Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2117

    2117/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2004 tas- 7 ta’ Diċembru 2004 li jestendi s-sospensjoni tad-dazju anti-dumping impost bid- Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2730/2000/KESE fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam fi bċejjeċ ta’ dijametru ta’ iktar minn 80 mm li joriġinaw mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 367, 14.12.2004, p. 3–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 55–57 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2117/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    55


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2117/2004

    tas-7 ta’ Diċembru 2004

    li jestendi s-sospensjoni tad-dazju anti-dumping impost bid- Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2730/2000/KESE fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam fi bċejjeċ ta’ dijametru ta’ iktar minn 80 mm li joriġinaw mir-Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    (1)

    B’Deċiżjoni 2730/2000/KESE (2), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv ta’ EUR 32,6 għal kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam f’biċċiet ta’ dijametru ta’ iktar minn 80 mm (“kokk 80+”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ”), li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 2704 00 19 (Kodiċi TARIC 2704001910).

    (2)

    Bid-Deċiżjoni 2004/264/KE (3) (id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni ssospendiet id-dazju anti-dumping definittiv għal perijodu ta’ disa’ xhur, b’effett mill-20 ta’ Marzu 2004.

    B.   BAŻI GĦALL-ESTENSJONI TAS-SOSPENSJONI

    (3)

    L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jipprovdi għall-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ miżuri anti-dumping fl-interess tal-Komunità għar-raġuni li l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament b’tali mod li ma jkunx probabbli li jkun hemm aktar danni bħala riżultat ta’ tali sospensjoni. Il-miżuri anti-dumping jistgħu jkunu sospiżi b’deċiżjoni tal-Kummissjoni għal perijodu ta’ disa’ xhur. L-Artikolu 14(4) jkompli jispeċifika li s-sospensjoni tista’ tkun estiża għal perijodu ieħor, li ma jaqbiżx sena, kemm-il darba l-Kunsill jiddeċiedi dan fuq proposta tal-Kummissjoni.

    (4)

    Wara s-sospensjoni tad-dazju anti-dumping definittiv bid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, skond il-premessa (15) tad-Deċiżjoni, kompliet timmonitorja s-sitwazzjoni tas-suq tal-kokk 80+. Apparti l-analiżi fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ, intbagħat kwestjonarju lill-partijiet kollha konċernati li jitlob data fuq il-produzzjoni, il-bejgħ bħala volum u prezz fis-suq tal-Komunità u l-qligħ għall-2003 u għall-ewwel sitt xhur ta’ l-2004.

    (5)

    Ġew irċevuti tweġibiet kemm mill-industriji kwerelanti kif ukoll minn dawk utenti. Erba’ produtturi tal-Komunità ikkooperaw: tlieta mill-UE-15 (industrija kwerelanti) u wieħed mill-Polonja. Tnax-il kumpanija li jirrappreżentaw l-industriji ta’ l-istone-wool u l-funderiji kkooperaw ukoll.

    Importazzjonijiet mir-RPĊ

    (6)

    Rigward il-volum ta’ l-importazzjonijiet lejn il-Komunità mir-RPĊ, instab li matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2004, il-volum ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat naqas b’4 % meta mqabbel ma’ l-istess perijodu ta’ l-2003. Madankollu, abbażi ta’ l-esperjenza tas-snin ta’ qabel, jidher li normalment isiru iktar importazzjonijiet matul it-tieni nofs tas-sena. Tassew, f’dan il-każ it-tqabbil tal-volum ta’ l-importazzjonijiet bejn Jannar u Ġunju ta’ l-2004 u l-aħħar sitt xhur ta’ l-2003 juri tnaqqis ta’ 11 %.

    (7)

    Rigward il-prezzijiet, il-prezz medju ta’ kokk 80+ matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2004 żdied b’107 % meta mqabbel mal-prezz medju ta’ l-2003. Bħala medja, il-prezz ta’ kull unità kien ta’ EUR 124 għal kull tunnellata fl-2003 u EUR 256 għal kull tunnellata matul l-ewwel sitt xhur ta’ l-2004. Ta’ min jinnota li matul l-ewwel ħames xhur ta’ l-2004 kien hemm żieda ċkejkna, minn EUR 110 għal EUR 140, u li f’Ġunju l-prezz għola għal EUR 403.

    Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

    (8)

    Matul l-investigazzjoni oriġinali, il-kompetituri ewlenin tar-RPĊ kienu l-Polonja u r-Repubblika Ċeka. Skond l-Eurostat, l-importazzjonijiet totali minn dawn il-pajjiżi kienu 924 602 tunnellati meta mqabbla ma’ 318 005 tunnellati mir-RPĊ fl-2003. Dawn il-pajjiżi issa huma parti mill-industrija tal-Komunità u d-data tagħhom ġiet ikkunsidrata.

