Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0793

2011/793/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Ottubru 2011 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura mwaqqaf skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli, fir-rigward tal-emenda tal-Anness 9 għall-imsemmi Ftehim

ĠU L 320, 3.12.2011, p. 33–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/793/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/33


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Ottubru 2011

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura mwaqqaf skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli, fir-rigward tal-emenda tal-Anness 9 għall-imsemmi Ftehim

(2011/793/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (1), u b’mod partikulari s-sitt inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (2) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

L-Artikolu 6 tal-Ftehim iwaqqaf Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat”) li hu responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim u jiżgura l-funzjonament xieraq tiegħu.

(3)

Skont l-Artikolu 6(4) u (7) tal-Ftehim, fil-21 ta’ Ottubru 2003, il-Kumitat adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (3) u waqqaf il-gruppi ta’ ħidma meħtieġa għall-ġestjoni tal-annessi għall-Ftehim. (4)

(4)

Il-grupp ta’ ħidma bilaterali “prodotti organiċi” iltaqa’ sabiex jeżamina, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness 9, ir-regoli ta’ importazzjoni applikati mill-Partijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ bejniethom, sabiex jifformulaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar dan lill-Kumitat, bil-għan li l-Anness 9 għall-Ftehim jiġi adattat.

(5)

Skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim il-Kumitat jista’ jiddeċiedi dwar emendi tal-Annessi għall-Ftehim.

(6)

Il-kap tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura jesprimi l-qbil tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-verżjoni finali tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (5),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura mwaqqaf bl-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(3)  Pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Lulju 2003; Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 1/2003 tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 303, 21.11.2003, p. 24).

(4)  Pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fil-21 ta’ Lulju 2003; Deċiżjoni tal-Kumitat konġunt Nru 2/2003 tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar it-twaqqif tal-gruppi ta’ ħidma u l-adozzjoni tal-mandati ta’ dawn il-gruppi [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 303, 21.11.2003, p. 27).

(5)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.


ANNESS

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 2/2011 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA

tal-25 ta’ Novembru 2011

dwar l-emenda tal-Anness 9 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli, u b’mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (minn hawn ‘il quddiem “il-ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

L-Anness 9 għall-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita u jippromwovi l-flussi kummerċjali bilaterali tal-prodotti organiċi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u mill-Isvizzera.

(3)

Skont l-Artikolu 8 tal-Anness 9 għall-Ftehim, il-grupp ta’ ħidma dwar “prodotti organiċi” għandu jeżamina kull kwistjoni marbuta mal-Anness 9 u mal-implimentazzjoni tiegħu, u jfassal rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat. Dan il-grupp ingħaqad sabiex jeżamina b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, ir-regoli ta’ importazzjoni applikati miż-żewġ partijiet tal-ftehim u l-iskambji ta’ informazzjoni bejniethom. Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-kontenut tal-Artikoli tal-Anness 9 dwar dawn is-suġġetti għandu jkun adattat għall-evoluzzjoni tal-produzzjoni organika u għas-suq tal-prodotti organiċi,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness 9 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kelma “pjanti” għandha tinbidel b’ “agrikoli”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa mħassar.

2.

L-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Pajjiżi terzi u korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jiżguraw li l-arranġamenti tagħhom dwar l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti miksubin b’mod organiku minn pajjiżi terzi jkunu ekwivalenti.

2.   Sabiex tiġi żgurata ekwivalenza fil-prattika fir-rigward tal-għarfien tal-pajjiżi terzi u l-korpi ta’ kontroll fil-pajjiżi terzi, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu kollaborazzjoni xierqa sabiex jagħmlu użu mill-esperjenzi tagħhom u jikkonsultaw flimkien qabel ma jirrikonoxxu u jinkludu pajjiż terz jew korp ta’ kontroll fil-listi stabbiliti għal dan il-għan fil-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.”

3.

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Skambju ta’ informazzjoni

1.   Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Partijiet u l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin, b’mod partikolari, l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin:

il-lista tal-awtoritajiet kompetenti, il-korpi ta’ kontroll u n-numri tal-kodiċi tagħhom, kif ukoll ir-rapporti dwar is-sorveljanza mill-awtoritajiet responsabbli minn din il-ħidma;

il-lista tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ prodotti miksubin b’mod organiku minn pajjiżi terzi;

l-irregolaritajiet jew il-ksur tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jinsabu fl-Appendiċi 1 u li jbiddlu l-karattru organiku ta’ prodott. Il-livell ta’ komunikazzjoni għandu jiddependi mis-severità u l-firxa tal-irregolarità jew tal-ksur iddikjarat skont l-appendiċi.

2.   Il-Partijiet jiggarantixxu t-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-tielet inċiż.”

4.

L-Appendiċi 1 u l-Appendiċi 2 huma sostitwiti rispettivament bl-Appendiċi 1 u l-Appendiċi 2 tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2011.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Nicolas VERLET

Il-President u l-Kap tad-delegazzjoni Svizzera

Jacques CHAVAZ

Is-Segretarju tal-Kumitat

Michäel WÜRZNER

ANNESS

“Appendiċi 1

Lista ta’ atti msemmija fl-Artikolu 3 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel miksubin b’mod organiku

Dispożizzjonijiet regolamentari applikabbli fl-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 967/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 264, 3.10.2008, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 426/2011 tat-2 ta’ Mejju 2011 (ĠU L 113, 13.5.2011, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 590/2011 tal-20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 161, 21.6.2011, p. 9).

Dispożizzjonijiet applikabbli fil-Konfederazzjoni Svizzera

Ordinanza tat-22 ta’ Settembru 1997 dwar l-agrikoltura organika u d-deskrizzjoni tal-prodotti u l-oġġetti tal-ikel organiċi (Ordinanza dwar l-agrikoltura organika), emendata fis-27 ta’ Ottubru 2010 (RO 2010 5859)

Ordinanza tad-Dipartiment Federali tal-Ekonomija tat-22 ta’ Settembru 1997 dwar l-agrikoltura organika, emendata fil-25 ta’ Mejju 2011 (RO 2011 2369).

Esklużjoni mill-arranġamenti ta’ ekwivalenza

Prodotti Svizzeri bbażati fuq ingredjenti prodotti fil-qafas tal-arranġamenti għall-konverżjoni lejn agrikoltura organika

Prodotti li ġejjin mit-trobbija tal-mogħoż fl-Isvizzera meta l-annimali jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 39d tal-Ordinanza dwar l-agrikoltura organika u d-deskrizzjoni tal-prodotti u tal-oġġetti tal-ikel organiċi (*).

“Appendiċi 2

Termini ta’ applikazzjoni

Ir-regoli tal-ittikkettar dwar l-għalf organiku għall-annimali fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni tal-Parti kontraenti li qed timporta għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet tal-Parti l-oħra.”


(*)  (RS 910.18)”


Top