EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H1205(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip

ĠU C 296, 5.12.2009, p. 4–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

5.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 296/4


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar ambjenti bla tipjip

2009/C 296/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 152(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 152 tat-Trattat jistipula li l-azzjoni Komunitarja, li għandha tikkomplementa l-linji politiċi nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard tal-bniedem, u għandha tevita sorsi ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

(2)

Skont l-Artikolu 137 tat-Trattat, il-Komunità għandha tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri, fost l-oħrajn, fil-qasam tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol b'mod partikolari biex tkun protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(3)

L-espożizzjoni għad-duħħan ambjentali tat-tabakk (ETS – environmental tobacco smoke) – imsejjaħ ukoll bħala duħħan passiv tat-tabakk – huwa sors mifrux tal-mortalità, il-mard u d-diżabilità fl-Unjoni Ewropea.

(4)

Skont estimi konservattivi, 7 300 adult inklużi 2 800 persuna li ma jpejpux mietu bħala konsegwenza tal-espożizzjoni għall-ETS fil-post tax-xogħol tagħhom fl-Unjoni Ewropea fl-2002. Il-mewt ta' 72 000 adult ieħor, inklużi 16 400 persuna li ma jpejpux, kienu konnessi mal-espożizzjoni għall-ETS fid-dar.

(5)

L-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk huwa b'mod partikolari perikoluż għat-tfal u għall-adoloxxenti u jista' jżid il-probabbiltà li dawn jibdew ipejpu.

(6)

L-ETS ġie kklassifikat bħala karċinoġenu magħruf għall-bniedem mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Oganizzazzjoni Dinjia tas-Saħħa (WHO) u bħala karċinoġenu fil-post tax-xogħol mill-Finlandja u l-Ġermanja.

(7)

Kull persuna għandha d-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u għandha tkun protetta mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk.

(8)

Il-linji politiċi volontarji fil-livell nazzjonali ma kienu ta' ebda effett fit-tnaqqis tal-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk. Il-leġislazzjoni vinkolanti tal-Istati Membri, infurzata u mmonitorata b'mod korrett hija mezz effettiv biex il-persuni jiġu protetti b'mod adegwat mir-riskji għas-saħħa minħabba d-duħħan passiv tat-tabakk.

(9)

Il-leġislazzjoni għal ambjent bla tipjip hija l-aktar effettiva meta tkun appoġġata minn miżuri bħal- kampanji ta' sensibilizzazzjoni, l-appoġġ għal waqfien tal-użu tat-tabakk, l-avviżi qawwija tas-saħħa fuq l-ippakkettar tal-prodotti tat-tabakk u regolamentazzjoni oħra dwar prodotti tat-tabakk.

(10)

Is-soċjetà ċivili għandha rwol importanti biex tibni appoġġ u tiżgura kompatibbiltà mal-leġislazzjoni għal ambjent bla tipjip.

(11)

Il-linji politiċi għal ambjent bla tipjip għandhom ikollhom strumenti adegwati biex jiġi implimentat l-approċċ multisettorjali għall-kontroll tat-tabakk.

(12)

Hemm ħtieġa ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika u tiġi żviluppata sistema ta' sorveljanza standardizzata tal-UE.

(13)

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri, fil-laqgħa tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 1989 dwar il-projbizzjoni tat-tipjip f'positjiet aċċessibbli għall-pubbliku (3) stiednet lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri biex jipprojbixxu t-tipjip f'ċerti postijiet magħluqa aċċessibbli għall-pubbliku, u jestendu l-projbizzjoni fuq it-tipjip għal kull forma ta' trasport pubbliku.

(14)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/54/KE tat-2 ta' Diċembru 2002 dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u l-inizjattivi għat-titjib tal-kontroll tat-tabakk (4) irrakkomandat lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġislazzjoni u/jew miżuri effettivi li jipprovdu protezzjoni mill-espożizzjoni għall-ETS fil-postijiet tax-xogħol interni, fil-postijiet pubbliċi magħluqa, u t-trasport pubbliku.

(15)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta'Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (5), filwaqt li ma rreferietx b'mod espliċitu għad-duħħan tat-tabakk, tkopri r-riskji kollha għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema (6).

(16)

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-Ambjent u s-Saħħa (2004-2010) (7), il-Kummissjoni ħadet l-impenn biex “tiżviluppa x-xogħol fit-titjib tal-kwalità tal-arja f'postijiet fuq ġewwa”, b’mod partikolari billi “tinkoraġġixxi r-restrizzjoni tat-tipjip fil-postijiet tax-xogħol kollha billi tesplora l-mekkaniżmi legali kif ukoll l-inizjattivi tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri.”

(17)

Il-konsultazzjoni mibdija mill-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa ħielsa mid-duħħan tat-tabakk: l-għażliet tal-politika fuq il-livell tal-UE” (8) (“il-Green Paper”) żvelat appoġġ qawwi kemm għal-linji politiċi komprensivi għal ambjent bla tipjip fil-postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi kollha magħluqa u għal aktar azzjoni mill-UE biex jiġu promossi ambjenti bla tipjip fl-Istati Membri kollha.

(18)

Fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007, il-Kunsill għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur kellu skambju ta' fehmiet dwar għażliet ta' politika fil-livell tal-UE dwar ambjenti bla tipjip. Huwa laqa' l-Green Paper u enfasizza l-ħtieġa għal gwida Komunitarja għall-promozzjoni ulterjuri ta' ambjenti bla tipjip fil-livell tal-UE, kif ukoll appoġġ Komunitarju għal u l-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali.

(19)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper appellat lill-Istati Membri biex jintroduċu liġijiet komprensivi għal ambjent bla tipjip fi żmien sentejn u stiednet lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġislattiva rilevanti sal-2011 fil-każ ta' progress mhux sodisfaċenti. Hija appellat ukoll lill-Kummissjoni biex tipproponi emenda għall-qafas leġislattiv attwali sabiex l-ETS ikun ikklassifikat bħala karċinoġeniku u tobbliga lil dawk li jimpjegaw biex jiżguraw li l-ambjent tax-xogħol ikun bla tipjip.

