This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006L0024
Directive 2006/24/EC of the European Parliament and of the Council of 15 March 2006 on the retention of data generated or processed in connection with the provision of publicly available electronic communications services or of public communications networks and amending Directive 2002/58/EC
Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE
Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE
ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54–63
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 03/05/2006
13.4.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
54 |
DIRETTIVA 2006/24/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Marzu 2006
dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (3) tirrikjedi li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu ta' data personali fil-Komunità. |
(2) |
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-kommunikazzjoni elettronika) (4) tittraduċi l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE f'regoli speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjoni elettronika. |
(3) |
L-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-ipproċessar, mill-fornituri ta' networks u ta' servizzi, ta' data dwar it-traffiku u data dwar il-lok ġenerati bl-użu ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Tali data għandha titħassar jew issir anonima ladarba ma tibqax meħtieġa għal skopijiet ta' trażmissjoni ta' komunikazzjoni, ħlief meta d-data tkun meħtieġa għall-kontijiet jew għall-ħlas ta' l-interkonnessjoni. Jekk jingħata l-kunsens, ċerta data tista' wkoll tiġi proċessata għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u għall-forniment ta' servizzi b'valur miżjud. |
(4) |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet u ta' l-obbligi msemmija fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u fl-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva. Kwalunkwe restrizzjoni bħal din trid tkun meħtieġa, xierqa u proporzjonata fi ħdan soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta' ordni pubbliku, jiġifieri sabiex tiġi salvagwardata d-difiża tas-sigurtà nazzjonali (i.e. tas-sigurtà ta' l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat ta' sistemi ta' komunikazzjoni elettronika. |
(5) |
Diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta' data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw b'mod konsiderevoli. |
(6) |
Id-differenzi legali u tekniċi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward iż-żamma ta' data għal skopijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jippreżentaw ostakli għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li l-fornituri tas-servizzi jkollhom ikunu konformi ma' rekwiżiti differenti rigward it-tipi ta' data dwar it-traffiku u dwar il-lok li jkollha tinżamm kif ukoll rigward il-kondizzjonijiet u l-perjodi taż-żamma. |
(7) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta' Diċembru 2002 jissottolinjaw li, minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-possibbiltajiet offruti permezz tal-kommunikazzjonijiet elettroniċi, id-data relatata ma' l-użu ta' kommunikazzjonijiet elettroniċi hija partikolarment importanti u għalhekk hija għodda siewja għall-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, b'mod partikolari ta' kriminalita' organizzata. |
(8) |
Id-Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Marzu 2004 sejħet lill-Kunsill sabiex jeżamina miżuri sabiex jiġu stabbiliti regoli dwar iż-żamma, mill-fornituri tas-servizzi, ta' data dwar it-traffiku fil-komunikazzjonijiet. |
(9) |
Taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), kulħadd għandu l-jedd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-korrispondenza tiegħu. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jindaħlu fl-eżerċizzju ta' dak id-dritt biss b'konformità mal-liġi u fejn ikun neċessarju f'soċjetà demokratika fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, għall-prevenzjoni tad-diżordni jew tal-kriminalità, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tat-terzi. Minħabba li ż-żamma tad-data wriet li hija għodda ta' investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri, u b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet serji bħal dawk ta' kriminalità organizzata u ta' terroriżmu, huwa neċessarju li tkun żgurata għal ċertu perjodu ta' żmien id-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-infurzar tal-liġi skond il-kondizzjonijiet disposti f'din id-Direttiva. L-adozzjoni ta' strument dwar iż-żamma tad-data li jikkonforma mar-rekwiziti ta' l-Artikolu 8 ta' l-ECHR hija għalhekk miżura neċessarja. |
(10) |
Fit-13 ta' Lulju 2005, il-Kunsill afferma mill-ġdid, fid-dikjarazzjoni ta' kundanna kontra l-attakki terroristiċi f'Londra, il-ħtieġa li tiġi adottata malajr kemm jista' jkun miżuri komuni dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjonijiet. |
(11) |
