This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004R0772
Commission Regulation (EC) No 772/2004 of 27 April 2004 on the application of Article 81(3) of the Treaty to categories of technology transfer agreements (Text with EEA relevance)
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-7 ta' April 2004 fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġijaTest b'relevanza għaż-ŻEE.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-7 ta' April 2004 fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġijaTest b'relevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 123, 27.4.2004, pp. 11–17
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2014
Official Journal L 123 , 27/04/2004 P. 0011 - 0017
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-7 ta' April 2004 fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta' Marzu 1965 fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċertu kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftehma [1], u b'mod partikolari ta' l-Artikolu 1 tiegħu, Wara li ippubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament [2], Wara li kkonsultat il-Kumitat ta' Pariri dwar il-Prattiċi Restrittivi u l-Posizzjonijiet Dominanti, Billi: (1) Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 81(3) tat-Trattat permezz ta' Regolament għal ċertu kategoriji ta' ftehim dwar trasferiment ta' teknoloġija u għall-prattiċi korrispondenti miftehma li għalihom żewġ impriżi biss ikunu parti u li jagħmlu ma' l-Artikolu 81(1). (2) Skond ir-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni, b'mod partikolari, adottat ir-Regolament (KE) Nru 240/96 tal-31 ta' Jannar 1996 fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċertu kategoriji ta' ftehim dwar trasferiment ta' teknoloġija [3]. (3) Fl-20 ta' Diċembru 2001 il-Kummissjoni ippubblikat rapport ta' evalwazzjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 240/96 [4] fuq l-eżenzjoni sħiħa tat-trasferiment ta' teknoloġija. Dan ħoloq dibattitu pubbliku fuq l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 240/96 u fuq l-applikazzjoni b'mod ġenerali ta' l-Artikolu 81(1) u (3) tat-Trattat għal ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija. Ir-reazzjoni għar-rapport ta' evalwazzjoni mill-Istati Membri u mit-terzi partijiet kienet b'mod ġenerali favur ir-riforma tal-politika dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità fuq il-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija. Huwa għalhekk xieraq li jiġi miċħud ir-Regolament (KE) Nru 240/96. (4) Dan ir-Regolament għandu jilħaq iż-żewġ ħtiġiet li jiġu assigurati l-kompetizzjoni effettiva u l-provvediment ta' sigurtà legali adegwata għall-impriżi. L-isforz biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandu jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonn li jiġi simplifikat il-qafas regolatorju u l-applikazzjoni tiegħu. Huwa xieraq li ma jibqax jintuża l-approċċ ta' l-elenkar tal-klawżoli eżentati u li ssir enfasi akbar fuq id-definizzjoni tal-kategoriji tal-ftehim li jkunu eżentati sa ċertu livell tal-poter tas-suq u fuq l-ispeċifikar tar-restrizzjonijiet jew klawżoli li ma jkunux ser jiġu inklużi fi ftehim bħal dawn. Dan jaqbel ma' l-approċċ ibbażat fuq l-ekonomija li jqis l-impatt tal-ftehim fuq is-suq relevanti. Huwa jaqbel ukoll ma' approċċ li jagħmel distinzjoni bejn il-ftehim ta' bejn il-kompetituri u ftehim ta' bejn dawk li ma jkunux kompetituri. (5) Ftehim dwar trasferiment ta' teknoloġija huma dwar l-għoti ta' liċenza lit-teknoloġija. Dawn il-ftehim għandhom itejbu b'mod regolari l-effiċjenza ekonomika u jkunu pro-kompetittivi peress li jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, isaħħu l-inċentiv għar-riċerka u l-iżvilupp tal-bidu, iħeġġu aktar innovazzjoni, jiffaċilitaw it-tixrid u joħolqu kompetizzjoni tas-suq għall-prodott. (6) Il-probabbiltà li effetti bħal dawn li jkabbru l-effiċjenza u l-kompetittività jegħlbu kwalunkwe effetti li jmorru kontra l-kompetittività minħabba r-restrizzjonijiet iklużi fil-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija tiddependi fuq il-grad ta' poter tas-suq ta' l-impriżi ikkonċernati u, għalhekk, fuq l-ammont ta' kompetizzjoni li jiltaqgħu magħha dawn l-impriżi minn impriżi li jħaddnu teknoloġiji ta' sostituzzjoni jew impriżi li jipproduċu prodotti ta' sostituzzjoni. (7) Dan ir-Regolament għandu jitratta biss ftehim li