossidu taż-żirkonju. Dawn id-dijaframmi juru sovrapotenzi tar-reżistenza iktar baxxi mid-dijaframmi tal-asbestos.

    Applikabbli b’mod ġenerali

    c

    Elettrodi u kisi ta’ prestazzjoni għolja

    Elettrodi u kisi b’rilaxx tal-gass imtejjeb (sovrapotenza ta’ bużżieqa tal-gass iktar baxxa) u potenzjal ġenerali tal-elettrodi baxx.

    Applikabbli meta jkun qiegħed jiġġedded il-kisi fi tmiem il-ħajja tiegħu.

    d

    Salmura ta’ purità għolja

    Is-salmura hija msoffija biżżejjed biex timminimizza t-tniġġis tal-elettrodi u d-dijaframmi/elettrodi, li kieku jistgħu jżidu l-konsum tal-enerġija.

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    BAT 6: Biex ikun hemm użu effiċjenti tal-enerġija, il-BAT għandu jimmassimizza l-użu tal-idroġenu ko-prodott mill-elettroliżi bħala reaġent kimiku jew karburant.

    Deskrizzjoni

    L-idroġenu jista’ jintuża f’reazzjonijiet kimiċi (eż. il-produzzjoni tal-ammonja, il-perossidu tal-idroġenu, l-aċidu idrokloridriku, u l-metanol; riduzzjoni tal-komposti organiċi; l-idrodesulfurizzazzjoni taż-żejt mhux maħdum; l-idroġenazzjoni taż-żjut u ż-żift; tmiem tal-katina fil-produzzjoni tal-poljolefina) jew bħala karburant fi proċess tal-kombustjoni għall-produzzjoni tal-fwar u/jew l-elettriku jew biex jissaħħan forn. Il-grad sa fejn l-idroġenu huwa użat jiddependi fuq għadd ta’ fatturi (eż. id-domanda għall-idroġenu bħala reaġent fuq is-sit, id-domanda għall-fwar fuq is-sit, id-distanza mill-utenti potenzjali).

    5.   Monitoraġġ tal-emissjonijiet

    BAT 7: Il-BAT għandha tissorvelja l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma permezz ta’ tekniki skont l-istandards EN b’tal-inqas il-frekwenza minima mogħtija hawn taħt. Jekk l-istandards EN ma jkunux disponibbli, Il-BAT għandha tuża l-istandards ISO, jew ta’ standards nazzjonali jew internazzjonali oħra li jiżguraw il-provvediment ta’ dejta ta’ kwalità xjentifika ekwivalenti.

    Midjum ambjentali

    Sustanz(a/i)

    Il-punt għat-teħid tal-kampjuni

    Il-metodu

    Standard(s)

    Frekwenza minima ta’ sorveljanza

    Sorveljanza assoċjata mal-

    Arja

    Kloru u diossidu tal-kloru, espressi bħala Cl2  (2)

    Punt tal-ħruġ tal-unità tal-assorbiment tal-kloru

    ċelluli elettrokimiċi

    L-ebda standard EN jew ISO mhuwa disponibbli

    Kontinwu

    Assorbiment f’soluzzjoni, b’analiżi sussegwenti

    L-ebda standard EN jew ISO mhuwa disponibbli

    Ta’ kull sena (minn tal-inqas tliet kejliet ta’ kull siegħa konsekuttivi)

    BAT 8

    Ilma

    Klorat

    Fejn l-emissjoni tħalli l-istallazzjoni

    Kromatografija tal-jonji

    EN ISO 10304–4

    Kull xahar

    BAT 14

    Klorur

    Porga bis-salmura

    Kromatografija tal-jonji jew analiżi tal-flussi

    EN ISO 10304–1 jew EN ISO 15682

    Kull xahar

    BAT 12

    Kloru ħieles (2)

    Qrib is-sors

    Il-potenzjal ta’ riduzzjoni

    L-ebda standard EN jew ISO mhuwa disponibbli

    Kontinwu

    Fejn l-emissjoni tħalli l-istallazzjoni

    Kloru ħieles

    EN ISO 7393–1 jew –2

    Kull xahar

    BAT 13

    Kompost organiku aloġenat

    Porga bis-salmura

    Aloġenati marbutin organikament adsorbabbli (AOX)

