Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0791

2011/791/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/791/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Novembru 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv

(2011/791/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1)(a) tat-TFUE jipprevedi l-possibiltà li jiġu adottati miżuri adattati b’mod speċifiku għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja.

(2)

L-Artikolu 126 tat-TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern u għal dan l-iskop jistipula l-proċedura dwar defiċit eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern biex jerġgħu lura minnufih għal pożizzjonijiet baġitarji tajbin fid-dawl tal-qagħda ekonomika.

(3)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja.

(4)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni 2010/320/UE (1) indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126 (9) u l-Artikolu 136, bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali, u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tal-2014. Il-Kunsill stabbilixxa issegwenti pjan ta’ aġġustament għall-korrezzjoni tad-defiċit: defiċits tal-gvern li ma jaqbżux EUR 18 508 miljuni fl-2010, EUR 17 065 miljun fl-2011, EUR 14 916-il miljun fl-2012, EUR 11 399 miljun fl-2013 u EUR 6 385 miljun fl-2014.

(5)

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi (2). Minħabba li kien jeħtieġ li jsiru emendi ulterjuri, ġiet imfassla mil-ġdid fit-12 ta’ Lulju 2011, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE (3) fl-interessi taċ-ċarezza.

(6)

F’ Settembru 2011, kien evidenti li, meta titqies l-eżekuzzjoni baġitarja sa dak is-Settembru, b’politiki li ma nbidlux, il-miri tal-2011 għad-defiċit ma kienux ser jintlaħqu b’ammont konsiderevoli li kien ser jippreġudika l-kredibbiltà kumplessiva tal-programm. F’Ottubru 2011, il-gvern Grieg ħabbar fil-baġit tal-2011 miżuri mmirati biex inaqqsu l-iżvijjar u ppreżenta abbozz ta’ baġit għall-2012 immirat biex jirrispettaw il-limitu massimu għall-2012 stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/320/UE. Dawn il-miżuri ser isiru liġi sal-aħħar ta’ Ottubru 2011. Saru diskussjonijiet estensivi dwar dawn il-miżuri bejn l-awtoritajiet Griegi u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(7)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2011/734/UE f’għadd ta’ aspetti, filwaqt li titħalla kif inhi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/734/UE huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

Ġie mdaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Il-Greċja għandha tadotta u timplimenta l-miżuri li ġejjin mingħajr dewmien:

(a)

tnaqqis fl-eżenzjonijiet fiskali, b’mod partikolari l-limiti massimi mhux taxxabbli tad-dħul personali, bl-għan li jiżdied id-dħul b’mill-inqas EUR 2 831 miljun fl-2012;

(b)

taxxa permanenti fuq il-proprjetà immobbli, miġbura permezz tal-kontijiet tal-elettriku, bl-għan li jinġabru mill-inqas EUR 1 667 miljun fl-2011 u EUR 1 750 miljun kull sena mill-2012 lill-hemm;

(c)

implimentazzjoni immedjata tal-istruttura riveduta tal-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku biex b’hekk jikkontribwixxu għal tnaqqis fin-nefqa b’mill-inqas EUR 101 miljun fl-2011, u b’trasferiment ta’ mill-inqas EUR 552 miljun għall-2012, minbarra l-iffrankar provdut fl-MTFS matul l-2015. Din ir-riforma għandha tkopri lill-impjegati kollha tal-amministrazzjoni pubblika, minbarra dawk koperti minn skemi speċjali ta’ pagi. Dan l-iffrankar nett jieħu f’kunsiderazzjoni l-impatt ta’ din il-miżura fuq it-taxxa tad-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali, kif ukoll il-bonuses imħallsa lill-kategoriji speċifiċi ta’ impjegati;

(d)

tnaqqis fil-pensjonijiet ewlenija u supplimentari, kif ukoll fis-somom imħallsa f’daqqa meta wieħed jirtira, bl-għan li jkunu ffrankati mill-inqas EUR 219-il miljun fl-2011 bi trasferiment ta’ EUR 446 miljun fl-2012, minbarra l-iffrankar previst fl-MTFS;

(e)

l-iffissar tal-limitu ta’ 5 % fuq id-depożiti tal-infiq mill-Fond Ekoloġiku bl-għan li jiġu ffrankati EUR 360 miljun fl-2012;

(f)

deċiżjonijiet ministerjali jew ċirkolarijiet dwar il-miżuri fiskali fuq gass naturali, żejt għat-tisħin u taxxi fuq il-vetturi previsti fl-MTFS;