(20)

L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Kontroll tat-Tabakk (FCTC – Framework Convention on Tobacco Control) tad-WHO, iffirmata f'Ġunju 2003 mill-membri kollha tad-WHO, u sa issa ratifikata minn 167 Parti, inklużi l-Komunità u s-26 Stat Membru tagħha, toħloq obbligu legali għall-Partijiet tagħha biex jadottaw u jimplimentaw f'oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali eżistenti kif determinat mil-liġi nazzjonali u biex fil-livelli ġuridiki oħrajn jippromwovu attivament l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi biex jipproteġu l-persuni mill-espożizzjoni għad-duħħan passiv tat-tabakk fil-positjiet kollha tax-xogħol interni, t-trasport pubbliku u l-postijiet pubbliċi interni u kif adatt, f'postijiet pubbliċi oħra.

(21)

It-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC f'Lulju 2007 adottat linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk (9) biex jassistu lill-Partijiet josservaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Kull Parti għandha tistinka biex timplimenta l-linji gwida fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti.

(22)

L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO joħloq obbligu legali għall-Partijiet tagħha biex jiżviluppaw u jxerrdu linji gwida adatti, komprensivi u integrati bbażati fuq evidenza xjentifika u l-aħjar prattiki u biex jieħdu miżuri effettivi għall-promozzjoni tal-waqfien tal-użu tat-tabakk u t-trattament adegwat għad-dipendenza mit-tabakk. It-Tielet Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO ddeċidiet li tistabbilixxi grupp ta' ħidma għall-elaborazzjoni tal-linji gwida għall-implimentazzjoni ta' dak l-Artikolu.

(23)

L-Istrateġija Ewropea għall-Kontroll tat-Tabakk adottata mill-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO f'Settembru 2002 irrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw id-dritt taċ-ċittadini għal ambjent bla tabakk billi, fost l-oħrajn, l-ispazji pubbliċi, il-postijiet tax-xogħol u l-mezzi tat-trasport pubbliku jsiru ħielsa mit-tabakk, permezz tal-projbizzjoni tat-tipjip fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha għall-minuri, fil-postijiet kollha fejn jingħataw servizzi tas-saħħa u f'avvenimenti pubbliċi, kif ukoll billi l-ETS ikun ikklassifikat bħal karċinoġeniku.

(24)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol adottata skont l-Artikolu 137 tat-Trattat, għad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (10) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/641/KE tal-5 ta' Settembru 2003 dwar l-użu tar-ritratti bil-kulur jew illustrazzjonijiet oħrajn bħala avviżi tas-saħħa fuq il-prodotti tat-tabakk (11),

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet tax-xogħol interni, it-trasport pubbliku u, kif adatt f'postijiet pubbliċi oħrajn kif stipulat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) u skont il-linji gwida annessi dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk adottati mit-tieni Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-FCTC għal dak l-Istat Membru, jew mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

2.

Jiżviluppaw u/jew isaħħu l-istrateġiji u l-miżuri biex titnaqqas l-espożizzjoni tat-tfal u l-adolexxenti għad-duħħan passiv tat-tabakk;

3.

Jikkomplimentaw il-linji politiċi għal ambjent bla tipjip b'miżuri ta' appoġġ , li jistgħu jinkludu:

(a)

it-teħid ta' miżuri effettivi għall-promozzjoni tal-waqfien mill-użu tat-tabakk u trattament adegwat għad-dipendenza mit-tabakk, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prijoritajiet nazzjonali kif iddelinejat fl-Artikolu 14 tal-FCTC; u

(b)

l-introduzzjoni ta' avviżi kombinati, kif definit fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/641/KE tal-5 ta' Settembru 2003 dwar l-użu tar-ritratti bil-kulur jew illustrazzjonijiet oħrajn bħala avviżi tas-saħħa fuq l-ippakkettjar tat-tabakk (12), u informazzjoni dwar servizzi li jappoġġjaw il-waqfien mill-użu tat-tabakk fuq il-pakketti tat-tabakk tat-tipjip biex il-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar ir-riskji tas-saħħa marbuta mal-użu tat-tabakk u l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, jiġi nkoraġġut il-waqfien u jiġi skoraġġut il-bidu tal-użu tat-tabakk;

4.

Jiżviluppaw, jimplimentaw, jaġġornaw u jirrevedu perjodikament strateġiji komprensivi multisettorjali għall-kontroll tat-tabakk, pjani jew programmi li jindirizzaw, fost oħrajn, il-kwistjoni tal-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk fil-postijiet kollha aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali jew postijiet ta' użu kollettiv, irrispettivament mill-appartenenza jew id-dritt ta' aċċess;

5.

Jipprovdu strumenti adegwati biex jiġu implimentati strateġiji nazzjonali, linji politiċi ta' kontroll tat-tabakk u programmi biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk;

6.

Jikkomunikaw lill-Kummissjoni, jekk possibbli fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, il-punti nazzjonali fokali għall-kontroll tat-tabakk bil-ħsieb tal-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki kif ukoll il-koordinazzjoni ta' linji politiċi ma' Stati Membri oħra.

7.

Jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni dwar qafas koerenti tad-definizzjonijiet, il-punti ta' referenza u l-indikaturi għall-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

8.

Jissorveljaw u jevalwaw l-effettività tal-miżuri ta' poltika bl-użu tal-indikaturi msemmija hawn fuq;

9.

Jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni leġislattiva u azzjoni oħra meħuda b'rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni u dwar ir-riżultati tas-sorveljanza u l-evalwazzjoni.

B'DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tirrapporta dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-impatti tal-miżuri proposti, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

2.

