EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0276

2011/276/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Mejju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ ftehim fiskali dwar it-tranżazzjonijiet implimentata mill-Belġju favur il-kumpanija Umicore S.A. (ex “Union Minière S.A.” ) (Għajnuna mill-Istat C 76/03 (ex NN 69/03)) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2538) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 122, 11.5.2011, p. 76–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/276/oj

11.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/76


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Mejju 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ ftehim fiskali dwar it-tranżazzjonijiet implimentata mill-Belġju favur il-kumpanija Umicore S.A. (ex “Union Minière S.A.”) (Għajnuna mill-Istat C 76/03 (ex NN 69/03))

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2538)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/276/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-aktar l-ewwel inċiż tal-Artikolu 108 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet intressati biex jippreżetaw l-osservazzjonijiet tagħhom (1) skont l-Artikoli msemmija u wara li kkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Belġjani l-informazzjoni li kellha rigward ftehim bejn l-Ispettorat Speċjali tat-Taxxa (“ISI”) tad-dipartiment fiskali Belġjan u l-kumpanija Umicore S.A (“Umicore”), ex “Union Minière S.A.”, marbut ma’ tnaqqis tad-dejn fil-qasam ta’ taxxa fiq il-valur miżjud (“VAT”). F’din l-ittra, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex jipprovdulha l-informazzjoni kollha li tista’ tgħinha tifhem aħjar dan il-ftehim fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (*)

(2)

Il-Gvern Belġjan wieġeb lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2002.

(3)

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni talbet informazzjoni aktar dettaljata sabiex tkun tista’ ttejjeb il-fehma tagħha dwar il-miżura. Din l-informazzjoni ntbagħtet mill-Gvern Belġjan permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 2002.

(4)

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex jippprovdu dokumenti supplementari li jippermettu l-kjarifikazzjoni tal-pożizzjoni tad-dipartiment fiskali Belġjan dwar il-ftehim ma’ Umicore.

(5)

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Belġjani informaw lill-Kummissjoni li l-fajl fiskali ta’ Umicore kif ukoll id-dokumenti kollha dwar il-ftehim in kwistjoni kienu ġew sekwestrati mill-imħallef inkwirenti ta’ Brussell, M. Lugentz, responsabbli minn investigazzjoni kriminali ta’ X dwar iċ-ċirkostanzi li fihom kien intlaħaq il-ftehim bejn l-ISI u Umicore.

(6)

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni informat lill-Belġju dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108 (2) tat-Trattat fir-rigward ta’ din l-għajnuna.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) fis-7 ta’ Settembru 2004. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna in kwistjoni.

(8)

Wara żball fit-test ippublikat fis-7 ta’ Settembru 2004, id-deċiżjoni reġgħet ġiet ippublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Novembru 2004 (3).

(9)

Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett min-naħa ta’ Umicore permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Ottubru u tat-13 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll minn parti terza anonima permezz ta’ ittra li waslet fl-4 ta’ Ottubru 2004.

(10)

Wara l-publikazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni, il-Belġju bagħat il-kummenti tiegħu permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2004.

(11)

Fit-13 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi lill-Belġju. Dan tal-aħħar issottometta l-kummenti tiegħu fit-13 ta’ Ġunju 2005.

(12)

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni informat lill-Belġju bid-deċiżjoni li tissospendi l-eżami tal-miżura sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji dwar il-kwistjoni.

(13)

Fit-tweġiba tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006, il-Belġju indika li l-perkwiżizzjonijiet fil-fatt kienu saru fis-siti tad-dipartiment, li l-fajl fiskali kien ġie sekwestrat kompletament, u li barra minn dan, hu ma kienx se jfalli milli jinforma lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet li jagħtu l–awtoritajiet ġudizzjarji lill-awtoritajiet konċernati.

(14)

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni talbet li tkun informata dwar l-istat tal-progress tal-proċedura ġudizzjarja u dwar l-irkuprar eventwali tad-dokumenti sekwestrati.

(15)

Il-Belġju wieġeb lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ġunju 2008 fejn speċifika li l-proċedura ġudizzjarja kienet intemmet fit-13 ta’ Novembru 2007.

(16)

Fit-28 ta’ Lulju 2008, saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-ISI u tal-Kummissjoni, li fit-tmiem tagħha ntbagħtet e-Mail lill-awtoritajiet Belġjani b’lista tal-mistoqsijiet li kienu jtennu l-punti mqajma mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni matul il-laqgħa. L-awtoritajiet Belġjani bagħtu t-tweġiba tagħhom permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2008.

(17)

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni fakkret lill-Belġju li dan kien responsabbli li jibda l-proċeduri kollha meħtieġa, inkluż l-irkuprar tad-dokumenti sekwestrati, sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet li saru mill-Kummissjoni. F’din l-ittra, il-Kummissjoni qajmet ukoll il-possibbiltà li tordna formalment lill-Belġju biex jipprovidlha l-informazzjoni mitluba, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li din l-informazzjoni suppost diġà ngħatat lill-Kummissjoni wara t-talbiet preċedenti tagħha għall-informazzjoni.

(18)

Permezz ta’ e-Mail fil-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex iżommuha informata bil-passi li ttieħdu wara l-ittra tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2008. Dawn tal-aħħar wieġbu permezz ta’ ittra rreġistrata fid-29 ta’ Jannar 2009 li l-ISI kien beda l-proċeduri sabiex jagħti tweġiba għall-mistoqsijiet ippreżentati mill-Kummissjoni.

(19)

Bl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009, il-Belġju informa lill-Kummissjoni li d-dokumenti sekwestrati fl-aħħar kienu ġew restitwiti lill-ISI u li dawn kienu qed jiġu eżaminati sabiex jingħataw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

(20)

Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Awwissu 2009, il-Belġju għadda tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2008.

(21)

Fuq talba tal-Kummissjoni, permezz ta’ e-Mail tat-22 ta’ Settembru 2009 il-Belġju ta informazzjoni supplementari dwar ċerti dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

II.1   Kuntest ġenerali tal-ftehim li sar bejn l-ISI u Umicore fil-21 ta’ Diċembru 2000

(22)

Fil-qafas tal-inkjesti li saru mill-awtoritajiet fiskali ta’ diversi Stati Membri dwar tranżazzjonijiet li jikkonċernaw metalli prezzjużi, id-Direttorat Reġjonali ta’ Brussell tal-ISI ipproċeda għal verifiki ma’ UMICORE S.A. dwar is-snin 1995 sal-1999. Fi tmiem dawn il-verifiki, l-ISI innotifika lil Umicore, rispettivament fit-30 ta’ Novembru 1998 u fit-30 ta’ April 1999, dwar żewġ avviżi ta’ aġġustament li jivverifikaw l-applikazzjoni irregolari ta’ eżenzjonijiet mill-VAT fuq bejgħ ta’ frak tal-fidda lil kumpaniji stabbiliti fl- Italja, fl-Isvizzera u fi Spanja.

(23)

B’mod partikolari, dawn iż-żewġ avviżi ta’ aġġustament kienu jittrattaw id-determinazzjoni proviżorja tal-ammont tal-VAT li Umicore kellha tħallas minħabba eżenzjonijiet applikati b’mod irregolari, fuq l-ammont tal-multa fiskali li kellha titħallas kif ukoll fuq l-interessi dovuti bi dritt mid-data li fiha kien inbeda d-dejn tal-VAT. Iż-żewġ rekords talbu lill-persuna taxxabbli biex tibgħat bil-miktub lill-ISI l-approvazzjoni tagħha dwar l-ammonti determinati b’dan il-mod, jew biex tressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu sostanzjati kif jixraq, fi żmien 20 jum.

(24)

Skont din l-opzjoni, Umicore bagħtet lill-ISI fix-xahar ta’ Ġunju 1999, żewġ ittri fejn uriet l-oġġezzjonijiet tagħha għall-kalkoli tal-ISI u fejn invokat ir-regolarità tal-eżenzjoni mill-VAT applikata. Fit-23 ta’ Diċembru 1999, l-ISI ikkolumika l-osservazzjonijiet tiegħu lil Umicore bi tweġiba għaż-żewġ ittri tal-persuna taxxabbli fejn dan ikkonferma l-validità tal-kalkoli magħmula fiż-żewġ avviżi ta’ aġġustament. L-ISI għalhekk stieden lil Umicore biex tagħti jew il-qbil tagħha mat-taxxa stabbilita, jew elementi ġodda li setgħu jnaqqsuha jew iħassruha, u jekk ikun il-każ, li tgħid li qed tirrinunzja milli tgawdi miż-żmien li għadda tal-preskrizzjoni, sabiex tinterrompi l-preskrizzjoni għall-ġbir tat-taxxa, tal-interessi u tal-multi fiskali. Fit-30 ta’ Marzu 2000, Umicore temmet l-argumenti tagħha billi rrifjutat mill-ġdid il-konklużjonijiet tal-ISI.

(25)

Fil-21 ta’ Diċembru 2000, l-ISI aċċetta proposta għal ftehim offruta minn Umicore (“ftehim dwar it-tranżazzjonijiet”) fir-rigward taż-żewġ avviżi ta’ aġġustament, dwar l-applikazzjoni tal-VAT fuq il-perjodu kollu verifikat mill-ISI. Il-ftehim in kwistjoni jistipula pagament minn Umicore ta’ somma mnaqqsa b’mod konsiderevoli meta mqabbla mal-ammonti nklużi fl-avviżi ta’ aġġustament imsemmija hawn fuq.

II.2.   Sistema fiskali applikabbli għall-kunsinni intrakomunitarji u għall- esportazzjoni tal-merkanzija

(26)

Ir-regoli fil-qasam tal-VAT applikabbli għall-kunsinni intrakomunitarji u għall-esportazzjoni ta’ merkanzija stabbiliti mill-ftehim dwar it-tranżazzjonijiet marbut mas-snin 1995 sal-1998 għandhom l-oriġini tagħhom fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/680/KEE tal-Kunsill (4) fil-kodiċi Belġjan dwar il-VAT. Din id-Direttiva kien fiha s-sistema tranżitorja tal-VAT għat-tneħħija tal-fruntieri fiskali ġewwa l-Unjoni Ewropea u kienet temenda s-sitt Direttiva dwar il-VAT (5).

1.   Taxxa fuq il-kunsinni tal-merkanzija

(27)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 2, tal-Kodiċi dwar il-VAT (“CTVA”) jistabbilixxi li “huma suġġetti għat-taxxa, meta dawn iseħħu fil-Belġju, il-kunsinni tal-merkanzija u s-servizzi mwettqa għal xi valur minn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha.”

(28)

L-Artikolu 10 CTVA jistabbilixxi wkoll dan li ġej:

“Jitqies bħala kunsinna ta’ oġġett, it-trasferiment tal-poter li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala l-propjetarju tiegħu. B’mod partikolari, din tikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xerrej jew taċ-ċessjonarju b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt trażlattiv jew proklammativ.”

(29)

Fl-aħħarnett, l-Artikolu 15 CTVA jistipula dan li ġej:

“1.   Kunsinna ta’ merkanzija ssir fil-Belġju meta l-post fejn din isseħħ huwa meqjus li jinstab, skont il-punti 2 sa 6, fil-Belġju.

2.   Il-post ta’ kunsinna ta’ merkanzija huwa meqjus li jkun jinstab fil-post fejn l-oġġett jitpoġġa għad-dispożizzjoni tax-xerrej jew taċ-ċessjonarju.

Madankollu, il-post tal-kunsinna jitqies li jkun jinstab:

1

fil-post fejn jibdew l-ispedizzjoni jew it-trasport lejn ix-xerrej, meta l-oġġett jintbagħat jew jiġi trasportat mill-fornitur, mix-xerrej jew minn parti terza;

7.   Ħlief fil-każ ta’ prova kontrarja, il-kunsinna ta’ għamara hija mifhuma li sseħħ fil-Belġju, meta, fil-mument tal-kunsinna, waħda mill-partijiet fl-operat ikollha hemm l-uffiċċju prinċipali tal-attività ekonomika tagħha jew stabbiliment fiss jew, f’każ li ma jkunx hemm tali uffiċċju jew stabbiliment fiss, domiċilju jew residenza regolari.”

(30)

Kunsinna ta’ merkanzija (li t-trasport tiegħu jibda fil-Belġju) għalhekk fil-prinċipju huwa taxxabbli fil-Belġju. Meta waħda mill-partijiet fit-tranżazzjoni tkun stabbilita fil-Belġju, il-liġi tintroduċi preżunzjoni legali skont liema l-kunsinna hija preżunta li tkun saret fil-Belġju.

2   Min għandu jħallas il-VAT

(31)

Abbażi tal-Artikolu 51(1), tal-CTVA, it-taxxa hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna tal-merkanzija jew tipprovdi servizzi taxxabbli fil-Belġju.

3.   Esportazzjoni

(32)

L-Artikolu 39(1) tal-CTVA jistipula skema ta’ eżenzjoni mill-VAT applikabbli għall-esportazzjoni tal-merkanzija, filwaqt li tistabbilixxi li “Huma eżentati mit-taxxa: 1 il-kunsinni tal-merkanzija mibgħuta jew trasportata mill-bejjiegħ mhux stabbilit fil-Belġju jew f’ismu, 'il barra mill-Komunità; 2 il-kunsinni tal-merkanzija mibgħuta jew trasportata, mix-xerrej li mhux stabbilit fil-Belġju jew f’ismu, 'il barra mill-Komunità …”

(33)

Skont l-Artikolu 39 (3) tal-CTVA, fil-Liġi Belġjana, id-Digriet Irjali Nru 18 tad-29 ta' Diċembru 1992 (“AR Nru 18”) stabbilixxa l-kundizzjonijiet dwar l-eżenzjoni għal l-esportazzjoni tal-merkanzija mill-Belġju 'l barra mill-Komunità (6).

4.   Kunsinni intrakomunitarji

(34)

L-Artikolu 39a tal-CTVA, jistipula dan li ġej mill-1 ta’ Jannar 1993: “Huma eżenti mit-taxxa: 1 il-kunsinni ta’ merkanzija mibgħuta jew trasportati mill-bejjiegħ …, mix-xerrej jew f’isimhom 'il barra mill-Belġju imma ġewwa l-Komunità, magħmula għal persuna oħra taxxabbli jew għal persuna morali oħra mhux taxxabbli, li jaġixxu bħala tali fi Stat Membru ieħor u li huma obbligati li jissottomettu għat-taxxa x-xiri ta' merkanzija intrakomunitarja tagħhom …”

(35)

Il-liġi fiskali tal-Belġju timponi diversi kundizzjonijiet rigward il-prova li trid tingħata għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 39a, tal-CTVA. L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 52 tad-29 ta’ Diċembru 1992 (“AR Nru 52”), jistabbilixxi li “L-eżenzjonijiet tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 39a tal-Kodiċi huma soġġetti għall-prova li l-merkanzija ntbagħtet jew ġiet trasportata 'l barra mill-Belġju imma ġewwa l-Komunità”. Imbagħad,. l-Artikolu 2, AR Nru 52 jispeċifika li din l-eżenzjoni “hija soġġetta wkoll għall-prova li l-kunsinna ssir għal persuna taxxabbli … identifikata għat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stat Membru ieħor”. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3, AR Nru 52 jistabbilixxi wkoll li “Il-bejjiegħ għandu jkollu l-ħin kollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti kollha li jippruvaw il-fatt tal-ispedizzjoni jew tat-trasport tal-merkanzija …”. Għaldaqstant, l-estratt tal-istqarrija għall-istampa ppublikata fl-Moniteur belge Nru 36 tal-20 ta’ Frar 1993 tiġbed l-attenzjoni tal-kontribwenti dwar il-fatt li “t-trasport għandu jsir mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew f’isimhom. Dan għandu l-konsegwenza li trasport li jsir minn jew f’isem klijent sussegwenti (pereżempju matul bejgħ f’katina fejn it-trasport isir mill-klijent finali) ma jippermettix li jiġu eżentati l-kunsinni li jippreċedu l-kunsinna li ssir lil dan l-aħħar klijent”.

(36)

Sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni fil-qafas ta’ kunsinna intrakomunitarja, għalhekk hija r-reponsabbiltà tal-persuna taxxabbli li turi fost l-oħrajn li t-trasport ikun sar mill-bejjiegħ, mix-xerrej jew f’isimhom (7).

(37)

F’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-kundizzjonijiet speċifikati għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 39 u 39a tal-CTVA, il-kunsinna tal-merkanzija ssir taxxabbli fil-Belġju u d-dejn jirriżulta mis-sempliċi fatt li tkun saret l-attività (8). Abbażi tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fair play fir-rigward tal-persuna taxxabbli, id-dipartiment fiskali Belġjan jaċċetta xorta li japplika l-eżenzjoni skont dawn l-Artikoli meta l-persuna taxxabbli ma tkunx f’pożizzjoni li turi l-provi kollha li jiġġustifikaw ir-rispett tal-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni imma d-dipartiment ikollu hu stess dawn il-provi, pereżempju, fil-qafas tal-assistenza reċiproka ta’ Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

5.   Tassazzjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti

(38)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Cour de Cassation Belġjana, it-taxxa (inkluż il-VAT) għandha tiġi stabbilita skont il-verità tal-fatti (9). Fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, id-dipartiment għalhekk huwa responsabbli li jibbaża t-taxxa mhux fuq l-att apparenti hekk kif ippreżentat mill-kontribwent imma fuq l-att reali (hekk kif jirriżulta mill-intenzjoni reali tal-partijiet in kawża).

6.   Proċedura

(39)

Fil-każ fejn id-dipartiment jikkuntesta l-eżenzjonijiet mill-VAT applikati fuq il-kunsinni tal-merkanzija in kwistjoni, huma għandhom jibagħtu lill-persuna taxxabbli avviż ta’ aġġustament (10) li ġeneralment ikollu wkoll multa.