Minħabba l-importanza tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lok għall-investigazzjoni, għall-iskoperta u għall-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, kif muri mir-riċerka u mill-esperjenza prattika ta' diversi Stati Membri, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat fil-livell Ewropew li d-data li tkun ġenerata jew proċessata, fil-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni, mill-fornituri ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network pubbliku ta' komunikazzjoni, tinżamm għal ċertu perjodu ta' żmien skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. |
(12) |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE ikompli japplika fir-rigward ta' data, inkluża data relatata ma' tentattivi ta' telefonati li ma jirnexxux, li ż-żamma tagħha mhijiex speċifikament meħtieġa taħt din id-Direttiva u li għalhekk hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u taż-żamma għal skopijiet, inklużi skopijiet ġudizzjarji, diversi minn dawk koperti minn din id-Direttiva. |
(13) |
Din id-Direttiva tirrigwarda biss data ġenerata jew proċessata bħala riżultat ta' komunikazzjoni jew ta' servizz ta' komunikazzjoni u ma tirrigwardax data li hija l-kontenut ta' l-informazzjoni komunikata. Id-data għandha tinżamm b'tali mod li jkun evitat li din tinżamm aktar minn darba. Id-data ġenerata jew proċessata, fl-għoti tas-servizzi ta' komunikazzjonijiet konċernati, tfisser data li tkun aċċessibbli. B'mod partikolari, fir-rigward taż-żamma ta' data relatata ma' l-email fuq l-Internet u mat-telefonija bl-Internet, l-obbligu taż-żamma ta' data jista' japplika biss fir-rigward ta' data li tiġi mis-servizzi proprji tal-fornituri jew tal-fornituri tan-network. |
(14) |
It-teknoloġiji relatati mal-komunikazzjonijiet elettroniċi qegħdin jinbidlu malajr u r-rekwiżiti leġittimi ta' l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jevolvu. Sabiex tingħata konsulenza u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-esperjenza ta' l-aqwa prattika f'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tistabbilixxi grupp magħmul minn awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri, minn assoċjazzjonijiet ta' l-industrija tal-komunikazzjoni elettronika, minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u minn awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data, inkluż il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. |
(15) |
Id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE huma applikabbli bis-sħiħ għad-data miżmuma skond din id-Direttiva. L-Artikolu 30(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE teħtieġ konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 ta' dik id-Direttiva. |
(16) |
L-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizz li jikkonċernaw miżuri sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data li huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE, kif ukoll l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' miżuri sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 ta' dik id-Direttiva, japplikaw bis-sħiħ għad-data li tinżamm fis-sens ta' din id-Direttiva. |
(17) |
Huwa essenzjali li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiżguraw li data miżmuma taħt din id-Direttiva tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss skond il-liġi nazzjonali b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati. |
(18) |
F'dan il-kuntest, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46/KE jimponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond dik id-Direttiva. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58/KE jimponi l-istess rekwiżit fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 2002/58/KE. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni (5) tipprovdi li l-aċċess miksub illegalment, bi ħsieb, f'sistemi ta' informazzjoni, inkluż aċċess għad-data miżmuma fihom, għandu jsir punibbli bħala reat kriminali. |
(19) |
Id-dritt ta' kwalunkwe persuna li tkun sofriet ħsara b'riżultat ta' xi operazzjoni illegali ta' proċessar jew ta' kwalunkwe att mhux konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 95/46/KE li tirċievi kumpens, stipulat fl-Artikolu 23 ta' dik id-Direttiva, japplika wkoll fir-rigward ta' l-ipproċessar illegali ta' kwalunkwe data personali taħt din id-Direttiva. |
(20) |
Il-Konvenzjoni ta' l-2001 tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar is-“Cybercrime” kif ukoll il-Konvenzjoni ta' l-1981 tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-Rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali ikopru wkoll data miżmuma fis-sens ta' din id-Direttiva. |
(21) |
Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta' l-obbligi imposti fuq il-fornituri sabiex iżommu ċerta data u sabiex jiżguraw li dik id-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(22) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b'mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva, flimkien mad-Direttiva 2002/58/KE, tfittex li tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, kif affermati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
(23) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu proporzjonati, din id-Direttiva tesiġi li huma jżommu biss tali data li tkun ġenerata jew proċessata fil-proċess tal-fornitura tas-servizzi tagħhom ta' komunikazzjonijiet. Sa fejn tali data ma tkunx ġenerata jew proċessata minn dawk il-fornituri, m'hemm l-ebda obbligu li din tinżamm. Din id-Direttiva mhijiex maħsuba sabiex tarmonizza t-teknoloġija għaż-żamma ta' data, li l-għażla tagħha tkun kwistjoni li jkollha tiġi riżolta fil-livell nazzjonali. |