fihom min jagħti l-liċenza jippermetti lil dak li jirċievi l-liċenza biex jisfrutta t-teknoloġija liċenzata, possibilment wara aktar riċerka u żvilupp għall-produzzjoni ta' oġġetti u servizzi minn min ikun irċieva l-liċenza. Dan ir-Regolament m'għandux jitratta ftehim li jagħtu liċenza bl-iskop li l-iżvilupp u r-riċerka jingħataw b'sottokuntratt. Hu m'għandux jitratta wkoll ftehim li jagħtu liċenza u li jistabbilixxu taħlit ta' teknoloġiji, jiġifieri, ftehim li jħalltu teknoloġiji bl-iskop li jagħtu liċenza lill-pakkett maħluq ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali lil terzi partijiet. (8) B'regolament, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) mhux neċessarju li jiġu difiniti dawk il-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkunu adattati biex jagħmlu ma' l-Artikolu 81(1). Fl-istima individwali tal-ftehim skond l-Artikolu 81(1), għandu jittieħed kont ta' diversi fatturi, b'mod partikolari, l-istruttura u d-dinamika tat-teknoloġija relevanti u tas-swieq tal-prodott. (9) Il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa kif stabbilit f'dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-arranġementi li jistgħu jiġu meqjusa b'ċertu ċertezza li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(3). Sabiex jinkisbu l-benefiċċji u jintlaħqu l-għanijiet tat-trasferiment ta' teknoloġija, il-benefiċċju ta' dan ir-Regolament għandu jgħodd ukoll għad-disposizzjonijiet li jkunu jinsabu fil-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija u li ma jkunux l-għan prinċipali ta' dawn il-ftehim, imma li jkunu direttament relatati ma' l-applikazzjoni tat-teknoloġija liċenzata. (10) Għall-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija bejn il-kompetituri jista' jiġi meqjus, fejn is-sehem magħqud tas-swieq relevanti u taħt konsiderazzjoni mill-partijiet ma jkunx jaqbeż l-20 % u l-ftehim ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet kbar anti-kompetittivi, li dawn b'mod ġenerali jwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi biex jirċievu sehem xieraq mill-benefiċċji li jirriżultaw. (11) Għall-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija bejn dawk li ma jkunux kompetituri jista' jiġi meqjus fejn is-sehem individwali tas-swieq relevanti u taħt konsiderazzjoni mill-partijiet kollha ma jkunx jaqbeż it-30 % u l-ftehim ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet kbar anti-kompetittivi, li dawn b'mod ġenerali jwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi biex jirċievu sehem xieraq mill-benefiċċji li jirriżultaw. (12) M'għandu jkun hemm ebda preżunzjoni li 'l fuq minn dawn il-limiti tas-sehem tas-suq il-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija jkunu jgħoddu mal-prospettiva ta' l-Artikolu 81(1). Per eżempju, ftehim esklussiv li jippermetti l-għoti ta' liċenza bejn impriżi li ma jkunux kompetittivi mhux soltu li jkun jgħodd mal-prospettiva ta' l-Artikolu 81(1). M'għandu jkun hemm ukoll l-ebda preżunzjoni li, 'il fuq minn dawn il-limiti tas-sehem tas-suq, ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija ma jkunux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni. Madankollu, jista' wkoll ma jkunx meqjus li dawn joħolqu b'mod regolari vantaġġi li jkunu fil-mira u li jkunu ta' ċertu tip u kobor li jwasslu biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li huma joħolqu għall-kompetizzjoni. (13) Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni. B'mod partikolari, ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkunu jinkludu ċerti restrizzjonijiet kbar anti-kompetittivi bħall-istabbiliment tal-prezzijiet li t-terzi partijiet jiġu mitluba jħallsu għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa stabbilit b'dan ir-Regolament mingħajr konsiderazzjoni lejn l-ishma tas-suq ta' l-impriżi ikkonċernati. F'każ ta' restrizzjonijiet iebsa bħal dawn il-ftehim kollu għandu jiġi eskluż mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa. (14) Bl-iskop li jkunu protetti l-inċentivi għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, ċertu restrizzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni xierqa. B'mod partikolari għandhom jiġu esklużi obbligi esklussivi ta' għoti mill-ġdid għal titjib separat. Fejn restrizzjoni bħal din tkun inkluża fi ftehim ta' liċenza għandha tkun biss ir-restrizzjoni fil-kwistjoni li tiġi eskluża mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa. (15) Il-limiti tas-sehem tas-suq, in-nuqqas ta' eżenzjoni tal-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkunu jinkludu restrizzjonijiet kbar anti-kompetittivi u r-restrizzjonijiet esklużi msemmija f'dan ir-Regolament għandhom b'mod regolari jassiguraw li l-ftehim li għalihom l-eżenzjoni sħiħa tkun tapplika ma jwasslux biex l-impriżi li jkunu qed jipparteċipaw jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti kbira tal-prodotti taħt konsiderazzjoni. (16) F'każi partikolari fejn il-ftehim li jgħoddu ma' dan ir-Regolament xorta jkollhom effetti li ma jkunux kompatibbli ma' l-Artikolu 81(3), il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tirtira l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa. B'mod partikolari dan jista' jiġri fejn l-inċentivi għall-innovazzjoni jkunu tnaqqsu jew fejn l-aċċess għas-swieq ikun imfixkel. (17) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [5] jagħti l-poter lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri biex jirtiraw il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni sħiħa rigward il-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkollhom effetti li jolqtu b'mod inkompatibbli l-Artikolu 81(3), fejn dawn l-effetti jinħassu fit-territorju rispettiv tagħhom, jew f'xi parti tiegħu, u fejn dan it-territorju jkollu l-karatteristiċi ta' suq ġeografiku distint. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-tħaddim ta' dan il-poter ta' rtirar ma jippreġudikax l-applikazzjoni uniformi fis-suq komuni kollu tar-regoli dwar il-kompetizjoni tal-Komunità jew l-effett sħiħ tal-miżuri adottati fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli. (18) Sabiex tissaħħaħ is-superviżjoni tan-networks paralleli tal-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkollhom effetti restrittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % ta' suq partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tiddikjara dan ir-Regolament bħala mhux applikabbli għall-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi rigward is-suq ikkonċernat, u għalhekk jerġgħu jpoġġu l-Artikolu 81 bħala applikabbli b'mod sħiħ għal ftehim bħal dawn. (19) Dan ir-Regolament għandu jkopri biss ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija bejn min jagħti l-liċenza u min jirċievi l-liċenza. Hu għandu jkopri ftehim bħal dawn anke jekk il-kondizzjonijiet ikunu stipulati għal aktar minn livell wieħed ta' kummerċ, billi, per eżempju, jirrikjedi minn min jirċievi l-liċenza biex jistabbilixxi sistema partikolari ta' distribuzzjoni u jispeċifika l-obbligi li għandhom jew jistgħu jiġu imponuti minn min jirċievi l-liċenza fuq il-bejgħ mill-ġdid ta' prodotti manifatturati taħt din il-liċenza. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet u l-obbligi għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni li jkunu applikabbli mal-ftehim dwar il-provvista u d-distribuzzjoni. Il-ftehim dwar il-provvista u d-distribuzzjoni milħuqa bejn min jirċievi l-liċenza u x-xerrejja tiegħu m'għandhomx ikunu eżentati minn dan ir-Regolament. (20) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Definizzjonijiet 1. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: (a) "ftehim" tfisser ftehim, deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi jew prattika miftehma; (b) "ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija" tfisser ftehim li jipprovdi liċenza ta' l-ippatentjar, ftehim li jipprovdi liċenza għat-tagħrif dwar l-użu, ftehim li jipprovdi liċenza għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software jew patenta mħallta, ftehim li jipprovdi liċenza għat-tagħrif dwar l-użu jew għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software, inkluż kwalunkwe ftehim bħal dan li jkun jinkludi disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ u x-xiri ta' prodotti jew li jkun jikkonċerna l-għoti ta' liċenza ta' drittijiet oħra ta' proprjetà intelletwali jew l-assenjazzjoni ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali, sakemm dawk id-disposizzjonijiet ma jkunux l-għan ewlieni tal-ftehim u jkunu direttament relatati mal-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt; l-assenjazzjoni tal-patenti, it-tagħrif dwar l-użu, id-dritt ta' l-awtur fuq is-software jew taħlita tagħhom fejn parti mir-riskju li jkun assoċjat ma' l-isfruttar tat-teknoloġija jibqa' għand min jassenja, b'mod