7.   Tranżazzjoni mal-persuna taxxabbli

(40)

L-Artikolu 84(2) tal-CTVA jistabbilixxi li l-Ministru tal-Finanzi għandu jikkonkludi t-tranżazzjonijiet mad-debituri, sakemm dawn ma jimplikawx l-eżenzjoni jew it-tnaqqis tat-taxxa. Tali tranżazzjonijiet għalhekk jistgħu jkunu biss dwar kwistjonijiet ta’ fatti u mhux dwar kwistjonijiet ta’ liġi. Tali transazzjonijiet ġeneralment huma possibbli biss meta jsiru konċessjonijiet (mhux fuq l-ammont tat-taxxa li tista’ tirriżulta mill-fatti stabbiliti imma fuq kwistjonijiet ta’ fatti, it-twaqqif ta’ multi, eċċ.) minn naħa u mill-oħra (11).

(41)

Il-kompetenza tal-Ministru tal-Finanzi hija s-suġġett ta’ delega fid-direttorati reġjonali tad-dipartimenti tal-VAT kif ukoll tal-ISI.

8.   Applikazzjoni ta’ multi amministrattivi

(42)

F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ multi f’każ ta’ nuqqas ta’ prova tad-dritt għall-eżenzjoni, l-Artikolu 70 (1) tal-CTVA jistipula multa proporzjonali ugwali għad-doppju tat-taxxa mhux imħallsa għal kull ksur tal-obbligu li jitħallas il-VAT. Skala ta’ tnaqqis fil-multi fiskali proporzjonali madankollu huwa stabbilit mid-Digriet Irjali Nru 41 tat-30 ta’ Jannar 1987 (“AR Nru 41”). L-Artikolu 1 (1) tal-AR Nru 41, jistipula li din il-multa titnaqqas għal 10 % tal-ammont tat-taxxa dovuta (it-tabella G tal-Anness) f’każ ta’ ksur imwettaq fl-applikazzjoni tal-Artikolu 39a, tal-CTVA (eżenzjoni applikata minħabba jew fin-nuqqas ta’ prova tad-dritt għall-eżenzjoni). L-istess multa proporzjonali tiġi applikata għall-ksur tal-istess natura fl-applikazzjoni tal-Artikolu 39 tal-CTVA.

(43)

L-Artikolu 70 (2) tal-CTVA jistipula l-applikazzjoni ta’ multa ugwali għad-doppju tat-taxxa dovuta fuq l-operat meta ma tingħatax il-fattura jew ikun fiha xi dettalji mhux eżatti, fost oħrajn dwar l-identifikazzjoni, l-isem jew l-indirizz tal-partijiet konċernati fl-operat. Fl-applikazzjoni tal-inċiż 2 tal-Artikolu 70 (2) tal-CTVA, din il-multa lanqas ma tkun applikabbli meta l-irregolaritajiet jistgħu jitqiesu bħala purament aċċidentali (12), jew meta l-fornitur ma kellu ebda raġuni li jiddubita li l-parti kontraenti mhix persuna taxxabbli (13).

(44)

L-AR Nru 41 (14) jgħolli l-ammont tal-multa għal 100 % tat-taxxa dovuta fuq l-attivitajiet f’każ ta’ ineżattezza fid-dettalji li għandhom jitniżżlu fil-fatturi. L-Artikolu 3 tal-istess Digriet Irjali jistipula li l-ħlas lura totali tal-multi tingħata meta l-kontribwent jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu b’mod spontanju qabel kull intervent minn dipartiment fiskali.

9.   Il-proporzjonalità tal-multi

(45)

F’Digriet tal-24 ta’ Frar 1999 (15), it-Tribunal tal-Arbitraġġ Belġjan (16) iddeċieda li l-imħallef għandu jkun jista’ jivverifika jekk “id-deċiżjoni ta’ natura repressiva hix ġustifikata fil-fatt u legalment u fattwalment, u jekk din tirrispetta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-prinċipji ġenerali kollha li huma imposti fuq id-dipartiment, fosthom il-prinċipju tal-proporzjonalità.” F’dan il-każ, it-Tribunal tal-Arbitraġġ qies ukoll li l-multi amministrattivi fil-qasam tal-VAT kienu ta’ natura repressiva.

(46)

Ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Appell Belġjana (17) ikkonfermat ukoll l-obbligu kemm għad-dipartiment fiskali kompetenti kemm tal-imħallef li japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità għall-ammont tal-multi amministrattivi, anke meta dan jimplika li tingħata deroga fuq l-iskali stabbiliti.

10.   Il-possibbiltà għad-dipartiment li jnaqqas jew iħallas lura l-multi

(47)

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-15 ta’ Marzu 1999 dwar il-proċeduri legali fil-qasam fiskali, id-dispożizzjonijiet tal-CTVA (18) li kienu jagħtu l-poter lill-Ministru tal-Finanzi li jippermetti l-ħlas lura ta’ multa twaqqfu. Madankollu, abbażi tal-Artikolu 9 tad-Digriet tar-Reġġent tat-18 ta’ Marzu 1831 (19), il-Ministru tal-Finanzi jew l-uffiċjal li huwa jkun iddelega għal dan il-għan għandu jżomm il-kompetenza li jnaqqas jew li jħallas lura l-multi. Il-Ministru ddelega din il-kompetenza lid-Direttur Ġenerali u lid-Diretturi Reġjonali (20) tad-dipartiment tal-VAT (21).

(48)

Din id-dipożizzjoni fil-prinċipju tippermetti lid-dipartiment, meta dan japplika multa tal-VAT, li jneħħu l-limiti legali hekk kif stipulati fl-Artikolu 70 (2) tal-CTVA kif ukoll fil-AR Nru 41, partikolarment meta l-applikazzjoni stretta ta’ dawn il-limiti tista’ tikkontradixxi l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(49)

Meta jkun possibbli tnaqqis fil-multa, ikun allura normali, f’każ ta’ ftehim amikevoli bejn id-dipartiment fiskali u d-debitur, li dan il-ftehim ikun marbut ukoll mal-multa u li jistgħu wkoll isiru negozjati dwar dan is-suġġett.

11.   Interessi għal dewmien

(50)

F’dak li jikkonċerna l-interessi għal dewmien fil-ħlas, l-Artikolu 91 (1) tal-CTVA jistipula li dawn jiġu kkalkulati bir-rata ta’ 0.8 % tat-taxxa dovuta għal kull xahar ta’ dewmien. L-Artikolu 84a, tal-CTVA jispeċifika li, fil-każijiet speċjali, id-Direttur Reġjonali kompetenti biex jagħti, skont il-kundizzjonijiet li jkun stabbilixxa, l-eżenzjoni tal-interessi kollha jew parti minnhom stipulati fl-Artikolu 91, CTVA.

(51)

Madankollu jirriżulta mill-kummenti amministrattivi fil-qasam tal-VAT (22) li ħlas lura parzjali jew totali tal-interessi għal dewmien fil-ħlas jista’ jingħata biss fil-każ fejn il-persuna taxxabbli tkun tinstab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli dovuta għal kawża indipendenti mill-volontà tiegħu. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-Belġju fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2005 b’reazzjoni għall-kummenti ta’ partijiet terzi, fejn dan jispeċifika li “id-Diretturi Reġjonali tal-ISI qatt ma taw ħlas lura totali jew parzjali tal-interessi għal dewmien għall-ebda każ. Barra minn dan, dan il-ħlas lura jingħata biss għal persuni li għandhom jagħtu ħlas li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli (…)”.

12.   Ħlas lura

(52)

L-Artikolu 77 (1) (7) tal-CTVA jistipula li t-taxxa dovuta fuq il-kunsinna ta’ oġġett (jew l-għoti ta’ servizz) għandha titħallas lura sal-ammont korrispondenti f’każ ta’ telf totali jew parzjali ta’ kemm fadal jitħallas mill-prezz.

(53)

Iċ-ċirkolari Nru 78 dwar il-ħlas lura fil-qasam tal-VAT (23) tispeċifika li l-ħlas lura huwa stipulat mhux biss meta xi jkun fadal jitħallas mill-prezz jintilef minħabba falliment jew ftehim mal-kredituri, imma wkoll fil-każijiet kollha fejn il-fornitur jistabbilixxi li l-fattura baqgħet ma tħallsitx kollha jew parti minnha u li hu jkun ipprova l-mezzi kollha ta’ rikors. Li wieħed ikun jaf f’liema mument it-telf jista’ jitqies bħala ċert jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-fatt speċifiċi għal kull fatt (24).

(54)

Meta tkun tħallset biss parti mill-fattura, pereżempju, minħabba li jkun tħallas l-ammont mingħajr VAT tal-fattura mix-xerrej filwaqt li jkun għadu ma tħallasx l-ammont li jikkorrispondi għall-VAT, hija biss il-parti tal-VAT li tirrelata proporzjonalment mal-parti mhux imħallsa (25) li tista’ tibbenefika mill-ħlas lura (26).

13.   Tnaqqis tal-VAT mit-Taxxa Korporattiva

(55)

L-Artikolu 53 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul (“CIR92”) jistipula li ċerti taxxi ma jitnaqqsux għall-kalkolazzjoni tal-bażi taxxabbli soġġetta għat-taxxa fuq id-dħul (inkluż it-Taxxa Korporattiva). Madankollu, il-VAT ma tidhirx fost it-taxxi stabbiliti.

(56)

L-istruzzjonijiet aministrattivi fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul (27) jiddisponu wkoll li l-VAT imħallsa jew dovuta lit-Teżor minn kontribwent u mhux koperta minn VAT inkluża fil-kont tal-klijent, tikkostitwixxi spejjeż professjonali.

14.   It-tnaqqis tal-multi tal-VAT mit-Taxxa Korporattiva

(57)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Appell, hekk kif ikkonfermata mill-kummenti amministrattivi (28), il-multi proporzjonali fil-qasam tal-VAT jitnaqqsu mit-Taxxa Korporattiva.

15.   Il-poter tal-ISI

(58)

Skont l-Artikolu 87 tal-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1980, l-ISI u d-Diretturi Reġjonali tagħha għandhom l-istess poteri bħad-dipartiment tal-VAT.

II.3.   Il-benefiċjarju

(59)

Il-kumpanija Umicore S.A. hija kumpanija b’responsabilità limtata skont il-liġi Belġjana li tipproduċi u tbiegħ materjali speċjali u metalli prezzjużi fis-suq tal-Unjoni u internazzjonali, fosthom il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ fidda fi frak. Partikolarment, Umicore hija magħrufa li għandha waħda mill-akbar kapaċitajiet tal-irfinar fuq livell dinji.

(60)

Il-fidda manifatturata minn Umicore tittieħed minn materjali oħra, fil-maġġor parti tal-każijiet, minn skart industrijali, li jingħataw lilha fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol għall-irkuprar ta’ metalli prezzjużi jew le (fidda, deheb, platinu, palladju, rodju, iridju, kobalt, ram, ċomb, eċċ.). B’mod partikolari Umicore tipproduċi l-fidda fi frak, li ġeneralment tinbiegħ lill-intrapriżi tal-bejgħ bl-ingrossa fis-settur tal-ġojjellerija jew lill-industrija.

(61)

Fil-qafas tal-attivitajiet tal-bejgħ tagħha tal-fidda fi frak, Umicore tagħmel partikolarment kunsinni b’destinazzjoni fi Stati Membri oħra. Mill-informazzjoni pprovduta minn Umicore lid-dipartiment fiskali Belġjana jirriżulta li l-konsum dinji tal-fidda kien tela’ dak iż-żmien għal madwar 26 000 tunnellata fis-sena, u li l-Italja kienet is-suq l-aktar importanti fl-Ewropa u fost is-swieq ġeografiċi prinċipali, b’madwar 2 000 tunellata fis-sena.

II.4.   Kontrolli mwettqa u avviżi ta’ aġġustament mibgħuta mill-ISI

(62)

Wara l-kontrolli mwettqa mill-ISI li jikkonċernaw l-attività tal-bejgħ tal-metalli prezzjużi minn Umicore bejn is-snin 1995 sal-1999 inklużi, id-Direttorat Reġjonali ta’ Brussell tal-ISI bagħat lil Umicore, fit-30 ta’ Novembru 1998 u fit-30 ta’ April 1999, żewġ avviżi ta’ aġġustament li jinnutaw l-applikazzjoni irregolari tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 39a CTVA (u, f’ċerti każijiet, skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi marbuta mal-eżenzjoni għall-esportazzjonijiet tal-merkanzija 'l barra mill-Unjoni) li jikkonċernaw diversi kunsinni ta' fidda fi frak magħmula lil klijenti Taljani, Spanjoli u Svizzeri, destinati għall-Italja. B’mod partikoali l-inkjesti mwettqa mid-dipartimenti kompetenti tal-Istati Membri konċernati kienu ppermettew li jiġi determinat li ċerti klijenti barranin ta’ Umicore kienu fittizji u marbuta ma’ mekkaniżmi ta’ frodi tat-tip “karużelli” implimentati biex jevadu l-ħlas tal-VAT.

(63)

L-irregolaritajiet innutati mill-ISI jibbażaw partikolarment fuq il-ksur tal-Artikoli 39 u 39a tal-CTVA u tal-Artikoli 1 sa 3 tal-AR Nru 52 dwar l-eżenzjonijiet applikati minn Umicore għal ċerti kunsinni intrakomunitarji u esportazzjonijiet. B’mod partikolari, id-dipartiment kien jistma li l-persuna taxxabbli ma kienetx f’pożizzjoni li tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont l-Artikoli 39 u 39a tal-CTVA kienu sodisfatti għal dawn il-kunsinni. Għalhekk, fil-fażi preliminari l-ISI qies li Umicore kienet applikat b’mod ħażin l-eżenzjoni mill-VAT għal ċerti kunsinni intrakomunitarji jew għal ċerti esportazzjonjiet.

(64)

F’dak li jikkonċerna b’mod aktar partikolai ċertu bejgħ lil persuni taxxabbli differenti Taljani u Spanjoli (il-perjodu 1995 sal-1996), l-ISI qies (fuq bażi preliminari) li t-trasport tal-merkanzija ma kien sar la minn Umicore, la mix-xerrej indikat fuq il-fattura, lanqas f’isimhom, imma minn klijent sussegwenti fis-sussidjarja tal-bejgħ fl-Italja. Skont l-ISI, il-kunsinni in kwistjoni għalhekk ma kienux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 39a tal-CTVA dwar l-eżenzjonijiet relatati mal-kunsinni intrakomunitarji ta’ merkanzija.

(65)

F’dak li jikkonċerna ċertu bejgħ lil kumpaniji stabbiliti fl-Isvizzera, l-ISI qies ukoll li l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 39 tal-CTVA għall-esportazzjonijiet ta’ merkanzija 'l barra mill-Unjoni, lanqas ma kienet applikabbli, minħabba l-fatt li l-merkanzija kienet destinata għall-Italja u għalhekk ma kienetx ħalliet it-territorju tal-Unjoni.

(66)

B’konsegwenza, l-ISI ikkonkluda b’mod proviżorju, fl-avviż ta’ aġġustament tiegħu tat-30 ta’ Novembru 1998, li Umicore kellha ħlas dovut lill-Istat Belġjan, għas-snin 1995 u 1996, bl-ammonti li ġejjin:

bħala VAT: BEF 708 211 924, jiġifieri madwar EUR 17 556 115;

bħala multa fiskali mnaqqsa (it-tabella G mehmuża mal-AR Nru 41): BEF 70 820 000, jiġifieri madwar EUR 1 755 582;

bħala interessi għal dewmien: 0,8 % għal kull xahar ta’ dewmien li jibda jgħodd mill-21 ta’ Jannar 1997, li għandhom jiġu kalkulati fuq l-ammont totali ta’ VAT dovut.

(67)

Fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ April 1999, l-ISI ikkonkluda wkoll b’mod proviżorju li Umicore kellha ħlas dovut lill-Istat Belġjan, għas-snin 1997 sal-1998, bl-ammonti li ġejjin:

bħala VAT: BEF 274 966 597, jiġifieri madwar EUR 6 816 243;

bħala multa fiskali mnaqqsa (it-tabella G mehmuża mal-AR Nru 41): BEF 27 496 000, jiġifieri madwar EUR 681 608;

bħala interessi mitluba fl-ammont ta’ 0,8 % għal kull xahar ta’ dewmien li jibda għodd mill-21 ta’ Jannar 1999, li għandhom jiġu kalkulati fuq l-ammont totali ta’ VAT dovut.

(68)

B’kollox, l-ammont totali tal-VAT mitlub mingħand Umicore wara l-avviżi ta’ aġġustament kien jitla’ għal EUR 24 372 358, u l-multa fiskali kkalkulata f’dawn l-avviżi ta’ aġġustament kienet titla’ għal EUR 2 437 235.

(69)

Permezz tal-ittri tal-11, it-18 ta’ Ġunju 1999, u tal-31 ta’ Marzu 2000, Umicore wriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha maż-żewġ notifiki. Partikolarment, Umicore sostniet li ma kienetx taf bl-irregolaritajiet innutati fl-uffiċċju tal-klijenti tagħha u ddefendiet ruħha billi fakkret li bħala bejjiegħ bl-ingrossa fuq is-suq tal-fidda fi frak hi ma kienetx obbligata li tkun taf l-identità tal-klijenti tax-xerrejja tagħha, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-bejgħ tal-fidda kien qed isir fuq bażi “ex-works” sabiex ikunu evitati l-perikli tat-trasport. Barra minn dan, Umicore sostna li l-klijenti kollha tal-kumpanija kienu identifikati għall-VAT fi Stati Membri oħra matul il-perjodu li fih saru t-tranżazzjonijiet, li r-rendikonti tal-kunsinni intrakomunitarji ta’ kull tliet xhur ta’ Umicore dejjem kienu nkludew il-kunsinni kollha in kwistjoni kif stabbilit fil-Kodiċi tal-VAT Belġjan, li l-fatturi ta’ Umicore kienu ġew stabbiliti f’isem id-destinatarji identifikati għall-VAT, skont il-ftehim milħuq waqt l-ordnijiet, li t-trasport fil-fatt kien sar minn kumpaniji tat-trasport speċjalizzati u li l-merkanzija fil-fatt kienet ħalliet it-territorju tal-Belġju u fil-fatt kienet waslet fl-Italja. Għalhekk, Umicore kien tal-ħsieb li kien qed jimxi skont il-liġi meta applika l-eżenzjoni tal-VAT stipulata fl-Artikolu 39a tal-CTVA għall-attivitajiet in kwistjoni.