(24) |
Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehima interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li jillustraw, sa fejn ikun possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttivi u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u sabiex jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku. |
(25) |
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri leġiżlattivi dwar id-dritt ta' aċċess għal, u ta' użu ta', data ta' l-awtoritajiet nazzjonali, kif nominati minnhom. Il-kwistjonijiet ta' aċċess għal data miżmuma skond din id-Direttiva mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għal tali attivitajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE ma jaqawx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Madanakollu, huma jistgħu jkunu suġġetti għal-liġi nazzjonali, jew għall-azzjoni skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Tali liġijiet jew azzjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri u kif garantiti mill-ECHR. Taħt l-Artikolu 8 ta' l-ECHR, skond kif interpretat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indħil mill-awtoritajiet pubbliċi fid-drittijiet ta' privatezza għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità u għalhekk għandu jservi skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u jkun eżerċitat b'mod li jkun adattat, pertinenti u mhux eċċessiv fir-rigward ta' l-iskop ta' l-indħil, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta' ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta' investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.
2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta' network ta' komunikazzjoni elettronika.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (7), kif ukoll fid-Direttiva 2002/58/KE.
2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:
(a) |
“data” tfisser data dwar it-traffiku u data dwar il-lok u d-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent; |
(b) |
“utent” tfisser kull entità ġuridika jew persuna fiżika li tuża servizz ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku, għal skopijiet privati jew ta' negozju, mingħajr il-ħtieġa li tkun abbonata għal dak is-servizz; |
(ċ) |
“servizz tat-telefon” tfisser telefonati (inklużi dawk orali, bil-voicemail, tat-tip “konferenza” jew ta' data), servizzi supplementari (inklużi il-call forwarding u l-call transfer), servizzi ta' messaging u servizzi multimedjali (inklużi short message services, enhanced media services u servizzi multimedjali); |
(d) |
“user ID” tfisser identifikatur uniku allokat lil persuni meta dawn jabbonaw jew jirreġistraw f'servizz ta' aċċess ta' l-Internet jew f'servizz ta' komunikazzjoni ta' l-Internet; |
(e) |
“cell ID” tfisser l-identità taċ-ċellula li minnha toriġina jew li fiha tintemm telefonata bil-mobile; |
(f) |
“tentattiv ta' telefonata mingħajr suċċess” tfisser komunikazzjoni fejn telefonata tkun konnessa b'suċċess iżda ma tiġix imwieġba jew fejn ikun seħħ intervent mill-amministrazzjoni tan-network. |
Artikolu 3
L-obbligu li tinżamm id-data
1. B'deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati.
2. L-obbligu taż-żamma ta' data previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi iż-żamma tad-data speċifikata fl-Artikolu 5 relatata ma' tentattivi ta' telefonati mingħajr suċċess fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata, u maħżuna (fir-rigward ta' data dwar telefonati) jew reġistrata (fir-rigward ta' data ta' l-Internet) minn fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għal pubbliku jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta' l-Istat Membru konċernat fil-proċess tal-provvista tas-servizzi ta' komunikazzjoni konċernati. Din id-Direttiva ma tesiġix iż-żamma ta' data fir-rigward ta' telefonati mhux konnessi.
Artikolu 4
Aċċess għad-data
L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f'każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta' neċessità u ta' proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b'mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Artikolu 5
Kategoriji ta' data li għandha tinżamm
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:
(a) |
data meħtieġa sabiex jiġi traċċat u identifikat is-sors ta' komunikazzjoni:
|
(b) |
data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta' komunikazzjoni:
|
(ċ) |
data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta' komunikazzjoni:
|
(d) |
data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta' komunikazzjoni:
|
(e) |
data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta' komunikazzjoni ta' l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:
|
(f) |
data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta' komunikazzjoni mobbli:
|
2. L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista', taħt din id-Direttiva, tinżamm.
Artikolu 6
Perjodi ta' żamma
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta' data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta' mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni.
