Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0095

Direttiva tal-Kummissjoni 2009/95/KE tal- 31 ta' Lulju 2009 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l- aluminium phosphide li jirrilaxxa l- phosphine bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 201, 1.8.2009, pp. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/95/oj

1.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/54


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/95/KE

tal-31 ta' Lulju 2009

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-aluminium phosphide li jirrilaxxa l-phosphine bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment ikunu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-aluminium phosphide.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, l-aluminium phosphide ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 14, rodentiċidi, kif definit fl-Anness V għad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Il-Ġermanja nħatret bħala l-Istat Membru Referent u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2006 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, ir-riżultati tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-30 ta’ Mejju 2008, f’rapport ta’ evalwazzjoni.

(5)

Mill-eżamijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom l-aluminium phosphide jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk huwa xieraq li l-aluminium phosphide jiġi inkluż fl-Anness I sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom l-aluminium phosphide jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttivi 98/8/KE.

(6)

L-użi potenzjali mhux kollha ġew evalwati fil-livell Komunitarju. Għaldaqstant huwa f’loku li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ir-riskji għall-kompartimenti u l-popolazzjonijiet li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskju Komunitarja, u li, meta jkunu qed jagħtu awtorizzazzjonijiet tal-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri adegwati jew jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi biex itaffu r-riskji identifikati għal livelli aċċettabbli.

(7)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ valutazzjoni, huwa f’loku li jkun hemm l-esiġenza li l-prodotti li fihom l-aluminium phosphide u li jintużaw bħala rodentiċidi jkunu awtorizzati biss għall-użu minn professjonali mħarrġa skont l-Artikolu 10(2)(i)(e) tad-Direttiva 98/8/KE, u li jittieħdu miżuri speċifiċi ta’ taffija tar-riskju fuq il-livell tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti ta’ dan it-tip. It-tali miżuri għandu jkollhom il-mira li jillimitaw għal livell aċċettabbli l-esponiment tal-utenti u tal-annimali mhux fil-mira għall-aluminium phosphide.

(8)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva aluminium phosphide u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidali b’mod ġenerali.

(9)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE, jibda mid-data tal-inklużjoni.

(10)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 14 li fihom l-aluminium phosphide biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.

(11)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali ġie kkonsultat fit-30 ta’ Mejju 2008 u ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta’ Direttiva tal-Kummissjoni li temenda l-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi l-aluminium phosphide bħala sustanza attiva. Fil-11 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz imsemmi għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Parlament ma opponiex l-abbozz ta’ miżuri fl-iskadenza stabbilita. Il-Kunsill oppona l-adozzjoni mill-Kummissjoni, bl-indikazzjoni li l-miżuri proposti kienu jmorru lil hinn mill-poteri ta’ implimentazzjoni pprovduti fid-Direttiva 1998/8/KE. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kunsill ma adottax il-miżuri abbozzati u ressaq abbozz emendat tad-Direttiva kkonċernata quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali. Il-Kumitat Permanenti ġie kkonsultat fuq l-abbozz imsemmi fl-20 ta’ Frar 2009.

(13)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membru għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.


ANNESS

L-entrata li ġejja “Nru 20” għandha tiddaħħal fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE:

Nru

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif imqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità mal-Artikolu 16(3)

(ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*1)

“20

aluminium phosphide li jirrilaxxa l-phosphine

aluminium phosphide

Nru tal-KE: 244-088-0

Nru tal-CAS: 20859-73-8

830  g/kg

fl-1 ta’ Settembru 2011.

fil-31 ta’ Awwissu 2013.

fil-31 ta’ Awwissu 2021.

14

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi evalwata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jevalwaw, meta rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu u/jew esponiment u/jew popolazzjonijiet li għalihom ma ġewx indirizzati fil-valutazzjoni fuq livell Komunitarju u li jistgħu jiġu esposti għall-prodott.

Meta jagħtu awtorizzazzjoni għall-prodott, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw ir-riskji u sussegwenteent jiżguraw li jittieħdu miżuri adegwati jew li jkunu imposti kundizzjonijiet speċifiċi biex jittaffew ir-riskji identifikati.

L-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti jistgħu jingħataw biss meta l-applikazzjoni turi li r-riskji jistgħu jitnaqqsu għal livelli aċċċettabbli. B’mod partikolari, il-prodotti ma jistgħux jiġu awtorizzati għall-użu ġewwa sakemm ma tkitressaqx dejta li turi li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u l-Anness VI, jekk ikun meħtieġ bl-applikazzjoni ta’ miżuri adegwati għat-taffija tar-riskju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

li l-prodotti jinbiegħu biss lil utenti professjonali mħarrġin apposta u li jintużaw minnhom biss.

(2)

Fid-dawl tar-riskji li ġew identifikati għall-operaturi, jeħtieġ li jkunu applikati miżuri adegwati għat-taffija tar-riskju. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-użu ta’ tagħmir protettiv personali, l-użu ta’ applikaturi u l-preżentazzjoni tal-prodott f’forma maħsuba biex tnaqqas l-esponiment tal-operaturi għal livell aċċettabbli.

(3)

Fid-dawl tar-riskji li ġew identifikati għall-ispeċijiet terrestri mhux fil-mira, jeħtieġ li jkunu applikati miżuri adegwati għat-taffija tar-riskju. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, li ma jiġux ittrattati postijiet fej ikunu preżenti mammiferi oħra li jħaffru taħt l-art għajr l-ispeċi fil-mira.”


(*1)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


Top