(70)

Umicore kienet enfasizzat wkoll li ċerti Stati kienu jillimitaw ruħhom li jitolbu prova tat-trasport tal-merkanzija fi Stat Membru ieħor minbarra dak minn fejn ikun telaq it-trasport, filwaqt i l-Belġju jimponi l-prova li t-trasport ikun sar minn jew f’isem il-bejjiegħ jew ix-xerrej tal-merkanzija in kwistjoni, li jkun kontra l-liġi tal-Unjoni u jwassal għal tfixkil serju fil-kompetizzjoni għad-detriment ta’ Umicore u ta’ intraprii oħra Belġjani li jwettqu dan it-tip ta’ kunsinni intrakomunitarji. Umicore tqis għalhekk li hi aġixxiet b’mod regolari meta astjeniet milli żżomm il-VAT fuq l-attivitajiet kuntenzjużi.

II.5.   Il-bażi tal-ftehim dwar it-tranżazzjonijiet tal-21 ta’ Diċembru 2000

(71)

Fil-21 ta’ Diċembru 2000, l-ISI aċċetta proposta ta’ ftehim ippreżentata minn Umicore li titratta s-sitwazzjoni tal-VAT tagħha għas-snin 1995 sal-1998. Il-proposta ta’ ftehim tispeċifika li Umicore tikkuntesta l-merti tal-aġġustamenti mitluba mill-ISI imma jaċċetta r-regolament propost bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.

(72)

Il-ftehim in kwistjoni jistipula li Umicore tħallas is-somma ta’ BEF 423 000 000, jiġifieri madwar EUR 10 485 896, bħala “regolazzjoni definittiva u sabiex jitħallas kull kont tal-VAT ta' Umicore għas-snin 1995 sal-1999 inklużi”. Il-ftehim jisepċifika wkoll li din is-somma mhux se tkun tista’ titnaqqas mit-taxxa korporattiva.

(73)

Kif diġà speċifikat mill-Belġju matul il-fażi tal-inkjesta preliminari li ppreċediet il-ftuħ tal-proċedura, id-dipartiment fiskali jqis li l-ammont tat-tranżazzjoni jikkorrispondi għal multa stabbilita skont l-Artikolu 70 (2) tal-CTVA u mnaqqsa abbażi tal-Artikolu 84 tal-CTVA. Partikolarment, l-Artikolu 70 (2) jistipula li l-indikazzjoni ineżatta fuq il-fattura ppreparata mill-persuna taxxabbli “fir-rigward tan-numru tal-identifikazzjoni, tal-isem jew tal-indirizz tal-partijiet interessati fl-attività, tan-natura jew il-kwantità tal-merkanzija mibgħuta jew is-servizzi mogħtija, tal-prezz jew tal-aċċessorji tiegħu” iwassal biex tiġi applikata multa ugwali għad-doppju tat-taxxa dovuta fuq l-attività. Madankollu, il-multa qed titnaqqas għal 100 % tat-taxxa dovuta skont l-Artikolu 1 (3) tal-AR Nru 41 (it-tabella C mehmuża mal-AR Nru 41).

(74)

Il-Belġju jikkonferma wkoll li l-ammont tat-tranżazzjoni ffissat minn Umicore u l-ISI ikun perfettament leġittimu u ġustifikat skont il-liġi Belġjana. Partikolarment, jirriżulta mill-kalkolazzjoni li ġejja:

taxxa dovuta oriġinarjament (kalkolu teoretiku) fuq it-tranżazzjonijiet in kwistjoni: BEF 708 miljun;

multa legali: BEF 708 miljun × 200 % = BEF 1 416 miljun (applikazzjoni tal-Artikolu 70(2) tal-CTVA);

tnaqqis għal 100 %, skont l-AR Nru 41 (it-tabella C) li jiffissal-ammont tal-multi fil-qasam tal-VAT meta l-ksur ma jkunx sar bl-intenzjoni li jiġi evitat jew li jkun permess li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxa: BEF 708 miljun;

b’kunsiderazzjoni li l-multa ma tkunx tista titnaqqas bħala spejjeż professjonali (708 – 40,17 % ta’ 708): BEF 423 miljun, jiġifieri madwar EUR 10 485 896.

(75)

Skont il-Belġju, tali ftehim huwa ġustifikat minħabba li l-avviżi ta’ aġġustament in kwistjoni jikkostitwixxu biss l-ewwel stadju ta’ proċess amministrattiv kumpless bil-ħsieb li jkun stabbilit dejn fiskali li jrid jitġallas minn kumpanija li għandha tħallas il-VAT. L-eżami aktar fil-fond tal-informazzjoni u l-argumenti mqajma minn Umicore, li minn dejjem ċaħad li wettaq frodi, kienet tipperswadi lill-ISI li ma kellha tintalab l-ebda taxxa f’każ tipiku. L-ISI iqis li l-elementi kollha f’daqqa, partikolarment id-dokumenti mibgħuta minn Umicore, u mid-dipartiment Taljan, ippermettew li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT kienu sodisfatti minkejja dak li kien iddikjarat fl-avviżi ta’ aġġustament. Minħabba li ma kien ġie stabbilit l-ebda ammont ta’ taxxa, ma ngħatat l-ebda tnaqqis tad-dejn tal-VAT.

III.   RAĠUNIJIET I WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(76)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li kienu jeżistu dubji dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għall-kunsinni ta’ merkanzija suġġetti għal avviżi ta’ aġġustament stabbiliti mill-ISI. Hi qieset li eżenzjoni mill-VAT applikata ħażin seta’ jkollha bħala konsegwenza ż-żieda tal-poter benefiċjarju tal-fornitur fuq il-bejgħ in kwistjoni.

(77)

Il-Kummissjoni fakkret li kunsinna intrakomunitarja ta’ merkanzija, li fil-prinċipju hija taxxabbli fil-Belġju, tista’ tibbenefika minn eżenzjoni meta jiltaqgħu ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

il-merkanzija tintbagħat jew tiġi trasportata mill-bejjiegħ jew mix-xerrej jew f’isimhom, 'il barra mit-territorju tal-Istat Membru tat-tluq imma fi ħdan l-Unjoni, u

il-kunsinna tal-merkanzija ssir għal persuna oħra taxxabbli li taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tat-tluq tal-kunsinna jew tat-trasport.

(78)

Skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, Umicore ma kienx jidher li kienet f’pożizzjoni, matul il-kontrolli tal-ISI, li tipprova li dawn il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni kienu sodisfatti. B’konsegwenza, u f’konformità mar-regoli marbuta mal-applikazzjoni tal-VAT fuq kunsinni ta’ merkanzija li jseħħu fil-Belġju, tnissel dejn fiskali minħabba l-fatt li seħħew dawn it-tranżazzjonijiet taxxabbli.

(79)

Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-ftehim in kwistjoni kien jidher li qed jagħti vantaġġ lil Umicore li jikkonsisti fi tħaffif ta’ ħlas fiskali li normalment kien ikollu jitħallas minn dan tal-aħħar.

(80)

Il-Kummissjoni qajmet ukoll il-punt li jkun kontradittorju u mhux ġustifikat li tiġi applikata multa proporzjonali għall-VAT mhux imħallsa fil-waqt li ma titlobx l-istess VAT.

(81)

Skont il-Kummissjoni, in-nuqqas preżunt ta’ intenzjoni frodulenti min-naħa ta’ Umicore ma kienetx tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ multa proporzjonali minflok it-taxxa fiha nnifisha.

(82)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-ammont tal-VAT ikkunsidrat fil-bażi tal-kalkolu tal-multa proporzjonali (BEF 708 miljun) kienet tikkostitwixxi biss parti mid-dejn inizjalment stabbilit mir-rendikonti tal-ISI (BEF 983 miljun). L-informazzjoni mibgħuta mill-Belġju dwar il-kalkolu marbuta mat-tranżazzjoni stabbilita ma kienux jidhru li jqisu l-ammont totali tad-dejn tal-VAT ta’ Umicore għall-perjodu 1997 sal-1998 skont l-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ April 1999.

(83)

Barra minn dan, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-legalità ta’ tnaqqis ulterjuri fis-somma in kwistjoni, applikat bħala multa li ma tkunx tista’ titnaqqas mit-taxxa korporattiva bħala spejjeż professjonali.

(84)

Barra minn dan, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-metodi li bihom ġie konkluż il-ftehim. Partikolarment, il-fatt li dan il-ftehim ma kienx speċifika l-bażi legali tiegħu u l-ġustifikazzjoni formali mill-punt ġuridiku, jikkostitwixxi devjazzjoni mit-tmexxija normali tal-proċedura għad-determinazzjoni u l-likwidazzjoni ta’ dejn tal-VAT ġeneralment applikabbli fil-Belġju. Fil-prinċipju, fis-sitwazzjonijiet fejn id-dipartiment jikkuntesta d-dritt ta’ persuna taxxabbli għall-eżenzjoni, din tal-aħħar għandha tibgħat avviż ta’ aġġustament, ġeneralment flimkien ma’ multa. Fil-każ fejn il-parti interessata topponi t-taxxa mitluba mill-awtoritajiet u li dawn l-oġġezzjonijiet ma jkunux f’pożizzjoni li jikkonvinċu lid-dipartiment konċernat, l-awtoritajiet fil-prinċipju għandhom jibgħatu avviż ta’ obbligu flimkien ma żieda ta’ 50 % tal-multa.

(85)

F’dak li jikkonċerna l-karattru selettiv tal-miżura, il-Kummissjoni fakkret li l-prattiki ta’ diskrezzjoni tad-dipartimenti fiskali jistgħu jippermettu vantaġġi li jirriżultaw mill-Artikolu 107 (1) tat-Trattat (29).

(86)

Għalhekk il-Kummissjoni stmat li tranżazzjoni amikevoli bħal dik li kienet ibbenefikat minnha Umicore, li twassal għal tnaqqis ta’ dejn tal-VAT, ta’ multi u ta’ interessi, ġeneralment ma kienetx aċċessibbli għal kull min kellu jagħmel il-ħlas, anke fl-ipoteżi li huma jikkuntestaw il-merti tal-ksur li jkun imputat lilhom u li b’konsegwenza, il-kriterju tas-selettività kien sodisfatt f’dan il-każ.

(87)

Skont il-Kummissjoni, l-għajnuna in kwistjoni jidher li ma setgħet tibbenefika minn ebda deroga stipulata fl-Artikolu 107 tat-Trattat.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-BELĠJU

Għall-proċedura segwita

(88)

Il-Belġju jenfasizza li l-Kodiċi tal-VAT ma jiġborx proċedura formali preċiża biex wieħed jipproċedi għar-ratifiki f’isem id-debituri tat-taxxa. Madankollu, ġiet stabbilita prattika għal dan, li primarjament għandha l-għan li tavża lill-persuna li għandha tħallas dwar ir-ratifika maħsuba mill-awtoritajiet filwaqt li titlobha li tevalwa l-elementi li jistgħu jopponu din it-taxxa. Din il-prattika ġejja mill-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt għad-difiża. F’dan il-kuntest, l-avviż ta’ aġġustament għalhekk tkun biss proposta mid-dipartiment li sservi biex tiftaħ it-taħditiet mal-persuna taxxabbli, mingħajr ma toħloq effett ġuridiku fl-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar, u l-anqas kreditu favur l-Istat. L-avviż ta’ aġġustament għalhekk jippermetti essenzjalment lill-persuna li trid tħallas li topponi t-teħid ta’ pożizzjoni preliminari mill-awtoritajiet u li tevalwa l-elementi li jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħha.

(89)

Skont il-Belġju, jista’ jkun li wara li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mid-debitur bi tweġiba għall-avviż ta’ aġġustament, ir-ratifika maħsuba tista’ tiġi emendata jew inkella t-taxxa tista’ titneħħa kompletament.

(90)

Il-Belġju jispeċifika wkoll li l-avviż ta’ aġġustament m’għandux ikollu l-effett li joħloq dejn. Hija biss ir-restrizzjoni, li tista’ tkun infurzata, li tikkostitwixxi t-titolu li bih l-Istat jistabbilixxi l-kreditu fiskali fil-qasam tal-VAT (30). Peress li l-ebda obbligu qatt ma ġie notifikat lil Umicore fil-qafas tal-kwistjoni, il-frażi “tnaqqis tad-dejn tal-VAT”, skont il-Belġju, mhix eżatta.

(91)

Biex jintwera li l-proċedura segwita fl-ipproċessar tal-fajl ta’ Umicore hija l-istess segwita għall-ipproċessar ta’ kwistjonijiet relattivi għal persuni oħra li għandhom iħallsu, Il-Belġju għandu jibgħat kopja ta’ ftehim konkluż fl-2000 ma’ persuna taxxabbli fuq ammont ta’ BEF 6 miljuni filwaqt li rapport imħejji fl-1995 dwar l-istess tranżazzjonijiet kien jgħid li l-istess persuna taxxabbli kellha tħallas l-ammont ta’ BEF 14-il miljun.

(92)

F’dak li jikkonċerna l-proċediment tal-proċedura mal-persuna taxxabbli, il-Belġju jżid li l-ftehimiet fiskali huma strumenti bażiċi fil-qasam tal-VAT, fil-parti l-kbira ddedikati kemm mill-kitba legali u kemm mill-ġurisprudenza u stabbiliti b’mod espliċitu mill-Artikolu 84 tal-CTVA. It-tranżazzjoni għalhekk hija parti intrinsika mill-istess proċedura u hija aċċessibbli għal kull min iħallas it-taxxa mingħajr eċċezzjoni.

(93)

Fir-rigward tal-fatt li l-ftehim ma jispeċifikax il-bażi legali tiegħu, il-Belġju jindika li l-Artikolu 84 tal-CTVA ma jippreskrivix forma hew kontenut obbligatorju għall-ftehimiet fiskali fil-qasam tal-VAT. B’konsegwenza, ma kien hemm l-ebda obbligu li tissemma xi bażi legali jew ġustifikazzjoni formali fil-ftehim.

Fir-rigward tas-sistema tal-prova

(94)

Il-Belġju jfakkar li l-Kummissjoni għamlet mistoqsijiet lill-Istat Belġjan fl-1999 dwar ir-reqqezza li biha d-dipartiment Belġjan kien studja l-elementi tal-prova miġjuba mid-debituri biex jiġġustifikaw il-verità tal-kunsinni intrakomunitarji tagħhom. F’dan ir-rigward, dawn jirreferu għal skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-Ministru Belġjan tal-Finanzi dwar il-livell tal-prova meħtieġa biex tinkiseb eżenzjoni f’każ ta’ kunsinna intrakomunitarja (31).

(95)

Il-Belġju jfakkar ukoll li ma jeżisti l-ebda mod preċiż, stipulat b’mod formali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew fil-Liġi Belġjana, skont liema d-debituri jkunu jistgħu, u għandhom, f’kull ċirkostanza jippruvaw id-dritt tagħhom għall-eżenzjoni. Għall-kuntrarju, huwa l-ewwelnett id-dipartiment, u jekk ikun meħtieġ wara din l-imħallef li jistimaw, każ b’każ, jekk hemmx jew le biżżejjed evidenza għall-elementi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet kollha għall-eżenzjoni. F’dan il-kuntest, il-Belġju jitrasmetti wkoll kopja ta’ diversi deċiżjonijiet u digrieti li kienu ddeċidew fl-oppost ta’ din il-kwistjoni.

Bidla fl-evalwazzjoni mid-dipartiment

(96)

F’dak li jikkonċerna l-ewwel avviż ta’ aġġustament rigward is-snin 1995 u l-1996, il-Belġju jispeċifika li l-elementi li ġejjin ġew ikkunsidrati biex titneħħa t-tassazzjoni maħsuba inizjalment:

in-nuqqas ta’ kompliċità ta’ Umicore fis-sistema ta’ frodi;

il-merkanzija kienet tħallset qabel ma nġabret mit-trasportaturi professjonali mibgħuta mix-xerrejja;

il-prova tat-trasport tal-merkanzija fl-Italja ngħatat, anke jekk din ma ġietx direttament minn Umicore imma mill-istess awtoritajiet Taljani (32).

(97)

Il-Belġju madankollu jispeċifika li peress li kellu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ Umicore fl-identifikazzjoni tal-klijenti vera, l-ISI ikkunsidra li kellha tiġi imposta multa kbira fuq il-persuna taxxabbli. F’dan il-kuntest, id-dipartiment għalhekk laħaq kompromess biss dwar l-ammont tal-multa, li kellu jintwera permezz tar-reġistrazzjoni tal-pagament tad-debitur bħala multa proporzjonali fil-kontijiet tal-Istat.

(98)

Fir-rigward tat-tieni avviż ta’ aġġustament dwar is-snin 1997 u l-1998, il-Belġju jinnota li t-tneħħija tat-taxxa maħsuba hija ġġustifikata minħabba li rriżulta li l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni fil-fatt kienu jeżistu. Fil-fatt, il-merkanzija kienet mibgħuta lejn Stat Membru ieħor (l-Italja) u l-kunsinna saret għal persuna taxxabbli identifikata mal-VAT fi Stat Membru ieħor (Ir-Renju Unit) (33).

(99)

Il-Belġju jindika wkoll li l-bidla fl-evalwazzjoni ġejja mill-fatt li d-dokumenti kollha pertinenti kienu għadhom mhumiex disponibbli fl-1998 u fl-1999. Min-naħa l-oħra, meta dawn inkisbu, kien ix-xogħol tad-dipartiment li jevalwa abbażi tal-elementi kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu jekk setax jirrifjuta l-eżenzjoni u jekk kienx f’pożizzjoni li jiddefendi dan ir-rifjut b’ċansijiet tajbin ta’ suċċess quddiem il-qrati ġudizzjarji. Il-Belġju żied li, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji simili għal dawk ta’ kull kreditur privat, l-ISI kien jippreferi riżultat immedjat, reali u mhux kuntestat milli kawża twila u li tiswa ħafna flus b’riżultat tant inċert.