    Sitwazzjoni tal-produtturi tal-Komunità

    (9)

    Il-produzzjoni fost il-produtturi tal-Komunità (UE-15) żdiedet minn 442 397 tunnellata fl-2003 għal stima ta’ 543 920 tunnellata fl-2004, jiġifieri bi 23 %. Fl-istess ħin, il-volum tal-bejgħ żdied b’35 % u l-prezzijiet bi 8 %. L-industrija tal-Komunità tidher li bdiet tirkupra relattivament tajjeb mis-sitwazzjoni dannuża ta’ qabel, billi l-profitt medju kien 8,5 % fl-2003 u 12,4 % fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ l-2004.

    (10)

    Fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda ta’ l-UE, il-produzzjoni tal-kokk 80+ hija kkonċentrata prinċipalment fil-Polonja u fir-Repubblika Ċeka. Wieħed mill-produtturi Pollakki kkoopera f’dan il-proċediment. Il-produzzjoni ta’ l-UE-25 fost il-kumpaniji kooperanti żdiedet bi 30 % mill-2003 sa l-2004. Fl-istess ħin il-volum tal-bejgħ żdied b’39 % u l-prezzijiet tal-bejgħ bi 12 %. Il-profitt medju għall-produtturi ta’ l-UE-25 kien ta’ 13 % fl-2003 u 19,1 % fl-2004.

    Sitwazzjoni ta’ l-industrija utenti (industrija ta’ l-istone-wool u l-funderiji)

    (11)

    Il-prezzijiet tal-kokk 80+ importat mir-RPĊ mill-industrija utenti żdiedu minn EUR 143/t fl-2003 għal EUR 255/t fl-2004 (April-Ġunju), jiġifieri bi 78 %. Il-volum tal-kokk Ċiniż mixtri minn dawn l-utenti naqas minn158 730 tunnellata fl-2003 għal volum stmat ta’ 65 114-il tunnellata fl-2004, jiġifieri b’59 %.

    (12)

    L-utenti xorta jsostnu li l-provvista tal-kokk 80+ ma tlaħħaqx mad-domanda tas-suq tal-Komunità, minkejja żidiet sinjifikanti fil-produzzjoni u l-bejgħ mill-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, huma jargumentaw li l-kokk 80+ Ċiniż m’huwiex disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u meta disponibbli dawn ikunu bi prezz tassew għoli.

    Ċ.   KONKLUŻJONI

    (13)

    Minn dan t’hawn fuq, jidher li s-suq jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal meta kienu sospiżi l-miżuri. Tabilħaqq, minkejja l-bidla temporanja fil-kondizzjonijiet tas-suq, u b’mod partikolari l-livell għoli tal-prezzijiet tal-prodott konċernat, li huma ferm ogħla mil-livell dannuż misjub fl-investigazzjoni oriġinali, flimkien ma’ l-iskarsezza tal-provvista tal-kokk 80+, huwa kkunsidrat li m’huwiex probabbli li d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità minn importazzjonijiet ta’ kokk 80+ mir-RPĊ jissokta taħt iċ-ċirkustanzi preżenti, u li estensjoni tas-sospensjoni tkun fl-interess tal-Komunità. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni jibqgħu sodisfatti.

    (14)

    Minħabba s-sejbiet imsemmija hawn fuq, huwa propost li s-sospensjoni tad-dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ kokk tal-faħam fi bċejjeċ b’dijametru ta’ iktar minn 80 mm tkun estiża għal perijodu ieħor ta’ sena, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku.

    (15)

    Ta’ min wieħed jinnota li meta din is-sospensjoni estiża tiskadi, id-dazju anti-dumping fis-seħħ ikun skada, sakemm ma ssirx talba għal reviżjoni tad-data ta’ skadenza.

    (16)

    Il-partijiet kollha interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jwasslu għal din il-konklużjoni. Għar-raġuni li s-suq tal-kokk huwa wieħed tassew volatili, l-industrija tal-Komunità talbet għal estensjoni, limitata għal 9 xhur, tas-sospensjoni tad-dazju anti-dumping. F’dan ir-rigward kien ikkunsidrat li perijodu iqsar ma kienx xieraq fil-kuntest preżenti, minħabba li b’mod konformi ma’ l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jistgħu jiddaħħlu mill-ġdid, fi kwalunkwe ħin u wara konsultazzjoni, kemm-il darba r-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx aktar applikabbli.

    (17)

    Għall-perijodu tas-sospensjoni, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-iżvilupp ta’ l-importazzjonijiet tal-kokk 80+ fil-Komunità,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-sospensjoni tad-dazju anti-dumping definittiv impost mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2730/2000/KESE hija b'dan estiża sal-15 ta’ Diċembru 2005.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Diċembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. ZALM


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 316, 15.12.2000, p. 30. Deċiżjoni kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 997/2004 (ĠU L 183, 20.5.2004, p. 1).

    (3)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 89.


    Top