EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R2020

2020/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2020/2006.. tat- 22 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwota tat-tariffi tal-WTO għall-butir tan-New Zealand

ĠU L 319M, 29.11.2008, p. 481–487 (MT)
ĠU L 384, 29.12.2006, p. 54–60 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/2020/oj

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

481


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2020/2006..

tat-22 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2535/2001 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kwota tat-tariffi tal-WTO għall-butir tan-New Zealand

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 tal-14 ta’ Diċembru 2001 li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u li jiftaħ kwoti ta’ tariffi (2) jistabblixxi b’mod partikolari regoli għall-“butir tan-New-Zealand” kif hemm referenza għalihom fit-tieni sotto-paragarfu tal-Artikolu 25(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2006 fil-Każ C-313/04 Franz Egenberger GmbH Molkerei und Trockenwerk v. Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung iddikjarat li: “L-Artikolu 35(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 tal-14 ta’ Diċembru 2001 li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti tal-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffamhuwiex validu minħabba li dan jipprovdi li l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni għall-butir tan-New Zealand b’dazju mnaqqas jistgħu jiġu ddepożitati biss mal-awtoritajiet tar-Renju Unit;” u “L-Artikoli 25 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, li jinqraw flimkien mal-Annessi III, IV u XII għal dak ir-Regolament, mhumiex validi minħabba li dawn jippermettu diskriminazzjoni fil-kwistjoni tal-liċenzji tal-importazzjoni għall-butir tan-New Zealand b’dazju mnaqqas”.

(3)

Jeħtieġ li jiġi implimentat arranġament ġdid għall-ġestjoni tal-kwota tat-tariffi mill-1 ta’ Jannar 2007, biex jiġi żgurat l-aċċess mhux diskriminatorju tal-importaturi għall-kwota f’konformità mas-sentenza tal-Qorti fil-Każ C-313/04.

(4)

Bil-għan li tingħata stabbilità fil-kummerċ filwaqt li fl-istess ħin tinfetaħ gradwalment il-kwota kollha għall-operaturi interessati kollha, jidher li huwa adegwat li l-kwota tiġi mmaniġġjata permezz tal-metodu msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita kondiviżjoni tal-kwota fost l-importaturi tradizzjonali u oħrajn li huma ġodda. Għandu jinħoloq provvediment biex il-parti tradizzjonali tiġi mmaniġġjata filwaqt li jingħata kas tal-kummerċ fil-passat taħt l-istess kwota u biex il-parti tal-importaturi ġodda tiġi mmaniġġjata b’eżami simultanju tal-liċenzji.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni jkunu ġenwini, sabiex tiġi evitata spekulazzjoni, u sabiex tiġi żgurata l-utilizzazzjoni massima tal-kwota, kull applikant taħt il-parti tal-importaturi ġodda tal-kwota għandu japplika għal kwanitità minima u l-applikazzjonijiet għandhom ikunu limitati għal 10 % tal-kwantità disponibbli. Għall-istess raġunijiet, għandhom jiġu stabbiliti kriterji biex jippermettu il-parteċipazzjoni fil-kwota; b’mod partikolari, il-kwota għandha tinfetaħ għal dawk l-operaturi li jagħtu provi dwar ċertu livell ta’ attività kummerċjali fis-settur tal-ħalib. Sabiex ikun hemm provvediment għal aċċess iktar ugwali għall-kwota tal-importaturi ġodda, kull applikant jista’ japplika għal kwantità massima.

(6)

Il-livell ta’ garanzija għandu jiġi stabbilit f’livell li jiżgura li negozjanti ġenwini biss ikunu qed japplikaw taħt il-kwota. Għalhekk huwa adegwat li jiġi adottat il-livell ta’ garanzija li huwa applikabbli għall-ġestjoni tal-kwoti msemmija taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001.

(7)

Sabiex jiġi evitat li jinħarġu liċenzji għal kwantitajiet li mhumiex ekonomikament vijabbli, għandu jkun hemm provvediment għal proċedura ta’ tlugħ bix-xorti fil-każ li jinħarġu liċenzji għal kwantitajiet ta’ inqas minn 20 tunnellata metrika.

(8)

L-importazzjonijiet ta’ butir tan-New Zealand għandhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti ta’ kwalità u kompożizzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2535/2001. Sabiex tintwera konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti u tiġi ppruvata l-oriġini tal-prodotti għandu jsir provvediment biex l-operatur jippreżenta ċ-ċertifikat tal-IMA 1 fiż-żmien tal-importazzjoni.