    Anness A ta’ EN ISO 9562

    Kull sena

    BAT 15

    Merkurju

    Punt tal-ħruġ tal-unità tat-trattament tal-merkurju

    Spettrometrija tal-assorbiment atomiku jew spettrometrija tal-fluworexxenza atomika

    EN ISO 12846 jew EN ISO 17852

    Kuljum

    BAT 3

    Sulfat

    Porga bis-salmura

    Kromatografija tal-jonji

    EN ISO 10304-1

    Kull sena

    Metalli tqal rilevanti (p.eż. in-nikil, ir-ram)

    Porga bis-salmura

    Spettrometrija tal-emissjoni ottika indotta bl-akkoppjar plażma jew spettrometrija tal-massa indotta bl-akkoppjar plażma

    EN ISO 11885 jew EN ISO 17294-2

    Kull sena

    6.   Emissjonijiet fl-arja

    BAT 8: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet konċentrati ta’ kloru u diossidu tal-kloru fl-arja mill-ipproċessar tal-kloru, il-BAT għandha tfassal, iżomm u tħaddem unità għall-assorbiment tal-kloru li tinkorpora taħlita xierqa tal-aspetti segwenti:

    i.

    unità tal-assorbiment ibbażata fuq kolonni ppakkjati u/jew espulsuri b’soluzzjoni alkalina (eż. soluzzjoni ta’ idrossidu tas-sodju) bħala likwidu għat-tindif;

    ii.

    tagħmir għad-dosaġġ tal-perossidu tal-idroġenu jew sistemi separati ta’ tisfija mill-impuritajiet fl-umdu bil-perossidu tal-idroġenu jekk meħtieġ biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ diossidu tal-kloru;

    iii.

    daqs adatt għall-agħar każ possibbli (meħud minn valutazzjoni tar-riskju), f’termini tal-kwantità ta’ kloru prodott u r-rata tal-flussi (assorbiment tal-produzzjoni kollha tal-kamra taċ-ċelluli għal żmien twil biżejjed sakemm l-impjant jingħalaq);

    iv.

    id-daqs tal-provvista tal-likwidu għat-tindif u l-kapaċità tal-ħażna adatta biex jiġi żgurat li jkun hemm ammont żejjed f’kull ħin;

    v.

    fil-każ tal-kolonni ppakkjati, id-daqs tagħhom għandu jkun adatt biex jipprevjeni l-għargħar f’kull ħin;

    vi.

    il-prevenzjoni tad-dħul ta’ kloru likwidu fl-unità tal-assorbiment;

    vii.

    il-prevenzjoni ta’ flussi b’lura ta’ likwidu għat-tindif lejn is-sistema tal-kloru;

    viii.

    il-prevenzjoni ta’ preċipitazzjoni solida fl-unità tal-assorbiment;

    ix.

    l-użu ta’ skambjaturi tas-sħana biex jillimitaw it-temperatura fl-unità tal-assorbiment għal taħt il-55 °C f’kull ħin;

    x.

    provvista ta’ arja tad-dilwizzjoni wara l-assorbiment tal-kloru għall-prevenzjoni tal-formazzjoni ta’ taħlitiet splussivi ta’ gass;

    xi.

    użu ta’ materjal tal-kostruzzjoni li jiflaħ għall-kundizzjonijiet estremament korrużivi f’kull ħin;

    xii.

    użu ta’ tagħmir sostitut, bħal tagħmir addizzjonali għat-tindif f’serje ma’ dak li jkun qiegħed jitħaddem, tank tal-emerġenza b’likwidu tat-tindif li jagħti għat-tagħmir tat-tindif permezz tal-gravità, fannijiet ta’ riżerva u oħrajn żejda, pompi ta’ riżerva u oħrajn żejda;

    xiii.

    provvediment ta’ sistema ta’ riżerva indipendenti għal tagħmir elettriku kritiku;

    xiv.

    provvediment ta’ swiċċ awtomatiku għas-sistema ta’ riżerva f’każ ta’ emerġenzi, inklużi testijiet perjodiċi fuq din is-sistema u s-swiċċ;

    xv.

    provvediment ta’ sistema ta’ sorveljanza u twissija għall-parametri segwenti:

    (a)

    kloru fil-punt ta’ ħruġ tal-unità ta’ assorbiment u ż-żona tal-madwar;

    (b)

    it-temperatura tal-likwidi tat-tindif;

    (c)

    il-potenzjal tar-riduzzjoni u l-alkalinità tal-likwidi tat-tindif;

    (d)

    pressjoni ta’ ġbid;

    (e)

    ir-rata tal-flussi tal-likwidi tat-tindif.