Fil-kuntest ta' reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2001/37/KE, tikkunsidra l-miżuri kollha relatati mal-prodotti mmirati li titnaqqas l-attrazzjoni ta' u d-dipendenza mill-prodotti tat-tabakk;

3.

Tanalizza l-kwistjonijiet legali u l-bażi ta' evidenza għall-impatt tal-ippkkettar sempliċi, inkluż fuq il-funzjonament tas-suq intern.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

S. O. LITTORIN


(1)  Riżoluzzjoni mgħoddija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-5 ta' Novembru 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 189, 26.7.1989, p. 1.

(4)  ĠU L 22, 25.1.2003, p. 31.

(5)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(6)  Każ C-49/00 Kummissjoni v. Italja, [2001] ECRI-8575, paragrafi 12 sa 13.

(7)  COM(2004) 416 finali.

(8)  COM(2007) 27 finali.

(9)  FCTC/COP2(7) Linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, kif elaborati mill-grupp ta' ħidma konvenut skont id-Deċiżjoni FCTC/COP1(15) tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

(10)  ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

(11)  ĠU L 226, 10.9.2003, p. 24.

(12)  Ara n-nota 11.


ANNESS

Linji gwida dwar il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, kif adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk L-GĦAN,

IL-MIRI U L-KUNSIDERAZZJONIJIET EWLENIN

L-għan tal-linji gwida

1.

B′konsistenza ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-intenzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet, dawn il-linji gwida huma intiżi biex jassistu l-Partijiet biex jilħqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Dawn ġew imfassla fuq l-aħjar evidenza disponibbli u l-esperjenza ta' Partijiet li implimentaw miżuri effiċjenti b'suċċess biex tonqos l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk.

2.

Il-linji gwida fihom dikjarazzjonijiet ta' prinċipji miftehma u definizzjonijiet ta' termini relevanti, kif ukoll rakkomandazzjonijiet miftehma għall-passi meħtieġa biex ikunu ssodisfatti l-obbligi tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-linji gwida jidentifikaw il-miżuri neċessarji biex tinkiseb protezzjoni effettiva mill-perikli tad-duħħan sekondaman tat-tabakk. Il-Partijiet huma mistiedna jużaw dawn il-linji gwida mhux biss biex jissodisfaw id-dmirijiet legali tagħhom skont il-Konvenzjoni, iżda wkoll biex isegwu l-aħjar prattiki għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Il-miri tal-linji gwida

3.

Dawn il-linji gwida għandhom żewġ miri relatati. L-ewwel waħda hi biex il-Partijiet ikunu assistiti biex jilħqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO, b'mod konsistenti mal-evidenza xjentifika dwar l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman tat-tabakk u l-aħjar prattiki minn madwar id-dinja fl-implimentazzjoni ta' miżuri kontra t-tipjip, sabiex ikun stabbilit livell għoli ta' kontabbiltà għall-konformità tat-trattat u sabiex il-Partijiet ikunu assistiti fil-promozzjoni tal-ogħla livell ta' saħħa li jista' jintlaħaq. It-tieni mira hi li jkunu identifikati l-elementi ewlenin ta' leġiżlazzjoni neċessarja biex in-nies ikunu protetti b'mod effettiv minn espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk, kif meħtieġ mill-Artikolu 8.

Konsiderazzjonijiet ta' bażi

4.

L-iżvilupp ta' dawn il-linji gwida kien influwenzat minn dawn il-konsiderazzjonijiet fundamentali li ġejjin.

(a)

Id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk, li hemm fit-test tal-Artikolu 8, hu mfassal fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Minħabba l-perikli relatati mad-duħħan sekondaman tat-tabakk man-nifs, id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk hu impliċitu, fost l-oħrajn, fid-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-kisba tal-ogħla livell ta’ saħħa, kif rikonoxxut f’ħafna strumenti legali internazzjonali (inklużi l-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali), kif formalment inkluż fil-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas tal-WHO u kif rikonoxxut fil-kostituzzjonijiet ta’ ħafna nazzjonijiet.

(b)

Id-dmir għall-protezzjoni tal-individwi mid-duħħan tat-tabakk jikkorrispondi ma’ obbligu mill-gvernijiet biex iwaqqfu leġiżlazzjoni biex jipproteġu l-individwi minn theddid għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom. Dan l-obbligu hu estiż għal kull persuna, u mhux sempliċiment għal ċerti popolazzjonijiet biss.

(c)

Diversi korpi ta’ awtorità xjentifiċi ddeterminaw li d-duħħan sekondaman tat-tabakk hu karċinoġeniku. Uħud mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO (pereżempju l-Finlandja u l-Ġermanja) ikklassifikaw id-duħħan sekondaman tat-tabakk bħala karċinoġeniku u inkludew il-prevenzjoni tal-espożizzjoni għal dan fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-saħħa u s-sigurtà. Barra mir-rekwiżiti tal-Artikolu 8, b’hekk, il-Partijiet jistgħu jkunu obbligati biex jindirizzaw il-periklu tal-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk skont il-liġijiet eżistenti tagħhom dwar il-postijiet tax-xogħol jew liġijiet oħra li jikkontrollaw l-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi l-karċinoġeni.

DIKJARAZZJONI TA’ PRINĊIPJI U DEFINIZZJONIJIET RELEVANTI TA’ BAŻI GĦALL-PROTEZZJONI MILL-ESPOŻIZZJONI GĦAD-DUĦĦAN MIT-TABAKK

Prinċipji

5.

Kif ġie nnotat fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO, hemm bżonn ta’ ħidma politika serja biex jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuni kollha mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk. Il-prinċipji li ġejjin li kien hemm qbil dwarhom għandhom ikunu ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni.

Prinċipju 1

6.