It-twaħħil ta’ multa

(100)

Il-Belġju jinnota li mal-kitba tal-avviżi ta’ aġġustament, l-uffiċjali kien imisshom jipproċedu għal applikazzjoni awtomatika tad-dispożizzjonijiet legali marbuta mat-tassazzjoni maħsuba. F’każ ta’ eżenzjoni invokata jew applikata bi żball mingħajr intenzjoni ta’ frodi, l-Artikolu 70 (1) tal-CTVA kif ukoll it-tabella G (il-punt VII, 2, A) tal-АR Nru 41 jistabbilixxu l-applikazzjoni ta’ multa ta’ 10 % tat-taxxa dovuta. Il-Belġju jenfasizza f’dan ir-rigward li meta jagħmlu dan, l-uffiċjali tad-dipartiment bil-fors li stmaw li kien imposibbli li tiġi stabbilita kwalunkwe intenzjoni ta’ frodi fit-tmexxija ta’ Umicore.

(101)

Skont il-Belġju, il-bażi tal-multa aċċettata fil-ftehim tal-21 ta’ Diċembru 2000 hija radikalment differenti minn dik li kienet tibbaża fuqha l-multa maħsuba fl-avviżi ta’ aġġustament. Meta ġiet stabbilita l-verità tal-kunsinni intrakomunitarji b’mod sodisfaċenti, il-Belġju jenasizza li kien ikun totalment kontradittorju li tiġi applikata multa abbażi tal-Artikolu 70 (1) tal-CTVA minħabba li l-eżenzjoni tal-Artikolu 39a tal-CTVA kien jiġi invokat b’mod żbaljat.

(102)

Il-Belġju jkompli billi jenfasizza li, jekk min-naħa l-oħra, il-verità tal-kunsinni intrakomunitarji ġiet stabbilita, xorta jibqa’ minnu li l-fatturi mogħtija minn Umicore kienu jesponu ċerti negliġenzi gravi fl-identifikazzjoni tal-klijenti attwali Taljani tal-fidda mibgħuta. Il-gravità ta’ din in-neglliġenza kellha tiġi evalwata b’kunsiderazzjoni tal-fatt li Umicore huwa operatur ekonomiku ta’ ċertu daqs, preżenti essenzjalment u b’mod permanenti fis-suq internazzjonali u għalhekk, Ewropew. B’mod preżuntiv, ġie konkluż li l-persuni responsabbli tal-kumpanija ma setgħux jinjoraw il-fatt li l-fatturazzjoni tagħhom kien fiha nuqqasijiet fl-identifikazzjoni tal-klijenti u għalhekk ma kienetx kompletament konformi mal-preskrizzjonijiet regolamentari tal-Belġju. Fin-nuqqas ta’ elementi oħra, din il-preżunzjoni madankokllu kienet insuffiċjenti biex tiġi stabbilita l-intenzjoni ta’ frodi mit-tmexxija ta’ Umicore.

(103)

Il-Belġju jfakkar il-mod kif ġie stabbilit l-ammont tat-tranżazzjoni soġġett għal multa u jispeċifika li l-applikazzjoni ta’ multa proporzjonali filwaqt li ma tintalab l-ebda VAT mhix kontrarja għal-leġiżlazzjoni applikabbli. Meta attività tkun taxxabbli fil-prinċipju (34), il-Kodiċi jeżonera wara – imma biss wara – ċerti attivitajiet bħalma huma l-kunsinni intrakomunitarji, mit-taxa fil-Belġju. Jirriżulta li multa proporzjonali tista’ tiġi applikata fuq l-ammont tat-taxxa dovuta fil-bidu fuq l-attivitajiet konċernati, anke jekk dawn tal-aħħar wara jkunu eżentati (35).

(104)

Il-Belġju jikkonkludi li l-multa stipulata fl-Artikolu 70 (2) tal-CTVA tippermetti l-indikazzjoni ta’ dettalji mhux eżatti fil-fatturi, indipendentement mill-iskema tal-VAT li għandha tiġi applikata għall-attivitajiet konċernati. Għalhekk huwa biss fil-każ fejn attività ma tkunx taxxabbli skont l-Artikolu 2 tal-CTVA li tali multa ma tistax tiġi applikata. Barra minn hekk il-multa stipulata fl-Artikolu 70 (2) tal-CTVA ma tippermettix in-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa – dan huwa permess mill-Artikolu 70(1) tal-CTVA – imma l-fatt li tkun permessal-evażjoni tat-taxxa dovuta matul il-fażijiet ta’ wara l-bejgħ tal-merkanzija. Meta tinħeba l-identità reali tad-destinatarju tal-merkanzija, l-Istat jitlef kull traċċa tiegħu u ma jkun jista’ jiġbor la l-VAT u l-anqas it-taxxa diretta li jkunu dovuti minħabba l-attivitajiet ta’ wara mwettqa bil-merkanzija li tkun intbagħtet. Il-kummert amministrattiv tal-Kodiċi tal-VAT għandu jkun espliċitu dwar dan is-suġġett (36).

(105)

F’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multa propozjonali, il-Belġju jispeċifika li tnaqqis ta’ 200 % - hekk kif stipulatt fl-Artikolu 70 (2) tal-CTVA – għal 100 % huwa perfettament legali minħabba li tnaqqis bħal dan huwa konformi mal-ammont tal-multi stipulati fit-Tabella C tal-AR Nru 41, f’każ li ma jkunx hemm intenzjoni ta’ frodi.

(106)

Fl-aħħarnett, il-Belġju jenfasizza li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Appell, il-multi proporzjonali fil-qasam tal-VAT jistgħu jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tat-taxxa korporattiva (37). B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-kumpanija Umicore kienet tixtieq li b’xi mod tantiċipa dan it-tnaqqis sabiex tagħlaq kompletament il-proċeduri legali tagħha mal-ISI qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja 2000, id-dipartiment għalhekk kien jaċċetta l-kunsiderazzjoni ta’ dan il-ħlas bil-quddiem fit-tranżazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2000. Il-Belġju jkompli billi jispeċifika li l-kunsiderazzjoni ta’ din it-talba kienet parti integrali mill-kompetenza Ministerjali ta’ tnaqqis jew ħlas lura tal-multi. Dan jenfasizza wkoll li Umicore effettivament ħallset l-ammont ta’ BEF 423 miljun qabel il-31 ta’ Diċembru 2000 kif din kienet impenjat ruħha li tagħmel.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(107)

Il-Belġju jikkuntesta li qatt ta għajnuna lil Umicore. Dan jenfasizza wkoll li t-tranżazzjoni li qed tiġi eżaminata ma kienet tippreżenta l-ebda punt speċifiku jew vantaġġ għal Umicore, u li hu b’ebda mod ma saħħaħ il-pożizzjoni tal-intrapriża meta mqabbla ma’ kompetituri oħra fl-iskambji bejn l-Istati Membri. Dan iqis li Umicore ma bbenefikat mill-ebda trattament speċifiku imma mill-applikazzjoni konkreta għal każ partikolari ta’ strument bażiku li fuq kollox jintuża ħafna.

(108)

Skont il-Belġju, ftehimiet simili dwar it-tranżazzjonijiet huma komuni mhux biss fil-Belġju imma għal raġunijiet evidenti (jiġifieri l-prevenzjoni ta’ kwistjonijiet fit-tul, li jiswew ħafna u bi tmiem mhux ċert) mad-dipartimenti ta’ diversi Stati Membri. Għaldaqstant, il-Belġju jinnota li l-Kummissjoni kienet użat hi stess ftehim dwar it-tranżazzjonijiet ma’ Philip Morris International f’każ ta’ telf tad-drittijiet tad-dwana u tal-VAT li kellhom jitħallsu f’każ ta’ importazzjoni legali (38).

(109)

Il-Belġju jżid li fl-ipoteżi li l-VAT kienet ġiet applikata għall-attivitajiet kuntenzjużi, din il-VAT kellha tiġi restitwita mid-dipartiment fiskali lill-klijenti ta’ Umicore, fejn dawn tal-aħħar setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal tnaqqis tal-VAT fil-pożizzjoni tagħhom ta’ persuni soġġetti għall-VAT. Dan kien għalhekk jirriżulta f’attività ta’ “tibjid” mill-uffiċċju tal-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi Belġjan, mingħajr l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

(110)

F’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-ispeċifiċità, il-Belġju jispeċifika li kuntrarju għal dak li qed tipproponi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, is-sempliċi fatt li l-ftehim jikkonċerna biss lil Umicore ma jippermettix li wieħed jiddikjara li l-kriterju tas-selettività qed jiġi sodisfatt (39). Sabiex jiġi determinat jeżistix vantaġġ speċifiku, wieħed għandu japprezza l-miżura meta mqabbla mat-trattament applikat mal-intrapriżi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħall-kumpanija li suppost ġiet favorita (40).

(111)

Skont il-Belġju, jekk bħal f’dan il-każ, kull persuna taxxabbli għall-VAT ikollha l-possibbiltà li tikkuntesta avviż ta’ aġġustament, li tippreżenta l-argumenti tiegħu quddiem l-awtoritajiet u li tikkonkludi ftehim dwar il-każ speċifiku tagħha mad-dipartiment, u dan il-ftehim ma jkun jinkludi l-ebda deroga mil-liġi, u jillimita ruħu - abbażi tal-provi mogħtija – li jaċċetta l-validità tal-fatti hekk kif stabbiliti mill-persuna taxxabbli, il-miżura tkun ġenerali u ma tikkostitwixxix għajnuna skont tal-Artikolu 107 tat-Trattat. Issa, skont il-Belġju, il-proċedura applikabbli għal Umicore hija miftuħa għal intrapriżi oħra u tiġi applikata b’mod simili fil-każijiet kuntenzjużi kollha.

(112)

F’dan ir-rigward, il-Belġju jenfasizza li d-dipartiment la ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu u l-anqas ma uża xi poter diskrezzjonali jew arbitrarju fl-applikazzjoni tal-liġi fiskali dwar il-VAT.

(113)

Skont il-Belġju, il-miżura li qed tiġi eżaminata tkun ukoll ġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema fiskali Belġjana. Fil-fatt, ikun loġiku li kull proċedura amministrattiva tilħaq malajr kemm jista’ jkun riżultat korrett li jservi s-sikurezza ġuridika fir-rispett strett tal-ekonomija tal-proċedura filwaqt li jiġi assigurat b’mod effikaċi l-irkuprar tat-taxxa. Il-ftehimiet konklużi mal-kontribwenti bħal Umicore fl-aħħar mill-aħħar iservu biex jiġu evitati r-riskji tal-kawżi legali fit-tul u b’riżultat inċert.

(114)

Il-Belġju josserva li safejn jaf, kompetituri Ewrpopej ta’ Umicore kienu għamlu kunsinni ta’ fidda fina lill-istess klijenti Taljani bħal ta’ Umicore u skont l-istess kundizzjonijiet, u li s-sitwazzjoni fiskali fil-qasam tal-VAT ta’ dawn il-produtturi ma ġiet soġġetta għall-ebda aġġustament min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, minħabba li l-frodi kienet tinstab fl-Italja u mhux għand il-produtturi. Meta aċċettat li tħallas multa ta’ ammont sinifikanti, filwaqt li l-kompetituri tagħha la kienu jħallsu l-VAT u l-anqas multa amminsitrattiva, Umicore, mhux talli ma rċevietx għajnuna, imma talli kienet soġġetta għal miżura li thedded il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ikkonċernat, u li jekk fil-fatt sar xi kummerċ, dan kien jaħdem kontriha.

(115)

Il-Belġju jqis allura li l-miżura ma tissodisfa l-ebda kundizzjoni mitluba biex tiġi stabbilita l-eżistena ta’ għajnuna mill-Istat skont it-Trattat. Fil-fatt, f’dan il-każ ma kien hemm la trasferiment ta’ riżorsi, la vantaġġ, la selettività, la theddid għall-kompetizzjoni, la theddid għall-iskambji bejn l-Istati Membri.

Rimarka ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 1-7 tat-Trattat għall-ftehimiet fiskali

(116)

Fl-aħħarnett, il-Belġju jikkonkludi li jekk il-Kummissjoni għandha l-ħsieb minn issa 'l quddiem li tintrabat mal-mekkaniżmu stess tat-tranżazzjonijiet fiskali, għalkemm mifrux, u essenzjali għat-tħaddim tajjeb tal-perċezzjoni tat-taxxa minn kull dipartiment fiskali, din ser ikollha, sabiex tiġġudika l-applikazzjoni materjali tal-liġi, tissostitwixxi hi stess f’kull każ lill-imħallef nazzjonali li jaġixxi b’xi mod bħala “imħallef tal-appell” fid-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni nazzjonali.

V.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

V.1.   Umicore

Tfakkir tal-kuntest ġenerali

(117)

Umicore tfakkar l-ewwelentt li skont il-prattika kurrenti, żviluppata fis-settur tal-kummerċ internazzjonali tal-metalli prezzjużi, il-kunsinna ssir fil-fabbrika (“ex works”), jiġifieri x-xerrej jieħu ħsieb it-trasport tal-merkanzija. Dan it-tip ta' bejgħ jirriżulta perikoluż ħafna fis-sistema l-ġdida tal-VAT tal-kunsinni intrakomunitarji. Fil-fatt, huwa l-bejjiegħ li għandu jipprova li t-trasport fil-fatt ikun sar, filwaqt li huwa x-xerrej li, f’dan il-każ, ikollu d-dokumenti li jippruvaw li t-trasport sar (meta hu magħruf, mill-1993, l-aqwa prova tat-trasport – jiġifieri t-timbru tad-dwana fuq id-dokument tal-esportazzjoni – m’għadhiex teżisti għall-kunsinni intrakomunitarji).

(118)

F’dak li jikkonċerna b’mod aktar partikolari l-prova tat-trasport tal-merkanzija, Umicore tenfasizza li hi ssottomettiet lill-ISI dokument tassew dettaljat li jipprova dan it-trasport.

(119)

Umicore issostni wkoll ir-rieda tajba tagħha fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kuntenzjużi, li għandha tintwera permezz tar-referenza għal multa ta’ 10 % finfl-avviżi ta’ aġġustament, multa rriżervata għall-każijiet fejn il-persuna taxxabbli tkun in buona fede. F’dan il-kuntest, Umicore tispeċifika wkoll li hi kkollaborat, b’mod spontanju mal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani li, konvinti mill-buona fede tagħha, ma komplewx jindagaw.

(120)

Umicore tenfasizza wkoll li fl-opinjoni tagħha, ir-responsabbiltà tal-Italja tidħol għax l-Italja ma kienetx irtirat in-numru tal-VAT tal-kumpaniji fittizzji Taljani malli l-awtortiajiet fiskali tagħha skoprew irregolaritajiet serji.

(121)

Hi ssostni wkoll li produtturi oħra tal-fidda kompetituri, stabbiliti fi Stati Membri oħra, bagħtu kunsinni lill-istess aġenti Svizzeri u Taljani f’ċirkostanzi u kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-kunsinni mwettqa minnha mingħajr ma dawn il-kunsinni ma ġew iddubitati mid-dipartimenti fiskali tagħhom. Għalhekk ikun inaċċettabbli li Umicore, li ħallset somma ta’ BEF 423 miljun (EUR 10 485 896), titqies bħala li rċeviet għajnuna mill-Istat, filwaqt li dawn il-kumpaniji l-oħra kompetituri ma jiġux imfittxija.

(122)

Fl-aħħarnett, Umicore taqbel mal-osservazzjonijiet tal-Belġju skont liema l-avviż ta’ aġġustament – bil-kontra tar-restrizzjoni – assolutament m’għandux l-effett li jinħoloq dejn tal-VAT skont il-liġi tal-Belġju.

Il-proċedura li segwa l-ISI

(123)

Umicore tressaq argumenti simili għal dawk imqajma mill-Belġju f’dak li jikkonċerna l-legalità u l-validità tal-ftehimiet milħuqa bejn id-dipartiment u l-persuni taxxabbli fil-qasam tal-VAT. Il-parti interessata tfakkar li tali ftehimiet jistgħu jibbażaw biss fuq kwistjonijiet fattwali bħalma huma l-prova tat-trasport fil-qasam tal-kunsinni intrakomunitarji (u l-bażi taxxabbli li tirriżulta minn dan). F’dan il-kuntest, Umicore tispeċifika li l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet hija mifruxa ħafna, anke fil-livell tas-servizzi tal-ISI (41).

(124)

Il-parti interessata tispeċifika wkoll li l-validità u l-legalità tat-tnaqqis fil-multi amministrattivi, bħala skambju għal ftehim tal-kontribwent dwar l-ammont, huma konfermati mill-ġurisprudenza (42).

(125)

Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis mit-taxxa tal-ammont li għandu jitħallas, Umicore tenfasizza li:

l-ISI m’għandux biss kompetenza fil-qasam tal-VAT, imma wkoll fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul;

minflok talab il-pagament minn Umicore ta’ somma grossa qabel it-taxxa fuq id-dħul, li tkun tista’ jitnaqqas fiskalment, l-ISI aċċetta l-pagament ta’ somma netta, wara t-taxxa, evidentement bil-kundizzjoni, kif imniżżel fil-ftehim, li din is-somma (netta) ma tkunx tista’ titnaqqas fiskalment. Min-naħa l-oħra, Umicore aċċettat li tħallas is-somma (netta) fi żmien qasir ħafna (fl-istess ġimgħa) li ma jikser l-ebda dispożizzjoni legali applikabbli f’dan il-qasam.

(126)

Umicore tqis li l-ammont ta’ BEF 423 miljun jikkostitwixxi l-ammont tal-VAT dovut għas-snin 1995 sal-1996 u li l-ISI eżonera lil Umicore mill-ħlas tal-interessi tad-dewmien skont l-Artikolu 84a, tal-CTVA u tal-multa proporzjonali (10 %) skont l-Artikolu 9 tad-Digriet tar-Reġġent.