    Il-livell ta’ emissjoni assoċjat mal-BAT għall-kloru u d-diossidu tal-kloru, mkejla flimkien u espressi bħala Cl2, huwa 0,2 – 1,0 mg/m3, bħala valur medju ta’ mill-inqas tliet kejliet ta’ kull siegħa konsekuttivi meħudin minn tal-inqas darba fis-sena fil-punt tal-ħruġ tal-unità ta’ assorbiment tal-kloru. Is-sorveljanza assoċjata hija f’BAT 7.

    BAT 9: L-użu tat-tetraklorur tal-karbonju għat-tneħħija tat-triklorur tan-nitroġenu jew l-irkupru tal-kloru mill-gass residwu mhuwiex BAT

    BAT 10: L-użu ta’ refriġiranti b’potenzjal għoli għat-tisħin globali, u fi kwalunkwe każ ogħla minn 150 (eż. bosta idrofluworokarburi (HFCs)), f’unitajiet ġodda tal-likwefazzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala BAT.

    Deskrizzjoni

    Refriġeranti adatti jinkludu, pereżempju:

    taħlita tad-diossidu tal-karbonju u ammonja f’żewġ ċirkwiti tat-tibrid;

    kloru;

    ilma.

    Applikabbiltà

    L-għażla tar-refriġerant għandha tqis is-sikurezza operazzjonali u l-effiċjenza enerġetika.

    7.   Emissjonijiet fl-ilma

    BAT 11: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, il-BAT għandu juża taħlita xierqa tat-tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    a

    Tekniki integrati fil-proċess (3)

    Tekniki li jipprevenu jew inaqqsu l-ġenerazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa

    b

    Trattament tal-iskart tal-ilma fis sors (3)

    Tekniki għat-tnaqqis jew l-irkupru ta’ sustanzi niġġiesa qabel it-tluq tagħhom fis-sistema tal-ġbir tal-iskart tal-ilma

    c

    It-trattament ta’ qabel tal-iskart tal-ilma (4)

    Tekniki għat-tnaqqis tas-sustani niġġiesa qabel it-trattament finali tal-iskart tal-ilma

    d

    Trattament finali tal-iskart tal-ilma (4)

    Trattament tal-iskart finali tal-ilma permezz ta’ tekniki mekkaniċi, fiżiko-kimiċi u/jew bijoloġiċi qabel it-tluq lejn korp tal-ilma riċeventi

    BAT 12: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-klorur fl-ilma mill-impjnat tal-kloralkali, il-BAT għandha tuża taħlita ta’ tekniki mogħtija f’BAT 4.

    BAT 13: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kloru ħieles fl-ilma mill-impjant tal-kloralkali, il-BAT għandu jitratta l-flussi tal-iskart tal-ilma li fihom il-kloru ħieles kemm jista’ jkun qrib is-sors, biex jippreveni t-tqaxxir tal-kloru u/jew il-formazzjoni ta’ komposti organiċi aloġenati, permezz tal-użu ta’ taħlita waħda jew iktar tat-tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    a

    Riduzzjoni kimika

    Il-kloru ħieles jinqered permezz ta’ reazzjoni ma’ aġenti riduċenti, bħall perossidu tas-sulfit u tal-idroġenu, f’tankijiet imħawda.

    b

    Dekompożizzjoni katalitika

    Il-kloru ħieles huwa dekompost fi klorur u ossiġenu f’reatturi (katalitiċi) b’sodda fissa. Il-katalist jista’ jkun ossidu tan-nikil promoss bil-ħadid fuq sapport tal-alumina.

    c

    Dekompożizzjoni termali

    Il-kloru ħieles huwa konvertit fi klorur u klorat permezz tad-dekompożizzjoni termali f’temperatura ta’ madwar 70 °C. L-effluwent li jirriżulta jirrekkjedi iktar trattament għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ klorat u bromat (BAT 14).

    d

    Dekompożizzjoni aċidika

    Il-kloru ħieles huwa dekompost permezz tal-aċidifikazzjoni, b’rilaxx u rkupru sussegwenti ta’ kloru. Id-dekompożizzjoni aċidika tista’ sseħħ f’reattur separat jew permezz tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ilma lejn is-sistema tas-salmura. Il-grad tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-ilma lejn iċ-ċirkwit tas-salmura huwa ristrett permezz tal-bilanċ tal-ilma tal-impjant.

    e

    Riċiklaġġ tal-iskart tal-ilma

    Flussi tal-iskart tal-ilma mill-impjant tal-kloralkali li fihom il-kloru ħieles jiġu riċiklati lejn unitajiet oħra ta’ produzzjoni.