(9)

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib ma bagħatx opinjoni fiż-żmien stipulat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Qabel l-1 ta’ Ġunju, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-applikanti bir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni u bin-numru tal-approvazzjoni tagħhom fejn ikun il-każ. L-approvazzjoni għandha tkun valida għal sena.”

(2)

L-Artikolu 24 u l-Artikolu 25 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 24

1.   Din is-sezzjoni għandha tapplika għall-importazzjonijiet taħt il-kwoti għall-pajjiżi speċifikati tal-oriġini elenkati fl-iskeda CXL imsemmija fl-Anness III.B.

2.   L-Anness III.B għal dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dazji li għandhom ikunu applikati u l-kwantitajiet massimi li għandhom ikunu importati skont il-perjodu ta’ kwoti tat-tariffi fuq l-importazzjoni.

Artikolu 25

1.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għall-prodotti elenkati fl-Anness III.B bir-rata tad-dazju indikata għandhom jinħarġu biss mal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-IMA 1 li jikkorrispondi, għall-kwantità netta totali indikata fih.

Iċ-ċertifikati tal-IMA 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikoli 29 sa 33. Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom juru n-numru u d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tal-IMA 1 li jikkorrispondi.

2.   Il-liċenzji tal-importazzjoni jistgħu jinħarġu biss wara li l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat li l-Artikolu 33(1)(e) ikun qiegħed jitħares.

Il-korpi li joħorġu l-liċenzji għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja taċ-ċertifikat tal-IMA 1 mitfugħ għal kull applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni mhux aktar tard mis-18.00 (ħin ta’ Brussel) fil-ġurnata meta jintefa’.

Il-korpi li joħorġu l-liċenzji għandhom joħorġu l-liċenzji fir-raba’ ġurnata xogħol ta’ wara, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet xi miżuri speċjali qabel dik id-data.

Il-korp kompetenti li joħroġ il-liċenzi tal-importazzjoni għandu jżomm kopja ta’ kull IMA 1 ippreżentata.”

(3)

Fl-Artikolu 26(2) it-tieni sotto-paragrafu huwa mħassar.

(4)

L-Artikoli 34 sa 39 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 34

1.   Din is-sezzjoni għandha tapplika għall-importazzjonijiet ta’ butir minn New Zealand taħt in-numri tal-kwoti 09.4195 u 09.4182 kif imsemmija fl-Anness III.A għal dan ir-Regolament.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27, 30, 31(1), 32(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) il-punti a) sa d) għandhom japplikaw.

3.   Il-kliem ‘ta’ mill-anqas sitt ġimgħat’ fid-deskrizzjoni tal-kwota għall-butir tan-New Zealand għandha tfisser mill-anqas sitt ġimgħat fid-data meta d-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera hija ppreżentata lill-awtoritajiet tad-dwana.

4.   L-Anness III.A jistabbilixxi l-kwoti tat-tariffi, id-dazju li jrid jiġi applikat u l-kwantitajiet massimi li jridu jiġu importati matul kull perjodu jew sotto-perjodu tal-kwoti tat-tariffi fuq l-importazzjoni.

Artikolu 34a

1.   Il-kwoti għandhom jiġu kondiviżi f’żewġ partijiet kif imsemmija fl-Anness III.A:

(a)

kwota Nru 09.4195 (minn hawn ’il quddiem imsejħa parti A) għandha titqassam fost l-importaturi Komunitarji li huma approvati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 u li jistgħu jippruvaw li:

(i)

għas-sena ta’ kwota 2007, huma importaw taħt il-kwota 09.4589 matul l-2006,

(ii)

għas-sena ta’ kwota 2008, huma importaw taħt waħda mill-kwoti 09.4589, 09.4195 or 09.4182 fil-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2007,

(iii)

għas-snin ta’ kwota ta’ wara, huma importaw taħt waħda mill-kwoti 09.4589, 09.4195 jew 09.4182 fil-kors tal-24 xahar qabel ix-xahar ta’ Novembru ta’ qabel is-sena ta’ kwota;

(b)

il-kwota Nru 09.4182 (minn hawn ’il quddiem imsejħa parti B) għandha tkun riservata għal applikanti,

(i)

li huma approvati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 jew

(ii)

għall-perjodu bejn Jannar u Ġunju 2007 għal applikanti stabbiliti fil-Bulgarija u r-Rumanija, li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2018/2006 (3),

u

(iii)

li jistgħu jagħtu provi li matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar qabel ix-xahar ta’ Novembru ta’ qabel is-sena tal-kwota huma importaw u/jew esportaw mill-Komunità mill-inqas 100 tunnellata metrika ta’ ħalib jew prodotti tal-ħalib koperti mill-Kapitolu 04 tan-Nomenklatura Magħquda f’mhux inqas minn 4 operazzjonijiet separati.