Miżuri effettivi biex tingħata protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk, kif previsti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO, jeħtieġu l-eliminazzjoni totali tat-tipjip u d-duħħan mit-tabakk fi spazju jew ambjent partikolari biex jinħoloq ambjent totalment ħieles mid-duħħan. Ma hemm l-ebda livell ta’ espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk li huwa bla periklu, u nozzjonijiet bħal livell minimu għat-tossiċità mid-duħħan sekondaman għandhom ikunu rrifjutati, billi hemm evidenza xjentifika li tikkontradixxihom. Metodi oħra apparti dawk fejn ikun hemm ambjent totalment ħieles mid-duħħan, inklużi l-ventilazzjoni, il-filtrazzjoni tal-arja u l-użu ta' żoni apposta għat-tipjip (kemm jekk b’sistemi ta’ ventilazzjoni separati jew le), instabu bħala ineffettivi diversi drabi u hemm evidenza konklużiva, xjentifika jew mod ieħor, li metodi tal-inġinerija ma jipproteġux kontra l-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

Prinċipju 2

7.

Kulħadd għandu jkun protett mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk. Il-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa u l-postijiet pubbliċi fuq ġewwa għandhom ikunu ħielsa mit-tipjip.

Prinċipju 3

8.

Hemm bżonn leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk. Il-linji politiċi volontarji kontra t-tipjip urew diversi drabi li huma ineffiċjenti u ma jipprovdux protezzjoni adegwata. Sabiex tkun effettiva, leġiżlazzjoni trid tkun sempliċi, ċara u li tista’ tiġi infurzata.

Prinċipju 4

9.

Biex leġiżlazzjoni kontra t-tipjip tkun implimentata u infurzata b’suċċess, hemm bżonn ta’ ippjanar tajjeb u riżorsi adegwati.

Prinċipju 5

10.

Is-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali fil-ħolqien ta’ appoġġ u tal-qbil ma’ miżuri kontra t-tipjip, u għandhom ikunu inklużi bħala msieħba attivi fil-proċess ta’ żvilupp, implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni.

Prinċipju 6

11.

L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra t-tipjip, l-infurzar tagħha u l-impatt tagħha għandhom jiġu kollha mmonitorjati u evalwati. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ u r-rispons għal attivitajiet tal-industrija tat-tabakk li jikkompromettu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 20.4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO.

Prinċipju 7

12.

Il-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk għandha tkun imsaħħa u mkabbra, jekk ikun hemm bżonn; tali azzjoni tista' tinkludi leġiżlazzjoni ġdida jew emendata, infurzar imtejjeb u miżuri oħra biex jirriflettu evidenzi xjentifiċi ġodda u esperjenzi ta' studju ta' każijiet partikolari.

Definizzjonijiet

13.

Fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni, hu importanti li jkun hemm attenzjoni fid-definizzjoni ta' termini importanti. Diversi rakkommandazzjonijiet kif għandhom ikunu ċerti definizzjonijiet, ibbażati fuq esperjenzi f'ħafna pajjiżi, huma mfassla hawnhekk. Id-definizzjonijiet f'din is-sezzjoni jissupplimentaw lil dawk diġà inklużi fil-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO.

“Duħħan sekondaman tat-tabakk” jew “duħħan ambjentali mit-tabakk”

14.

Diversi termini alternattivi jintużaw ta' spiss biex jiddeskrivu t-tip ta' duħħan indirizzat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO. Dawn jinkludu “duħħan sekondaman”, “duħħan ambjentali mit-tabakk”, u “duħħan mit-tipjip tal-oħrajn”. Termini bħal “tipjip passiv” u “espożizzjoni involontarja għad-duħħan mit-tabakk” għandhom jiġu evitati, billi l-esperjenza fi Franza u pajjiżi oħra tindika li l-industrija tat-tabakk tista' tuża dawn it-termini biex tappoġġja pożizzjoni fejn espożizzjoni “volontarja” hija aċċettabbli. “Duħħan sekondaman mit-tabakk”, xi drabi mqassar bħala “SHS”, u “duħħan ambjentali mit-tabakk”, xi drabi mqassar bħala “ETS”, huma t-termini preferuti; dawn il-linji gwida jużaw “duħħan sekondaman mit-tabakk”.

15.

Duħħan sekondaman mit-tabakk jista' jiġi ddefinit bħala “id-duħħan li jiġi prodott minn sigarett jew minn prodotti oħra tat-tabakk ġeneralment f'kombinazzjoni mad-duħħan mitfugħ minn min ikun qiegħed ipejjep”.

16.

“Arja mingħajr duħħan” hi arja li tkun 100 % mingħajr duħħan. Din id-definizzjoni tinkludi, iżda mhix limitata għal, arja fejn id-duħħan mit-tabakk ma jkunx jista' jidher, jinxtamm, jinħass jew ikun ikkalkulat (1).

“Tipjip”

17.

Dan it-terminu għandu jkun definit biex jinkludi l-pussess jew il-kontroll ta' prodott mit-tabakk mixgħul minkejja jekk id-duħħan ikunx qiegħed jinġibed jew jintefa' 'l barra jew le.

“Postijiet pubbliċi”

18.

Filwaqt li definizzjoni preċiża ta' “postijiet pubbliċi” se tvarja bejn il-ġurisdizzjonijiet, hu importanti li leġiżlazzjoni tiddefinixxi dan it-terminu b'mod wiesa' kemm jista' jkun. Id-definizzjoni użata għandha tkopri l-postijiet kollha aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali jew postijiet għal użu kollettiv, minkejja l-pussess tal-proprjetà jew id-dritt għall-aċċess.

“Fuq ġewwa” jew “fil-magħluq”

19.