Artikolu 7
Protezzjoni ta' data u sigurtà ta' data
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' network għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jirrispettaw, bħala minimu, il-prinċipji, li ġejjin, ta' sigurtà tad-data fir-rigward ta' data miżmuma skond din id-Direttiva:
(a) |
id-data miżmuma għandha tkun ta' l-istess kwalità u tkun suġġetta għall-istess sigurtà u protezzjoni bħal dik id-data fuq in-network; |
(b) |
id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex id-data tiġi protetta kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, jew it-telf aċċidentali jew l-alterazzjoni, il-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzat jew illegali; |
(ċ) |
id-data għandha tkun suġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati sabiex jiġi żgurat li tkun aċċessibli biss mill-persunal b'awtorizzazzjoni speċjali; u |
(d) |
id-data, minbarra dik li tkun ġiet aċċessa u preżervata, għandha tiġi meqruda fit-tmiem tal-perjodu taż-żamma. |
Artikolu 8
Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-data miżmuma
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b'tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma' dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 9
Awtorità ta' sorveljanza
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika waħda jew iżjed sabiex ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta' l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7 rigward is-sigurtà tad-data miżmuma. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jkunu l-istess awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE.
2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jaġixxu b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tas-sorveljanza msemmija f'dak il-paragrafu.
Artikolu 10
Statistika
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni statistika dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' network ta' komunikazzjoni pubblika. Din l-istatistika għandha tinkludi:
— |
il-każijiet fejn l-informazzjoni ngħatat lill-awtoritajiet kompetenti skond il-liġi nazzjonali applikabbli; |
— |
iż-żmien li jkun għadda bejn id-data li fiha nżammet id-data u d-data li fiha l-awtorità kompetenti talbet it-trażmissjoni tad-data; |
— |
il-każijiet fejn it-talbiet għad-data ma setgħux ikunu sodisfatti. |
2. Tali statistika ma għandhiex tinkludi data personali.
Artikolu 11
Emenda tad-Direttiva 2002/58/KE
Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE:
“1a. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika (*). sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.
Artikolu 12
Miżuri futuri
1. Stat Membru li jkun suġġett għal ċirkostanzi partikolari li jesiġu estensjoni għal perjodu limitat tal-perjodu massimu ta' żamma msemmi fl-Artikolu 6 jista' jieħu l-miżuri neċessarji. L-Istat Membru għandu javża minnufih lill-Kummissjoni u jinforma l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda taħt dan l-Artikolu u għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom.
2. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tapprova jew tirrifjuta l-miżuri nazzjonali konċernati wara li jiġi eżaminat jekk humiex mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija ta' kummerċ bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-assenza ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni f'dak il-perjodu, il-miżuri nazzjonali għandhom jitqiesu bħala approvati.
3. Fejn jiġu approvati, skond il-paragrafu 2, il-miżuri nazzjonali ta' Stat Membru li jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra jekk għandhiex tipproponi l-emendament ta' din id-Direttiva.
Artikolu 13
Rimedji, responsabbiltà u pieni
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw il-Kapitlu III tad-Direttiva 95/46/KE li tipprovdi għal rimedji, responsabbiltà u sanzjonijiet ġudizzjarji jkunu implementati bis-sħiħ fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data taħt din id-Direttiva.
2. Kull Stat Membru għandu, b'mod partikolari, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li kwalunkwe att, bi ħsieb, ta' aċċess għal jew trasferiment ta' data miżmuma skond din id-Direttiva li ma jkunx permess taħt il-liġi nazzjonali adottata skond din id-Direttiva ikun punibbli b'pieni inklużi pieni amministrattivi jew kriminali, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 14
Valutazzjoni
1. Mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u ta' l-impatt tagħha fuq l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi, b'kont meħud ta' żviluppi ulterjuri fit-teknoloġija tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-istatistiċi mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 bl-iskop li jiġi determinat jekk ikunx meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-lista tad-data fl-Artikolu 5, u l-perjodi taż-żamma msemmija fl-Artikolu 6. Ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom jiġu pubblikati.
2. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha teżamina l-osservazzjonijiet kollha komunikati lilha mill-Istati Membri jew mill-Grupp ta' Ħidma stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE.
Artikolu 15
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2007. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
3. Sal-15 ta’ Marzu 2009, kull Stat Membru jista' jipproroga l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għaż-żamma ta' komunikazzjonijiet ta' data relatata ma' l-aċċess ta' l-Internet, tat-telefonija bl-Internet u ta' l-email bl-Internet. Kwalunkwe Stat Membru li jkollu l-ħsieb li jagħmel użu minn dan il-paragrafu għandu, ma' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, javża lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal dan l-iskop permezz ta' dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 17
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Strasburgu, il-15 ta’ Marzu 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
H. WINKLER
(1) Opinjoni mogħtija fit-19 ta' Jannar 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2006.
(3) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(4) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(5) ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.
(6) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(7) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.
Dikjarazzjoni mill-Olanda
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Fir-rigward tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Olanda ser tkun qed tagħmel użu mill-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.
Dikjarazzjoni mill-Awstrija
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
L-Awstrija tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).
Dikjarazzjoni mill-Estonja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
B'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, l-Estonja b'dan tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu minn dak il-paragrafu u li tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva.
Dikjarazzjoni mir-Renju Unit
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Ir-Renju Unit jiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser jipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mir-Repubblika ta' Ċipru
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Ir-Repubblika ta' Ċipru tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sad-data ffissata fl-Artikolu 15(3).
Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ellenika
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Il-Greċja tiddikjara li, skond l-Artikolu 15(3), ser tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 18-il xahar wara l-iskadenza tal-perijodu previst fl-Artikolu 15(1).
Dikjarazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu jiddikjara li bi ħsiebu jagħmel użu mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva sabiex ikollu l-possibbiltà li jipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mis-Slovenja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Is-Slovenja qed tingħaqad mal-grupp ta' Stati Membri li għamlu dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 15(3) tad-“Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi ta' komunikazzjoni”, għall-posponiment bi 18-il xahar ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mill-Iżvezja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Skond l-Artikolu 15(3), l-Iżvezja tixtieq li jkollha l-possibbiltà li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Litwanja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Skond l-Artikolu 15(3) ta' l-abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (minn hawn 'l quddiem id-“Direttiva”), ir-Repubblika tal-Litwanja tiddikjara li ladarba d-Direttiva tiġi adottata hi ser tipposponi l-applikazzjoni tagħha fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għall-perijodu previst fl-Artikolu 15(3).
Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Latvja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Il-Latvja tiddikjara b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks pubbliċi tal-komunikazzjoni u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE li ser tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sal-15 ta’ Marzu l-2009.
Dikjarazzjoni mir-Repubblika Ċeka
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Skond l-Artikolu 15(3), ir-Repubblika Ċeka b'dan tiddikjara li qed tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet sa 36 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha.
Dikjarazzjoni mill-Belġju
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Il-Belġju jiddikjara li, filwaqt li jagħmel użu mill-possibbiltà disponibbli taħt l-Artikolu 15(3), hu ser jipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, għal perijodu ta' 36 xahar wara l-adozzjoni tagħha, fir-rigward taż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-Aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Il-Polonja b'dan tiddikjara li bi ħsiebha tagħmel użu mill-possibbiltà prevista taħt l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta' data pproċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE u tipposponi l-applikazzjoni tad-Direttiva għaż-żamma ta' data tal-komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1).
Dikjarazzjoni mill-Finlandja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
F'konformità ma' l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ġġenerata jew ipproċessata f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubbliċi u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, il-Finlandja tiddikjara li ser tipposponi l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva dwar iż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet.
Dikjarazzjoni mill-Ġermanja
skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/24/KE
Il-Ġermanja żżomm id-dritt, li tipposponi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward taż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni relatata ma' l-aċċess għall-Internet, it-telefonija bl-Internet u l-email bl-Internet, għal perijodu ta' 18-il xahar wara d-data speċifikata fl-Artikolu 15(1), l-ewwel sentenza.