    Il-livell ta’ emissjoni assoċjat mal-BAT għall-kloru ħieles, espress bħala Cl2, huwa 0,05 -0,2 mg/l f’kampjuni fuq il-post meħudin minn tal-inqas darba fix-xahar fil-punt fejn l-emissjoni tħalli l-istallazzjoni. Is-sorveljanza assoċjata hija f’BAT 7.

    BAT 14: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-klorat fl-ilma mill-impjnat tal-kloralkali, il-BAT għandha tuża taħlita ta’ tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    Applikabbiltà

    a

    Membrani ta’ prestazzjoni għolja

    Membrani li juru effiċjenzi għolja tal-kurrent, li jnaqqsu l-formazzjoni tal-klorat filwaqt li jiżguraw l-istabbiltà mekkanika u kimika taħt il-kundizzjonijiet operattivi.

    Applikabbli għall-impjanti taċ-ċelluli tal-membrani meta jkunu qegħdin jiġġeddu l-membrani fi tmiem il-ħajja tagħhom.

    b

    Kisjiet bi prestazzjoni għolja

    Kisjiet b’sovrapotenzi tal-elettrodi baxxi li jwasslu għall-formazzjoni mnaqqsa tal-klorat u formazzjoni miżjuda tal-ossiġenu fl-anodu.

    Applikabbli meta jkunu qegħdin jiġġeddu l-kisjiet fi tmiem il-ħajja tagħhom. L-applikabbiltà tista’ tiġi ristretta permezz tar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-kloru prodott (konċentrazzjoni tal-ossiġenu).

    c

    Salmura ta’ purità għolja

    Is-salmura hija msoffija biżżejjed biex timminimizza it-tniġġis tal-elettrodi u d-dijaframmi/membrani, li kieku jżidu l-formazzjoni tal-klorat.

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    d

    Aċidifikazzjoni tas-salmura

    Is-salmura tiġi aċidifikata qabel l-elettroliżi, biex titnaqqas il-formazzjoni tal-klorat. Il-grad ta’ aċidifikazzjoni huwa limitat permezz tar-reżistività tat-tagħmir użat (p.eż. membrani u anodi).

    Applikabbli b’mod ġenerali.

    e

    Riduzzjoni aċidika

    Il-klorat jiġi ridott permezz tal-aċidu idrokloriku f’valuri tal-pH ta’ 0 u f’temperaturi ogħla minn 85 °C.

    Mhux applikabbli għall-impjanti li fihom is-salmura tgħaddi darba.

    f

    Riduzzjoni katalitika

    F’reattur taħt pressjoni għolja b’sodda perkolatriċi, il-klorat jiġi ridott għal klorur permezz tal-idroġenu u katalist tar-rodju f’reazzjoni fuq tliet fażijiet.

    Mhux applikabbli għall-impjanti li fihom is-salmura tgħaddi darba.

    g

    L-użu ta’ flussi tal-iskart tal-ilma li fihom il-klorat f’unitajiet ta’ produzzjoni oħra

    Il-flussi tal-iskart tal-ilma mill-impjanti tal-kloralkali jiġu riċiklati lejn unitajiet tal-produzzjoni oħra, tipikament lejn is-sistema tas-salmura ta’ unità għall-produzzjoni tal-klorat tas-sodju.

    Ristrett għal siti li jistgħu jagħmlu użu minn flussi tal-iskart tal-ilma ta’ din il-kwalità f’unitajiet tal-produzzjoni oħra.