L-Artikolu 8 jeħtieġ protezzjoni mid-duħħan mit-tabakk f'postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi “fuq ġewwa”. Minħabba li hemm ostakoli potenzjali fid-definizzjoni ta' żoni “fuq ġewwa”, l-esperjenzi ta' diversi pajjiżi fid-definizzjoni ta' dan it-terminu għandhom ikunu eżaminati b'mod speċifiku. Id-definizzjoni għandha tkun inklużiva u ċara kemm jista' jkun possibbli, u għandha tingħata attenzjoni fid-definizzjoni biex ikunu evitati listi ġodda fejn dan ikun interpretat bħala terminu li jeskludi żoni “fuq ġewwa” potenzjalment relevanti. Hu rrakkommandat li żoni “fuq ġewwa” (jew “fil-magħluq”) ikunu ddefiniti biex jinkludu kull spazju msaqqaf jew magħluq b'ħajt wieħed jew aktar ħitan jew ġnub, minkejja t-tip ta' materjal użat għas-saqaf, ħajt jew ġenb, u minkejja jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja.

“Post tax-xogħol”

20.

“Post tax-xogħol” għandu jkun definit b'mod wiesa' bħala “kwalunkwe post użat min-nies waqt l-impjieg jew ix-xogħol tagħhom”. Dan għandu jinkludi mhux biss xogħol magħmul għal kumpens, iżda wkoll għal xogħol volontarju, jekk ikun tat-tip li għalih normalment ikun imħallas kumpens. Barra minn hekk, “postijiet tax-xogħol” jinkludu mhux biss dawk il-postijiet fejn isir ix-xogħol, iżda wkoll il-postijiet kollha assoċjati li huma użati b'mod komuni mill-ħaddiema matul l-impjieg tagħhom, inkluż, pereżempju, kurituri, lifts, trombi tat-taraġ, swali, faċilitajiet konġunti, kafetteriji, tojlits, salotti, kmamar tal-ikel u anki bini ieħor fuq barra bħal barrakki u għarajjex. Vetturi użati waqt ix-xogħol huma postijiet tax-xogħol u għandhom ikunu identifikati tali b'mod speċifiku.

21.

Konsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għal postijiet tax-xogħol li huma wkoll id-djar jew il-postijiet ta' għixien tal-individwi, pereżempju, ħabsijiet, istituzzjonijiet għas-saħħa mentali u ċentri tal-kura. Dawn il-postijiet jagħmlu parti wkoll minn postijiet tax-xogħol għall-oħrajn, li għandhom ikunu protetti mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

“Il-mezzi tat-trasport pubbliku”

22.

Il-mezzi tat-trasport pubbliku għandhom ikunu definiti biex jinkludu kwalunkwe vettura użata għal-ġarr ta' membri tal-pubbliku, ġeneralment għall-qligħ jew gwadann kummerċjali. Dan jinkludi wkoll it-taksis.

L-ISKOP TA' LEĠIŻLAZZJONI EFFETTIVA

23.

L-Artikolu 8 jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri effettivi għall-protezzjoni tan-nies mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk ġo (1) postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, (2) postijiet pubbliċi fuq ġewwa, (3) trasport pubbliku, u (4) “kif xieraq” f'“postijiet pubbliċi oħra”.

24.

Dan joħloq obbligu għall-provvediment ta' protezzjoni universali billi kull post pubbliku fuq ġewwa, kull post tax-xogħol fuq ġewwa, kull mezz tat-trasport pubbliku u possibbilment kwalunkwe post pubbliku ieħor (fuq barra jew li jista' jkun ikkunsidrat fuq barra) ikunu ħielsa mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk. L-ebda eżenzjoni ma hija ġġustifikata fuq il-bażi ta' argumenti dwar is-saħħa jew legali. Jekk ikollhom jiġu kkunsidrati eżenzjonijiet fuq il-bażi ta' argumenti oħra, dawn għandhom ikunu minimi. Barra minn hekk, jekk xi Parti ma tkunx kapaċi tikseb kopertura universali immedjatament, l-Artikolu 8 joħloq obbligazzjoni kontinwa biex jitneħħew kwalunkwe eżenzjonijiet u l-protezzjoni ssir universali fl-inqas żmien possibbli. Kull Parti għandha taħdem biex tipprovdi protezzjoni universali fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-WHO għal dik il-Parti.

25.

L-ebda livelli ta' espożizzjoni għad-duħħan sekondaman ma huma bla periklu, u, kif diġà ġie rikonoxxut mill-Konferenza tal-Partijiet fid-Deċiżjoni FCTC/COP1(15), metodi ta' inġinerija, bħall-ventilazzjoni, skambju tal-arja u l-użu ta' żoni apposta għat-tipjip, ma jipproteġux kontra l-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk.

26.

Għandha tingħata protezzjoni f'kull post tax-xogħol fuq ġewwa jew fil-magħluq, inkluż vetturi bil-magna użati bħala postijiet tax-xogħol (pereżempju, taksis, ambulanzi jew vetturi tat-tqassim).

27.

Il-lingwaġġ tat-trattat jirrikjedi miżuri ta' protezzjoni mhux biss fil-postijiet pubbliċi “fuq ġewwa” kollha, iżda wkoll f'dawk il-postijiet pubbliċi “l-oħra” (jiġifieri, ta' barra jew jistgħu jkunu kkunsidrati fuq barra). Fl-identifikazzjoni ta' dawk il-postijiet pubbliċi fuq barra jew li jistgħu jkunu kkunsidrati fuq barra fejn il-leġiżlazzjoni hi xierqa, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-evidenza għall-perikli ta' saħħa possibbli f'diversi kuntesti u għandhom jaħdmu biex jadottaw l-aktar protezzjoni effettiva kontra l-espożizzjoni kull fejn l-evidenza turi li jeżisti xi periklu.

INFORMAZZJONI, KONSULTAZZJONI U INVOLVIMENT PUBBLIKU BIEX IKUN ŻGURAT APPOĠĠ U IMPLIMENTAZZJONI BLA XKIEL

28.