partikolari fejn is-somma li tkun pagabbli għall-assenjazzjoni tkun dipendenti fuq id-dħul miksub minn min ikun irċieva l-assenjazzjoni fir-rigward ta' prodotti manifatturati bit-teknoloġija assenjata, fuq il-kwantità ta' prodotti manifatturati bħal dawn jew fuq in-numru ta' operazzjonijiet imwettqa bl-użu tat-teknoloġija, għandhom ukoll jitqiesu bħala ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija; (ċ) "ftehim reċiproku" tfisser ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija fejn żewġ impriżi jagħtu lil xulxin, fl-istess kuntratt jew f'kuntratti separati, liċenza ta' l-ippatentjar, liċenza għat-tagħrif dwar l-użu, liċenza għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software jew liċenza mħallta, liċenza għat-tagħrif dwar l-użu jew għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software u fejn dawn il-liċenzi jkunu jikkonċernaw teknoloġiji kompetittivi jew ikunu jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-prodotti kompetittivi; (d) "ftehim mhux reċiproku" tfisser ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija fejn impriża tagħti lil impriża oħra liċenza ta' l-ippatentjar, liċenza għat-tagħrif dwar l-użu, liċenza għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software jew liċenza mħallta, liċenza għat-tagħrif dwar l-użu jew għad-dritt ta' l-awtur fuq is-software, jew fejn żewġ impriżi jagħtu lil xulxin liċenza ta' dan it-tip imma fejn dawn il-liċenzi ma jkunux jikkonċernaw teknoloġiji kompetittivi u ma jkunux jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' prodotti kompetittivi; (e) "prodott" tfisser oġġett jew servizz, inklużi kemm l-oġġetti u s-servizzi intermedjarji kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi finali; (f) "prodotti tal-kuntratt" tfisser prodotti manifatturati b'teknoloġija liċenzata; (g) "drittijiet tal-proprjetà intelletwali" tinkludi d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, it-tagħrif dwar l-użu, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta' min ikun qiegħed qrib; (h) "patenti" tfisser patenti, applikazzjonijiet għall-patenti, mudelli irreġistrati, applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-mudelli irreġistrati, disinni, topografiji ta' prodotti semikondutturi, ċertifikati dwar il-protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali jew prodotti oħra li għalihom dawn iċ-ċertifikati dwar il-protezzjoni supplimentari jkunu jistgħu jinkisbu u ċertifikati għal min ikabbar il-pjanti; (i) "tagħrif dwar l-użu" tfisser pakkett ta' informazzjoni prattika u mhux ippatentjata, li tirriżulta mill-esperjenza u l-ittestjar li jkun: (i) sigriet, jiġifieri, li ma jkunx magħruf b'mod ġenerali jew ma jkunx aċċessibli b'mod faċli, (ii) sostanzjali, jiġifieri, sinifikanti u bżonnjuż għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, u (iii) identifikat, jiġifieri, li jkun deskritt b'mod li jinftihem biżżejjed sabiex ikun jista' jiġi ivverifikat bħala konformi mal-kriterji ta' segretezza u sostanzjalità; (j) "impriżi li jikkompetu" tfisser impriżi kompetittivi fis-suq relevanti tat-teknoloġija u/jew fis-suq relevanti tal-prodott, jiġifieri: (i) impriżi li jikkompetu fis-suq relevanti tat-teknoloġija, ikunu impriżi li jipprovdu liċenzi lit-teknoloġiji kompetittivi mingħajr ma jiksru d-drittijiet intellettwali tal-proprjetà ta' xulxin (kompetituri attwali fis-suq tat-teknoloġija); is-suq relevanti tat-teknoloġija jinkludu t-teknoloġiji li jkunu meqjusa bħala li jistgħu jinbidlu jew jiġu sostitwiti mat-teknoloġija liċenzata minn min ikollu l-liċenza, minħabba l-karatteristiċi tat-teknoloġiji, il-ħlasijiet tagħhom u l-użu li jkun intiż għalihom, (ii) impriżi kompetittivi fis-suq tal-prodott relevanti, li jkunu impriżi li, fin-nuqqas ta' ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija, ikunu attivi kemm fis-suq/swieq tal-prodott relevanti kif ukoll fis-suq/swieq ġeografiċi li fihom il-prodotti tal-kuntratt jinbiegħu mingħajr ma jinkisru d-drittijiet intellettwali tal-propjetà ta' xulxin (kompetituri attwali fis-suq tal-prodott) jew li, realistikament, jieħdu f'idejhom l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew spejjeż meħtieġa oħra għat-tibdil biex ikunu jistgħu jidħlu fil-ħin, mingħajr ma jiksru d-drittijiet intellettwali tal-proprjetà ta' xulxin, f'dan/dawn is-suq/swieq tal-prodotti relevanti u ġeografiċi bħala reazzjoni għal żieda żgħira u