Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0241

    2011/241/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ April 2011 li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fis-Slovakkja Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 101, 15.4.2011, p. 124–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/241/oj

    15.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 101/124


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-14 ta’ April 2011

    li testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fis-Slovakkja

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/241/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja,

    Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, u b’mod partikolari l-Kapitolu 3 tal-Anness XIV tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mis-Slovakkja,

    Billi:

    (1)

    L-Att tal-Adeżjoni tal-2003 jipprovdi li s-Slovakkja tista’ żżomm fis-seħħ, skont il-kundizzjonijiet stipulati fih, għal perjodu ta’ seba’ snin mill-adeżjoni li jiskadi fit-30 ta’ April 2011, projbizzjonijiet dwar l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi minn Stati Membri oħra tal-UE li mhumiex stabbiliti, lanqas reġistrati u lanqas għandhom fergħa jew aġenzija fis-Slovakkja. Din hija eċċezzjoni temporanja għall-moviment ħieles tal-kapital kif iggarantit fl-Artikoli 63 sa 66 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan il-perjodu tranżitorju jista’ jiġi estiż darba biss għal perjodu ta’ tliet snin.

    (2)

    Fl-20 ta’ Jannar 2011, is-Slovakkja talbet biex testendi l-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola bi tliet snin.

    (3)

    Ir-raġuni ewlenija għall-perjodu tranżitorju kienet il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardati l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-attivitajiet agrikoli wara l-introduzzjoni tas-suq uniku u t-tranżizzjoni għall-Politika Agrikola Komuni fis-Slovakkja. B’mod partikolari, l-għan tiegħu kien li jirreaġixxi għat-tħassib li tqajjem dwar l-impatt possibbli fuq is-settur agrikolu li kieku kellha tiġi liberalizzata l-art agrikola minħabba d-differenzi kbar inizjali fil-prezzijiet tal-art u d-dħul meta mqabbel mal-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit (minn issa ’l quddiem l-UE-15). Il-perjodu tranżitorju kien maħsub biex iħaffef il-proċess tar-restituzzjoni u l-privatizzazzjoni tal-art agrikola. Fir-rapport tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar ir-Reviżjoni tal-miżuri tranżitorji għall-akkwist tal-proprjetà agrikola stabbiliti fit-Trattat tal-Adeżjoni 2003 (minn hawn ’il quddiem “ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu”), il-Kummissjoni kienet diġà saħqet fuq l-importanza li titlesta r-riforma agrikola msemmija hawn fuq sat-tmiem tal-perjodu tranżitorju previst (1).

    (4)

    Skont id-dejta li l-Eurostat għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-prezzijiet tal-art agrikola fis-Slovakkja huma orħos minn dawk tal-art agrikola fl-UE. Il-konverġenza sħiħa fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-art agrikola la kienet mistennija u l-anqas ikkunsidrata bħala prekundizzjoni meħtieġa biex jintemm il-perjodu tranżitorju. Madanakollu, id-differenzi evidenti bejn il-prezzijiet tal-art agrikola tas-Slovakkja ma’ dawk tal-UE-15 huma tali li jistgħu jfixklu l-progress mingħajr skossi lejn il-konverġenza fil-prezzijiet. Ir-riskju ta’ attività spekulattiva tal-artijiet b’valur baxx huwa importanti wkoll.

    (5)

    B’mod simili għal-livelli tal-prezzijiet tal-art agrikola, id-dejta mill-Eurostat turi li għadu jippersisti d-distakk tal-PDG per capita fl-Istandards tal-Kapaċità tal-Akkwist fis-Slovakkja u fl-UE-15. B’hekk, il-prezzijiet eżistenti tal-art agrikola huma għolja meta mqabbla mal-kapaċità tal-akkwist fis-Slovakkja.