It-tqajjim tas-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u l-opinjonisti dwar ir-riskji tal-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk permezz ta' kampanji ta' informazzjoni l-ħin kollu huwa rwol importanti għall-aġenziji tal-gvernijiet, fi sħab mas-soċjetà ċivili, biex ikun assigurat li l-pubbliku jifhem u jappoġġja l-azzjoni leġiżlattiva. Il-partijiet interessati prinċipali jinkludu negozji, assoċjazzjonijiet tar-ristoranti u l-ospitalità, gruppi ta' min iħaddem, trejdunjins, il-mezzi tax-xandir u l-istampa, il-professjonisti tas-saħħa, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tfal u ż-żgħażagħ, istituzzjonijiet tat-tagħlim jew fidi, il-komunità tar-riċerka u l-pubbliku ġenerali. L-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni għandhom jinkludu konsultazzjoni man-negozji u organizzazzjonijiet oħra affettwati u ma' istituzzjonijiet matul l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni.

29.

Il-messaġġi ewlenin għandhom jiffukaw fuq il-ħsara kkawżata mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk, il-fatt li l-eliminazzjoni tat-tipjip fuq ġewwa hi l-unika soluzzjoni bbażata fuq ix-xjenza biex tassigura protezzjoni kompleta mill-espożizzjoni, id-dritt tal-ħaddiema kollha li jkunu protetti ugwalment mil-liġi u l-fatt li ma jistgħux isiru kompromessi bejn l-ekonomija u s-saħħa, minħabba li l-esperjenza f'numru dejjem jikber ta' ġurisdizzjonijiet turi li ambjenti ħielsa mit-tipjip jibbenefikaw lit-tnejn. Il-kampanji ta' edukazzjoni pubblika għandhom jindirizzaw ukoll kuntesti fejn il-leġiżlazzjoni tista' ma tkunx vijabbli jew xierqa, bħal djar privati.

30.

Konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati hi wkoll neċessarja biex tkun edukata u mmobilizzata l-komunità u tiffaċilità l-appoġġ għal-leġiżlazzjoni wara li tkun ġiet imwaqqfa. Meta l-leġiżlazzjoni tkun adottata, għandu jkun hemm kampanja ta' edukazzjoni li twassal għall-implimentazzjoni tal-liġi, il-provvediment ta' informazzjoni għas-sidien tan-negozji u l-maniġers tal-bini bid-dettalji tal-liġi u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-produzzjoni ta' riżorsi, bħal avviżi. Dawn il-miżuri għandhom iżidu ċ-ċans ta' implimentazzjoni bla xkiel u livell għoli ta' konformità volontarja. Messaġġi biex jingħata aktar poter lil dawk li ma jpejpux u jkunu rringrazzjati dawk li jpejpu talli jsegwu l-liġi għandhom jippromwovu l-involviment tal-pubbliku fl-infurzar u implimentazzjoni bla xkiel.

L-INFURZAR

Id-dmir tal-konformità

31.

Leġiżlazzjoni effettiva għandha timponi responsabbiltajiet legali għall-konformità kemm fuq stabbilimenti tan-negozji affettwati u individwi li jpejpu, u għandha tipprovdi penali għal vjolazzjonijiet, li għandhom japplikaw għan-negozji u, possibbilment, għal dawk li jpejpu. L-infurzar għandu normalment jiffoka fuq stabbilimenti tan-negozji. Il-leġiżlazzjoni għandha tpoġġi r-responsabbiltà għall-konformità fuq is-sid, il-maniġer jew kwalunkwe persuna oħra fil-kontroll tal-post, u għandha tidentifika b'mod ċar l-azzjonijiet li għandhom jieħdu. Dawn id-dmirijiet għandhom jinkludu:

(a)

dmir li jitpoġġew avviżi ċari f'entraturi u postijiet oħra xierqa fejn jindikaw li t-tipjip mhux permess. Il-format u l-kontenut ta' dawn l-avviżi għandu jkun iddeterminat minn awtoritajiet tas-saħħa jew aġenziji oħra tal-gvern u jistgħu jidentifikaw numru tat-telefown jew mekkaniżmi oħra għall-pubbliku biex jirrappurtaw vjolazzjonijiet u l-isem tal-persuna fi ħdan il-bini lil min għandhom jindirizzaw l-ilmenti tagħhom;

(b)

dmir li jitneħħew l-ashtrays mill-bini;

(c)

dmir ta' sorveljanza tal-osservazzjoni tar-regoli;

(d)

dmir ta' teħid ta' passi speċifiċi raġonevoli biex ikunu skoraġġiti individwi milli jpejpu fil-bini. Dawn il-passi jistgħu jinkludu li min ipejjep jintalab biex ma jpejjipx, ma jitkompliex servizz, min ipejjep jintalab biex iħalli l-bini u tkun imsejħa l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi jew xi awtorità oħra.

Il-Penali

32.

Il-leġiżlazzjoni għandha tispeċifika multi jew penali oħra monetarji għal vjolazzjonijiet. Filwaqt li l-ammont ta' dawn il-multi se jirrifletti b'mod neċessarju l-prattiki u d-drawwiet speċifiċi ta' kull pajjiż, diversi prinċipji għandhom jiggwidaw lid-deċiżjoni. L-aktar importanti, il-penali għandhom ikunu suffiċjentament kbar biex inaqqsu l-vjolazzjonijiet jew inkella dawn jistgħu jkunu injorati minn min jiksirhom jew jiġu kkunsidrati biss bħala spejjeż biex isir in-negozju. Penali akbar huma meħtieġa biex inaqqsu l-ksur tal-liġi min-negozjanti aktar milli lill-individwi li jpejpu, li ġeneralment ikollhom anqas riżorsi. Il-penali għandhom jiżdiedu għal vjolazzjonijiet ripetuti u għandhom ikunu konsistenti mat-trattament li l-pajjiż jagħti għal offiżi oħrajn, serji daqshom.

33.