permanenti fil-prezzijiet relattivi (kompetituri b'potenzal fis-suq tal-prodott); is-suq relevanti tal-prodott jinkludi prodotti li jkunu meqjusa mix-xerrejja bħala li jinbidlu jew li jkunu sostitwiti bil-prodotti tal-kuntratt, minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezzijiet tagħhom u l-użu li jkun intiż għalihom; (k) "sistema ta' distribuzzjoni selettiva" tfisser sistema ta' distribuzzjoni fejn min jagħti l-liċenza jintrabat li jagħti l-liċenza għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt biss lil uħud minn dawk li jkunu qed jirċievu l-liċenza u li jkunu magħżula fuq bażi ta' kriterji stabbiliti u fejn dawn li jkunu qed jirċievu l-liċenza jintrabtu li ma jbiegħhux il-prodotti tal-kuntratt lid-distributuri mhux awtorizzati; (l) "territorju esklussiv" tfisser territorju fejn impriża waħda biss tkun permessa tipproduċi l-prodotti tal-kuntratt bit-teknoloġija liċenzata, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li jkun permess li f'dak it-territorju xi ħadd ieħor li jkun qed jirċievi l-liċenza jipproduċi biss il-prodotti tal-kuntratt għall-klijent partikolari fejn din it-tieni liċenza tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta' fornitura għal dak il-klijent; (m) "grupp esklussiv ta'klijenti" tfisser grupp ta' klijenti li impriża waħda biss tkun permessa tbiegħilhom b'mod attiv il-prodotti tal-kuntratt li jkunu prodotti bit-teknoloġija liċenzata; (n) "titjib separat" tfisser titjib li jista' jiġi sfruttat mingħajr tfixkil lejn it-teknoloġija liċenzata. 2. It-termini "impriża", "min jagħti l-liċenza" u "min jirċievi l-liċenza" għandhom jinkludu l-impriżi relatati rispettivi tagħhom. "Impriżi relatati" tfisser: (a) impriżi fejn waħda mill-partijiet fil-ftehim, b'mod dirett jew indirett: (i) ikollha l-poter li teżerċita aktar minn nofs tad-drittijiet tal-vot, jew (ii) ikollha l-poter li tappunta aktar minn nofs il-membri tal-bord ta' superviżjoni, il-bord tal-ġestjoni jew korpi li jirrapreżentaw l-impriża b'mod legali, jew (iii) ikollha d-dritt li tamministra x-xogħol ta' l-impriża; (b) impriżi li b'mod dirett jew indirett ikollhom id-drittijiet u l-poteri elenkati f'(a) fuq waħda mill-partijiet fil-ftehim; (ċ) impriżi li fihom impriża kif imsemmija f'(b) ikollha, b'mod dirett jew indirett, id-drittijiet u l-poteri elenkati f'(a); (d) impriżi li fihom waħda mill-partijiet fil-ftehim flimkien ma' impriża waħda jew aktar impriżi kif imsemmija f'(a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar minn dawn l-impriżi, ikollhom b'mod konġunt id-drittijiet u l-poteri elenkati f'(a); (e) impriżi li fihom id-drittijiet u l-poteri elenkati f'(a) ikunu mħaddna b'mod konġunt: (i) il-partijiet fil-ftehim jew l-impriżi relatati rispettivi tagħhom imsemmija minn (a) sa (d) jew (ii) waħda jew aktar mill-partijiet fil-ftehim jew waħda jew aktar mill-impriżi relatati magħhom kif imsemmija minn (a) sa (d) u waħda jew aktar mit-terzi partijiet. Artikolu 2 Eżenzjoni Skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u b'suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, hawnhekk qiegħed jiġi iddikjarat li l-Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandux japplika għall-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkunu saru bejn żewġ impriżi li jippermettu l-produzzjoni ta' prodotti tal-kuntratt. Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li ftehim bħal dawn ikun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jidħlu fil-prospettiva ta' l-Artikolu 81(1). Din l-eżenzjoni għandha tapplika sakemm id-dritt tal-proprjetà intellettwali tat-teknoloġija liċenzata ma jkunx skada, ma jkunx inqabeż jew ma jkunx ġie iddikjarat invalidu jew, fil-każ ta' tagħrif dwar l-użu, sakemm it-tagħrif dwar l-użu ikun baqa' sigriet, minbarra f'każ fejn it-tagħrif dwar l-użu ikun sar magħruf pubblikament permezz ta' azzjoni minn min qed jirċievi l-liċenza, f'liema każ l-eżenzjoni tapplika sakemm idum jgħodd il-ftehim. Artikolu 3 Limiti tas-sehem tas-suq 1. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ikunu impriżi li jikkompetu, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kondizzjoni li s-sehem magħqud tan-negozju tal-partijiet ma jkunx jaqbeż l-20 % tas-suq tat-teknoloġija u tal-prodotti relevanti milquta. 2. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ma jkunux impriżi li jikkompetu, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kondizzjoni li s-sehem tas-suq ta' kull waħda mill-partijiet ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq tat-teknoloġija u tal-prodotti relevanti milquta. 3. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, is-sehem fis-suq ta' parti partikolari fis-swieq relevanti tat-teknoloġija huwa definit skond il-presenza tat-teknoloġija liċenzata fis-suq/swieq relevanti tal-prodott. Is-sehem fis-suq ta' min jagħti l-liċenza fis-suq relevanti tat-teknoloġija għandu jkun is-sehem magħqud tas-suq fis-suq relevanti tal-prodotti taħt kuntratt li jkunu prodotti minn min ikun ta l-liċenza u minn dawk li jkunu irċevew il-liċenza tiegħu. Artikolu 4 Restrizzjonijiet iebsa 1. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ikunu impriżi kompetittivi, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 m'għandiex tapplika għall-ftehim li, b'mod dirett jew indirett, weħidhom jew flimkien ma' fatturi oħra li jkunu taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-għan tagħhom: (a) ir-restrizzjoni ta' l-abbiltà ta' parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha meta tkun qed tbiegħ il-prodotti lil terzi partijiet; (b) il-limitazzjoni tal-produzzjoni, minbarra l-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt li jkunu imponuti fuq min jirċievi l-liċenza fi ftehim mhux reċiproku jew imponuti fuq wieħed biss minn dawk li jirċievu l-liċenza fi ftehim reċiproku; (ċ) l-allokazzjoni ta' swieq jew klijenti minbarra: (i) l-obbligu ta' dak/dawk li jirċievu l-liċenza biex jipproduċu bit-teknoloġija liċenzata f'qasam wieħed jew f'ħafna oqsma tekniċi jew f'suq wieħed jew f'ħafna swieq tal-prodotti, (ii) l-obbligu ta' min jagħti l-liċenza u/jew ta' min jirċievi l-liċenza biex, fi ftehim mhux reċiproku, ma jwettqux produzzjoni bit-teknoloġija liċenzata f'qasam wieħed jew f'ħafna oqsma tekniċi jew f'suq wieħed jew f'ħafna swieq tal-prodotti jew f'wieħed jew aktar mit-territorji esklussivi li jkunu riservati għall-parti l-oħra, (iii) l-obbligu ta' min jagħti l-liċenza biex ma jagħtix liċenza tat-teknoloġija lil xi ħadd ieħor minn dawk li jirċievu l-liċenza f'territorju partikolari, (iv) ir-restrizzjoni, fi ftehim mhux reċiproku, ta' bejgħ attiv u/jew passiv minn min jirċievi l-liċenza u/jew minn min jagħti l-liċenza fit-territorju esklussiv jew għall-grupp esklussiv ta' klijenti li jkun riservat għall-parti l-oħra, (v) ir-restrizzjoni, fi ftehim mhux reċiproku, ta' bejgħ attiv minn min jirċievi l-liċenza f'territorju esklussiv jew għall-grupp esklussiv ta' klijenti li jkun allokat minn min jagħti l-liċenza għal xi ħadd ieħor minn dawk li jkunu irċevew il-liċenza sakemm ikun provdut li din ta' l-aħħar ma tkunx xi impriża li ikkompetiet ma' min qed jagħti l-liċenza fiż-żmien meta l-liċenza proprja tiegħu kienet qed tiġi konkluża, (vi) l-obbligu ta' min jirċievi l-liċenza biex il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt issir għall-użu tiegħu biss sakemm min jirċievi l-liċenza ma jkunx restritt milli jbiegħ il-prodotti tal-kuntratt b'mod attiv jew passiv bħala partijiet li jinbidlu għall-prodotti proprja tiegħu, (vii) l-obbligu ta' min jirċievi l-liċenza biex, fi ftehim mhux reċiproku, jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal xi klijent partikolari biss, fejn il-liċenza tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta' provvista għal dak il-klijent; (d) ir-restrizzjoni ta' l-abbiltà ta' min jirċievi l-liċenza biex jisfrutta t-teknoloġija proprja tiegħu jew ir-restrizzjoni ta' l-abbiltà ta' kull parti fil-ftehim milli twettaq riċerka u żvilupp, sakemm din ir-restrizzjoni ta' l-aħħar ma tkunx indispensabbli biex ma jiġix żvelat lil terzi partijiet it-tagħrif liċenzat dwar l-użu. 2. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ma jkunux impriżi kompetittivi, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 m'għandiex tapplika għall-ftehim li, b'mod dirett jew indirett, weħidhom jew flimkien ma' fatturi oħra li jkunu taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-għan tagħhom: (a) ir-restrizzjoni ta' l-abbiltà ta' parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħha lil terzi partijiet, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi imponut prezz massimu ta' bejgħ jew prezz rakkomandat ta' bejgħ, sakemm dan ma jsirx prezz fiss jew prezz minimu ta' bejgħ minħabba pressjoni jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti mill-partijiet; (b) ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, min jirċievi l-liċenza jkun jista' jbiegħlhom b'mod passiv il-prodotti tal-kuntratt, minbarra: (i) ir-restrizzjoni ta' bejgħ passiv f'territorju esklussiv jew għal grupp esklussiv ta' klijenti li jkun riservat għal min jagħti l-liċenza, (ii) ir-restrizzjoni ta' bejgħ passiv f'territorju esklussiv jew għal grupp esklussiv ta' klijenti li jkun allokat minn min jagħti l-liċenzi għal xi ħadd ieħor minn dawk li jirċievu l-liċenzi fl-ewwel sentejn li fihom dan ta' l-aħħar ikun qed ibiegħ il-prodotti tal-kuntratt f'dak it-territorju jew għal dak il-grupp ta' klijenti, (iii) l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għall-użu proprju tiegħu sakemm min jirċievi l-liċenza ma jkunx restritt milli jbiegħ il-prodotti tal-kuntratt b'mod attiv jew passiv bħala partijiet li jinbidlu għall-prodotti proprja tiegħu, (iv) l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenza tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta' provvista għal dak il-klijent, (v) ir-restrizzjoni ta' bejgħ lill-utenti finali permezz ta' liċenza li taħdem fuq il-livell ta' bejgħ bl-ingrossa fil-kummerċ, (vi) ir-restrizzjoni ta' bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati mill-membri ta' sistema selettiva ta' distribuzzjoni; (ċ) ir-restrizzjoni ta' bejgħ attiv u passiv lill-utenti finali permezz ta' xi ħadd li jirċievi l-liċenza u li jkun membru ta' sistema selettiva ta' distribuzzjoni li taħdem fuq il-livell ta' bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun ipprojbit milli jopera minn post mhux awtorizzat ta' stabbiliment. 3. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ma jkunux impriżi kompetittivi fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim iżda jkunu saru impriżi kompetittivi wara, il-paragrafu 2 u mhux il-paragrafu 1 għandu japplika għall-perjodu sħiħ tal-ftehim sakemm il-ftehim ma jkunx emendat f'perjodu sussegwenti f'kwalunkwe rispett materjali. Artikolu 5 Restrizzjonijiet esklużi 1. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 m'għandiex tapplika għall-obbligi kollha li ġejjin li jinsabu fil-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija: (a) kwalunkwe obbligu dirett jew indirett għal min jirċievi l-liċenza biex jagħti liċenza esklussiva lil min jagħti l-liċenza jew għal terza parti li tkun innominata minn min jagħti l-liċenza fir-rigward tat-titjib separat proprju tagħha għat-teknoloġija liċenzata jew l-applikazzjonijiet ġodda proprja tagħha tat-teknoloġija liċenzata; (b) kwalunkwe obbligu dirett jew indirett għal min jirċievi l-liċenza biex jagħti, b'mod sħiħ jew parzjali, lil min jagħti l-liċenza jew lil terza parti li tkun innominata minn min jagħti l-liċenza, drittijiet fuq it-titjib separat proprju tagħha għat-teknoloġija liċenzata jew fuq l-applikazzjonijiet ġodda proprja tagħha tat-teknoloġija liċenzata; (ċ) kwalunkwe obbligu dirett jew indirett għal min jirċievi l-liċenza biex dan ma jiddubitax mill-validità tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali li min jagħti l-liċenza jkollu fis-suq komuni, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li jipprovdi għat-tmiem tal-ftehim tat-trasferiment ta' teknoloġija f'każ li min jirċievi l-liċenza jiddubita l-validità ta' wieħed jew aktar mid-drittijiet liċenzati tal-proprjetà intellettwali. 2. Fejn l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehim ma jkunux impriżi f'kompetizzjoni, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 m'għandhiex tapplika għal kwalunkwe obbligu dirett jew indirett li jillimita l-abbilità ta' min jirċievi l-liċenza biex jisfrutta t-teknoloġija tiegħu jew li jillimita l-abbilità ta' kwalunkwe mill-partijiet fil-ftehim biex jagħmlu riċerka u żvilupp, sakemm din ir-restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex jiġi prevenut l-iżvelar tat-tagħrif dwar l-użu liċenzat lil terzi partijiet. Artikolu 6 Irtirar f'każi individwali 1. Il-Kummissjoni tista' tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn f'kwalunkwe każ partikolari issib li ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li għalih tkun tapplika l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 xorta jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli ma' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat, u b'mod partikolari fejn: (a) l-aċċess tat-teknoloġiji tat-terzi partijiet għas-suq ikun restritt, per eżempju minħabba l-effett kumulattiv ta' networks paralleli ta' ftehim restrittivi simili li jipprojbixxu lil min jirċievi l-liċenzi milli juża t-teknoloġiji tat-terzi pajjiżi; (b) l-aċċess ta' min jista' jirċievi l-liċenzi għas-suq ikun restritt, per eżempju minħabba l-effett kumulattiv ta' networks paralleli ta' ftehim restrittivi u simili li jipprojbixxu lil min jagħti l-liċenza milli jipprovdi liċenza lil entitajiet oħra li jirċievu l-liċenza; (ċ) mingħajr raġuni valida b'mod objettiv, il-partijiet ma jisfruttawx it-teknoloġija liċenzata. 