    BAT 15: Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ komposti organiċi aloġenati fl-ilma mill-impjnat tal-kloralkali, il-BAT għandha tuża taħlita ta’ tekniki mogħtija hawn taħt.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    a

    Għażla u kontroll tal-melħ u materjali anċillari

    Melħ u materjali anċillari jintgħażlu u jiġu kkontrollati biex jitnaqqas il-livell ta’ kontaminanti organiċi fis-salmura.

    b

    Tisfija tal-ilma

    Tekniki bħall-filtrazzjoni tal-membrani, skambju tal-joni, irradjazzjoni tal-UV u l-adsorbiment fuq karbonju attivat jistgħu jintużaw biex jissaffa l-ilma tal-proċess, u b’hekk jitnaqqas il-livell ta’ kontaminanti organiċi fis-salmura.

    c

    Għażla u kontroll tat-tagħmir

    It-tagħmir, bħal ċelluli, tubi, valvi u pompi, jingħażel sew biex jitnaqqas ir-riħi potenzjali ta’ kontaminanti organiċi fis-salmura.

    8.   Il-ġenerazzjoni tal-iskart

    BAT 16: Biex titnaqqas il-kwantità ta’ aċidu tal-kubrit użat mibgħut għar-rimi, il-BAT għandha tuża teknika waħda jew taħlita ta’ tekniki mogħtija hawn taħt. In-newtralizzazzjoni tal-aċidu tal-kubrit użat mit-tnixxif tal-kloru permezz ta’ reaġenti verġni mhuwiex BAT.

     

    Teknika

    Deskrizzjoni

    Applikabbiltà

    a

    Użu fuq is-sit jew barra mis-sit

    L-aċidu eżawrit jiġi użat għal għanijiet oħra, bħall-kontroll tal-pH fl-iskart tal-ilma u fl-ilma tal-proċess, jew biex jinqered l-ipoklorit.

    Applikabbli għal siti b’domanda fuq is-sit u barra s-sit għall-aċidu eżawrit ta’ din il-kwalità.

    b

    Rikonċentrazzjoni

    L-aċidu eżawrit jiġi rikonċentrat fuq is-sit jew barra s-sit f’evaporaturi biċ-ċirku magħluq f’vakwu permezz tat-tisħin indirett jew permezz tat-tisħiħ bit-triossidu tal-kubrit.

    Ir-rikonċentrazzjoni barra mis-sit hija ristretta għal siti fejn fornitur tas-servizz ikun jinsab fil-qrib.

    Il-livell ta’ prestazzjoni ambjentali assoċjata mal-BAT għall-kwantità ta’ aċidu tal-kubrit eżawrit mibgħut għar-rimi, espress bħala H2SO4 (96 wt-%), huwa ≤ 0,1 kg għal kull tunellata ta’ kloru prodott.

    9.   Rimedjazzjoni tas-sit

    BAT 17: Biex jitnaqqas it-tniġġis tal-ħamrija, l-ilma tal-pjan u l-arja, kif ukoll biex jitwaqqaf it-tixrid tas-sustanzi niġġiesa u t-trasferiment minn siti tal-kloralkali kontaminati lejn il-bijota, il-BAT għandha tippjana u timplimenta pjan għar-rimedjazzjoni tas-sit li jinkorpora l-aspetti kollha segwenti:

    i.

    l-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ emerġenza biex jitwaqqfu l-mogħdijiet tal-esponiment u l-espansjoni tal-kontaminazzjoni;

    ii.

    studju preliminari li uża t-tagħrif disponobbli biex jiġu identifikati l-oriġini, l-firxa u s-sawra tal-kontaminazzjoni (p.eż. merkurju, PCDDs/PCDFs, naftaleni poliklorinati);

    iii.

    il-karatterizzazzjoni tal-kontaminazzjoni, inklużi stħarriġiet u t-tħejjija ta’ rapport;

    iv.

    valutar tar-riskju tul iż-żmien u l-ispazju bħala funzjoni tal-użu attwali u dak futur approvat tas-sit;

    v.

    tħejjija ta’ proġett tal-inġinerija inklużi:

    (a)

    id-dekontaminazzjoni u/jew il-konteniment permanenti;

    (b)

    skedi tal-ħinijiet:

    (c)

    pjan ta’ sorveljanza;

    (d)

    pjanar u investiment finanzjarju għall-kisba tal-mira;

    vi.

    l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ inġinerija biex is-sit, filwaqt li jitqies l-użu attwali u dak futur approvat tiegħu, ma jibqax ikun ta’ riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Skont obbligi oħra, il-proġett ta’ inġinerija jista’ jkollu jiġi implimentat b’mod iktar strett;

    vii.

    restrizzjonijiet dwar l-użu tas-sit bħala riżultat ta’ kontiminazzjoni permezz tar-residwi u filwaqt li jitqies l-użu attwali u dak futur approvat tas-sit;

    viii.

    sorveljanza assoċjata fuq is-sit u fiż-żoni tal-madwar biex ikun hemm verifika li l-għanijiet jinkisbu u jinżammu.