Barra mill-penali monetarji, il-leġiżlazzjoni tista' wkoll tippermetti sanzjonijiet amministrattivi, bħas-sospensjoni tal-liċenzji tan-negozju, b'mod konsistenti mal-prattika u s-sistema legali tal-pajjiż. Dawn “is-sanzjonijiet bħala l-aħħar rimedju” huma użati rarament, iżda huma importanti ħafna għall-infurzar tal-liġi kontra kwalunkwe negozju li jagħżel li jikser il-liġi aktar minn darba.

34.

Penali kriminali għal vjolazzjonijiet jistgħu jkunu kkunsidrati għall-inklużjoni, jekk xierqa fil-kuntest legali u kulturali tal-pajjiż.

L-infrastruttura tal-infurzar

35.

Il-leġiżlazzjoni għandha tidentifika l-awtorità jew awtoritajiet responsabbli għall-infurzar, u għandha tinkludi sistema kemm għall-monitoraġġ tal-konformità u anki għal-prosekuzzjoni ta' min jikser il-liġi.

36.

Il-monitoraġġ għandu jinkludi proċess għall-ispezzjoni tan-negozju għall-konformità. Il-bżonn għall-ħolqien ta' sistema ta' spezzjoni ġdida għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip huwa rari. Minflok, il-konformità tista' tkun immonitorjata bl-użu ta' wieħed jew aktar mill mekkaniżmi diġà fis-seħħ għall-ispezzjoni tal-bini tan-negozju u l-postijiet tax-xogħol. Varjetà ta' għażliet ġeneralment teżisti għal dan il-għan. F'ħafna pajjiżi, spezzjonijiet għall-konformità jistgħu jiġu integrati fl-ispezzjonijiet tal-liċenzji tan-negozji, spezzjonijiet tas-saħħa u s-sanità, spezzjonijiet għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, spezzjonijiet tas-sikurezza tan-nar jew programmi simili. Jista' jkun ta' valur li jsir użu minn dawn it-tipi ta' sorsi ta' ġbir ta' informazzjoni fl-istess ħin.

37.

Fejn possibbli, l-użu ta' spetturi jew aġenti tal-infurzar fuq livell lokali huwa rrakkommandat; dan għandu jżid ir-riżorsi ta' infurzar disponibbli u l-livell ta' konformità. Dan il-metodu jeħtieġ it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' koordinament nazzjonali biex ikun żgurat metodu konsistenti fil-pajjiż kollu.

38.

Minkejja l-mekkaniżmu użat, il-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq pjan ta' infurzar ġenerali, u għandu jinkludi proċess għal taħriġ effettiv tal-ispetturi. Monitoraġġ effettiv jista' jikkombina spezzjonijiet regolari ma' spezzjonijiet mingħajr avviż jew programm, kif ukoll spezzjonijiet minħabba rapporti li jkunu saru. Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu ta' edukazzjoni fil-perjodu tal-bidu wara li l-liġi tidħol fis-seħħ, billi ħafna mill-ksur ikun sar b'mod involontarju. Il-leġiżlazzjoni għandha tawtorizza l-ispetturi biex ikunu jistgħu jidħlu fil-bini skont il-liġi u jiġbru kampjuni u evidenzi, dment li dawn il-poteri mhumiex diġà stabbiliti minn liġi eżistenti. B'mod simili, il-leġiżlazzjoni għandha tipprojbixxi n-negozji milli jostakolaw lill-ispetturi fix-xogħol tagħhom.

39.

In-nefqa ta' monitoraġġ effettiv mhijiex eċċessiva. Mhemmx bżonn li jkunu impjegati numru kbir ta' spetturi, minħabba li l-ispezzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta' programmi u persunal eżistenti, u minħabba li l-esperjenza turi li leġiżlazzjoni kontra t-tipjip issir awto-infurzanti malajr (jiġifieri tkun infurzata fil-biċċa l-kbira mill-pubbliku stess). Jekk il-leġiżlazzjoni tkun implimentata b'mod għaqli u jsiru sforzi attivi biex ikunu edukati n-negozji u l-pubbliku, ftit li xejn ikun hemm bżonn ta' prosekuzzjonijiet.

40.

Għalkemm dawn il-programmi ma jinvolvux spejjeż kbar, hemm bżonn tar-riżorsi biex ikunu edukati n-negozji, jingħata taħriġ lill-ispetturi, jiġi kkoordinat il-proċess ta' spezzjoni u jkun ikkompensat il-persunal għall-ispezzjonijiet ta' negozji barra mill-ħin normali tax-xogħol. Mekkaniżmu ta' finanzjament għandu jiġi identifikat għal dan il-għan. Programmi ta' monitoraġġ effettivi użaw diversi sorsi ta' fondi, inkluż allokament mid-dħul tat-taxxi, ħlas tal-liċenzji tan-negozji u dħul allokat minn multi mħallsa minn dawk li jiksru l-liġi.

L-istrateġiji tal-infurzar

41.

Metodi strateġiċi ta' infurzar jistgħu jżidu l-konformità, jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jnaqqsu l-livell ta' riżorsi għall-infurzar meħtieġa.

42.

B′mod partikolari, attivitajiet relatati mal-infurzar fil-perjodu eżatt wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi huma kritiċi għas-suċċess tal-liġi u għas-suċċess ta' monitoraġġ u infurzar fil-futur. Ħafna ġurisdizzjonijiet jirrakkomandaw perjodu inizjali ta' infurzar minimu, fejn dawk li jiksru l-liġi jkunu mwissija minflok jingħataw penali. Dan il-metodu għandu jkun konġunt ma' kampanja attiva biex ikunu edukati s-sidien tan-negozji dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi, u n-negozji għandhom jifhmu li l-perjodu ta' konċessjoni jew dħul gradwali se jkun segwit b'infurzar aktar strett.

43.