(g)

deċiżjonijiet ministerjali biex il-benefiċċji tas-saħħa pprovduti minn diversi fondi tas-sigurtà soċjali jkunu rregolati b’mod uniformi;

(h)

leġiżlazzjoni għall-ġbir tal-imposta tas-solidarjetà permezz ta’ taxxa miġbura minn ras il-għajn;

(i)

deċiżjonijiet ministerjali li jibdew l-għeluq, l-amalgamazzjoni jew it-tnaqqis sostanzjali tal-entitajiet. Dan jaffettwa lil KED, ETA, ODDY, in-National Youth Institute (Istitut Nazzjonali taż-Żgħażagħ), EOMEX, IGME, OSK, DEPANOM, THEMIS, ETHYAGE u ERT, u 35 entitàjiet żgħar oħra;

(j)

deċiżjonijiet ministerjali li jispeċifikaw il-kriterji ta’ diżabbiltà għall-attribuzzjoni ta’ pensjonijiet tad-diżabbiltà, konsistenti mal-ksib tal-objettivi tal-iffrankar tal-MTFS;

(k)

liġi biex jiġi ffriżat l-indiċjar tal-pensjonijiet ġenerali u supplimentari matul l-2015;

(l)

l-iffinalizzar tal-lista pożittiva għall-prodotti farmaċewtiċi li jistabbilixxi l-prezzijiet imposti lill-fondi tas-sigurtà soċjali;

(m)

jittrasferixxi għall-fond ta’ privatizzazzjoni, il-“Hellenic Republic Asset Development Fund” (HRADF) tal-assi li ġejjin: Alpha Bank (0,619 % tal-ishma); Il-Bank Nazzjonali tal-Greċja (1,234 % tal-ishma); Piraeu Bank (1,308 % tal-ishma); l-awtorità tal-Port ta’ Piraeus (23, 1 % tal-ishma); L-awtorità tal-Port ta’ Thessaloniki (23,3 % tal-ishma); L-awtoritajiet tal-portijiet ta’ Elefsina, Lavrio, Igoumenitsa, Alexandroupolis, Volos, Kavala, Corfu, Patras, Rafina, Heraklion (100 %); Il-Kumpanija tal-Ilma u d-Drenaġġ ta’ Ateni (27,3 %); Il-kumpanija tal-Ilma u d-Drenaġġ ta’ Thessaloniki (40 %); L-ajruporti reġjonali tal-Istat (trasferiment tad-drittijiet ta’ konċessjoni); il-faċilità lil hinn mill-kosta għall-ħżin tal-gass naturali ‘South Kavala’ (trasferiment ta’ drittijiet ta’ konċessjonijiet kurrenti u futuri); L-awtostradi tal-Greċja (trasferiment tad-drittijiet ekonomiċi ta’ konċessjonijiet kurrenti u futuri); Egnatia odos (100 %); Il-posta tal-Greċja (90 %); OPAP, SA (29 %); erbgħa binjiet tal-Istat;

(n)

jinħatru konsulenti legali, tekniċi u finanzjarji għal mill-inqas erbatax minn dawn il-privatizzazzjonijiet li huma pjanati sa tmiem l-2012;

(o)

abbażi ta’ djalogu mal-imsieħba soċjali u b’kunsiderazzjoni tal-objettiv tal-ħolqien u l-preservazzjoni tal-impjiegi u t-titjib tal-kompetittività tal-kumpaniji, l-addozzjoni ta’ miżuri ulterjuri li jippermettu l-adattament tal-pagi għall-kundizzjonijiet ekonomiċi. B’mod partikolari: l-estensjoni ta’ ftehimiet kollettivi tas-settur jew okkupazzjonali u l-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ favorabbiltà għandhom jiġu sospiżi matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-MTFS b’tali mod li ftehimiet fil-livell tal-kumpaniji jieħdu preċedenza fuq il-ftehimiet tas-settur jew okkupazzjonali; il-kuntratti kollettivi fil-livell ta’ kumpaniji jistgħu jiġu ffirmati jew minn trejdunjins jew meta fil-livell tal-kumpanija ma jkunx hemm trejdunjin, minn kunsilli tal-impjegati jew minn rappreżentanti oħra tal-impjegati, irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija.”.

2.

Il-paragrafu 7, huwa emendat kif ġej:

(a)

Punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

baġit għall-2012 f’konformità mal-miri MTFS u mal-limiti massimi tad-defiċit imniżżla f’ din id-Deċiżjoni; aġġornament u pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar id-diversi miżuri previsti fl-MTFS; u l-atti leġiżlattivi fiskali u dwar in-nefqa li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tal-baġit fl-istess ħin tal-baġit;”.