    (6)

    Skont il-Eurostat, l-istruttura tal-proprjetà agrikola fis-Slovakkja hija karatterizzata mill-predominanza ta’ ażjendi agrikoli żgħar li jitmexxew mill-familji li jkunu ta’ anqas minn 2 ettari u li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux orjentati lejn is-suq. Il-proċess ta’ konsolidazzjoni ta’ dawn l-ażjendi agrikoli miexi bil-mod wisq u bejn l-2001 u l-2007, il-medja taż-żona agrikola sfruttata għal kull ażjenda li tkun anqas minn 2 ettari, żdiedet minn 0,5 ettari għal 0,6 ettari. Anke jekk 4,56 % biss tal-għadd totali tal-ħaddiema jaħdmu fl-agrikoltura, kważi nofs il-popolazzjoni tgħix f’żoni rurali. Skont l-awtoritajiet Slovakki bosta artijiet agrikoli li huma privati ma ssirx biedja fihom.

    (7)

    Il-konsolidazzjoni tal-art agrikola hija mxekkla wkoll mill-proċess mhux mitmum tar-restituzzjoni tad-drittijiet tas-sjieda minħabba talbiet pendenti li għadhom ma ġewx solvuti. Barra minn hekk, aktar minn 360 000 ettaru tal-artijiet agrikoli privati huma amministrati mill-Fond Slovakk għall-Artijiet sakemm issir l-identifikazzjoni tas-sidien legali tagħhom. Madwar 130 000 ettaru tal-artijiet agrikoli li huma proprjetà tal-Istat għadhom taħt l-amministrazzjoni tal-Fond Slovakk għal-Artijiet. Dawn l-artijiet flimkien ma’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali jirrapreżentaw kważi kwart taż-żona totali tal-artijiet agrikoli fir-Repubblika Slovakka. In-nuqqas ta’ ċarezza għad-drittijiet tal-proprjetà bla dubju tfixkel it-tranżazzjonijiet u l-konsolidazzjoni tal-artijiet agrikoli. Il-frammentazzjoni tal-art, b’hekk qed tkompli tikkontribwixxi għal anqas kompetittività u qed twassal biex l-ażjendi agrikoli jkunu anqas orjentati lejn is-suq.

    (8)

    F’dan il-kuntest, jista’ jiġi antiċipat, kif qed jagħmlu l-awtoritajiet Slovakki, li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fl-1 ta’ Mejju 2011 ser toħloq pressjoni fuq il-prezzijiet tal-art fis-Slovakkja. Għalhekk, teżisti theddida ta’ disturbi serji fuq is-suq tal-art agrikola fis-Slovakkja ladarba l-perjodu tranżitorju jiskadi.

    (9)

    Għalhekk il-perjodu tranżitorju msemmi fil-Kapitolu 3 tal-Anness XIV għall-Att tal-Adeżjoni tal-2003 għandu jiġi estiż bi tliet snin.

    (10)

    Sabiex is-suq jitħejja bis-sħiħ għal-liberalizzazzjoni, hu importanti ħafna, minkejja ċ-ċirkostanzi ekonomiċi iebsa, li jibqa’ jissaħħaħ it-titjib ta’ fatturi bħall-faċilitajiet ta’ kreditu u ta’ assigurazzjoni għall-bdiewa, u t-tlestija tar-riformi agrikoli matul il-perjodu tranżitorju, kif diġà ġie enfasizzat fl-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu.

    (11)

    Minħabba li s-suq uniku miftuħ kien minn dejjem fil-qalba tal-prosperità Ewropea, żieda fid-dħul tal-kapital barrani għandha tattira benefiċċji potenzjali anke għas-suq agrikolu fis-Slovakkja. Kif ġie enfasizzat fl-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu tal-2008, l-investiment barrani fis-settur agrikolu se jkollu wkoll effetti importanti fuq perjodu ta’ żmien twil fuq l-għoti tal-kapital u l-għarfien, dwar il-funzjonament tas-swieq tal-artijiet u dwar il-produttività agrikola. It-tnaqqis progressiv tar-restrizzjonijiet dwar is-sjieda barranija matul il-perjodu tranżitorju se jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjija tas-suq biex dan jiġi liberalizzat għal kollox.

    (12)

    Għall-fini ta’ ċertezza legali u sabiex jiġi evitat vojt ġuridiku fis-sistema legali nazzjonali tas-Slovakkja wara li jiskadi l-perjodu tranżitorju attwali, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist tal-art agrikola fis-Slovakkja msemmi fil-Kapitolu 3 tal-Anness XIV għall-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandu jiġi estiż sat-30 ta’ April 2014.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  COM(2008) 461 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008.


    Top