(127)

F’dak li jikkonċerna t-tnaqqis fl-ammont tal-VAT dovut ta’ BEF 708 miljun għal BEF 423 miljun, Umicore issostni li dan it-tnaqqis kien ġustifikat mill-fatt li l-kreditu tal-VAT li jirriżulta minn fatturazzjoni tal-VAT minn Umicore lix-xerrejja Taljani u Svizzeri kien se jibqa’ ma jitħallasx u għalhekk kien ikun jista’ jitnaqqas fiskalment.

(128)

F’dak li jikkonċerna s-snin mill-1997 sal-1998, Umicore tispeċifika li l-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ April 1999 ma ġiex segwit minħabba li l-persuna taxxabbli kienet tat prova kif suppost li l-bejgħ in kwistjoni seta’ jiġi eżentat mill-VAT abbażi tal-Artikolu 39a tal-CTVA.

Dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ

(129)

Umicore hi tal-opinjoni li ftehim fiskali bħal dak li qed jiġi diskuss ma jikkostitwix vantaġġ skont itTFUE u għaldawstant, ma jaqax taħt għajnuna tal-Istat. B’mod aktar partikolari, Umicore tikkuntesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni skont liema l-ftehim fiskali in kwistjoni kien ipoġġiha f’sitwazzjoni finanzjarja aktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra.

(130)

L-ewwelnett, Umicore tispeċifika li fil-verità, kien l-ISI li stima li l-ftehim fiskali kien aktar vantaġġuż għall-Ministeru tal-Finanzi milli li titkompla proċedura li l-konklużjoni tagħha kienet tirriskja li jkun definittivament anqas favorevoli.

(131)

It-tieninett, il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim fiskali u li jintlaħaq kompromess fiha nfisha ma tikkostitwix vantaġġ speċifiku għal Umicore, meta ftehimiet bħal dan huma ġeneralment aċċessibbli għall-persuni taxxabbli kollha u hija prattika kurrenti u normali fil-qasam tal-VAT.

(132)

It-tieletnett, ftehim dwar it-tranżazzjonijiet, fl-istess natura tiegħu, ma jagħti l-ebda vantaġġ li jista’ jitwaqqaf skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Bħala definizzjoni, kull deċiżjoni biex jintlaħaq kompromess iġġib magħha valutazzjoni tar-riskji minn kull waħda mill-partijiet konċernati bejn pagament ċert u immedjat minn naħa, u r-riżultat mistenni jew possibbli fit-tmiem ta’ kawża l-qorti, min-naħa l-oħra.

(133)

Għalhekk, skont Umicore ikun żbaljat li jiġu kwalifikati l-kundizzjonijiet ta’ transazzjoni ta’ “vantaġġ”, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn parti tikseb mit-tranżazzjoni riżultat evidentement superjuri għal kull ma setgħet tistenna li se tikseb minn kawża l-qorti.

(134)

Skont Umicore, il-Kummissjoni qed tassumi li jekk il-kwistjoni fiskali kellha titressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, f’appell għad-deċiżjoni amministrattiva, l-imħallef kien bilfors jikkundanna lil Umicore biex tħallas somma ħafna akbar minn dik li tirriżulta mill-ftehim li ntlaħaq bejn l-ISI u Umicore. Issa, biex tasal għal tali konklużjoni, il-Kummissjoni għalhekk għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-amministrazzjoni nazzjonali, jew inkella, jekk ikun il-każ, b’dik tal-imħallef nazzjonali.

(135)

Ir-rabanett, Umicore tagħmel referenza għall-każ Déménagements-Manutention Transport SA (43) (“DMT”), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li bl-għotja ta’ faċilitajiet ta’ pagament lill-intrapriża konċernata, l-ONSS (44) kien aġixxa bħala kreditur pubbliku, li, bħal kreditur privat, ifittex li jikseb il-ħlas tal-ammonti dovuti lilu minn debitur li jkollu problemi finanzjarji. Il-Qorti wara kienet tiddeċiedi li kienet ir-responsabbilità tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li jiddeċiedu jekk dawn il-faċilitajiet tal-ħlas kienux evidentement aqwa minn dawk li kreditur privat kien jagħti lil din il-kumpanija.

(136)

Skont dan l-istess raġunament tal-Qorti, Umicore tqis li f’dan il-każ l-ISI, bħala kreditur pubbliku li jfittex li, bħal kreditur privat, jikseb il-pagament tal-ammonti dovuti lilu, għażel li jirċievi pagament immedjat ta’ ammont nett minflok ammont gross, li ppermettielu li jipproċedi għal irkuprar żgur u malajr ħafna. Dan l-aġir għalhekk huwa ekonomikament raġonevoli u prudenti, u jista’ jitqabbel ma’ dak li kien jagħmel kreditur privat ipotetiku li jkun jinsab fl-istess sitwazzjoni.

Dwar is-selettività

(137)

F’dan il-każ, Umicore tqis li l-kriterju tas-selettività huwa evidentement assenti, peress li l-ftehim fiskali in kwistjoni jikkostitwixxi biss applikazzjoni partikolari għall-persuna taxxabbli ta’ sistema ġenerali aċċessibbli għal kull kontribwent fl-istess sitwazzjoni, u l-ISI, meta jilħaq kompromess, ma jeżerċitax poter diskrezzjonali.

(138)

Anke jekk wieħed iqis li l-miżura in kwistjoni tista’ titqies selettiva, din tkun madankollu ġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema. Fil-fatt, skont Umicore, miżura fiskali anke jekk selettiva għandha titqies bħala li ma tagħtix vantaġġ meta jintwera li din tikkontribwixxi għall-effikaċja tal-irkuprar tat-taxxa (45). F’dan il-każ, Umicore iqis li l-miżura tkun ġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema peress li l-ftehim milħuq ikkontribwixxa għall-irkuprar effikaċi tat-taxxa (46).

Eċċess ta’ poter

(139)

Umicore issostni li l-interpretazzjoni tal-idea ta’ għajnuna mill-Istat b’mod li din tinkludi ftehim fiskali bħal dak milħuq mal-ISI inevitabilment iwassal lill-Kummissjoni biex taqbeż il-limiti tal-poter tagħha u tassumi kompetenza fil-qasam tal-irkuprar tat-taxxa indiretta li din m’għandhiex u, li tassumi l-prerogattivi tal-imħallfin nazzjonali li huma biss kompetenti biex jiddeċiedu kwistjoni fiskali.

In-nuqqas ta’ effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ

(140)

Umicore tindika li din ħallset somma konsiderevoli lill-ISI filwaqt li produtturi oħra tal-fidda kompetituri stabbiliti fi Stati Membri oħra ma ħallsu l-ebda VAT, multa jew interessi fuq kunsinni magħmula f’ċirkostanzi u kundizzjonijiet identiċi.

(141)

F’dan il-kuntest, Umicore tqis li l-miżura in kwistjoni evidentement ma setgħet bl-ebda mod issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq konċernat, jiġifieri dak tal-bejgħ tal-fidda fi frak. B’konsegwenza ta’ dan, Umicore tikkonkludi li l-ftehim milħuq mal-ISI ma jaffetwa la l-kompetizzjoni u l-anqas il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li b’konsegwenza l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 (1) tat-Trattat huwa eskluż f’dan il-każ.

V.2.   Parti terza anonima

(142)

Parti terza anonima bagħtet lill-Kummissjoni kopja ta’ ittra indirizzata lill-Ministru Belġjan tal-Finanzi bid-data tal-15 ta’ Frar 2002 li tinkludi analiżi legali tal-ftehim ma’ Umicore kif ukoll tat-tranżazzjonijiet konċernati.

(143)

Fl-ittra tagħha, din il-parti terza anonima sostniet li (a) il-ftehim bejn l-ISI u Umicore kellu l-effett li jiġi emendat ammont ta’ VAT dovut bħala multa, bi ksur tal-Artikoli 10 u 172 tal-Kostituzzjoni Belġjana u tal-Artikolu 84 tal-CTVA; (b) il-kunsiderazzjoni tal-impatt tat-taxxa korporattiva għad-determinazzjoni tal-ammont tal-VAT dovut jew tal-multa kienet illegali, u (c) l-applikazzjoni ta’ multa proporzjonali (għall-ammont tal-VAT) mingħajr ma jintalab il-ħlas tal-VAT stess kienet illoġika.

VI.   IR-REAZZJONI TAL-BELĠJU GĦALL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(144)

Il-Belġju jqis li l-pożizzjoni ta’ Umicore tikkonferma ġeneralment il-pożizzjoni tal-Belġju dwar il-proċedura diskussa, partikolarment fir-rigwar tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ proċedura formali ta’ rettifika fil-qasam tal-VAT, tan-nuqqas ta’ valur ġuridiku ta’ avviż ta’ aġġustament mhux iffirmat biex jintwera l-qbil tal-persuna taxxabbli, tal-legalità tal-ftehimiet fiskali u tal-aċċessibilità tagħhom mill-persuni taxxabbli kollha, u b’mod aktar ġenerali tan-nuqqas tal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(145)

Fir-rigward tal-ittra anonima tal-1 ta’ Ottubru 2004, il-Belġju jqis li din l-ittra ma tinkludi l-ebda osservazzjoni speċifika dwar il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat u għalhekk ma kienetx pertinenti.

VII.   INFORMAZZJONI SUPPLEMENTARI MIBGĦUTA MILL-BELĠJU

(146)

Wara r-restituzzjoni tad-dokumenti sekwestrati mill-awtoritajiet ġudizzjarji, il-Belġju bagħat lill-Kummissjoni serje ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti dwar it-transazzjonijiet li taw bidu għal din il-proċedura.

(147)

Fir-rigward tal-bejgħ lil klijenti stabbiliti fl-Italja, il-Belġju bagħat dokumenti li abbażi tagħhom kien ġie deċiż li tingħata l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 39a tal-CTVA. Id-dokumenti in kwistjoni jinkludu b’mod aktar partikolari fatturi maħruġa minn Umicore, fatturi tat-trasport u diversi dokumenti marbuta mat-trasport.

(148)

Fir-rigward tal-kunsinni lil klijenti stabbiliti fl-Isvizzera, il-Belġju bagħat ukoll serje ta’ dokumenti maħsuba biex juru t-trasport dirett tal-merkanzija lejn l-Italja. Skont il-Belġju, ir-rwol tal-kumpaniji Svizzeri kien limitat għal intervent finanzjarju fix-xiri u fit-trasport.

(149)

Fir-rigward tal-kunsinni magħmula matul il-perjodu 1997 sal-1998, il-Belġju speċifika li, għall-ewwel, l-aġġustament maħsub għas-snin 1995 sal-1996 ġie segwit għas-snin ta’ wara. Dan żied ukoll li l-istess spetturi tal-ISI kienu abbandunaw malajr ħafna r-rettifika għal dan il-perjodu. Għalhekk, il-Belġju bagħat ukoll kopja ta’ noti interni li juru li l-ispetturi konċernati kienu fil-fatt abbandunaw it-tassazzjoni maħsuba.

VIII.   L-APPREZZAMENT TAL-GĦAJNUNA

(150)

B’applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huma “inkompatibbli mas-suq intern, safejn dawn jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, taħt kwalunkwe forma li tkun, li jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni filwaqt li jiffavorixxu ċerti intrapriżi jew ċerti produzzjonijiet”.

(151)

Il-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat timplika li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin, jiġifieri li: 1) il-miżura in kwistjoni tagħti vantaġġ permezz tar-riżorsi tal-Istat, 2) dan il-vantaġġ ikun selettiv u 3) il-miżura in kwistjoni tkun tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u tkun tista’ taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(152)

Jaqbel ukoll li nfakkru li, skont ġurisprudenza kostanti, l-idea ta’ għajnuna tinkludi mhux biss servizzi pożittivi bħalma huma sussidji, imma wkoll interventi li, taħt forom differenti, iħaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż fuq il-baġit ta’ intrapriża, pereżempju l-eżenzjonijiet u t-tħaffif fiskali. (47).

VIII.1   Rimarki preliminarji

(153)

L-ewwelnett għandu jiġi nnutat li l-ftehimiet dwar it-trarnżazzjonijiet mal-konstribwenti jikkostitwixxu prattika normali tad-dipartiment fiskali Belġjan, u fir-rigward tal-qasam tal-VAT, dawn huma stabbiliti b’mod espliċitu mill-Artikolu 84 tal-CTVA. Barra minn hekk l-utilità ta’ ftehimiet bħal dawn li jippermettu li jiġu evitati diversi kawżi l-qorti mhix iddubitata minn din id-deċiżjoni.

(154)

Infakkru li l-istruzzjonijiet amministrattivi Belġjani f’dan il-qasam jistabbilixxu li l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni mal-persuna taxxabbli timplika b’mod ġenerali l-eżistenza ta’ konċessjonijiet minn naħa u minn oħra. Madankollu, skont l-Artikolu 84 tal-CTVA, tali tranżazzjonijiet huma possibbli biss sakemm ma jimplikaw l-ebda eżenzjoni jew tnaqqis fit-taxxxa. B’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, għaldaqstant tranżazzjoni ma tistax tibbaża fuq l-ammont tat-taxxa li jirriżulta mill-fatti stabbiliti, imma ċertament fuq kwistjonijiet ta’ fatti.

(155)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li ftehim dwar it-tranżazzjonijiet bejn il-persuna soġġetta għall-VAT u d-dipartiment fiskali Belġjana jista jwassal għall-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku biss fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

meta l-konċessjonijiet li jsiru mid-dipartiment huma evidentement sproporzjonati meta mqabbla mal-konċessjonijiet magħmula mill-persuna taxxabbli fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-kwistjoni, u jkun jidher li d-dipartiment evidentement ma japplikax l-istess trattament favorevoli għall-kontribwenti l-oħra li jkunu f’sitwazzjoni simili;

meta l-legalità tal-ftehim għandha tiġi ddubitata, pereżempju meta l-ammont tat-taxxa dovuta titnaqqas b’kuntradizzjoni mal-Artikolu 84 tal-CTVA (eżenzjoni jew tnaqqis fit-taxxa abbażi ta’ punt legali).

(156)

Jaqbel għalhekk li jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni konkluża bejn l-ISI u Umicore tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija qabel.

VIII.2   Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ

(157)

L-ewwelnett hemm lok li jiġi verifikat jekk il-miżura tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarju li jħaffef l-ispejjeż li normalment jaffetwaw il-baġit tiegħu (48). F’dan il-każ, għandu jiġi determinat jekk it-tranżazzjoni kuntenzjuża ġietx konkluża b’mod illegali jew abbażi ta’ konċessjonijiet sproporzjonati mid-dipartiment fiskali.

VIII.2.1.   Fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura

(158)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset li l-proċedura segwita mill-awtoritajiet fiskali setgħet tikkostitwixxi devjazzjoni mill-proċediment normali tal-proċedura ta’ determinazzjoni u likwidazzjoni ta’ dejn tal-VAT peress li l-ftehim ma jsemmix bażi legali u, fin-nuqqas ta’ qbil mill-persuna taxxabbli, id-dipartiment kellha tindirizza restrizzjoni flimkien ma’ żieda ta’ 50 % fil-multa.

(159)

Kif diġà indikat fil-premessa 39, il-fatt li jintbagħat avviż ta’ aġġustament jikkostitwixxi l-prattika normali tal-awtoritajiet fiskali Belġjani fil-qasam tal-VAT sabiex jiġi assigurat ir-rispett tal-prinċipji fundamentali pereżempju d-dritt għad-difiża. B’konsegwenza, iż-żewġ avviżi ta’ aġġustament indirizzati mill-ISI lill-kumpanija Umicore effettivament għandhom jitqiesu bħala avviżi preliminarji tal-awtoritajiet fiskali u mhux bħala l-fattur li joħloq l-eżiġibbiltà tal-VAT.

(160)

Barra minn hekk, il-possibbiltà li jintlaħqu ftehimiet dwar it-tranżazzjonijiet mal-persuni taxxabbli hija espressament stipulata fil-CTVA Belġjan, u għandha titqies bħala prattika normali tal-awtoritajiet fiskali Belġjani. Dawn tal-aħħar madankollu għandhom jirrispettaw il-prinċipju skont liema tali tranżazzjonijiet ma jistgħu jjinkludu la eżenzjoni u l-anqas tnaqqis fit-taxxa dovuta. Tali transazzjonijiet jidħlu allura fil-bidu fis-sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet fiskali jixtiequ jevitaw kawża l-qorti mal-persuna taxxabbli abbażi tal-fatti li m’humiex stabbiliti b’mod ċar.

(161)

Barra minn hekk, ta’ min jinnota li m’hemm l-ebda obbligu għall-awtoritajiet fiskali li jindirizzaw restrizzjoni fil-każ fejn id-dipartiment ma setax jikseb il-ftehim tal-persuna taxxabbli dwar it-tassazzjoni proposta fl-avviż ta’ aġġustament. Għall-kuntraru, fil-każ li jkunu jeżistu dubji dwar il-fatti konċernati, l-awtoritajiet kompetenti dejjem jistgħu jippruvaw jilħqu ftehim mal-persuna taxxabbli.

(162)

Fl-aħħarnett, mill-analiżi tat-testi legali jirriżulta wkoll li l-ebda dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-obbligu tal-awtoritajiet fiskali Belġjani li jsemmu bażi legali speċifika fil-ftehimiet in kwistjoni.

(163)

Il-Kummissjoni għalhekk għandha tikkonkludi, abbażi tal-kuntest ġuridiku deskritt f’din id-deċiżjoni, li l-proċedura applikata mill-awtoritajiet fiskali fir-rigward ta’ Umicore ipproċediet skont ir-regoli u l-prattiki fis-seħħ u ma tikkostitwix devjazzjoni mill-proċediment normali tal-proċedura.