(b)

Punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

valutazzjoni tar-riżultati tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali li se tirriżulta fi pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-politika operazzjonali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiddeterminaw kif jista’ jintlaħaq servizz pubbliku iktar issimplifikat u effikaċi, jiddefinixxu b’mod ċar ir-responsabbiltajiet u l-linji ta’ kmand tad-dipartimenti ministerjali filwaqt li jeliminaw il-kompetenzi li jikkoinċidu u jtejbu l-mobbilità interministerjali u intraministerjali; l-iffinalizzar tar-reviżjoni funzjonali li għaddejja bħalissa tal-programmi soċjali eżistenti;”.

(c)

Qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(i)

ħatra ta’ konsulenti għat-tranżazzjonijiet l-oħrajn marbuta mal-privatizzazzjoni ppjanati għall-2012 u mhux inklużi fil-punt (n) tal-paragrafu 6a; aċċellerazzjoni tar-reġistrazzjoni tas-sjieda ta’ art tal-istat u leġiżlazzjoni sekondarja dwar akkomodazzjoni turistika u dwar l-użu tal-art; l-istabbiliment u l-operat ta’ Segretarjat Ġenerali ġdid tal-Proprjetà Pubblika li jaħdem flimkien mal-KED/ETA li għadhom kemm ġew amalgamati (istituzzjonijiet li jimmaniġaw proprjetà immobbli u proprjetà immobbli turistika rispettivament) li jridu jippreparaw il-proprjetà immobbli għall-privatizzazzjoni ta’ assi kummerċjali u negozjabbli. L-għan huwa li jitjieb l-immaniġġar tal-assi tal-proprjetà immobbli, jinħelsu mill-impedimenti u jiġu ppreparati għall-privatizzazzjoni; il-ħolqien ta’ sitt portafolli mill-HRDAF; l-adozzjoni tal-att legali dwar it-trasferiment lill-Istat tal-assi mobbli u immobbli tal-entitajiet li jingħalqu;

(j)

ir-riforma tal-amministrazzjon tad-dħul permezz ta’: l-attivazzjoni ta’ unità kbira tal-kontribwenti fiskali; it-tneħħija tal-ostakli għal amministrazzjoni fiskali effettiva billi jkunu implimentati r-riformi ewlenin tal-liġi l-ġdida tat-taxxa, inkluża s-sostituzzjoni ta’ maniġers li ma jilħqux il-miri tal-prestazzjoni u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-kwalifiki tal-awdituri fiskali; l-operat tal-entità għas-soluzzjoni mgħaġġla ta’ tilwim amministrattiv li għadha kemm twaqqfet biex titratta b’rapidità każijiet kbar ta’ tilwim (jiġifieri fi żmien 90 jum); iċ-ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet u l-amalgamazzjoni ta’, mill-inqas 31 uffiċċju tat-taxxa;

(k)

għat-tisħiħ tal-kontroll tan-nefqa: il-ħatra ta’ uffiċjali tal-kontabbiltà finanzjarja permanenti fil-Ministeri kollha;

(l)

pubblikazzjoni ta’ pjan tal-persunal għal perjodu ta’ żmien medju sal-2015 f’konformità mar-regola ta’ reklutaġġ 1 għal kull 5 persuni li jitilqu li tapplika għall-amministrazzjoni pubblika kollha mingħajr eċċezjonijiet settorjali; trasferiment ta’ madwar 15 000 persuna mill-persunal li bħalissa huma impjegati minn diversi entitajiet tal-gvern għar-riserva ta’ ħaddiema u tpoġġiha ta’ madwar 15 000 ħaddiem f’irtirar kmieni. Persunal fir-riżerva tal-ħaddiema jew ta’ irtirar kmieni, iridu jitħallsu 60 % tas-salarju bażiku tagħhom (minbarra l-overtime u l-ħlasijiet extra) għal mhux iktar minn 12-il xahar. Għall-persunal li jkun wasal biex jirtira, dawn it-12-il xahar jistgħu jiġu estiżi sa 24 xahar. Pagamenti lil ħaddiema waqt li jkunu fir-riżerva ta’ ħaddiema, huma parti mil-paga tagħhom ta’ severanza;

