Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0081

81/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 81/2006 tat- 18 ta' Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1538/91 fir-rigward tad-denominazzjonijiet li jistgħu jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam tat-tjur tal-farm fil-kuntest ta' restrizzjonijiet ta' aċċess ħieles għal ħruġ fil-beraħ tat-tjur tal-farm

ĠU L 14, 19.1.2006, p. 8–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 312M, 22.11.2008, p. 19–20 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0543

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/81/oj

22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 81/2006

tat-18 ta' Jannar 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1538/91 fir-rigward tad-denominazzjonijiet li jistgħu jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam tat-tjur tal-farm fil-kuntest ta' restrizzjonijiet ta' aċċess ħieles għal ħruġ fil-beraħ tat-tjur tal-farm

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1906/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istandards tal-marketing għal-laħam tat-tjur (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91 (2) stabbilixxa regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90.

(2)

Sabiex il-konsumatur jiġi protett minn dikjarazzjonijiet li jistgħu jsiru bl-intenzjoni qarrieqa li jġibu prezz ogħla minn dawk il-prezzijiet applikabbli għal-laħam tat-tjur imrobbi b'mod “standard”, l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1538/91 jinnumera b'mod eżawrjenti d-denominazzjonijiet relattivi għall-metodu ta' trobbija. Barra minn hekk l-Anness IV għar-Regolament imsemmi jeħtieġ li l-indikazzjoni tal-metodu tat-trobbija tkun soġġetta għal kriterji speċifiċi.

(3)

Fost il-kriterji speċifiċi li jiddefenixxu l-kundizzjonijiet li bihom il-laħam tat-tjur jista' jiġi kkummerċjalizzat bid-denominazzjonijiet “Imrobbija b'aċċess għall-beraħ” (“Free-range”), “Imrobbija b'aċċess tradizzjonali għall-beraħ” (“Free-range tradizzjonali”) u “Imrobbija b'aċċess tradizzjonali għall-beraħ bla limitu” (“Free-range — libertà totali”), huwa essenzjali li t-tjur ikollhom aċċess għal ħruġ fil-beraħ għal ċertu perjodu matul il-ħajja tal-annimal.

(4)

Restrizzjonijiet, inkluż restrizzjonijiet veterinarji, adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja biex titħares is-saħħa pubblika u tal-annimali, jistgħu jillimitaw l-aċċess għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tat-tjur.

(5)

Fejn il-produtturi ma jkunux jistgħu jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tat-trobbija stipulati fl-Anness IV tar-Regolament (KEE) Nru 1538/91, dawn għandhom, fl-interess tal-konsumatur, jieqfu milli jużaw it-tikkettar fakultattiv dwar il-metodu tat-trobbija.

(6)

Sabiex jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi possibbli li jista' jkollhom tali restrizzjonijiet temporanji, li mhumiex fil-kontroll tal-produtturi, billi s-settur kollu jeħtieġ perjodu raġonevoli ta' aġġustament, partikolarment fir-rigward tat-tikkettar, u sakemm il-kwalità tal-prodott ma tiġix influwenzata sostanzjalment, għandu jkun previst perjodu ta' tranżizzjoni li matulu l-produtturi jkunu jistgħu jkomplu bit-tikkettar dwar il-metodu tat-trobbija.

(7)

Fl-interess tal-konsumatur, l-applikazzjoni ta' din id-deroga għandha tkun għal żmien limitat.

(8)

Derogi speċifiċi mid-definizzjonijiet tal-metodi differenti tat-trobbija huma neċessarji.

(9)

Għalhekk ir-Regolament (KEE) Nru 1538/91 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u l-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 1538/91 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1)

Il-frażi introduttorja segwenti tiddaħħal wara t-titolu “Anness IV”:

“Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 huma kif ġej:”;

2)

Jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“F’każ ta’ restrizzjoni, inkluż f’każ ta’ restrizzjoni veterinarja, meħuda abbażi tad-dritt Komunitarju sabiex titħares is-saħħa pubblika u tal-annimali, bil-għan li jiġi ristrett l-aċċess tat-tjur għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, it-tjur imrobbija skont il-modi tal-produzzjoni deskritti fl-ewwel inċiż, punti c), d) u e), minbarra l-fargħuni mrobbija fil-guvi, jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq b’referenza partikolari għall-mod tat-trobbija tul ir-restrizzjoni veterinarja iżda fl-ebda każ lil hinn minn tnax-il xahar.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 173, 6.7.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1101/98 (ĠU L 157, 30.5.1998, p. 12).

(2)  ĠU L 143, 7.6.1991, p. 11. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 814/2004 kif ikkoreġuta bil-ĠU L 231, 30.6.2004, p. 3).


Top