Madankollu, għas-snin tal-kwota 2007 u 2008, il-perjodu msemmi ta’ tnax-il xahar għandu jkun s-sena kalendarja 2006 u 2007 rispettivament.

2.   Il-provi ta’ attività (atteġġjament) kummerċjali imsemmija taħt il-punti (a) u taħt il-punti (b)(ii) u (iii) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu validi għaż-żewġ perjodi ta’ sitt xhur tas-sena ta’ kwota.

3.   Applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jiġu ppreżentati biss matul l-ewwel 10 ġranet tax-xhur li ġejjin:

(a)

f’Jannar 2007 u 2008 għas-sottoperjodu tal-kwota Jannar — Ġunju; madankollu għal Jannar 2007 applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jiġu ppreżentati matul l-ewwel 15-il ġurnara,

(b)

fix-xahar ta’ Novembru għas-sottoperjodi segwenti tal-kwota Jannar — Ġunju,

(c)

fix-xahar ta’ Ġunju għas-sottoperjodu tal-kwota Lulju — Diċembru.

4.   Biex ikunu ammissibbli, l-applikazzjoniet għal-liċenzji ta’ importazzjoni jistgħu jkopru, għal kull applikant:

(a)

Għall-parti A, mhux iżjed minn 125 %:

(i)

għas-sena ta’ kwota 2007, tal-kwantità tal-prodotti li huma importaw taħt il-kwota 09.4589 fl-2006,

(ii)

għas-sena ta’ kwota 2008, tal-kwantità totali tal-prodotti li huma importaw taħt il-kwoti 09.4589, 09.4195 u 09.4182 fl-2006 u l-2007,

(iii)

għas-sena ta’ kwota ta’ wara, tal-kwantitajiet li huma importaw taħt il-kwoti 09.4589, 09.4195 u 09.4182, fil-kors tal-perjodu ta’ 24 xahar qabel ix-xahar ta’ Novembru ta’ qabel is-sena ta’ kwota;

(b)

Għall-parti B, mhux inqas minn 20 tunnellata metrika u mhux iżjed minn 10 % tal-kwantità disponibbli għas-sotto-perjodu u sakemm huma jkunu kapaċi jagħtu provi għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat li huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 il-punt b.

Il-provi msemmija hawn fuq għandhom jintbagħtu fiż-żmien li fih jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal-liċenzji.

Bla ħsara għall-konformità mal-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità, l-applikanti jistgħu japplikaw simultanjament taħt iż-żewġ partijiet tal-kwota.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom ikunu separati għall-parti A u għall-parti B.

Il-provi ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet għandhom jingħataw skont it-tieni sotto-paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

5.   Applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jiġu ppreżentati biss fl-Istat Membru ta’ approvazzjoni, u għandu jkollhom fuqhom in-numru ta’ approvazzjoni tal-importatur.

Artikolu 35

Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandha tkun ta' EUR 35 għal kull 100 kilogramma netta tal-prodott.

Artikolu 35a

1.   Sa mhux iktar tard mit-tielet ġurnata tax-xogħol wara t-tmiem tal-perjodu biex jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet ippreżentati għal kull wieħed mill-prodotti konċernati.

2.   In-notifiki għandhom jinkludu l-kwantitajiet li għalihom ikunu saru l-applikazzjonijiet taħt kull numru ta’ kwota, imqassmin skont il-kodiċi NM.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien ħames t’ijiem xogħol wara l-perjodu tan-notifika msemmi fil-paragrafu 1 fuq il-punt sa fejn jistgħu jiġu aċċettati l-applikazzjonijiet. Fejn il-kwantitajiet li għalihom ikunu saru l-applikazzjonijiet ma jkunux jaqbżu l-kwantitajiet tal-kwota disponibbli, ma tittieħed ebda deċizjoni mill-Kummissjoni u jinħarġu liċenzji għall-kwantitajiet li għalihom ikunu saru l-applikazzjonijiet.

Fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għal xi sotto-kwota jkunu jaqbżu l-kwantità disponibbli għall-perjodu ta’ kwota in kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika koeffiċjent ta’ tqassim uniformi għall-kwantitajiet li għalihom tkun qegħda ssir applikazzjoni. Il-parti tal-garanzija li tikkorrispondi għall-kwantitajiet li ma jkunux mqassma għandha tiġi rilaxxata.

Fejn, għal waħda mis-sotto-kwoti, ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ tqassim ikun li jitqassmu liċenzji għal inqas minn 20 tunnellata metrika għal kull applikazzjoni, il-kwantitajiet disponibbli li jikkorrispondu għandhom jingħataw mill-Istat Membru konċernat permezz ta’ tlugħ bix-xorti għal liċenzji ta’ inqas minn 20 tunnellata metrika kull waħda fost l-applikanti li kienu se jitqassmulhom inqas 20 tunnellata metrika b’riżultat tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ tqassim.

Fejn ir-riżultat tat-tqassim ta’ lottijiet ta’ 20 tunnellata metrika jwassal għal kwantità residwa ta’ inqas minn 20 tunnellata metrika, dik il-kwantità għandha tiġi kkunsidrata bħala lott wieħed.

Il-garanzija għall-applikazzjonijiet li ma jkollhomx suċċess fit-tqassim permezz tat-tlugħ bix-xorti għandhom jiġu rilaxxati minnufih.

4.   Il-ħruġ ta’ liċenzji għandu jsir mhux iktar tard minn ħamest ijiem xogħol wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Il-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa that dan ir-Regolament għandhom ikunu validi sal-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Anness III.A.

6.   Il-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa taħt din is-sezzjoni jistgħu jiġu trasferiti biss lil persuni naturali jew legali approvati skont l-Artikolu 7. Flimkien mat-talba għat-trasferiment, dak li jittrasferixxi għandu jinnotifika lill-korp li joħroġhom bin-numru ta’ approvazzjoni ta’ dak li ġew ittrasferiti lilu.

Artikolu 35b

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji u l-liċenzji għandu jkun fihom ir-referenzi previsti fl-Artikolu 28, ħlief ir-referenzi għaċ-ċertifikat tal-IMA 1.

Il-Kaxxa 16 tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tista’ turi waħda jew iktar mill-kodiċi NM fl-Anness III.A.

Il-Kaxxa 20 tal-liċenzji għandha turi l-perjodu ta’ sotto-kwota li għalih huma maħruġin il-liċenzji.

Jekk xi applikazzjoni għal-liċenzja tindika iktar minn kodiċi NM wieħed, din għandha tispeċifika l-kwantità mitluba għal kull kodiċi u għandha tinħareġ liċenzja separata għal kull kodiċi.

Artikolu 36

Fejn il-butir ta’ New Zealand ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kompożizzjoni, il-benefiċċju tal-kwota ma għandux jingħata għall-kwantità kollha soġġetta għad-dikjarazzjoni relevanti tad-dwana.

Ladarba tkun stabbilita n-nuqqas ta' konformità, fejn id-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tkun ġiet aċċettata, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiġbru d-dazju tal-importazzjoni stabbilit fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87. Għal dak il-għan għandha tinħareġ liċenzja tal-importazzjoni b’dazju sħiħ għall-kwanitià li ma tkunx tikkonforma.

Il-kwantità ma għandhiex tiġi attribwita għal-liċenzja.

Artikolu 37

1.   Ir-rata ta’ dazju mogħtija fl-Anness III.A għall-butir tan-New Zealand importat taħt is-sezzjoni preżenti għandha tiġi applikata biss wara li tiġi preżentata dikjarazzjoni ta’ rilaxx f’ċirkolazzjoni libera akkumpanjata minn liċenzja ta’ importazzjoni, maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35a, u ċertifikat tal-IMA 1 kif imsemmi fl-Anness X maħruġ minn korp li joħorġ iċ-ċertifikati elenkat fl-Anness XII, li jagħtu provi tar-rekwiżiti ta’ eliġibiltà u tal-oriġini tal-prodott kopert minn dik id-dikjarazzjoni. L-awtoritajiet tad-dwana għandhom jindikaw in-numru serjali taċ-ċertifikat tal-IMA 1 fuq il-liċenzja tal-importazzjoni.

2.   Il-kwantità murija fuq iċ-ċertifikat tal-IMA 1 għandha tkun ugwali għall-kwantità murija fuq id-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni tad-dwana.