Meta jibda l-infurzar attiv, ħafna ġurisdizzjonijiet jirrakkomandaw l-użu ta' prosekuzzjonijiet b'attenzjoni għolja bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza. L-awtoritajiet ikunu jistgħu juru s-soluzzjonijiet u s-serjetà tal-liġi permezz tal-identifikazzjoni ta' nies prominenti li jkunu kisru l-liġi b'mod attiv jew li jkunu magħrufa fil-komunità, permezz ta' azzjoni serja u immedjata u permezz ta' sensibilizzazzjoni għolja tal-pubbliku dwar dawn l-attivitajiet. Dan iżid il-konformità volontarja u jnaqqas ir-riżorsi meħtieġa għal monitoraġġ u infurzar fil-futur.

44.

Filwaqt li liġijiet kontra t-tipjip isiru awto-infurzanti, xorta hemm bżonn li l-awtoritajiet ikunu ppreparati biex jirrispondu malajr u b'mod iżjed deċiżiv għal kull każ iżolat ta' ksur tal-liġi. B′mod partikolari meta liġi tkun għadha dieħla fis-seħħ, okkażjonalment jista' jkun hemm xi ħadd li jipprova juri l-oppożizzjoni tiegħu kontra l-liġi. Tweġibiet ħarxa f'dawn il-każijiet jistabbilixxu aspettattiva ta' konformità li tagħmilha aktar faċli għal sforzi fil-futur, filwaqt li nuqqas ta' deċiżjoni tista' twassal malajr għal firxa ta' vjolazzjonijiet.

Il-mobilizzazzjoni u l-involviment tal-komunità

45.

L-effettività ta' programm ta' monitoraġġ u infurzar hi mtejba permezz tal-involviment tal-komunità fil-programm. It-tħaddim tal-appoġġ tal-komunità u l-inkoraġġiment tal-membri tal-komunità biex jimmonitorjaw il-konformità u jirrappurtaw il-vjolazzjonijiet tkompli tkabbar ix-xogħol tal-aġenziji tal-infurzar u tnaqqas ir-riżorsi meħtieġa biex tinkiseb konformità. F'ħafna ġurisdizzjonijiet, l-ilmenti tal-komunità huma l-mezz ewlieni biex tkun assigurata l-konformità. Għal dan il-għan, il-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip għandha tispeċifika li membri tal-pubbliku jistgħu jressqu ilmenti u għandhom jawtorizzaw kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni mhux tal-gvern biex jibdew azzjoni biex tinkiseb il-konformità mal-miżuri li jirregolaw l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman. Il-programm ta' infurzar għandu jinkludi linja tat-telefown b'xejn jew sistema simili biex il-pubbliku jkun inkorraġġit jagħmel rapporti ta' vjolazzjonijiet.

IL-MONITORAĠĠ U L-EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

46.

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri biex jitnaqqas l-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk huma importanti għal diversi raġunijiet, pereżempju:

(a)

biex jiżdied l-appoġġ politiku u pubbliku biex jissaħħu u jikbru d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi;

(b)

biex ikun hemm dokumentazzjoni tas-suċċessi li se jinfurmaw u jassistu l-isforzi ta' pajjiżi oħra;

(c)

biex ikunu identifikati u ppubbliċizzati l-isforzi li saru mill-industrija tat-tabakk biex ikun hemm xkiel fil-miżuri tal-implimentazzjoni.

47.

Il-kobor u l-kumplessità tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni se jvarjaw bejn il-ġurisdizzjonijiet, skont l-esperjenza u r-riżorsi disponibbli. Madankollu, hu importanti li jkun evalwat ir-riżultat tal-miżuri implimentati, b′mod partikolari, fuq l-indikatur ewlieni ta' espożizzjoni għad-duħħan sekondaman fil-postijiet tax-xogħol u l-postijiet pubbliċi. Jista' jkun hemm metodi ta' kif jitnaqqsu l-ispejjeż għal dan il-għan, pereżempju permezz tal-użu ta' dejta jew informazzjoni miġbura permezz ta' attivitajiet ta' kuljum bħal spezzjonijiet fil-post tax-xogħol.

48.

Hemm tmien indikaturi ewlenin tal-proċess u r-riżultat li għandhom ikunu kkunsidrati (2):

Il-proċessi

(a)

Għarfien, attitudnijiet u appoġġ għal linji politiċi kontra t-tipjip fost il-popolazzjoni ġenerali u possibilment gruppi speċifiċi, pereżempju, ħaddiema f'barijiet;

(b)

infurzar ta' u konformità ma' linji politiċi kontra t-tipjip.

Ir-riżultati

(a)

tnaqqis fl-espożizzjoni ta' impjegati għad-duħħan sekondaman mit-tabakk fil-postijiet tax-xogħol u postijiet pubbliċi;

(b)

tnaqqis fil-kontenut ta' duħħan sekondaman mit-tabakk fl-arja fil-postijiet tax-xogħol (b′mod partikolari f'ristoranti) u postijiet pubbliċi;

(c)

tnaqqis fil-mortalità u l-morbożitá mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk;

(d)

tnaqqis fl-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman mit-tabakk fi djar privati;

(e)

tibdil fil-prevalenza tat-tipjip u fl-aġir relatat mat-tipjip;

(f)

l-impatti ekonomiċi.


(1)  Jista' jagħti l-każ li jkun hemm elementi kostitwenti tad-duħħan mit-tabakk fl-arja li minħabba l-ammont żgħir tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu mkejla. Għandha tingħata attenzjoni lill-possibbiltà li l-industrija tat-tabakk jew is-settur tal-ospitalità jistgħu jippruvaw jisfruttaw il-limiti ta' din id-definizzjoni.

(2)  Il-pubblikazzjoni “Rakkomandazzjonijiet tal-WHO għal linja politika: protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan sekondaman tat-tabakk” (Ġinevra, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2007) tipprovdi referenzi u ħoloq għal studji ta' monitoraġġ immexxi fi bnadi oħra fuq dawn l-indikaturi kollha.


Top