(164)

Jaqbel imbagħad li jiġu analizzati t-tranżazzjonijiet in kwistjoni b’kunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet preliminarji li saru, sabiex tiġi determinata l-eżistenza possibbli ta’ vantaġġ. Ir-raġunament li jsegwi jibbaża fuq l-analiżi ta’ żewġ perjodi distinti, l-ewwel perjodu tas-snin 1995 u l-1996 li għalihom sar l-aġġustament magħmul mill-awtoritajiet fiskali, u t-tieni tas-snin 1997 u l-1998 li għalihom it-tassazzjoni tneħħiet kompletament.

VIII.2.2   Is-snin 1995 sal-1996

(165)

Fir-rigward tal-perjodu 1995 sal-1996, jaqbel li jiġu analizzati tliet tipi ta’ tranżazzjonijiet differenti li kienu soġġetti għal abbozz ta’ rettifika mibgħut lil Umicore fit-30 ta’ Novembru 1998 sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza possibbli ta’ vantaġġ. Għal kull tip ta’ tranżazzjoni, din l-analiżi għandha l-għan li tidentifika l-ammonti minimi ta’ VAT, multi u interessi għal dewmien li kellom jiġu imposti mill-awtoritajiet fiskali Belġjani abbażi ta’ interpretazzjoni raġonevoli tal-fatti, mingħajr konċessjonijiet eċċessivi fuq dawn u l-anqas xi applikazzjoni irregolari tar-regoli fil-qasam tal-VAT.

1.   Kunsinni ta’ merkanzija lil klijenti stabbiliti fl-Italja

(166)

F’dan l-ewwel każ ipotetiku, it-tranżazzjonijiet kienu marbuta ma’ kunsinni ta’ fidda pura “ex works” magħmula bejn Frar 1995 u Frar 1996 skont din il-Figura:

Image

(167)

Umicore harġet fatturi għall-merkanzija lill-kumpanija “B” (49) stabbilita fl-Italja u li kellha numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT f’dan l-Istat Membru. Din il-kumpanija tal-aħħar reġgħet ħarġet il-fatturi tal-merkanzija lill-klijent “C” persuna taxxabbli għall-VAT ukoll stabbilit fl-Italja. It-trasport tal-merkanzija sar, fuq ordni tal-persuna taxxabbli C, direttament mill-post tal-produzzjoni fil-Belġju lejn l-Italja. Il-parti l-kbira tal-fatturi mibgħuta minn Umicore lill-klijent tiegħu B tħallsu mill-persuna taxxabbli C.

(168)

Il-fatturi mibgħuta minn Umicore lil “B” inħarġu taħt il-kopertura tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 39a tal-CTVA. L-eżaminazzjoni tal-fatturi pro forma, miksuba fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet fiskali Taljani, turi li l-persuna taxxabbli C kienet id-destinatarju tal-merkanzija.

(169)

Fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ Novembru 1998, l-ISI inizjalment kien qies li l-kriterju tal-eżenzjoni għall-kunsinni intrakomunitarji b’rabta mat-trasport ma kienx sodisfatt minħabba li t-trasport kien sar f’isem klijent sussegwenti (u mhux minn jew f’isem il-bejjiegħ jew ix-xerrej kif stipulat fl-Artikolu 39a tal-CTVA). Fuq din il-bażi, id-dipartiment għalhekk kien ikkonkluda li t-tranżazzjoni bejn Umicore u l-klijent B kienet tikkostitwixxi kunsinna ta’ merkanzija mingħajr it-trasport u għahekk ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni tal-Artikolu 39a tal-CTVA.

(170)

L-informazzjoni mibgħuta mill-Belġju u minn Umicore lill-Kummissjoni madankollu jidhru li jippruvaw li r-realtà tat-tranżazzjoni bejn Unicore u l-kumpanija B setgħet b’mod raġonevoli tiġi ddubitata mill-awtoritajiet fiskali Belġjani. Fil-fatt, wieħed josserva li:

l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet fiskali Taljani kienet turi li l-kumpanija B setgħet titqies bħala operatur li jonqos minn dmiru (jew “missing trader”) li r-rwol tiegħu kien limitat għall-ħruġ ta’ fatturi bl-applikazzjoni tal-VAT u li wara jisparixxi mingħajr ma jissodisfa l-obbligi fiskali tiegħu, fosthom il-ħlas tal-VAT lill-awtoritàjiet fisklai Taljana;

l-informazzjoni mibgħuta minn dawn l-istess awtoritajiet fiskali Taljani kienet ukoll turi li l-uniku amministratur tal-kumpanija B ma kienx magħruf mil-pulizija;

żewġ talbiet għall-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet fiskali Belġjani lill-kontroparti Taljani fis-26 ta’ Awwissu 1998 u fl-1 ta’ April 1999 rispettivament juru wkoll li d-dipartiment fiskali Belġjan kellu dubji serji dwar il-verità tal-eżistenza tal-kumpanija B qabel il-konklużjoni tal-ftehim;

it-trasport tal-merkanzija lejn l-Italja kien sar f’isem il-persuna taxxabbli C;

il-merkanzija ġiet trasportata direttament mis-sit tal-produzzjoni fil-Belġju lejn maħżen fl-Italja fejn tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ C;

il-parti l-kbira tal-fatturi mibgħuta minn Umicore lill-kumpanija B tħallsu mill-kumpanija C;

ababażi tad-dikjarazzjonijiet tal-maniġers ta’ Umicore inklużi fir-rapport u li estratt minnu iddaħħal mill-ġdid fl-avviż ta’ aġġustament, jidher ukoll li ma kien jeżisti l-ebda kuntratt ta’ qafas bejn Umicore u l-kumpanija B;

għall-kuntraru, jidher li l-verità tal-eżistenza tal-kumpanija C qatt ma ġiet iddubitata mill-awtoritajiet fiskali Taljani li, waqt spezzjoni, kienu kisbu aċċess komplut għall-kotba tal-kontabbiltà ta’ din il-kumpanija.

(171)

Jekk jittieħdu waħedhom, kull waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet probabbilment mhix biżżejjed biex turi n-natura fittizja tal-bejgħ bejn Umicore u l-kumpanija B. Madankollu, meta dawn l-istess kunsiderazzjonijiet jitieħdu globalment jistgħu jwasslu biex jinbet dubju serju fir-rigward tal-verità tal-bejgħ bejn Umicore u l-kumpanija B. L-awtoritajiet fiskali Belġjani li kienu informati dwar id-dubji dwar l-eżistenza vera tal-attività tal-operatur B qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni mal-kumpanija Umicore fil-21 ta’ Diċemrbu 2000, għalhekk kellhom poteri diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-verità tat-tranżazzjonijiet u ta’ klassifikazzjoni eventwali mill-ġdid.

(172)

F’dan ir-rigward, jaqbel li nfakkru li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Appell fil-Belġju, it-taxxa għandha tkun ibbażata fuq il-verità tal-fatti (50). Id-dipartiment fiskali Belġjan għalhekk fil-prinċipju għandu jistabbilixxi t-tassazzjoni tiegħu mhux fuq it-tranżazzjonijiet apparenti ppreżentati mill-persuna taxxabbli biex tiġġustifika eżenzjoni eventwali, imma fuq it-tranżazzjonijiet attwali hekk kif jirriżultaw mill-intenzjoni vera tal-partijiet.

(173)

Jekk mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet fiskali Belġjani jirriżulta li l-bejgħ bejn A u B huwa bejgħ fittizju u li l-bejgħ attwali (li jinvolvi trasferiment tal-poter li wieħed jiddisponi mill-oġġett) fil-fatt ikun sar fir-relazzjoni bejn A u C, dawn l-awtoritajiet allura għandhom id-dritt li jerġgħu jikklassifikaw mill-ġdid il-kunsinna tal-oġġett bejn A u B bħala kunsinna ta’ oġġett bejn A u C, u japplikaw ir-regoli fil-qasam tal-VAT għal din it-transazzjoni klassifikata mill-ġdid.

(174)

Iċ-ċirkostanza li seħħet frodi fl-Italja minħabba l-medjazzjoni ta’ operatur li ma jaqdix dmiru ma tippermettix li jiġi dubitat id-dritt għall-eżenzjoni li setgħet tibbenefika minnu Umicore jekk il-bona fede ta’ din tal-aħħar ma tkunx ġiet iddubitata mill-amministrazzjoni Belġjana.

(175)

Għaldaqstant jirriżulta mill-informazzjoni preċedenti li l-awtoritajiet fiskali Belġjani setgħu b’mod leġittimu jikklassifikaw mill-ġdid it-tranżazzjonijiet konċernati bħala kunsinni intrakomunitarji bejn Umicore u l-kumpanija C, mingħajr ma din il-klassifikazzjoni mill-ġdid tikkostiitwixxi konċessjoni sproporzjonata mid-dipartiment jew applikazzjoni irregolari tar-regoli tal-VAT. Barra minn dan, dawn setgħu jagħtu l-eżenzjoni mill-VAT fuq it-tranżazzjonijiet klassifikati mil-ġdid minħabba li l-kundizzjonijiet kollha għall-eżenzjoni kienu sodisfatti (inkluż it-trasport minn jew f’isem ix-xerrej).

(176)

Għalhekk jaqbel li jiġi eżaminat (i) jekk l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhomx id-dritt li japplikaw multa abbażi tal-Artikolu 70 (2) tal-CTVA minħabba l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet mhux eżatti dwar il-fatturi, u jekk dan ikun minnu, (ii) għal liema ammont din il-multa kellha tkun iffissata u (iii) jekk Umicore ibbenefikatx minn konċessjonijiet sproporzjonati jew minn applikazzjoni irregolari tal-Liġi mid-dipartiment fiskali.

(177)

L-ewwelnett għandu jkun imfakkar li fil-każ ta’ ineżattezza fin-noti li għandhom jitniżżlu fuq fattura dwar kunsinna intrakomunitarja, l-AR Nru 41 jistipula multa li titla’ sa 100 % tat-taxxa dovuta fuq l-attivitajiet in kwistjoni. Madankollu, kif spjegat qabel fil-premessi 45 u 46, l-applikazzjoni ta’ multa amministrattiva hija soġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dipartiment jiddisponi, skont l-Artikolu 9 tad-Digriet tar-Re tar-Reġġent tat-18 ta’ Marzu 1831, mill-poter li jinjora l-iskali tal-multi stabbiliti fl-AR Nru 41.

(178)

F’dan il-każ, mhux eskluż li multa ta’ 100 % kienet tkun sproporzjonata b’kunsiderazzjoni tal-bona fede tal-persuna taxxabbli li qatt ma kienet iddubitata mill-amministrazzjoni. L-anqas mhu eskluż li, fil-kwadru tal-kawża tiegħu ma’ Umicore, id-dipartiment fiskali Belġjan ipprova jdaħħal kemm seta’, bl-istess mod li kreditur jipprova jiġbor kemm jista’ milli għandu jieħu. Ta’ min ifakkar f’dan ir-rigward li tali prattika ma taqax taħt l-Artikolu 107 tat-Trattat peress li din ma twassalx għal konċessjonijiet sproporzjonati jew illegali min-naħa tad-dipartiment.

(179)

B’kunsiderazzjoni tal-poteri diskrezzjonali li għandu d-dipartiment f’dan il-kuntest, bir-raġun wieħed jista’ jqis li, fil-kuntest ta’ ftehim dwar it-tranżazzjonijiet, l-ammont tal-multa kellu jiġi ffissat mid-dipartiment bħala perċentwali inkluża bejn 10 % u 50 %. Minn naħa, ir-rata ta’ 10 % tista’ titqies bħala aċċettabbli b’referenza għar-rata ta’ 10 % stipulata fit-Tabella G tal-Anness tal-AR Nru 41 għall-ksur stipulat fl-Artikolu 70 (1) tal-CTVA kif ukoll b’referenza għall-multa ta’ 10 % msemmija fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ Novembru 1998. Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ 50 % tista’ titqies bħala r-rata massima applikabbli meta wieħed iqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kuntest ta’ ftehim dwar it-tranżazzjonijiet. L-applikazzjoni ta’ rata ta’ 50 % tidher ukoll appoġjata minn deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Appell Belġjana (51). B’kunsiderazzjoni għall-fatt li dan id-digriet tal-aħħar huwa marbut ma’ kwistjoni penali, wieħed għalhekk jista’ jqis li, fil-każ fejn tiġi stabbilita l-assenza ta’ intenzjoni ta’ frodi minn Umicore, ir-rata ta’ 50 % tikkostitwixxi l-limitu massimu.

(180)

Għalhekk wieħed jista’ jikkonkludi li fir-rigward taċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, il-multa setgħet raġonevolment tiġi stabbilita għal ammont inkluż bejn BEF 33 238 698 (10 % x 332 386 976) u BEF 166 193 488 (50 % x 332 386 976).

(181)

Sakemm vantaġġ selettiv seta’ jirriżulta biss minn konċessjonijiet sproporzjonati min-naħa tal-amministrazzjoni fiskali, huwa biss l-anqas ammont, jiġifieri BEF 33 238 698, li għandu jkun jitqies għad-determinazzjoni ta’ vantaġġ possibbli. Dan l-ammont fil-prinċipju jista’ jitnaqqas mill-bażi taxxabbli tat-taxxa korporattiva (52).

(2)   Kunsinni ta’ merkanzija lil klijenti stabbiliti fl-Isvizzera

(182)

Fit-tieni każ ipotetiku is-sekwenza tat-transazzjonijiet kuntenzjużi mal-klijenti Svizzeri kienet tipikament kif ġej:

Image

(183)

Bejn Frar 1996 u Ottubru 1996, Umicore kienet toħroġ fatturi għall-merkanzija lill-kumpanija B (53) stabbilita fl-Isvizzera li ma kellhiex numru ta’ reġistrazzjoni mal-VAT fl-ebda Stat Membru. Il-kumpanija Svizzera wara kienet terġa’ toħroġ fattura għall-merkanzija lill-klijent C taxxabbli għall-VAT u stabbilit fl-Italja. It-trasport tal-merkanzija kien isir direttament mill-post tal-produzzjoni fil-Belġju lejn l-Italja. Abbażi tad-dokumenti mibgħuta mill-Belġju, jidher li t-trasport ġie ordnat mill-kumpanija C. Jidher ukoll li f’ċerti każijiet, il-prezz tal-merkanzija tħallas direttament minn C lil Umicore filwaqt li f’każijiet oħra, kienet il-kumpanija B li għamlet il-ħlas. Wieħed għandu jinnota wkoll li fil-verità C tirreferi għal kumpaniji meqjusa bħala fittizji mill-awtoritajiet fiskali Taljani u Spanjoli (54).

(184)

Il-fatturi mibgħuta minn Umiccore lill-kumpanija Svizzera B bejn Frar 1996 u Ottubru 1996 jirrigwardaw bejgħ ta’ fidda pura “ex works Hoboken” u jinkludu n-noti li ġejjin: “Esportazzjoni – Eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi”.

(185)

Minkejja li l-kunsinni in kwistjoni saru minn UMICORE bl-eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 39 tal-CTVA, l-informazzjoni miksuba mill-ISI mingħand il-persuna taxxabbli kif ukoll mingħand id-dipartiment Belġjan tad-Dwana u s-Sisa turi li t-trasport tal-merkanzija kien sar lejn l-Italja mingħajr ma kien hemm esportazzjoni.

(186)

Minħabba l-assenza ta’ esportazzjoni u għalhekk tad-dritt għall-eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 39 tal-CTVA, il-mistoqsija mill-ġdid hija li wieħed ikun jaf jekk l-awtoritajiet fiskali Belġjani setgħux waslu biex jikkonkludu li t-tranżazzjonijiet bejn Umicore u l-kumpanija Svizzera kienu fittizji, li t-tranżazzjonijiet veri kienu seħħew fir-relazzjoni bejn Umicore u C u li dawn it-tranżazzjonijiet tal-aħħar setgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 39a tal-CTVA.

(187)

Fl-avviż ta’ aġġustament tiegħu tat-30 ta’ Novembru 1998, l-ISI kien qies li l-kriterji għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 39 tal-CTVA (esportazzjonijiet) ma kienux sodisfatti minħabba li ma ġie ppreżentat l-ebda dokument li jipprova l-verità tal-esportazzjonijiet, u partikolarment l-ebda dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

(188)

Fuq din il-bażi, id-dipartiment għalhekk ikkonkluda li t-tranżazzjonijiet bejn Umicore u l-kumpaniji Svizzeri ma setgħux jiġu eżentati abbażi tal-Atikolu 39 tal-CTVA u tqiesu li saru fil-Belġju, skont l-Artikolu 15 (7) tal-CTVA u għalhekk kienu soġġetti għall-VAT Belġjana skont l-Artikolu 2 tal-CTVA. Dan għalhekk ikkonkluda li Umicore kellha tħallas ammont ta’ VAT ta’ BEF 312 608 393 (55) (EUR 7 749 359) kif ukoll multa li titla’ għal 10 % ta’ dan l-ammont.

(189)

Fi tweġiba supplementari tat-30 ta’ Marzu 2000 għall-avviżi ta’ aġġustament, Umicore issostni li “issa huwa stabbilit li l-mekkaniżmu implimentat kellu kaattru fittizju, li d-dipartiment kummerċjali ta’ Umicore ma setax ikun jaf bih. L-importazzjonijiet fl-Isvizzera qatt ma saru u għalhekk huwa essenzjali li jiġi enfasizzat li, f’dan il-fajl bħal fl-oħrajn, il-verità tal-kunsinni li saru fl-Italja ma hemmx dubji dwarha.”

(190)

Jidher ukoll fuq il-fatturi pro forma mibgħuta minn Umicore lill-klijenti svizzeri tagħha li l-isem tal-persuna taxxabbli Taljana destinatarju tal-merkanzija huwa msemmi b’mod espliċitu u li l-identità ta’ dan id-destinatarju hija kkonfermata mid-dokumenti tat-trasport imħejjija mit-trasportatur.