(m)

reviżjoni tal-lista ta’ xogħlijiet ta’ strapazz u ta’ diffikultà sabiex tkopri inqas minn 10 % tal-impjegati. Reviżjoni fil-fond ta’ kif jaħdmu l-fondi pubbliċi sekondarji/supplimentari tal-pensjonijiet, inklużi l-fondi għall-benesseri u l-iskemi ta’ somom imħallsa f’daqqa, bil-għan li tiġi stabbilizzata n-nefqa tal-pensjonijiet, u tiġi iggarantita n-newtralità baġitarja ta’ dawn l-iskemi u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul. Ir-reviżjoni għandha twassal għal: tnaqqis akbar fl-għadd ta’ fondi eżistenti; l-eliminazzjoni tal-iżbilanċi f’dawk il-fondi b’defiċits; l-istabilizzazzjoni tal-infiq kurrenti f’livell sostenibbli, permezz ta’ aġġustamenti xierqa li għandhom isiru mill-1 ta’ Jannar 2012; u s-sostenibilità fit-tul ta’ skemi sekondarji permezz ta’ rabta stretta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji.”.

3.

Fil-paragrafu (8), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

it-twettiq tat-tieni fażi tar-reviżjoni funzjonali eżistenti tal-programmi soċjali li jinkludu analiżi aktar iddettaljata tal-programmi speċifiċi, bl-għan li titnaqqas il-frammentazzjoni eċċessiva, ikun ġenerat it-tfaddil u jinħolqu l-effiċjenzi;

(d)

kopertura tal-atti mediċi kollha permezz ta’ preskrizzjonijiet elettroniċi (mediċini, riferimenti, dijanjożi, kirurġija) kemm fil-faċilitajiet u l-fornituri tas-sistema nazzjonali tas-saħħa (NHS) u fornituri ikkuntrattati mill-EOPYY u il-fondi tas-sigurtà soċjali; produzzjoni ta’ verifiki ddettaljati kull xahar mill-faċilitajiet u l-fornituri tal-NHS; assoċjazzjoni ta’ rata iżgħar ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għal-mediċini ġeneriċi li jkollhom prezz konsiderevolment orħos mill-prezz referenzjarju (anqas minn 60 % tal-prezz referenzjarju) abbażi tal-esperjenza ta’ Stati Membri oħra; pubblikazzjoni mill-fondi tas-sigurtà soċjali ta’ rapport annwali dwar preskrizzjonijiet tal-mediċini; adozzjoni mill-isptarijiet kollha tar-reġistri ta’ impenn;

(e)

bidla lejn sistema ċentralizzata ġdida ta’ akkwist pubbliku ta’ prodotti farmaċewtiċi u mediċini għall-NHS permezz ta’ Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Provvisti bl-appoġġ tal-Kumitat tal-ispeċifikazzjonijiet, bl-użu ta’ sistema uniformi ta’ kkodifikar għall-provvisti ta’ mediċini u prodotti farmaċewtiċi;

(f)

sabiex ikun imsaħħaħ il-kontroll tan-nefqa, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tissimplifika l-proċedura għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ baġits supplimentari; kontinwazzjoni tal-proċess għat-twaqqif ta’ reġistri tal-impenn, li jkopru il-gvern ġenerali kollu.”.

4.

Qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“(9)   Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Ġunju 2012:

(a)

Il-preparazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-istess żmien tal-baġit għal-2013 u fl-istess żmien tal-baġit għal-2014, il-bidu ta’ reviżjoni ta’ programmi ta’ nefqa pubblika, bl-għan li jkunu identifikati miżuri li jammontaw għal 3 % tal-PDG. Ir-reviżjoni għandha tissejjes fuq assistenza teknika esterna u għandha tiffoka fuq pensjonijiet u trasferimenti soċjali (b’mod li jippreserva l-protezzjoni soċjali bażika); tnaqqis fin-nefqa fuq id-difiża mingħajr ħsara għall-kapaċità tad-difiża tal-pajjiż; u r-ristrutturar tal-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali; aġġustamenti għal skemi speċjali ta’ pagi; speċifikazzjoni ta’ razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-infiq fuq il-prodotti farmaċewtiċi u l-infiq għall-operat tal-isptarijiet, u l-benefiċċji fi flus għall-benessri.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

(2)  Deċiżjoni 2010/486/UE (ĠU L 241, 14.9.2010. p. 12); Deċiżjoni 2011/57/UE (ĠU L 026, 29.1.2011, p. 15); Deċiżjoni 2011/257/UE (ĠU L 110, 29.4.2011, p. 26);

(3)  ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38.


Top