2. Fejn, fi kwalunkwe każ partikolari, ftehim dwar trasferiment ta' teknoloġija li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tkun tapplika għalih ikollu effetti li ma jkunux kompatibbli ma' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fit-territorju ta' Stat Membru, jew f'parti minnu, li jkollu l-karatteristiċi kollha ta' suq ġeografiku distint, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta' dak l-Istat Membru tista' tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b'rispett lejn dak it-territorju, taħt l-istess ċirkostanzi bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Artikolu 7 Nuqqas ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament 1. Skond l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista' b'regolament tiddikjara li, fejn networks paralleli ta' ftehim simili dwar it-trasferiment ta' teknoloġija jkunu jkopru aktar minn 50 % tas-suq relevanti, dan ir-Regolament ma jgħoddx għall-ftehim dwar it-trasferiment ta' teknoloġija li jkun fihom projbizzjonijiet speċifiċi li jkollhom x'jaqsmu ma dak is-suq. 2. Regolament skond il-paragrafu 1 m'għandux jibda jgħodd aktar kmieni minn sitt xhur wara l-addozzjoni tiegħu. Artikolu 8 Applikazzjoni tal-limiti tas-sehem tas-suq 1. Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3 ir-regoli stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom japplikaw. Is-sehem tas-suq għandu jinħadem fuq bażi tad-data tal-valur tal-bejgħ fis-suq. Jekk id-data tal-valur tal-bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, estimi ibbażati fuq informazzjoni oħra ta' min jorbot fuqha, inklużi il-volumi tal-bejgħ tas-suq, jistgħu jintużaw sabiex ikun stabbilit is-sehem tas-suq ta' l-impriża ikkonċernata. Is-sehem tas-suq għandu jiġi ikkalkolat fuq bażi ta' data li jkollha x'taqsam mas-sena tal-kalendarju ta' qabel. Is-sehem tas-suq ta' l-impriżi msemmija f'punt (e) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(2) għandu jiġi mqassam b'mod ugwali lil kull impriża li jkollha d-drittijiet jew il-poteri msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(2). 2. Jekk is-sehem tas-suq imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew (2) fil-bidu ma jkunx aktar minn 20 % rispettivament 30 % imma wara jiżdied aktar minn dawn l-ammonti, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 2 għandha tibqa' tgħodd għal sentejn wara xulxin tal-kalendarju wara s-sena li fiha il-limitu ta' 20 % u l-limitu ta' 30 % jkunu nqabżu għall-ewwel darba. Artikolu 9 Ċaħda Ir-Regolament (KE) 240/96 huwa miċħud. Referenzi għar-Regolament miċħud għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Artikolu 10 Perjodu ta' Transizzjoni Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandiex tapplika waqt il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Marzu 2006 rigward il-ftehim li jkunu diġà fis-seħħ fit-30 ta' April 2004 u li ma jkunux jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni msemmija fir-Regolament iżda li fit-30 ta' April 2004, ikunu issodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 240/96. Artikolu 11 Perjodu ta' validità Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004 Għandu jiskadi fit-30 ta' April 2014. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli b'mod dirett fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' April 2004. Għall-Kummissjoni Mario Monti Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 36, tas-6.3.1965, p. 533/65. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU L 1, ta' l- 4.1.2003, p. 1). [2] ĠU C 235, ta' l-1.10.2003, p. 10. [3] ĠU L 31, tad-9.2.1996, p. 2. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003. [4] COM(2001) 786 finali. [5] ĠU l 1, ta' l-4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 1). --------------------------------------------------