(191)

Għar-raġunijiet li ġejjin, ma tistax tiġi kkontemplata klassifkazzjoni mil-ġdid tat-tranżazzjonijiet konċernati bħala kunsinni intrakomunitarji bejn Umicore u l-entità C:

Fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim, id-dipartiment Belġjan kien diġà informat li C kien jirreferi fil-verità għal entitajiet li kienu meqjusa bħala kumpaniji fittizji mill-awtoritajiet fiskali Taljani u Spanjoli;

Qatt ma kien hemm dubju dwar il-verità tal-eżistenza tal-kumpaniji Svizzeri, la min-naħa tal-awtoritajiet fiskali Belġjani jew Taljani, u l-anqas minn Umicore;

Il-kumpanija Umicore ma setatx tinjora l-fatt li hi ma kellhiex id-dritt li tapplika l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 39 tal-CTVA (l-eżenzjoni mill-VAT għall-esportazzjonijiet) fl-assenza tal-esportazzjoni tal-merkanzija.

(192)

Jirriżulta li t-tranżazzjonijiet konċernati ma setgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT abbażi tal-Artikolu 39 tal-CTVA (minħabba li ma kienx hemm esportazzjoni), l-anqas mill-eżenzjoni mill-VAT b’applikazzjoni tal-Artikolu 39a tal-CTVA. It-tranżazzjonijiet in kwistjoni f’dan il-każ kellhom jiġu analizzati bħala kunsinni ta’ merkanzija mingħajr it-trasport li ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT. Għalhekk jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikoli 15 (2 u 7) tal-CTVA u tal-Artikolu 2 tal-CTVA li Umicore kellha tħallas ammont ta’ VAT ta’ BEF 312 608 393 (EUR 7 749 359). Barra minn dan, multa ta’ 10 %, jiġifieri BEF 31 260 839, kellha wkoll tiġi applikata fuq dan l-ammont b’applikazzjoni tal-Artikolu 70 (1) tal-CTVA u tal-Artikolu 1 (1) tal-AR Nru 41. L-ebsa element mill-fajl ma jippermetti lill-Kummissjoni taħseb li din ir-rata ta’ 10 % se tqajjem problema fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (56).

(193)

Skont ir-regoli fiskali applikabbli, l-ammont tal-VAT addizzjonali dovut mill-persuna taxxabbli u mhux inkluż fil-fatturi mogħtija lill-klijent għandu jitqies bħala spiża li tista’ titnaqqas għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli skont it-taxxa korporattiva. L-ammont tal-multa amministrattiva jista’ wkoll jitnaqqas mit-taxxa korporattiva.

3.   Kunsinni ta’ merkanzija lil klijenti stabbiliti fl-Italja u fi Spanja

(194)

Bejn Ottubru u Diċembru 1996, is-sekwenza ta’ tranżazzjonijiet kuntenzjużi ma’ dawn il-klijenti kienet kif ġej:

Image

(195)

Umicore ħarġet il-fatturi għall-merkanzija lill-kumpaniji “B” stabbiliti fl-Italja jew fi Spanja u li kellhom hemmhekk numru tar-reġistrazzjoni mal-VAT. Il-fatturi in kwistjoni kienu għall-bejgħ ta’ fidda pura “ex works” u tħejjew kemm skont l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 39 tal-CTVA (esportazzjonijiet) kemm l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 39a tal-CTVA (kunsinni intrakomunitarji). It-trasport tal-merkanzija kienet issir direttament mill-post tal-produzzjoni fil-Belġju lejn l-Italja. Fil-maġġor parti tal-każijiet, il-pagament tal-fatturi kien sar mill-kumpanija Svizzera C (57) li kienet tidher ukoll bħala dik li fil-verità ordnat it-trasport (58).

(196)

Fl-aħħar, l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet fiskali Taljani u Spanjoli lid-dipartiment Belġjan qabel il-konklużjoni tal-ftehim dwar it-tranżazzjonijiet turi li l-kumpaniji B kienu fittizji.

(197)

Fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ Novembru 1998, id-dipartiment fiskali Belġjan kien tal-fehma li r-referenza tax-xerrejja fuq il-fatturi tal-bejgħ ma kienetx korretta u li l-kumpaniji Svizzeri C kienu l-veri xerrejja tal-merkanzija. Fin-nuqqas ta’ kull esportazzjoni ‘l barra mit-territorju tal-Unjoni, id-dipartiment Belġjan speċifika fl-avviż tiegħu li l-eżenzjoni tal-Artikolu 39 tal-CTVA ma kienetx tapplika u li l-bejgħ konċernat kellu jerġa’ jiġi klassifikat bħala kunsinni ta’ merkanzija soġġetti għall-VAT Belġjana b’applikazzjoni tal-Artikolu 15 (2 u 7) tal-CTVA u tal-Artikolu 2 tal-CTVA. Id-dipartiment ikkonkluda għalhekk li Umicore kellha tħallas ammont ta’ BEF 63 216 555 (59) (EUR 1 567 097,46) bħala VAT kif ukoll multa amministrattiva ta’ 10 % ta’ dan l-ammont.

(198)

Fil-kuntest ta’ skambju ta’ ittri mal-ISI, Umicore indikat li l-kumpaniji Svizzeri kienu awtorizzati mill-kumpaniji B biex jorganizzaw it-trasport tal-merkanzija, u biex jaġixxu wkoll bħala aġent finanzjarju għall-istess kumpaniji.

(199)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li m’hemm l-ebda element fil-fajl li jippermetti li jintwera li l-kumpaniji Svizzeri kienu aġixxew bħala aġenti tat-trasport f’isem il-kumpaniji Taljani u Spanjoli. Għall-kuntraru, id-dokumenti kollha mibgħuta lill-Kummissjoni juru li t-trasport tal-merkanzija sar f’isem il-kumpaniji Svizzeri u li dawn tal-aħħar kienu l-benefiċjarji u l-propjetarji effettivi tal-merkanzija konċernata.

(200)

B’konsegweza, il-Kummissjoni tqis li, fl-avviż ta’ aġġustament tagħhom, l-awtoritajiet fiskali Belġjani kellhom kull dritt jikklassifikaw mill-ġdid it-tranżazzjonijiet kuntenzjużi tal-kunsinni tal-merkanzija lill-kumpaniji Svizzeri. Dawn il-kunsinni għalhekk kellhom ikunu soġġetti għall-VAT Belġjana b’applikazzjoni tal-Artikolu 15 (2 u 7) tal-CTVA u tal-Artikolu 2 tal- CTVA mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 39 jew 39a tal-CTVA.

(201)

Fl-istess każ fejn l-awtoritajiet fiskali setgħu jagħrfu b’mod leġittimu il-verità tat-tranżazzjonijiet mal-kumpaniji Taljani u Spanjoli, l-eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 39a tal-CTVA kellha tiġi rrifjutata minħabba n-nuqqas ta’ trasport minn jew f’isem il-bejjiegħ (Umicore) jew ix-xerrej (B).

(202)

Għalhekk għandu jiġi konkluż li Umicore kellha tħallas ammont ta’ BEF 63 216 555 (EUR 1 567 097,46) bħala VAT kif ukoll multa amministrattiva ta’ BEF 6 321 655 (10 % tal-VAT dovut) b’applikazzjoni tal-Artikolu 70 (1) tal-CTVA u tal-Artikolu 1 (1) tal-AR Nru 41.

(203)

L-ammont ta’ BEF 63 216 555 kif ukoll l-ammont tal-multa amministrattiva fil-prinċipju jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa korporattiva.

4.   Kunsiderazzjoni tal-fatt li ma jistax jitnaqqas l-ammont tat-tranżazzjoni

(204)

Il-prattika li għandha l-għan li tqis multa amministrattiva li fil-prinċipju tista’ titnaqqas (mill-bażi taxxabbli) mit-taxxa korporattiva bħala ammont li ma jistax jitnaqqas u li jitnaqqas imbagħad l-ammont ta’ din il-multa sabiex jitqies dan in-nuqqas ta’ tnaqqis (kumpens jew “netting”) mhix konformi mar-regolamentazzjoni u l-anqas mal-prattika amministrattiva f’dan il-qasam (60). Għaldaqstant, jaqbel li jitqies il-vantaġġ u l-iżvantaġġ li jirriżulta minn din il-prattika meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn tali kumpens ma jkunx ġie applikat mid-dipartiment.

(205)

L-istess raġunament jista’ jiġi applikat għall-ammonti tal-VAT li fil-prinċipju jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa korporattiva u li jkunu bbenefikaw minn dan l-istess kumpens.

(206)

Fost l-ammonti stabbiliti fit-taqsimiet preċedenti, l-ammonti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li jistgħi jitnaqqsu:

33 238 698 + 312 608 393 + 31 260 839 + 63 216 555 + 6 321 655 = BEF 446 646 140.

(207)

L-impatt negattiv għal Umicore ta’ dawn l-ammonti li ma jistgħux jitnaqqsu jista’ jiġi stmat fil-prinċipju bħala:

446 646 140 × 40,17 % (61) = BEF 179 417 754

(208)

Madankollu, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li Umicore wriet telf fiskali għad-dħul taxxabbli tas-sena 2000, il-fatt li ma setgħux jitnaqqsu l-ammonti konċernati fil-verità kellhu impatt negattiv biss għall-perjodu taxxabbli ta’ wara (dħul tal-2001) li matulu Umicore fil-fatt kienet attribwit it-telf fiskali differibbli kollu tagħha. B’konsegwenza, il-mekkaniżmu tal-kumpens hekk kif applikat mid-dipartiment Belġjan kellu l-effett li jiddifferixxi l-pagament tat-taxxa jew tal-multa fuq il-perjodu taxxabbli ta’ wara.

(209)

Barra minn dan, peress li t-taxxa korporattiva Belġjana fil-prinċipju għandha titħallas permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem li jagħmel il-kontribwent matul is-sena taxxabbli sabiex jevita żidiet fit-taxxa (62), b’mod raġonevooli wieħed jista’ jqis li fin-nuqqas ta’ kumpens, Umicore kien ikollha tagħmel il-pagamenti in kwistjoni f’nofs is-sena 2001, li fil-prattika jfisser li Umicore ibbenefikat minn differiment tal-ħlas tal-ammont ta’ BEF 179 417 754 għal 6 xhur.

(210)

L-impatt pożittiv tan-nuqqas tal-possibbiltà tat-tnaqqis għal Umicore għahekk jista’ jkun stmat għall-ammont li ġej:

179 417 754 BEF × 0,8 % (63) × 6 xhur = BEF 8 612 052

5.   Interessi għal dewmien

(211)

L-interessi għal dewmien dovuti fil-prinċipju fuq l-ammonti tal-VAT ikkalkulati qabel għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata kull xahar ta’ 0,8 % mill-21 ta’ Jannar 1997 (64) u sa meta sar il-ħlas effettiv fit-tmiem tax-xahar ta’ Diċembru 2000:

37,6 % (65) × (312 608 393 + 63 216 555) = BEF 141 310 180

6.   Sommarju tal-ammonti dovuti għall-perjodu 1995 sal-1996

(212)

L-ammonti minimii dovuti minn Umicore għall-perjodu 1995 sal-1996 huma miġbura fit-tabella hawn taħt:

(f’BEF)

DESKRIZZJONI

AMMONTI DOVUTI

1)

L-ewwel tip ta’ tranżazzjonijiet

 

Multa amministrattiva

33 238 698

2)

It-tieni tip ta’ tranżazzjonijiet

 

VAT dovut

312 608 393

Multa amministrattiva (10 %)

31 260 839

3)

It-tielet tip ta’ tranżazzjonijiet

 

VAT dovut

63 216 555

Multa amministrattiva (10 %)

6 321 655

Subtotal

BEF 446 646 140

4)

Interessi għal dewmien

141 310 180

Total dovut fil-prinċipju (VAT + interessi)

BEF 587 956 320

5)

L-impatt tal-fatt li ma jistax jitnaqqas:

 

– impatt negattiv tal-fatt li ma jistax jitnaqqas

– 179 417 754

+ impatt pożittiv tal-ħlas differit

+8 612 052

TOTAL

BEF 417 150 618

(213)

Abbażi tal-kalkolazzjoni preċedenti, għandu jitqies li l-ammont minimu li Umicore kellha tħallas għas-snin 1995 u l-1996 fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar it-tranżazzjonijiet mad-dipartiment fiskali jitla’ għal BEF 587 956 320 (EUR 14 575 056,46). Madankollu, qabel ma wieħed iqabbel dan l-ammont mal-ammont fil-ftehim, jaqbel li jitqies l-impatt tal-fatt li dan ma jistax jitnaqqas, li jgħolli l-ammont ikkalkolat għal BEF 417 150 618 (EUR 10 340 893,71).

VIII.2.3   Is-snin 1997 sal-1998

(214)

Fir-rigward tal-perjodu 1997 sal-1998, it-tranżazzjonijiet suspettati fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ April 1999 kienu jsegwu dan il-mudell:

Image

(215)

F’dan l-aħħar xenarju, il-klijent ta’ Umicore huwa l-fergħa B stabbilit fir-Renju Unit ta’ kumpanija li għandha numru tal-VAT fir-Renju Unit. Il-klijent sussegwenti huwa persuna taxxabbli C stabbilita fl-Italja. Il-merkanzija ġiet trasportata direttament mill-post tal-produzzjoni fil-Belġju lejn l-Italja. Fl-aħħarnett, il-ħlas tal-fatturi tal-bejgħ imħejjija minn Umicore kien sar mill-persuna taxxabbli B.

(216)

Fl-avviż ta’ aġġustament tat-30 ta’ April 1999, id-dipartiment fiskali kien tal-fehma li l-persuna taxxabbli B ma kellhiex dritt li titlob l-eżenzjoni mill-VAT stipulata fl-Artikolu 39a tal-CTVA minħabba li hi ma kellhiex numru tal-VAT validu fl-Italja. Alternattivament, dan kien jaħseb li, anke jekk wieħed jaċċetta li l-persuna taxxabbli B għandu attività ekonomika vera li tikkwalifikah bħala persuna taxxabbli għall-VAT, il-bejgħ konċernat irid jiġi analizzat bħala attivitajiet trijangolari intrakomunitarji. F’tali każ ipotetiku, l-ewwel bejgħ bejn Umicore u l-persuna taxxabbli B għandu jiġi analizzat bħala bejgħ nazzjonali mingħajr trasport soġġett għall-VAT Belġjan mingħajri il-possibbilità ta’ eżenzjoni minħabba li t-trasport ikun sar f’isem il-klijenti Taljani.

(217)

Primarjament, jaqbel li wieħed jinnota l-ewwelnett li, kuntrarju għall-perjodu 1995 sal-1996, l-istess spetturi tal-ISI stmaw ukoll li ma kien hemm l-ebda element suffiċjenti biex tiġi rrifjutata l-eżenzjoni. Fil-fatt din is-sitwazzjoni tirriżulta b’mod ċar min-noti interni indirizzati mill-ispetturi lid-Direttur tagħhom qabel u wara l-konklużjoni tal-ftehim.

(218)

It-tieninett, jidher mid-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Belġju permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Awwissu 2009, li t-trasport fil-fatt kien sar f’isem il-persuna taxxabbli B (u mhux f’isem ta’ klijent sussegwenti possibbli). Barra minn hekk dan jidher li jista’ jiġi kkonfermat abbażi tal-kopji tad-dokumenti mibgħuta minn Umicore lill-ISI fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Ġunju 1999 li juru li, għal kull bejgħ, kienet intbagħtet faks mill-persuna taxxabbli B lil Umicore biex jinformaha bl-identifikazzjoni tal-kumpanija tat-trasport, l-isem tas-sewwieq u n-numru tal-liċenzja tat-trakk.

(219)

Barra minn dan, iċ-ċirkostanza li fiha l-persuna taxxabbli B ma kellhiex numru tal-VAT validu fl-Italja, hekk kif tressaq mid-dipartiment Belġjan fl-avviż ta’ aġġustament tiegħu tat-30 ta’ April 1999, ma tidhirx li hija pertinenti fin-nuqqas ta’ kwalunkwe obbligu għal persuna taxxabbli li tkun irreġistrata mal-VAT fl-Istat Membru fejn tintbagħat il-merkanzija. Barra minn dan, wieħed għandu jinnota li d-dipartiment fiskali Ingliż, li bagħat l-informazzjoni lid-dipartiment Belġjan fuq talba ta’ dan tal-aħħar, qatt ma ddubita l-verità tal-eżistenza tal-attivitajiet tal-persuna taxxabbli B fir-Renju Unit.

(220)

Fl-aħħarnett, għandu jiġi nnnutat li d-dipartiment fiskali Belġjan ma ddubitax il-fatt li l-merkanzija kienet verament telqet mit-territorju Belġjan u li din ġiet trasportata lejn Stat Membru ieħor.

(221)

Dawn il-konsiderazzjonijiet juru biżżejjed li l-ISI ma kellux dettalji li ppermettewlu jirrifjuta l-eżenzjoni mill-VAT hekk kif applikata minn Umicore. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li Umicore ma kellha tagħmel l-ebda ħlas supplementari ta’ VAT, multa jew interessi għall-perjodu 1997 sal-1998.

VIII.2.4   Konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(222)

Abbażi tal-valutazzjoni preċedenti, jeħtieġ li jitqies li l-ammont minimu li Umicore kellha tħallas għas-snin 1995 sal-1998 fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar it-tranżazzjonijiet mad-dipartiment fiskali kien jitla’ għal total ta’ BEF 417 150 618 (EUR 10 340 893,71).

(223)

Peress li dan l-ammont hu inqas mill-ammont imħallas minn Umicore abbażi tal-ftehim tal-21 ta’ Diċembru 2000, wieħed ma jistax jikkonkludi li jeżistu konċessjonijiet sproporzjonati min-naħa tal-awtoritajiet fiskali Belġjani. L-uniku aspett tal-ftehim li jagħti deroga għar-regolamentazzjoni kif ukoll għall-prattika amministrattiva jikkonċerna l-mekkaniżmu tal-kumpens li bih l-ammont dovut tnaqqas biex jitqies il-fatt li dan l-ammont ma jistax jitnaqqas mit-taxxa korporattiva. Madankollu, l-impatt ekonomiku li jirriżulta minn din il-prattika ġie kkunsidrat kif suppost fil-valutazzjoni in kwistjoni.