3.   Iċ-ċertifikati tal-IMA 1 għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ sal-aħħar ġurnata tal-perjodu annwali tal-kwoti ta’ importazzjoni.

4.   Il-liċenżja ta’ importazzjoni tista’ tintuża għal dikjarazzjoni tal-importazzjoni waħda jew iktar.

Artikolu 38

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 33(1)(a) sa (d), il-korpi li joħorġu ċ-ċertifikati jistgħu jiġu elenkati fl-Anness XII biss jekk jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-devjazzjoni standard tal-proċess tipiku tal-kontenut tax-xaħam, kif imsemmi fl-Anness IV(1)(e), tal-butir tan-New Zealand manifatturat minn kull produttur imsemmi fl-Anness IV(1)(a) skont l-ispeċifikazzjoni tax-xiri ta’ kull prodott.

Artikolu 39

L-Istati Membri għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Jannar wara t-tmiem tas-sena tal-kwota konċernata, bil-kwantitajiet definittivi ta’ kull xahar u l-kwantità totali għal dik is-sena ta’ prodotti li għalihom dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jkunu ġew aċċettati taħt il-kwota tat-tariffi msemmija fil-paragrafu 1 matul is-sena ta’ kwota ta’ qabel.

In-notifiki ta’ kull xahar għandhom isiru sal-10 tax-xahar wara dak li fih jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera.”

(5)

L-Anness III.A huwa sostitwit bl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(6)

L-Anness II għal dan ir-Regolament huwa mdaħħal bħala Anness III.B.

(7)

Fl-Anness IV, il-parti “1. DEFINIZZJONIJIET” hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘produttur’: impjant jew fabbrika waħda tal-produzzjoni li fiha l-butir huwa prodott għall-esportazzjoni lejn il-Komunità taħt il-kwoti tat-tariffi msemmija fl-Anness III(A);”

(b)

il-punt (ċ) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ċ)

‘lott’: kwantità tal-butir koperta minn ċertifikat tal-IMA 1 ippreżentat lill-awtorità kompetenti tad-dwana għad-dħul għal ċirkolazzjoni libera taħt il-kwoti tat-tariffi msemmija fl-Anness III(A);”

(8)

Fl-Anness X, il-kliem fil-kaxxa relatata ma’ “ĊERTIFIKAT” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ĊERTIFIKAT

Għad-dħul ta’ ċertu butir ta’ New Zealand soġġett għall-kwota tat-tariffi msemmija fl-Anness III(A)”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 341, 22.12.2001, p. 29. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 926/2006 (ĠU L 170, 23.6.2006, p. 8).

(3)  Ara paġna 46 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

“ANNESS ΙII. A

KWOTA TAT-TARIFFI TAĦT IL-FTEHIMIET GATT/WTO SPEĊIFIKATI SKONT IL-PAJJIŻ TA’ ORIĠINI: BUTIR TA’ NEW ZEALAND

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Pajjiż ta’ oriġini

Kwota annwali mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

(f’tunnellati)

Massimu tal-kwota kull sitt xhur

(kwantitajiet f’tunnellati)

Kwota

Parti A

Numru tal-kwota

09.4195

Kwota

Parti B

Numru tal-kwota

09.4182

Dazju tal-importazzjoni

(EUR/100 kg piż nett)

Regoli għall-mili taċ-ċertifikati IMA 1

ex 0405 10 11

ex 0405 10 19

Butir, li għandu mill-inqas sitt ġimgħat, b’kontenut ta’ xaħam bil-piż ta’ mhux inqas minn 80 % imma inqas minn 82 % immanifatturat diretattament mill-ħalib jew krema mingħajr l-użu ta’ materjali maħżuna, fi proċess wieħed, magħluq fih innifsu u mhux imwaqqaf

New Zealand

77 402  tunnellata

Jannar — Ġunju 2007

42 572  tunnellata

23 415 tunnellata

19 157 tunnellata

86,88

Ara l-Anness IV

ex 0405 10 30

Butir, li għandu mill-inqas sitt ġimgħat, b’kontenut ta’ xaħam bil-piż ta’ mhux inqas minn 80 % imma inqas minn 82 % immanifatturat direttament mill-ħalib jew krema mingħajr l-użu ta’ materjali maħżuna, fi proċess wieħed, magħluq fih innifsu u mhux imwaqqaf li jista’ jinvolvi li l-krema tgħaddi minn stadju fejn ix-xaħam tal-butir jiġi kkonċentrat u/jew iffrazzjonat (il-proċessi imsemmija bħala ‘Ammix’ u ‘Spreadable’)