    Deskrizzjoni

    Pjan għar-rimedjazzjoni tas-sit normalment tkun pjanata u implimentata wara t-teħid ta’ deċiżjoni biex l-impjant ikun dekummissjonat, għalkemm rekwiżiti oħra jistgħu jimponu pjan għar-rimedjazzjoni (parzjali) filwaqt li l-impjant ikun għadu jitħaddem.

    Ċerti aspetti tal-pjan tar-rimedjazzjoni tas-sit jistgħu jidħlu fuq xulxin, jinqabżu jew jiġu implimentati f’ordni oħra, skont rekwiżiti oħra.

    Applikabbiltà

    L-applikabbiltà tal-BAT 17(v) sa 17(viii) hija soġġetta għar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju msemmi f’BAT 17(iv).

    GLOSSARJU

    Anodu

    Elettrodu li minnu jgħaddi l-kurrent elettriku lejn apparat elettriku polarizzat. Il-polarità tista’ tkun pożittiva jew negattiva. F’ċelluli elettrolitiċi, l-ossidazzjoni sseħħ fl-anodu kkargat pożittivament.

    Asbestos

    Sett ta’ sitt minerali silikati li jinsabu b’mod naturali sfruttati kummerċjalment għall-proprjetajiet fiżiċi pożittivi tagħhom. Il-krisotil (imsejjaħ ukoll asbestos abjad) huwa l-unika għamla ta’ asbestos użat fl-impjanti taċ-ċelluli dijaframmi.

    Salmura

    Soluzzjoni saturata jew kważi saturata bil-klorur tas-sodju jew bil-klorur tal-potassju.

    Katodu

    Elettrodu li minnu jgħaddi l-kurrent elettriku ‘l barra minn apparat elettriku polarizzat. Il-polarità tista’ tkun pożittiva jew negattiva. F’ċelluli elettrolitiċi, ir-riduzzjoni sseħħ fil-katodu kkargat pożittivament.

    Elettrodu

    Konduttur elettriku użat biex isir kuntatt ma’ parti mhux metallika ta’ ċirkwit elettriku.

    Elettroliżi

    Passaġġ ta’ kurrent elettriku dirett minn sustanza jonika, li tirriżulta f’reazzjonijiet kimiċi mal-elettrodi. Is-sustanza jonika tiddewweb jew tinħall f’solvent xieraq.

    EN

    Standard Ewropew adotat mis-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni).

    HFC

    Fluworoidrokarbur.

    ISO

    Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni jew standard adotat minn din l-organizzazzjoni.

    Sovrapotenza

    Differenza fil-vultaġġ bejn il-potenzjal ta’ riduzzjoni determinat b’mod termodinamiku ta’ nofs reazzjoni u l-potenzjal li fih l-avveniment tal-ossiriduzzjoni jiġi osservat b’mod sperimentali. F’ċellola elettrolitika s-sovrapotenza twassal għall-konsum ta’ iktar enerġija milli huwa termodinamikament mistenni li jimbotta reazzjoni.

    PCDD

    Dibenżo-p-diossina poliklorinata.

    PCDF

    dibenżofuran poliklorinat.


    (1)  Peress li dan il-livell ta’ prestazzjoni ma jirrelatax ma’ kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, dan mhuwiex livell ta’ emissjoni assoċjat mal-Aqwa Tekniki Disponibbli fis-sens tal-Artikolu 3(13) tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (2010/75/UE).

    (2)  Is-sorveljanza tkopri kemm is-sorveljanza kontinwa kif ukoll dik perjodika kif indikat.

    (3)  Kopert permezz ta’ BAT 1, 4, 12, 13, 14 u 15.

    (4)  Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokument ta’ referenza tal-BAT dwar Sistemi tal-Ġestjoni Komuni tat-Trattament tal-Ilma tal-Iskart u tal-Gass tal-Iskart fis-Settur Kimiku (CWW BREF)


    Top