(224)

Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-awtoritajiet fiskali Belġjani ma taw l-ebda vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju lill-kumpanija Umicore fil-kuntest tal-konklużjoni tal-ftehim dwar it-tranżazzjonijiet tal-21 ta’ Diċembru 2000.

IX.   KONKLUŻJONI

(225)

Il-Kummissjoni tiddikjara li l-ftehim dwar it-tranżazzjonijiet konkluż fil-21 ta’ Diċembru 2000 bejn l-awtoritajiet fiskali Belġjani u l-kumpanija Umicore ma kienx ta vantaġġ lil din tal-aħħar u għalhekk dan ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 (1) tat-Trattat

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftehim fiskali dwar it-tranżazzjonijiet konkluż fil-21 ta’ Diċembru 2000 bejn l-Istat Belġjan u l-kumpanija Umicore S.A. (ex Union Minière S.A.), dwar ammont ta’ BEF 423 miljun, ma’ jikkostitwix għajnuna skont l-Artikolu 107 (1) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-Renju tal-Belġju huwa destinatarju ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 280, 17.11.2004, p. 10.

(*)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru rispettivament l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropa (“TFUE”). F’dawn iż-żewġ każijiet, id-dispoizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi magħmula għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala magħmula rispettivament għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE. Xi bidliet fit-terminoloġija ukoll ġew adottati mit-TFUE, bħal pereżempju l-bidla ta’ “Komunità” f’ “Unjoni” u ta’ “suq komuni” f’ “suq intern”.

(2)  ĠU C 223, 7.9.2004, p. 2.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  ĠU L 376 tal-31.12.1991, p. 1.

(5)  Id-Direttiva 77/388/KEE (“Is-Sitt Direttiva dwar il-VAT”) tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).

(6)  L-Artikolu 5 (2) tal-AR Nru 18, jistabbilixxi li “ix-xerrej li ma jkunx stabbilit fil-Belġju, li hu stess jieħu pussess tal-merkanzija fil-Belġju, għandu jagħti, meta jieħu l-pussess, irċevuta lill-bejjiegħ stabbilit fil-Belġju. L-irċevuta li għandha tingħata lill-bejjiegħ għandha ssemmi d-data ta' meta ngħatat il-merkanzija, id-deskrizzjoni tagħhau l-pajjiż tad-destinazzjoni. L-istess dokument għandu jingħata lill-bejjiegħ meta t-teħid tal-pussess tal-merkanzija jseħħ fil-Belġju minn terza persuna, li taġixxi f’isem ix-xerrej li mhux stabbilit fil-Belġju. F’dan il-każ, id-dokument għandu jingħata minn din it-terza persuna, li tiddikjara li tkun taġixxi f’isem min taha l-ordni”. L-Artikolu 6 tal-AR Nru 18, tispeċifika li “Il-prova tal-esportazzjoni għandha tingħata mill-bejjiegħ (…) indipendentement mid-dokument speċifikat fl-Artikolu 5(2)”. L-Artikolu 3 tal-AR Nru 18, jistipula mbagħad li “Il-bejjiegħ f’kull ħin għandu jkollu l-pussess tad-dokumenti kollha li jiġġustifikaw il-fatt tal-esportazzjoni, u jipproduċi dawn id-dokumenti kull darba li jintalbu mill-aġenti responsabbli mill-kontroll. Dawn id-dokumenti jinkludu l-aktar il-formoli tal-ordni, id-dokumenti ta' trasport, id-dokumenti tal-ħlas, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 2” li jiddikjara “Kopja tal-fattura tal-bejgħ jew, f’nuqqas tal-fattura tal-bejgħ, nota ta’kunsinna li għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li trid tinkludi fattura tal-bejgħ, trid tintbagħat fl-uffiċċju tad-dwana skont ir-regolamentazzjoni tad-dwana fil-qasam tal-esportazzjoni, dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għandha tiġi preżentata”.

(7)  Estratt mit-tweġiba tal-Ministru Belġjan tal-Finanzi għall-mistoqsija Parlamentari Nru 248 tat-23 ta’ Jannar 1996 (Bull. Q.R., Ch. Repr. S.O. 1995-1996, Nru26 tat-18/3/1996) tispeċifika li “Kunsinna intrakomunitarja mat-tluq mill-Belġju tikkostitwixxi allura attività li trendi l-VAT fil-prinċipju fil-Belġju meta din issir minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali. Id-dritt għall-benefiċċju ta' din l-eżenzjoni jrid ovvjament jiġi pprovat mill-fornitur li jitolbu. Għalhekk hija responsabbiltà tiegħu li jipprova li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni ikunu ġew sodisfatti”.

(8)  L-Artikolu 16 jispeċifika li l-kunsinna ssir fil-mument fejn l-oġġett ikun għad-dispożizzjoni tax-xerrej u l-Artikolu 17 li l-fatt li jiġġenera t-taxxa sir u t-taxxa ssir dovuta fil-ħin meta ssir il-kunsinna tal-oġġett.

(9)  Ara d-Deċiżjoni tal-Cour de Cassation tal-21.5.1982, Pas. I, 1982, p. 1106.

(10)  Minkejja li din il-proċedura ma tkunx speċifikata espressament mill-Kodiċi tal-VAT, din tikkostitwixxi l-prattika normali tal-awtoritajiet sabiex ikunu rispettati diversi prinċipji fundamentali fosthom id-dritt tad-difiża u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(11)  Kumment amministrattiv tal-Kodiċi tal-VAT Nru 84/91.

(12)  Partikolarment fir-rigward tan-numru u tal-importanza tal-attivitajiet mhux verifikati permezz ta’ dokumenti regolari, imqabbla man-numru u mal-importanza tal-attivitajiet li kienu soġġetti għal dokumenti regolari.

(13)  Il-kumment amministrattiv Nru 70/67 jispeċifika li din id-dispożizzjoni tapplika meta l-persuna taxxabbli tbigħ mingħajr fattura lil klijent li jippreżenta ruħu bħala individwu b’kundizzjoni li l-persuna taxxabbli ma jkollhiex raġuni serja li jiddubita li l-partjieti kontraenti ma jkunux persuni taxxabbli.

(14)  Ara t-Tabella C.

(15)  Digriet tat-Tribunal tal-Arbitraġġ tal-24 ta’ Frar 1999 fil-kawża Nru 22/99.

(16)  Li minn dak iż-żmien saret il-Qorti Kostituzzjonali.

(17)  Qorti tal-Appell, 12 ta’ Frar 2009, RG C.07.0507.N, mhux ippublikat; Qorti tal-Appell, 13 ta’ Frar 2009, RG F.06.0107.N, mhux ippublikat u Qorti tal-Appell, 12 ta’ Frar 2009, RG F.06.0108.N.

(18)  Ara l-Artikolu 84 l-antik tal-CTVA.

(19)  L-Artikolu 9 tad-Digriet tar-Reġġent jistipula li l-Ministru tal-Finanzi għandu jiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet bl-għan li jsir il-ħlas tal-multi u ż-żidiet tad-drittijiet għal-multi, minbarra dawk iddikjarati mill-imħallef.

(20)  Id-Diretturi Reġjonali tal-ISI għandhom l-istess poteri skont l-Artikolu 95 tal-Liġi tal-15 ta’ Marzu 1999 li jissostitwixxi l-Artikolu 87 tal-Liġi tat-8 ta’ Awwissu 1980.

(21)  Ara l-Kumment VAT Nru 84/59

(22)  Ara l-Kumment VAT Nru 84a/4 u l-oħrajn ta’ wara.

(23)  Il-punt 9 taċ-Ċirkolari dwar il-VAT Nru 78 tal-15 ta’ Diċembru 1970.

(24)  Ara l-punt 530 tal-Manwal dwar il-VAT ippublikat mill-awtoritajiet tal-VAT, p. 116.

(25)  Jekk persuna taxxabbli tagħti fattura inizjalment għall-ammont ta’ 100, flimkiem ma’ VAT ta’ 21, jiġifieri ammont totali ta’ 121 u x-xerrej iħallas biss l-ammont ta’ 100, ir-rifużjoni eventwali ma tibbażax fuq ammont ta’ 21 imma fuq ammont ta’ 21 x (21/121) = 3.64.

(26)  Ma jeżistux struzzjonijiet preċiżi dwar il-mod li tiġi kalkulata r-rifużjoni f’każ ta’ xi telf parzjali fuq il-prezz. Madankollu, xejn ma jopponi li din ir-rifużjoni tista’ tiġi applikata fil-każijiet fejn l-ammont tal-VAT eventwalment jiġi fatturat mill-persuna taxxabbli (anke diversi snin wara l-fatt li jkun iġġenera t-taxxa).

(27)  Ara Com.I.R. Nru 53/88.

(28)  Ara Com.I.R. Nru 53/97 u Nru 53/97.1.

(29)  Ara b’mod partikolari d-Digriet tal-Qorti tas-26 ta’ Settembru 1996 fil-Kawża C-241/94, France/Commission, Rec. 1996, p. I-4551; id-deċiżjoni tat-Tribunal tas-6 ta’ Marzu 2002 fil-kawżi konġunti T-127/99, Diputación Foral de Álava, T-129/99, Comunidad Autónoma del País Vasco et Gasteizko Industria Lurra u T-148/99, Daewoo Electronics Manufacturing España, Rec. 2002 p. II-1275, il-punti 151 u 154.

(30)  L-Artikolu 85 tal-CTVA

(31)  F’din l-ittra (SG(99) 3364) tal-10/05/1999, il-Kummissjoni tispeċifika li, anke jekk id-dispożizzjonijiet Belġjani jidhru raġonevoli u proporzjonati, il-Kummissjoni kienet ippreżentata b’diversi lmenti li, partikolarment meta x-xerrej jitrasporta l-oġġett mixtri hu stess, l-amministrazzjoni titlob dokumenti li l-bejjiegħ ma jkunx jista’ jipproduċi, partikolarment id-dokumenti tat-trasport.

(32)  F’dan ir-rigward, il-Belġju jfakkar il-proċeduri ġudizzjarji Belġjani skont liema t-taxxa trid tkun ibbażata fuq il-verità tal-fatti kif ukoll fuq il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba. Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, l-awtoritajiet iqisu li din għandha żżomm akkont tal-elementi tal-prova mogħtija mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor biex eventwalment tingħata l-eżenzjoni mill-VAT għall-kunsinni intrakomunitarji.

(33)  F’dan il-każ, il-kumpanija Svizzera li xtrat il-merkanzija kienet approvat rappreżentant responsabbli fir-Renju Unit, li hu stess kien identifikat mal-VAT u li jissodisfa l-obbligi fiskali tiegħu f’dan il-pajjiż.

(34)  L-Artikolu 2 tal-CTVA jistipula li l-kunsinni tal-merkanzijai u l-provvista ta’ servizzi b’xejn huma soġġetti għat-taxxa meta dawn isiru fil-Belġju. Madankollu, l-Artikolu 53 (2) tal-CTVA jimponi l-għoti ta’ fattura għall-kunsinni jew is-servizzi kollha mogħtija, ikunu jew ma jkunux effettivament intaxxati fil-Belġju.

(35)  Barra minn hekk, l-Artikolu 70 (2) tal-CTVA għandu japplika meta l-fatturi, li l-għotja tagħhom hija preskritta skont l-Artikoli 53, 53 g u 54 tal-CTVA, ma jkunux inħarġu jew ma jkunux inħarġu kif suppost.

(36)  Ara l-Kummenti dwar il-VAT Nru 70/60 sa 70/62.

(37)  Ara Com.I.R, Nru 53/97 u 53/97.1.

(38)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tad-9 ta’ Lulju 2004, IP/04/882.

(39)  Ara l-punt 55 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(40)  Ara l-konklużjonijiet ta-Avukat Ġenerali fil-kawża C-353/95 P, Rec., 1997, p. I-7007, il-punt 30.

(41)  Umicore titkellem dwar l-istatistiki tal-ISI skont liema 22 % tal-ħlasijiet supplementari fil-kuntest tal-VAT dovuti għal żieda fid-dħul għall-perjodu 2000-2002 ġew stabbiliti wara ftehim mad-debitur.

(42)  Trib. Namur, 10.01.91, FJ.F, 91/204: “Id-dipartiment fiskali u l-kontribwent jistgħu legalment jilħqu kompromess dwar il-bażi taxxabbli fil-qasam tal-VAT. Id-dispożizzjonijiet legali u regolamentari applikabbli jistipulaw li meta jistqarr il-qbil tiegħu dwar it-tranżazzjoni marbuta mal-bażi taxxabbli, il-kontribwent għandu jitlob ukoll li jibbenefika min-tnaqqis fil-multi. B’dan il-mod il-ftehim jissodisfa d-definizzjoni tat-transazzjoni li l-karatteristika essenzjali tagħha hija l-eżistenza tal-konċessjonijiet reċiproċi li jagħmlu l-partijiet. Il-konċessjoni tal-kontribwent tikkonsisti, f’dan il-każ, fil-ftehim li huwa jilħaq fuq il-bażi taxxabbli li jirriżulta mill-avviż ta' aġġustament wara l-verifika. Il-konċessjoni tad-dipartiment fiskali tikkonsisti fit-tnaqqis tal-multi legali marbuta mal-ftehim dwar id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli”.

(43)  Digriet tad-29.6.1999, DM Transport, C-256/97, Rec.1999, p. I - 3913. DM Transport kellha tagħti l-aktar BEF 18.1 miljun lill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali Belġjan (l-“ONSS”), minħabba tnaqqis fis-salarji u kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi. Skont il-liġi tal-Belġju, l-impjegatur li ma jħallasx il-kontribuzzjonijiet fil-ħin ikun soġġett fost l-oħrajn għal multi u sanzjonijiet penali. Madankollu huwa permess li l-ONSS jista’ jagħti perjodu ta’ grazzja. Meta wieħed iqis li l-faċilitajiet tal-ħlas kienu ppermettew lill-intrapriża insolventi li tkompli tiffunzjona b’mod artifiċjali, it-Tribunal tal-Kummerċ ta’ Brussell għamel mistoqsija preliminari quddiem il-Qorti, sabiex jiġi determinat jekk tali faċilitajiet tal-ħlas setgħux jikkostitwixxu għajnuna milll-Istat.

(44)  L-Uffiċċju nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali fil-Belġju.

(45)  Digriet tas-06.03.02, Diputación Forai de Álava e.a., T-127/99, Rec. 2002, p. II - 1275, il-punti 164-166.

(46)  F’dan ir-rigward, Umicore tirreferi għall-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-miżuri marbuta mat-tassazzjoni diretta tal-intrapriżi (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3), skont liema l-għan ta’ sistema fiskali huwa “li jinġabar l-introjtu maħsub biex jiffinanzja l-ispejjeż tal-Istat”.

(47)  Ara partikolarment id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-15 ta’ Marzu 1994 fil-kawża C-387/92, Banco Exterior de España, Rec. 1994 p. I-877, il-punt 13; tat-8 ta’ Novembru 2001 fil-kawża C-143/99, Adria Wien Pipeline GmbH, Rec. 2001, p. I-8365, il-punt 38; tat-22 ta’ Novembru 2001 fil-kawża C-53/00, Ferring, Rec. 2001, p. I-9067, il-punt 15; tat-3 ta’ Marzu 2005 fil-kawża C-172/03, Heiser, Rec. 2005, p. I-1627, il-punt 36; tat-22 ta’ Ġunju 2006 fil-kawżi konġunti C-182/03 u C-217/03, Forum 187 ASBL, Rec. 2003, p. I-6887, il-punt 86.

(48)  Ara l-punt 9 tal-Komunikazzjoni tal-1998 imsemmija qabel fin-nota fil-parti t’isfel tal-paġna Nru 46.

(49)  “B” fil-verità jirreferi għal żewġ kumpaniji Taljani differenti.

(50)  Ara t-Taqsima II.2 dwar dan is-suġġett.

(51)  Qorti tal-Appell, deċiżjonijiet tat-12/9/2009, imsemmija qabel. Il-Qorti kkonfermat li multa ta’ 200 % kienet sproporzjonata fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-kwistjoni u li l-Qorti tal-Appell kienet bir-raġun niżżlet l-ammont tal-multa għal 50 %.

(52)  Ara t-Taqsima II.2. dwar dan is-suġġett.

(53)  B jirreferi fil-verità għal żewġ kumpaniji stabbiliti fl-Isvizzera.

(54)  “C” jirreferi fil-verità għall-istess kumpaniji bħal “B” fit-tielet każ ipotetiku deskritt fil-premessa li jmiss.

(55)  BEF 1 488 611 396 × 21 % = BEF 312 608 393

(56)  Fil-każijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 70 (1), ir-rata ta’ 10 % tikkostitwixxi l-ammont minimu applikat mill-awtoritajiet fiskali.

(57)  C jirreferi fil-verità għall-istess kumpaniji Svizzeri li kienu implikati fit-tieni każ ipotetiku.

(58)  Il-fatturi pro forma mħejjija minn Umicore isemmu fid-deskrizzjoni tal-merkanzija l-isem tal-kumpanija C bħala l-“propjetarju”. Fir-rigward tad-dokumenti tat-trasport, dawn huma indirizzati inizjalment lill-kumpanija Svizzera C u jsemmu ġeneralment li l-merkanzija hija destinata għall-Italja f’isem il-kumpanija Svizzera C.

(59)  21 % tal-ammonti fatturati: (29 595 944 + 34 744 972 + 32 355 113 + 73 803 950 + 130 531 237) × 21 % = BEF 63 216 555

(60)  Ara t-Taqsima II.2

(61)  Ir-rata tat-taxxa korporattiva applikabbli fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim.

(62)  Ara l-Artikolu 218 CIR92 flimkien mal-Artikoli 157 sa 168 CIR92.

(63)  Ir-rata applikata mid-dipartiment fiskali Belġjaa għall-kalkolazzjoni tal-interessi għal dewmien.

(64)  Data speċifikata fl-avviż ta’ aġġustament abbażi tal-prattika normali tad-dipartiment fiskali.

(65)  (3×12-il xahar) + 11-il xahar = 47 xahar × 0,8 % = 37,6 %


Top