Lulju — Diċembru 2007

34 830 tunnellata

19 156 tunnellata

15 674 tunnellata

Kwota ta’ kull sitt xhur minn Jannar 2008 ’il quddiem

38 701 tunnellata

21 286 tunnellata

17 415 tunnellata”


ANNESS II

“ANNESS ΙII. B

KWOTA TAT-TARIFFI TAĦT IL-FTEHIMIET GATT/WTO SPEĊIFIKATI SKONT IL-PAJJIŻ TA’ ORIĠINI: OĦRAJN

Numru tal-kwota

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Pajjiż ta’ oriġini

Kwota annwali mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

(f’tunnellati)

Dazju tal-importazzjoni

(EUR/100 kg piż nett)

Regoli għall-mili taċ-ċertifikati IMA 1

09.4522

0406 90 01

Ġobon għall-ipproċessar (1)

L-Awstralja

500

17,06

Ara l-Anness XI(C) u (D)

09.4521

ex 0406 90 21

Ġobnijiet taċ-Ceddar sħaħ (tal-għamla konvenzjonali ċatta ċilindrika ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 33kg iżda mhux iktar minn 44kg u ġobniet fi blokok kubiċi jew parallelpiped, ta’ piż nett ta’ 10kg jew iktar) ta’ kontenut tax-xaħam ta’ 50 % jew iktar bil-piż fil-materja xotta, immaturat għal mill-inqas tliet xhur

L-Awstralja

3 711

17,06

Ara l-Anness XI(B)

09.4513

ex 0406 90 21

Cheddar magħmul minn ħalib mhux pastorizzat, b’kontenut ta’ xaħam ta’ 50 % jew iktar, bil-piż, fil-materja xotta, immaturat għal mill-inqas disa’ xhur, b’valur frank fil-fruntiera (2) kull 100 kg nett, ta’ mhux inqas minn:

 

EUR 334,20 għal ġobniet sħaħ

 

EUR 354,83 għal ġobniet ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 500g

 

EUR 368,58 għal ġobniet ta’ piż nett ta’ inqas minn 500g

Il-Kanada

4 000

13,75

Ara l-Anness XI(A)

L-espressjoni “ġobniet sħaħ” tfisser:

 

ġobniet tal-għamla konvenzjonali ċatta ċilindrika ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 33kg iżda mhux iktar minn 44kg.

 

ġobniet fi blokok kubiċi jew parallelpiped, ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 10kg.

09.4515

0406 90 01

Ġobon għall-ipproċessar (3)

New Zealand

4 000

17,06

Ara l-Anness XI(C) u (D)

09.4514

ex 0406 90 21

Ġobnijiet taċ-Cheddar sħaħ (tal-għamla konvenzjonali ċatta ċilindrika ta’ piż nett ta’ mhux inqas minn 33kg iżda mhux iktar minn 44kg u ġobniet fi blokok kubiċi jew parallelpiped, ta’ piż nett ta’ 10kg jew iktar) ta’ kontenut tax-xaħam ta’ 50 % jew iktar bil-piż fil-materjal niexef, immaturat għal mill-inqas tliet xhur

New Zealand

7 000

17,06

Ara l-Anness XI(B)


(1)  L-utilizzazzjoni għal dan il-għan partikolari se tkun sorveljata bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji stabbiliti dwar is-suġġett. Il-ġobniet konċernati huma kkunsidrati bħala proċessati meta dawn ikunu ġew ipproċessati fi prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 0406 30 tan-nomenklatura magħquda. L-Artikoli 291 u 300 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 japplikaw.

(2)  “Valur frank fil-fruntiera” tfisser il-prezz frank fil-fruntiera jew prezz fob fil-pajjiż tal-esportazzjoni, miżjud flimkien mal-ammont għall-kunsinna u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni sat-territorju doganali tal-Komunità.

(3)  L-utilizzazzjoni għal dan il-għan partikolari se tkun sorveljata bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji stabbiliti dwar is-suġġett. Il-ġobniet konċernati huma kkunsidrati bħala proċessati meta dawn ikunu ġew ipproċessati fi prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 0406 30 tan-nomenklatura magħquda. L-Artikoli 291 u 300 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 japplikaw.”


Top